20.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/22


REGOLAMENT (UE) Nru 913/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Settembru 2010

dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Fil-qafas tal-Istrateġija ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-impjiegi u t-tkabbir, il-ħolqien ta’ suq ferrovjarju intern, b’mod partikolari għat-trasport tal-merkanzija, huwa element essenzjali tal-progress lejn il-ħolqien ta’ mobilità sostenibbli.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (4) u d-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji (5) kienu passi importanti fil-ħolqien tas-suq ferrovjarju intern.

(3)

Sabiex ikunu kompetittivi ma' mezzi oħra ta' trasport, is-servizzi ferrovjarji internazzjonali u nazzjonali tal-merkanzija, miftuħa għall-kompetizzjoni mill-1 ta' Jannar 2007, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn infrastruttura ferrovjarja ta' kwalità tajba u ffinanzjata b'mod suffiċjenti, jiġifieri li tippermetti l-provvista ta' servizzi ta' trasport tal-merkanzija taħt kondizzjonijiet tajbin f'dawk li huma veloċità kummerċjali u ħin tal-vjaġġ u jkunu affidabbli, jiġifieri li s-servizz li jipprovdu jikkorrispondi mal-impenji kuntrattwali li jkunu daħlu għalihom l-operaturi ferrovjarji.

(4)

Għalkemm il-ftuħ tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija għamilha possibbli għal operaturi ġodda li jidħlu fin-netwerk tat-trasport ferrovjarju, il-mekkaniżmi tas-suq, la kienu u lanqas huma biżżejjed biex jorganizzaw, jirregolaw u jagħmlu sikur it-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija. Sabiex jiġi ottimizzat l-użu tan-netwerk u tiġi żgurata l-affidabbiltà tiegħu, huwa utli li jiġu introdotti proċeduri addizzjonali sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-allokazzjoni ta' mogħdijiet ferrovjarji internazzjonali għall-ferroviji tal-merkanzija bejn il-ġesturi tal-infrastruttura.

(5)

F′dan il-kuntest, l-istabbiliment ta' kurituri ferrovjarji internazzjonali għal netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv li fuqu l-ferroviji tal-merkanzija jkunu jistgħu jiċċirkolaw taħt kondizzjonijiet tajbin u jgħaddu faċilment minn netwerk nazzjonali għal ieħor jippermetti li jitjiebu l-kondizzjonijiet tal-użu tal-infrastruttura.

(6)

Sabiex jiġu stabbiliti l-kurituri ferrovjarji internazzjonali għal netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv, l-inizjattivi diġà meħuda f'termini ta' infrastruttura ferrovjarja juru li l-istabbiliment ta' kurituri internazzjonali, li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' wieħed jew bosta setturi tas-suq tat-trasport tal-merkanzija identifikati b'mod ċar, jirrappreżenta l-metodu l-aktar xieraq.

(7)

Dan ir-Regolament, ħlief jekk jiġi previst mod ieħor, għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-ġesturi tal-infrastruttura stipulati fid-Direttiva 91/440/KEE u d-Direttiva 2001/14/KE u, fejn rilevanti, għall-korpi ta' allokazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE. Dawk l-atti jibqgħu fis-seħħ, inkluż rigward dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kurituri tal-merkanzija.

(8)

It-twaqqif ta’ kuritur tal-merkanzija għandu jqis, fejn ikun il-każ, il-ħtieġa ta’ interkonnessjonijiet aħjar mal-infrastruttura ferrovjarja ta’ pajjiżi terzi Ewropej.

(9)

It-tfassil ta' kurituri tal-merkanzija għandu jfittex li jiżgura l-kontinwità tul il-kurituri billi jippermetti l-interkonnessjonijiet meħtieġa bejn l-infrastrutturi ferrovjarji eżistenti.

(10)

L-implimentazzjoni ta’ kurituri ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija li jiffurmaw netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv għandha titwettaq b'mod konsistenti man-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (“TEN-T”) u/jew mal-kurituri tas-Sistema ta' Tmexxija tat-Traffiku Ferrovjarju Ewropew (“ERTMS”). Għal dak il-għan, huwa meħtieġ żvilupp koordinat tan-netwerks, u b'mod partikolari għal dik li hija l-integrazzjoni tal-kurituri internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija mat-TEN-T eżistenti u mal-kurituri tal-ERTMS. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni regoli armonizzati relatati ma' dawk il-kurituri tal-merkanzija. Proġetti li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-istorbju minn ferroviji ta' merkanzija għandhom ikunu mħeġġa. Jekk ikun meħtieġ, l-istabbiliment ta' dawk il-kurituri għandu jiġi appoġġat finanzjarjament fil-qafas tal-programmi TEN-T, tal-programmi ta' riċerka u tal-programmi Marco Polo, u fil-qafas ta' linji politiċi u fondi oħrajn tal-Unjoni, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew il-Fond ta' Koeżjoni, kif ukoll il-Bank Ewropew għall-Investiment.

