11.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1014/2010

tal-10 ta’ Novembru 2010

dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ dejta fuq ir-reġistrazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(9) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 l-Istati Membri għandhom kull sena jirreġistraw u jittrażmettu ċertu dejta lill-Kummissjoni dwar karozzi ġodda tal-passiġġieri fit-territorju tagħom fis-sena ta’ qabel. Billi dik id-dejta għandha sservi ta’ bażi għad-determinazzjoni tal-mira speċifika tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-manifatturi ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri, u sabiex jiġi vvalutat jekk il-manifatturi jikkonformawx jew le ma’ dawk il-miri, huwa meħtieġ li r-regoli dwar il-ġbir u r-rappurtar ta’ dik id-dejta jiġu armonizzati.

(2)

Sabiex issir valutazzjoni sħiħa dwar jekk kull manifattur jikkonformax jew le mal-mira speċifika tal-emissjonijiet tas-CO2, stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009, u sabiex tinkiseb l-esperjenza meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni teħtieġ dejta dettaljata f’livell ta’ manifattur għal kull serje ta’ vettura definita skont it-tip, varjant u verżjoni. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li dejta bħal din tiġi rreġsitrata u trażmessa lill-Kummissjoni flimkien mad-dejta aggregata skont l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Skont l-Artikoli 18 u 26 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (2), manifattur għandu jiżgura li kull karozza ġdida tal-passiġġieri li tinħareġ fis-suq fl-UE tkun akkumpanjata minn ċertifikat validu ta’ konformità u Stat Membru ma jistax jirreġistra t-tali vettura jekk din ma jkollhiex dan iċ-ċertifikat ta’ konformità. Għalhekk jagħmel sens li ċ-ċertifkat tal-konformità għandu jkun is-sors ewlieni tal-informazzjoni li l-Istati Membri jeħtiġilhom jirreġistraw, li jqegħduha wkoll għad-dispożizzjoni tal-manifattur skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u li tiġi rrapportata lill-Kumissjoni. Sabiex l-Istati Membri jitħallew jużaw l-informazzjoni minn sorsi oħra minbarra dik taċ-ċertifikat ta’ konformità, kif indikat fil-Premessa 26 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, sabiex jitlesta l-proċess ta’ reġistrazzjoni u tad-dħul fis-servizz ta’ karozza ġdida tal-passiġġieri, huwa xieraq li jiġi stabbilit liema dokumenti oħra jipprovdu preċiżjoni ekwivalenti u liema minn dawn għandhom jiġu awtorizzati għall-użu mill-Istati Membri.

(4)

Huwa importanti li d-dejta dwar ir-reġistrazzjoni tal-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri tkun preċiża u li tkun tista’ tiġi pproċessata b’mod effettiv sabiex tiġi stabbilita mira speċifika tal-emissjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009. Il-manifatturi għandhom għalhekk jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar l-ismijiet u l-ewwel taqsima tan-Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Vettura lill-Kummissjoni, kif speċifikat fid-Direttiva tal-Kunsill 76/114/KEE 18 ta’ Diċembru 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw il-pjanċi u l-iskrizzjonijiet regolamentari għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u l-post fejn jitqiegħdu u l-metodu ta’ kif jitwaħħlu (3), li jintużaw fuq iċ-ċertifkati ta’ konformità fl-Istati Membri tar-reġistrazzjoni differenti. Permezz ta’ dik l-informazzjoni l-Kummissjoni tkun tista’ tipprovdi lill-Istati Membri l-lista aġġornata tal-ismijiet tal-manifatturi magħżula li għandha tintuża għall-għan ta’ rapportar tad-dejta.

