13.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 9/11 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-12 ta’ Jannar 2011
dwar ċerti tipi ta’ informazzjoni dwar bijofjuwils u bijolikwidi li l-operaturi ekonomiċi jridu jagħtu lill-Istati Membri
(notifikata bid-dokument numru C(2011) 36)
(2011/13/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(3) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (2), u b’mod partikolari Artikolu 7c(3) tagħha,
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv stabbilit mill-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2009/28/KE,
Billi:
(1) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jibagħtulhom rapporti dwar il-konformità tal-bijolikwidi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti permezz tad-Direttiva 2009/28/KE u dwar il-konformità tal-bijofjuwils mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti permezz ta’ dik id-Direttiva u tad-Direttiva 98/70/KE, kif ukoll li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni dwar ċerti aspetti ambjentali u soċjali addizzjonali. |
(2) |
Fir-rigward ta’ dawn l-aspetti ambjentali u soċjali addizzjonali, il-Kummissjoni meħtieġa tistabbilixxi lista ta’ informazzjoni xierqa u rilevanti li għandha tiġi rrappurtata. |
(3) |
Jeżistu, u qed jiġu żviluppati, diversi skemi volontarji li jiffissaw standards għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-bijomassa li jistabbilixxu rekwiżiti li jkopru, parzjalment jew totalment, kemm il-kriterji ta’ sostenibbiltà kif ukoll l-aspetti ambjentali u soċjali addizzjonali bħal dawk li għandhom jiġu koperti mil-lista tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi dawn l-iskemi volontarji bħala sorsi ta’ dejta affidabbli u aċċettabbli għall-fini li tintwera ż-żamma ta’ konformità mal-kriterji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi li dawn l-iskemi jkun fihom dejta preċiża dwar l-aspetti ambjentali u soċjali addizzjonali. |
(4) |
Il-kalkolu tal-gass b’effett ta’ serra għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi inkluż fl-iskema ta’ sostenibbiltà jippermetti l-użu ta’ bonus fil-każ li l-bijomassa tinkiseb minn art iddegradata restawrata. |
(5) |
Il-kalkolu tal-gass b’effett ta’ serra inkluż fl-iskema ta’ sostenibbiltà jinkludi fattur li hu relatat direttament mal-iffrankar ta’ emissjonijiet mill-akkumulazzjoni ta’ karbonju fil-ħamrija permezz ta’ titjib fil-ġestjoni agrikola. |
(6) |
Peress li jeħtieġ jiġi żgurat li l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-aspetti ambjentali u soċjali ma jkunx ta’ piż amministrattiv eċċessiv għall-operaturi ekonomiċi, xieraq li jiġi stabbilit li din l-informazzjoni għandha tingħata f’għamla ta’ dikjarazzjoni li tindika jekk il-konsenji tal-bijofjuwils jew tal-bijolikwidi konċernati jkunux ġew iċċertifikati jew aċċettati bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ skema volontarja rikonoxxuta li tinkludi aspetti bħal dawn; jekk jintużax il-bonus imsemmi fil-premessa (4); u jekk jintużax il-fattur tal-akkumulazzjoni ta’ karbonju msemmi fil-premessa (5). |
(7) |
Il-bonus imsemmi fil-premessa (4) u l-fattur tal-akkumulazzjoni ta’ karbonju msemmi fil-premessa (5) għandhom x’jaqsmu mat-tkabbir tal-uċuħ tar-raba’. Minħabba f’hekk, fil-każ tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi li jiġu prodotti mill-iskart jew mir-residwi, ma jkunx meħtieġ li tingħata informazzjoni dwar dawn l-aspetti. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-informazzjoni li l-operaturi ekonomiċi jridu jagħtu għal kull konsenja ta’ bijofjuwil jew bijolikwidu għandha tkun magħmula minn indikazzjoni ta’:
(a) |
jekk il-konsenja tkunx ġiet iċċertifikata jew aċċettata bħala li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28/KE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tad-Direttiva 98/70/KE, li fiha dejta preċiża għall-fini ta’ informazzjoni dwar miżuri li jittieħdu għall-protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, għar-restawr ta’ art iddegradata, għall-evitar ta’ konsum eċċessiv tal-ilma f’żoni fejn l-ilma huwa skars u/jew biex jitqiesu l-aspetti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2009/28/KE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7b(7) tad-Direttiva 98/70/KE; |
(b) |
jekk il-kunsenja tkun ġiet iċċertifikata jew aċċettata kif imsemmi fil-punt (a), l-isem tal-iskema volontarja konċernata; |
Għajr fil-każijiet tal-bijofjuwils u bijolikwidi prodotti mill-iskart jew residwi, din għandha tkun magħmula minn indikazzjoni ta’:
(ċ) |
jekk il-bonus imsemmi fl-Anness V, il-Parti C, il-punti 7 u 8 tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Anness IV, il-Parti C, il-punti 7 u 8 tad-Direttiva 98/70/KE intużax fil-kalkolu tal-gass b’effett ta’ serra msemmi fl-Anness V, il-Parti C, il-punt 1 tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Anness IV, il-Parti C, il-punt 1 tad-Direttiva 98/70/KE għall-konsenja; |
(d) |
jekk il-fattur li hu relatat direttament mal-iffrankar ta’ emissjonijiet mill-akkumulazzjoni ta’ karbonju fil-ħamrija permezz ta’ titjib fil-ġestjoni agrikola msemmi fl-Anness V, il-Parti C, il-punt 1 tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Anness IV, il-Parti C, il-punt 1 tad-Direttiva 98/70/KE intużax fil-kalkolu tal-gass b’effett ta’ serra msemmi fl-istess paragrafu għall-konsenja. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tkun bla ħsara għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob lill-operaturi ekonomiċi għal informazzjoni addizzjonali għall-fini tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2009/28/KE.
Artikolu 3
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2011.
Għall-Kummissjoni
Günther OETTINGER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.
(2) ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.