8.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-31 ta’ Jannar 2011

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja kollha (2007-2013)

(2011/82/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165(4) u 166(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni Ewropea, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja kollha (2007-2013) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), stabbiliti rispettivament mid-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE (1) u Nru 1720/2006/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006.

(2)

Il-Ftehim kien ġie ffirmat, f’isem l-Unjoni, fil-15 ta’ Frar 2010, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, b’mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/195/UE (3).

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi konkluż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u fil-programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja kollha (2007-2013) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifiki previsti fl-Artikoli 3 u 5 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Il-Ftehim huwa relatat mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (5) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar il-Moviment liberu tal-persuni”), konkluż bid-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom (6) tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 3 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Fil-każ li jintemm il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li ssolvi l-konsegwenzi ta’ dan it-tmiem mal-Isvizzera b’mod konformi mal-Artikolu 3 tal-Ftehim.

Artikolu 5

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni msemmi fl-Artikolu 4 tal-Ftehim (minn hawn ‘il quddiem “il-Kumitat Konġunt”) għandha tiġi deċiża mill-Kummissjoni meta jkollhom isiru emendi għall-Annessi għall-Ftehim sabiex dawn jiġu adattati għall-emendi fl-atti tal-Unjoni msemmija fil-Ftehim. Għad-deċiżjonijiet kollha l-oħra tal-Kumitat Konġunt li jikkonċernaw emendi għall-Annessi għall-Ftehim, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi deċiża mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-kumitat tal-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” u/jew il-kumitat tal-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni tul il-ħajja kollha kif applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE u fl-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.

(2)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.

(3)  ĠU L 87, 7.4.2010, p. 7.

(4)  Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 87, 7.4.2010, p. 9 flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja.

(5)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.

(6)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 1.