(5)

L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jirrapportaw informazzjoni dwar vetturi li jkun għadhom kif ġew irreġistrati u li jkunu ddisinjati li jużaw fjuwils alternattivi. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa li tinkludi il-proporzjon tal-pompi tal-fjuwil fit-territorju tagħhom u, fejn applikabbli, ta’ dawk li jipprovdu il-fjuwil etanol (E85) li jissodisfaw l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/28/KE tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (4) u fl-Artikolu 7b tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/70/KE tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (5), sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tqis it-tnaqqis għall-mira tal-emissjonijiet speċifika minħabba l-użu tal-fjuwil tal-etanol (E85) skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

(6)

L-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva 2007/46/KE jipprovdu għal proċedura tal-approvazzjoni simplifikata li għaliha mhux meħtieġ li jinħareġ ċertifikat ta’ konformità. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw in-numru ta’ vetturi reġistrati skont dawk il-proċeduri sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw l-impatt tagħhom fuq il-proċess ta’ monitoraġġ u fuq l-ilħiq tal-medja tal-mira tal-UE tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-flotta l-ġdida ta’ karozzi tal-passiġġieri.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Flimkien mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip” tfisser id-dokument li jinkludi dejta speċifikata fit-tielet kolonna tat-Tabella stabbilita fl-Anness I għal dan ir-Regolament;

(2)

“dejta aggregata ta’ monitoraġġ” tfisser id-dejta aggregata speċifikata fl-ewwel tabella fit-Parti C tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 443/2009;

(3)

“dejta dettaljata ta’ monitoraġġ” tfisser id-dejta dettaljata speċifikata fit-tieni tabella fil-Taqsima C tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 443/2009 li hija disaggregata (spjegata fid-dettal) mill-manifattur u s-serje tal-vettura kif definit mit-tip, varjant u verżjoni.

(4)

“vettura ta’ bażi” hija kif definita fl-Artikolu 3(18) tad-Direttiva 2007/46/KE;

(5)

“vettura li tieħu żewġ fjuwils” u “vettura flex fuel li tieħu l-etanol” huma kif definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (6);

Artikolu 2

Trażmissjoni tad-dejta

Id-dejta ta’ monitoraġġ aggregata flimkien mad-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata għandhom jiġu trażmessi mill-Istat Membru permezz ta’ trasferiment elettroniku tad-dejta għar-Repożitorju tad-Dejta Ċentrali ġestit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni meta d-dejta tiġi trażmessa.

Artikolu 3

Sorsi ta’ dejta

1.   Irrispettivament mis-sors tad-dejta użat minn kull Stat Membru sabiex jipprepara d-dejta ta’ monitoraġġ aggregata u d-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata, din id-dejta kollha għandha tiġi bbażata fuq l-informazzjoni li tkun tinsab fiċ-ċertifikat ta’ konformità tal-karozza tal-passiġġieri rilevanti jew id-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip li tinkludi l-informazzjoni speċifikata fl-Anness III u fl-Annes VIII għad-Direttiva 2007/46/KE kif speċifikat fit-tabella fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

2.   Il-parametru “total tan-numru tar-reġistrazzjonijiet ġodda” fid-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata għandu jiġi determinat mit-total tan-numru tar-rekords tar-reġistrazzjoni li jinħoloq kull sena u li jkun rilevanti għal kull vettura.

3.   Meta jkun hemm iktar minn isem ta’ manifattur wieħed fuq iċ-ċertifikat ta’ konformità jew tad-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip, l-Istat Membru għandu jirrapporta lill-manifattur dwar il-vettura bażi.

4.   Il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 li għandhom jiġu rrapportati skont il-parametru “Emissjonijiet speċifiċi tas-CO2” fid-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata għandhom jittieħdu mill-entrata “ikkombinat” fiċ-ċertifikat ta’ konformità jew fid-dokumentazzjoni approvata tat-tip, ħlief fil-każ fejn tapplika l-entrata għal “ippeżat (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) u kkombinat”.

5.   Fir-rapportar dwar vetturi bi fjuwil alternattiv fid-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi t-tip u l-modalità tal-fjuwil kif speċifikat fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

6.   Fil-każ ta’ vetturi li jieħdu żewġ fjuwils jew vettura flex fuel li tieħu l-etanol l-awtorità kompetenti għandha tirrapporta il-valuri tal-emmissjonijiet tas-CO2 li ġejjin taħt il-parametru “Emissjonijiet speċifiċi tas- CO2 (g/km)” fid-dejta ta’ monitoraġġ dettaljat:

(a)

għal vetturi li jieħdu żewġ gassijiet ta’ fjuwil li jużaw il-petrol u fjuwils gassużi, il-valur tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-gass tal-petroleum likwifikat (LPG) jew għall-gass naturali (NG) skont il-punt 2 fil-Parti A tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 443/2009;

(b)

Għal vetturi flex fuel li jieħdu l-etanol li jużaw petrol u fjuwil tal-etanol (E85) imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, il-valur tal-emissjoni tas-CO2 għall-petrol.

