30.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1103/2010

tad-29 ta’ Novembru 2010

li jistabbilixxi, skont id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, regoli fir-rigward tat-tikkettar li jindika l-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru u tal-karozzi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (1), u b'mod partikolari, l-Artikoli 21(2) u 21(7) tagħha,

Billi:

(1)

Il-fatt li wieħed itawwal il-ħajja medja tal-batteriji sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) jista' jwassal għal tnaqqis fil-kwantitajiet tal-iskart. Li wieħed jagħżel il-batterija xierqa għal xi tagħmir inaqqas l-ammont ta' batteriji u akkumulaturi milli jintremew.

(2)

Huwa essenzjali li l-informazzjoni li wieħed isib fuq it-tikketta dwar il-kapaċità tingħata permezz ta' metodi armonizzati, kontrollabbli u ripetibbli sabiex tkun żgurata kompetizzjoni ġusta u valuri tal-kwalità konsistenti għall-manifatturi.

(3)

Id-Direttiva 2006/66/KE titlob li l-batteriji u l-akkumulaturi kollha li jistgħu jinġarru u tal-karozzi jiġu b'tikketta li tindika l-kapaċità. L-għan tat-tikketta li tindika l-kapaċità hu li tipprovdi informazzjoni utli, komparabbli u li wieħed faċli jifhimha lill-utenti aħħarin meta jkunu qed jixtru batteriji u akkumulaturi li jistgħu jinġarru u tal-karozzi.

(4)

Skont l-Artikolu 21(7) tad-Direttiva 2006/66/KE, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tat-tikkettar dwar il-kapaċità.

(5)

Huwa xieraq li dawn l-eżenzjonijiet jingħataw lill-batteriji u akkumulaturi li jinbiegħu inkorporati fit-tagħmir stess, u li mhumiex maħsuba li jitneħħew mill-utenti aħħarin minħabba raġunijiet mediċi, ta' sikurezza, ta' prestazzjoni, jew relatati mal-integrità tad-dejta u l-kontinwità tal-provvista tad-dawl. Dawn il-batteriji u l-akkumulaturi mhumiex aċċessibbli għall-utenti aħħarin u d-deċiżjoni jekk wieħed għandux jixtrihom m'għandhiex għalfejn tittieħed mill-utent aħħari.

(6)

Huwa meqjus bħala vantaġġ li wieħed jibbaża l-informazzjoni fuq l-Istandards Internazzjonali u Ewropej eżistenti sabiex jipprovdi bażi soda xjentifika u teknika u b'hekk l-utenti aħħarin tingħatalhom informazzjoni preċiża.

(7)

Hemm bżonn li jiġu armonizzati r-regoli eżistenti tat-tikketti li jindikaw il-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru u tal-karozzi. Għandha tiġi vvalutata wkoll l-armonizzazzjoni possibbli tar-regoli tat-tikketti li jindikaw il-kapaċità tal-batteriji primarji (ma jistgħux jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru.

(8)

Il-produtturi tal-batteriji u l-akkumulaturi jeħtieġu għall-anqas 18-il xahar sabiex jadattaw il-proċessi teknoloġiċi tagħhom skont ir-rekwiżiti ġodda dwar it-tikkettar li jindika l-kapaċità.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12/KE tal-5 ta' April 2006 dwar l-iskart (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu tal-applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru u tal-karozzi li huma mqiegħda fis-suq għall-ewwel darba tmintax-il xahar wara d-data msemmija fl-Artikolu 5.

2.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għall-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru elenkati fl-Anness I.

Artikolu 2

Determinazzjoni tal-kapaċità

1.   Il-kapaċità elettrika tal-batterija jew tal-akkumulatur skont sett speċifiku ta' kundizzjonijiet għandha titqies bħala l-kapaċità tal-batterija jew tal-akkumulatur.

2.   Il-kapaċità ta' batteriji u akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru għandha tkun determinata abbażi tal-istandards IEC/EN 61951-1, IEC/EN 61951-2, IEC/EN 60622, IEC/EN 61960 u IEC/EN 61056-1 li jiddependu mis-sustanzi kimiċi li fihom kif speċifikat fl-Anness II, Parti A.

3.   Il-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi tal-karozzi għandha tkun determinata abbażi tal-istandard IEC 60095-1/EN 50342-1 li jiddependi mis-sustanzi kimiċi li fihom kif speċifikat fl-Anness II, Parti B.

Artikolu 3

Unità ta' kejl tal-kapaċità

1.   Il-kapaċità ta' batteriji u akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru għandha tkun espressa f'“siegħa(sigħat) milli-Ampere” (mAh) jew “siegħa(sigħat) Ampere”, billi jintużaw l-abbrevazzjonijiet mAh jew Ah rispettivament.