(11)

Fil-qafas ta' kuritur tal-merkanzija, għandha tiġi żgurata koordinazzjoni tajba bejn l-Istati Membri u l-ġesturi tal-infrastruttura kkonċernati, għandha tingħata prijorità suffiċjenti għat-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija, għandhom jinħolqu komunikazzjonijiet effettivi u adegwati mal-mezzi l-oħra tat-trasport u għandhom jiġu stabbiliti kondizzjonijiet li huma ta' inċentiv għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni bejn fornituri ta' servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija.

(12)

Minbarra l-kurituri tal-merkanzija stabbiliti skont l-Artikolu 3, l-istabbiliment ta' kurituri tal-merkanzija addizzjonali għandu jiġi eżaminat u approvat fuq il-livell tal-Unjoni skont proċeduri u kriterji definiti b'mod ċar u trasparenti, u li jħallu lill-Istati Membri u lill-ġesturi tal-infrastruttura marġni ta' deċiżjoni u ta' tmexxija biżżejjed biex ikunu jistgħu iqisu l-inizjattivi eżistenti għal kurituri speċjali, pereżempju l-ERTMS, ir-RailNet Europe (“RNE”) u t-TEN-T, u biex jieħdu miżuri adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

(13)

Sabiex titħeġġeġ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-ġesturi tal-infrastruttura u sabiex ikun hemm kontinwità tul il-kuritur, għandha tiġi stabbilita struttura ta' tmexxija adatta għal kull kuritur tal-merkanzija, li tqis il-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni ma' strutturi ta' tmexxija diġà eżistenti.

(14)

Sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq, il-metodi għall-istabbiliment ta' kuritur tal-merkanzija għandhom jiġu ppreżentati fi pjan ta' implimentazzjoni li għandu jinkludi l-identifikazzjoni u l-istabbiliment ta' skeda għall-miżuri li jtejbu l-prestazzjoni tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li l-miżuri ppjanati jew implimentati għat-twaqqif ta' kuritur tal-merkanzija jissodisfaw il-ħtiġijiet jew l-aspettattivi tal-utenti kollha tal-kuritur tal-merkanzija, l-applikanti li possibbilment jużaw il-kuritur tal-merkanzija għandhom jiġu kkonsultati regolarment f'konformità ma' proċeduri ddefiniti mill-bord ta' tmexxija.

(15)

L-iżvilupp ta' terminali tat-trasport tal-merkanzija intermodali għandu wkoll jitqies neċessarju sabiex jiġi appoġġat it-twaqqif ta' kurituri ta' trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fl-Unjoni.

(16)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-kontinwità tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura disponibbli tul il-kuritur għall-merkanzija, għandhom jiġu kkoordinati l-investimenti fuq il-kuritur għall-merkanzija bejn l-Istati Membri u l-amministraturi tal-infrastruttura kkonċernati, kif ukoll, jekk ikun xieraq, bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi Ewropej, u jiġu ppjanati b'mod li jissodisfa, mingħajr preġudizzju għall-vijabilità ekonomika, l-ħtiġijiet tal-kuritur għall-merkanzija. L-iskeda għat-twettiq tal-investiment għandha tkun ippubblikata biex jiġi żgurat li l-applikanti li jistgħu joperaw fil-kuritur ikunu infurmati sewwa. L-investiment għandu jinkludi proġetti relatati mal-iżvilupp ta' sistemi interoperabbli u maż-żieda tal-kapaċità tal-ferroviji.

(17)

Għall-istess raġunijiet, ix-xogħlijiet kollha fuq l-infrastruttura u t-tagħmir tagħha li jillimitaw il-kapaċità disponibbli tal-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija għandhom ukoll jiġu kkoordinati fil-livell tal-kuritur tal-merkanzija u jkunu s-suġġett ta' pubblikazzjonijiet aġġornati.

(18)

Sabiex jiġu ffaċilitati t-talbiet għal kapaċitajiet tal-infrastruttura għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija, huwa xieraq li jiġi denominat jew stabbilit punt ta' waqfa waħda għal kull kuritur tal-merkanzija. Għal dan, jeħtieġ li wieħed jibbaża ruħu fuq l-inizjattivi li diġà jeżistu, b'mod partikolari dawk imnedija mir-RNE, korp li huwa strument ta' koordinazzjoni tal-ġesturi tal-infrastruttura u li jipprovdi għadd ta' servizzi lill-impriżi tat-trasport tal-merkanzija internazzjonali.