Fil-każ tal-punt (b), L-Istati Membri għandhom jirrapportaw il-valur tal-petrol u anke meta l-kundizzjonijiet għat-tnaqqis stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 ma jiġux sodisfatti. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirrapportaw ukoll il-valur E85.

7.   Fejn il-vettura jkollha distanzi bejn il-fusien ta’ wisa’ differenti, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw il-wisa’ massimu tal-fus taħt il-parametru “ Impronta (Footprint) - wisa’ ta’ bejn ir-roti (mm)” fid-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata.

8.   Meta d-dejta ta’ monitoraġġ aggregata u d-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata jittieħdu mid-dokumentazzjini approvata tat-tip, u meta dik id-dejta tinkludi firxiet ta’ valuri, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dejta rrappurtata tipprovdi preċiżjoni adegwata, u li hija konformi mad-dejta li tinsab fiċ-ċertifikat ta’ konformità.

Artikolu 4

Żamma u kontroll tad-dejta

L-Istati Membri għandhom jiżguraw iż-żamma, il-ġbir, il-kontroll, il-verifika u t-trażmissjoni tad-dejta ta’ monitoraġġ aggregata u tad-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata.

Artikolu 5

Preparazzjoni tad-dejta mill-Istati Membri

1.   Sabiex tiġi kkalkulata l-medja tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 li għandha tiġi inkluża fid-dejta ta’ monitoraġġ aggregata, l-ebda valur/i minn dawn li ġejjin, ma għandhom jitqiesu mill-Istati Membri:

(a)

il-perċentwali stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009;

(b)

is-superkrediti stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009;

(c)

it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mogħti skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009;

(d)

it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżulta permezz ta’ teknoloġiji innovattivi ikkunsidrati skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

2.   Sabiex tiġi kkalkulata il-medja tal-massa u l-impronta li għandhom jiġu inklużi fid-dejta ta’ monitoraġġ aggregata, l-ebda valur/i minn dawn li ġejjin ma għandhom jitqiesu mill-Istati Membri:

(a)

il-perċentwali stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009;

(b)

is-superkrediti stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009;

3.   Meta jagħtu id-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata, l-Istati Membri għandhom jinkludu:

(a)

għal kull vettura b’emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 ta’ anqas minn 50 g CO2/km, in-numru tal-vetturi reġistrati mingħajr ma jiġu applikati il-fatturi ta’ multiplikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5 (KE) tar-Regolament Nru 443/2009;

(b)

għal kull vettura ddisinjata li hija kapaċi taħdem bil-fjuwil etanol (E85), l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 mingħajr ma jiġi applikat it-tnaqqis ta’ 5 % tal-emissjonijiet tas-CO2 mogħti li dawn il-vetturi skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009;

(c)

għal kull vettura mgħammra b’teknoloġiji innovattivi, l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 mingħajr ma jitqies it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 permezz ta’ teknoloġiji innovattivi mogħti skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

4.   Id-dejta ta’ monitoraġġ aggregata u d-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata għandha tiġi rrapportata bil-preċiżjoni stabbilita fit-Tabelli 1 u 2 tal-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Rapportar tal-pompi tal-fjuwil li jfornu l-fjuwil tal-etanol (E85)

1.   L-informazzjoni dwar il-proporzjon tal-pompi tal-fjuwil fit-territorju rispettiv tal-Istati Membri li jfornu l-fjuwil tal-etanol (E85) li jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà għal bijofjuwils stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Artikolu 7b tad-Direttiva 98/70/KE għandha tiġi pprovduta b’mod elettroniku lill-Kummissjoni flimkient mad-dejta ta’ monitoraġġ aggregata.