2.   Il-kapaċità tal-batteriji u akkumulaturi tal-karozzi għandha tkun espressa f'“siegħa(sigħat) Ampere” (Ah) u “l-qawwa f'Amperes li jkollha batterija sabiex tibda taħdem f'0°C” (Cold Cranking Amperes) (A), billi jintużaw dawn iż-żewġ abbrevazzjonijiet.

Artikolu 4

Disinn tat-tikketta li turi l-kapaċità

1.   Il-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru għandhom ikunu mmarkati b'tikketta li jkun fiha l-informazzjoni stipulata fl-Anness III, Parti A. L-iżgħar daqs tat-tikketta għandu jkun determinat skont it-tip tal-batterija u l-akkumulatur kif speċifikat fl-Anness IV, Parti A.

2.   Il-batteriji u l-akkumulaturi kollha tal-karozzi għandhom ikunu mmarkati b'tikketta li jkun fiha l-informazzjoni stipulata fl-Anness III, Parti B. L-iżgħar daqs tat-tikketta għandu jkun determinat skont it-tip tal-batterija u l-akkumulatur kif speċifikat fl-Anness IV, Parti B.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.


ANNESS I

Eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tat-tikkettar li jindika l-kapaċità

(1)

Il-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru u li huma inkorporati jew magħmulin b'tali mod li jistgħu jiġu inkorporati fit-tagħmir qabel ma jiġu pprovduti lill-utenti aħħarin, u mhumiex maħsuba li jitneħħew skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/66/KE huma eżentati mill-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament.


ANNESS II

Il-kejl tal-kapaċità ta' batteriji u akkumulaturi sekondarji (jistgħu jerġgħu jiġu ċċarġjati) li jistgħu jinġarru u tal-karozzi

Parti A.   Batteriji u akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru

(1)

Il-kapaċità nominali ta' batteriji u akkumulaturi sekondarji li jistgħu jinġarru magħmula min-nikil-kadmju għandha titkejjel skont l-istandards IEC/EN 61951-1 u IEC/EN 60622.

(2)

Il-kapaċità nominali ta' batteriji u akkumulaturi sekondarji li jistgħu jinġarru magħmula mill-idrur tan-nikil-metalliku għandha titkejjel skont l-istandard IEC/EN 61951-2.

(3)

Il-kapaċità nominali ta' batteriji u akkumulaturi sekondarji li jistgħu jinġarru magħmula mil-litju għandha titkejjel skont l-istandard IEC/EN 61960.

(4)

Il-kapaċità nominali ta' batteriji u akkumulaturi sekondarji li jistgħu jinġarru magħmula miċ-ċomb-aċidu għandha titkejjel skont l-istandard IEC/EN 61056-1.

Parti B.   Batteriji u akkumulaturi tal-karozzi

(1)

Il-kapaċità mkejla u l-prestazzjoni sabiex tibda taħdem f'0 °C (cold cranking) tal-batteriji u l-akkumulaturi tal-karozzi (starters magħmula minn ċomb-aċidu) għandhom jitkejlu skont l-istandard IEC 60095-1/EN 50342-1.


ANNESS III

Informazzjoni li hemm fuq it-tikketti li jindikaw il-kapaċità

Parti A.   Batteriji u akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru

It-tikketta li tindika l-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(1)

Għall-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji li jistgħu jinġarru magħmula minn nikil-kadmju (NiCd), mill-idrur tan-nikil-metalliku (Ni-MH) u mil-litju, il-kapaċità nominali kif speċifikata rispettivament fl-istandards IEC/EN 61951-1, IEC/EN 60622, IEC/EN 61951-2, u IEC/EN 61960:

(a)

bħala numru sħiħ meta l-kapaċità hija espressa f'“mAh”, għajr għall-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru li huma maħsuba għall-użu ta' għodod elettriċi;

(b)

bħala numru deċimali b'ċifra waħda meta l-kapaċità hija espressa f'“Ah” u bħala numru sħiħ meta hija espressa f'“mAh”, għall-batteriji u l-akkumulaturi kollha sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru li huma maħsuba għall-użu ta' għodod elettriċi;

(c)

li tirrispetta l-livell ta' preċiżjoni mitlub mill-istandards IEC/EN 61951-1, IEC/EN 61951-2, IEC/EN 60622 u IEC/EN 61960 rispettivament.