Il-proporzjon tal-pompi tal-fjuwil għandu jiġi speċifikat f’intervalli ta’ mill-inqas 5 % u għandhom jitqarrbu għal-limitu l-iktar baxx tal-intervall.

2.   F’każijiet fejn il-proporzjon ta’ pompi tal-fjuwil li jfornu l-fjuwil tal-etanol (E85) ikun iktar minn 30 %, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni t-total tan-numru tal-pompi tal-fjuwil li jfornu l-fjuwil etanol (E85) li jkun disponibbli bl-istess mod bħal fjuwil likwidu tal-idrokarburi u dak li jissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-informazzjoni stabbilita fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi mressqa lill-Kummissjoni sat-28 ta’ Frar kull sena.

F’każijiet fejn il-Kummissjoni ma toġġezzjonax fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika t-tnaqqis provdut fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

Artikolu 7

Vetturi li mhumiex koperti mill-approvazzjoni tat-tip KE

1.   F’każijiet fejn il-karozzi tal-passiġġieri jkunu soġġetti għall-approvazzjoni tat-tip ta’ serje żgħira skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2007/46/KE jew għal approvazzjonijiet individwali skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar in-numri rispettivi ta’ dawn il-karozzi rreġistrati fit-territorju tagħhom.

2.   Fil-proċess tal-ġbir tad-dejta ta’ monitoraġġ aggregata, l-awtorità kompetenti għandha tindika dan li ġej minflok l-isem tal-manifattur:

(a)

“AA-IVA” fir-rapportar ta’ tipi ta’ vetturi approvati individwalment;

(b)

“AA-NSS” fir-rappurtar ta’ tipi ta’ vetturi approvati f’serje żgħira b’mod nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jiġbru wkoll id-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata minn dawn il-vetturi, u għandhom f’dak il-każ jużaw id-denominazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b).

Artikolu 8

Lista tal-manifatturi

1.   Il-manifatturi għandhom jinfurmaw lill-Kummissoni b’li ġej sal-15 ta’ Diċembru 2010

(a)

l-ismijiet li jindikaw jew li għandhom ħsieb li jindikaw fuq iċ-ċertifikati ta’ konformità;

(b)

l-ewwel taqsima ta’ kull Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Vettura kif speċifikat fid-Direttiva 76/114/KEE li jindikaw jew li jkollhom ħsieb li jindikaw fuq iċ-ċertifikati ta’ konformità.

Huma għandhom jgħarrfu mingħajr dewmien lill-Kummissjoni dwar tibdiliet fl-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b). Il-manifatturi l-ġodda li jidħlu fis-suq għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar id-dettalji msemmija fl-ewwel subparagrafu.

2.   Fil-ġbir tad-dejta ta’ monitoraġġ aggregata u d-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata, l-awtorità kompetenti għandha tuża l-ismijiet tal-manifatturi meħudin mil-lista li għandha tiġi mfassla mill-Kummissjoni abbażi tal-ismijiet notifikati skont il-paragrafu 1. Din il-lista għanda tiġi ppubblikata fuq l-Internet għall-ewwel darba fil-31 ta’ Diċembru 2010 u għandha tiġi aġġornata regolarment.

3.   Fil-każ li l-isem tal-manifattur ma jkunx inkluż f’dik il-lista, l-awtorità kompetenti għandha tuża l-isem ta’ fuq iċ-ċertifikat ta’ konformità jew tad-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip sabiex id-dejta ta’ monitoraġġ aggregata u d-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata jkunu jistgħu jinġabru.

Artikolu 9

Informazzjoni addizzjonali li trid tingħata mill-manifatturi

1.   Għal għan tan-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, il-manifatturi għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-isem u l-indirizz rilevanti tal-persuna ta’ kuntatt li għaliha trid tiġi indirizzata n-notifika.

Fil-każ li jkun hemm xi tibdil fid-dejta provduta, il-manifattur għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Manifatturi ġodda li jidħlu fis-suq għandhom jinfurmaw il-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar id-dettalji tal-kuntatt.

2.   Fil-każ li grupp ta’ intrapriżi marbutin flimkien jiffurmaw għaqda, dawn għandhom jipprovdu evidenza tar-rabta ta’ bejn il-membri tal-grupp sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, skont il-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

(3)  ĠU L 24, 30.1.1976, p. 1.

(4)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(5)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

(6)  ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1.


ANNESS I

Sorsi ta’ dejta

Parametru

Ċertifikat ta’ konformità

(Parti 1, Mudell B stabbilit fl-Anness IX tad-Direttiva 2007/46/KE)

Dokumentazzjoni approvata tat-tip

(Direttiva 2007/46/KE)

Manifattur

Taqsima 0.5

Taqsima 0.5 tal-Parti 1 tal-Anness III

Tip

Taqsima 0.2

Taqsima 0.2 tal-Parti 1 tal-Anness III

Varjant

Taqsima 0.2

Taqsima 3 tal-Anness VIII

Verżjoni

Taqsima 0.2

Taqsima 3 tal-Anness VIII

Għamla

Taqsima 0.1

Taqsima 0.1 tal-Parti 1 tal-Anness III

Isem kummerċjali

Taqsima 0.2.1:

Taqsima 0.2.1 tal-Parti 1 tal-Anness III

Kategorija ta’ vettura tat-tip approvat

Taqsima 0.4

Taqsima 0.4 tal-Parti 1 tal-Anness III

Massa (kg)

sad-29 ta’ April 2010: Taqsima 12.1

mit-30 ta’ April 2010: Taqsima 13

Taqsima 2.6 tal-Parti 1 tal-Anness III (1)

Impronta – it-tul bejn il-fusien (Wheel base) (mm)

sad-29 ta’ April 2010: Taqsima 3

mit-30 ta’ April 2010: Taqsima 4

Taqsima 2.1 tal-Parti 1 tal-Anness III (2)

Impronta – il-wisa’ bejn ir-roti (Track width) (mm)

sad-29 ta’ April 2010: Taqsima 5

mit-30 ta’ April 2010: Taqsima 30

Taqsima 2.3.1 u 2.3.2 tal-Parti 1 tal-Anness III (3)

L-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 (g/km) (4)

sad-29 ta’ April 2010: Taqsima 46.2

mit-30 ta’ April 2010: Taqsima 49.1

Taqsima 3 tal-Anness VIII

Tip ta’ fjuwil

sad-29 ta’ April 2010: Taqsima 25

mit-30 ta’ April 2010: Taqsima 26

Taqsima 3.2.2.1 tal-Parti 1 tal-Anness III

Modalità tal-fjuwil

mit-30 ta’ April 2010: Taqsima 26.1

Taqsima 3.2.2.4 tal-Parti 1 tal-Anness III


(1)  skont l-Artikolu 3(8) ta’ dan ir-Regolament.

(2)  skont l-Artikolu 3(8) ta’ dan ir-Regolament.

(3)  skont l-Artikoli 3(7) u 3(8) ta’ dan ir-Regolament.

(4)  skont l-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-Regolament.


ANNESS II

Tabelli dwar il-preċiżjoni tad-dejta

Tabella 1

Il-preċiżjoni meħtieġa għad-dejta ta’ monitoraġġ aggregata li għandha tiġi rrapportata skont l-Artikolu 2

CO2 (g/km)

skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009

Massa (kg)

numru sħiħ

Impronta (m2)

jiġi aġġustat sal-eqreb tliet ċifri deċimali


Tabella 2

Il-preċiżjoni meħtieġa għad-dejta ta’ monitoraġġ dettaljata li għandha tiġi rrappurtata skont l-Artikolu 2

CO2 (g/km)

numru sħiħ

Massa (kg)

numru sħiħ

Impronta – it-tul bejn il-fusien (Wheel base) (mm)

numru sħiħ

Impronta – il-wisa’ bejn ir-roti (Track width) (mm)

numru sħiħ

Tnaqqis tal-emissjonijiet permezz tat-teknoloġiji innovattivi (g/km)

jiġi aġġustat sal-eqreb punt deċimali