(2)

Għall-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji li jistgħu jinġarru magħmula miċ-ċomb-aċidu, l-inqas valur tal-kapaċità nominali fil-kampjun speċifikat fl-istandard IEC/EN 61056-1 għandu jkun:

(a)

bħala numru deċimali b'ċifra waħda meta l-kapaċità hija espressa f'“Ah”, għajr għall-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru għall-użu ta' għodod elettriċi;

(b)

li jirrispetta l-livell ta' preċiżjoni meħtieġ permezz tal-istandard IEC/EN 61056-1.

Parti B.   Batteriji u akkumulaturi tal-karozzi

It-tikketta li tindika l-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi tal-karozzi għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(1)

Il-kapaċità mkejla u l-prestazzjoni sabiex tibda taħdem f'0°C kif speċifikati fl-istandard IEC 60095-1/EN 50342-1.

(2)

Il-valur tal-kapaċità mkejla u tal-kurrent li jkollha batterija sabiex tibda taħdem jidhru bħala numru sħiħ f'livell ta' preċiżjoni ta' ± 10 % tal-valur nominali (jiġifieri l-valur imkejjel).


ANNESS IV

L-iżgħar daqs u l-lokazzjoni tat-tikketti li jindikaw il-kapaċità

Parti A.   Batteriji u akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru

It-tikketti li jindikaw il-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi sekondarji (jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid) li jistgħu jinġarru għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

Għall-batteriji u akkumulaturi individwali, għajr għall-batteriji f'għamla ta' buttuna u batteriji li jservu ta' back-up għall-memorja

(a)

Fuq il-batterija u l-akkumulatur: it-tikketta m'għandhiex tkun iżgħar minn 1,0 × 5,0 mm (Għoli × Tul); (1)

(b)

Fuq l-imballaġġ (quddiem) tal-batteriji u l-akkumulaturi: it-tikketta m'għandhiex tkun iżgħar minn 5,0 × 12,0 mm (Għoli × Tul);

(c)

It-tikketta għandha titpoġġa fuq l-imballaġġ (quddiem) u fuq il-batteriji u l-akkumulaturi ġewwa l-imballaġġ;

(d)

Għal batteriji u akkumulaturi li jinbiegħu mingħajr l-imballaġġ, it-tikketta għandha titpoġġa fuq il-batterija u l-akkumulatur stess.

(2)

Għall-pakketti tal-batteriji:

(a)

Għall-pakketti tal-batteriji fejn l-ikbar naħa hija iżgħar minn 70 ċm2 it-tikketta m'għandhiex tkun iżgħar minn 1,0 × 5,0 mm (Għoli × Tul);

(b)

Għall-pakketti tal-batteriji li l-ikbar naħa tkun daqs jew ikbar minn 70 ċm2 it-tikketta m'għandhiex tkun iżgħar minn 2,0 × 5,0 mm (Għoli × Tul);

(c)

It-tikketta għandha titpoġġa biss fuq il-kisja ta' barra tas-sett taċ-ċellula/i flimkien u mhux fuq kull ċellula individwali fuq in-naħa ta' ġewwa tal-kisja.

(3)

Meta d-daqs tal-batterija, tal-pakkett tal-batteriji jew tal-akkumulaturi jkun b'tali mod li tikketta tal-iżgħar daqs ma tidhirx fuqhom, il-kapaċità għandha tkun immarkata fuq l-imballaġġ. Id-daqs ta' din it-tikketta ma għandux ikun iżgħar minn 5,0 × 12,0 mm (Għoli × Tul). F'din iċ-ċirkustanza, u fejn il-batterija, l-akkumulatur jew il-pakkett tal-batteriji mhux fornut bl-imballaġġ tiegħu stess, il-kapaċità għandha tiġi mmarkata fuq l-imballaġġ tat-tagħmir li jinbiegħ mal-batteriji, akkumulaturi jew pakketti tal-batteriji.

(4)

Għaċ-ċelluli f'għamla ta' buttuna u batteriji li jservu ta' back-up għall-memorja:

(a)

Fuq l-imballaġġ (quddiem): it-tikketta m'għandhiex tkun iżgħar minn 5,0 × 12,0 mm (Għoli × Tul);

(b)

It-tikketta għandha titpoġġa fuq quddiem tal-imballaġġ.

Parti B.   Batteriji u akkumulaturi tal-karozzi

It-tikketti li jindikaw il-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi tal-karozzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

It-tikketta għandha tieħu għall-anqas 3 % tal-arja tal-ikbar naħa tal-batterija u l-akkumulatur tal-karrozza iżda mhux iktar minn 20 × 150 mm (Għoli × Tul);

(b)

It-tikketta għandha titpoġġa fuq il-batterija jew l-akkumulatur stess, fuq waħda min-naħat tal-batterija jew tal-akkumulatur, ħlief mal-qiegħ.


(1)  Għoli (H) Tul (L).