(19)

It-tmexxija tal-kurituri tat-trasport tal-merkanzija għandha tinkludi wkoll proċeduri għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta' infrastruttura għal ferroviji internazzjonali tal-merkanzija li jiċċirkolaw f'dawn il-kurituri. Dawk il-proċeduri għandhom jirrikonoxxu l-ħtieġa tal-kapaċità għal tipi oħrajn ta' trasport, inkluż it-trasport tal-passiġġieri.

(20)

Sabiex jiġi żgurat li l-infrastruttura ferrovjarja tintuża aħjar, l-operat ta' dik l-infrastruttura u t-terminali tul il-kurituri tal-merkanzija jeħtieġ li jkunu kkoordinati.

(21)

Regoli prijoritarji jistgħu jfissru wkoll miri prijoritarji skont is-sitwazzjoni fl-Istat Membru rispettiv.

(22)

Il-ferroviji tal-merkanzija fil-kurituri tal-merkanzija għandhom ikunu jistgħu jgawdu, safejn huwa possibbli, minn puntwalità suffiċjenti fil-każ ta' tfixkil fir-rigward tal-ħtiġijiet tat-tipi kollha ta' trasport.

(23)

Sabiex jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ ġarr tal-merkanzija ferrovjarja fuq il-kuritur tal-merkanzija, applikanti barra mill-operaturi ferrovjarji jew il-gruppi tagħhom għandhom ikunu jistgħu jitolbu kapaċità tal-infrastruttura fuq il-kurituri tal-merkanzija.

(24)

Sabiex wieħed ikunu jista' jevalwa b'mod oġġettiv il-benefiċċji tal-miżuri mmirati lejn it-twaqqif tal-kuritur tal-merkanzija, għandha tiġi ssorveljata l-prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija tul il-kuritur tal-merkanzija u għandhom jiġu ppubblikati regolarment rapporti ta' kwalità. L-evalwazzjoni tal-prestazzjoni għandha tinkludi l-eżitu ta' stħarriġ tas-sodisfazzjon tal-utenti tal-kurituri tal-merkanzija.

(25)

Sabiex jiġi żgurat aċċess mhux diskriminatorju għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali, jeħtieġ li tiġi żgurata koordinazzjoni effiċjenti bejn il-korpi regolatorji f'dak li għandu x'jaqsam man-netwerks differenti koperti mill-kuritur tal-merkanzija.

(26)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni rigward l-użu tal-infrastruttura kollha ewlenija fuq il-kuritur tal-merkanzija u jiġi żgurat aċċess mhux diskriminatorju għal dak il-kuritur, il-bord ta' tmexxija għandu jfassal, jaġġorna regolarment u jippubblika dokument li jkun fih din l-informazzjoni kollha.

(27)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport kompetittiv tal-merkanzija magħmul minn kurituri tal-merkanzija, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħidhom u għalhekk minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(28)

Għandhom jiddaħħlu regoli ġusti, ibbażati fuq kooperazzjoni bejn il-ġesturi tal-infrastruttura, li għandhom jipprovdu servizz ta' kwalità lill-operaturi tal-merkanzija fil-qafas ta' kuritur ferrovjarju internazzjonali, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-investimenti u t-tmexxija tal-kapaċitajiet u tat-traffiku.

(29)

Minħabba li l-ferroviji internazzjonali jeħtieġu li jużaw itinerarji li jgħaqqdu diversi kurituri, kif definit f'dan ir-Regolament, il-ġesturi tal-infrastruttura ta' diversi kurituri jistgħu wkoll jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom sabiex jiżguraw, fil-kurituri kkonċernati, id-disponibbiltà tal-kapaċità, movimenti bla xkiel u applikazzjoni koerenti ta' regoli prijoritarji għat-tipi differenti ta' traffiku fil-każ ta' tfixkil.

(30)

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li tittejjeb l-effiċjenza tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija meta mqabbel ma’ modi oħra tat-trasport. Għandu jiġu żgurat li jkun hemm koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-ġesturi tal-infrastruttura sabiex jiġi garantit li jkun hemm tħaddim l-aktar effiċjenti tal-kurituri tal-merkanzija. Biex dan iseħħ, għandhom jittieħdu miżuri operazzjonali id f’id ma’ investimenti fl-infrastruttura u f’tagħmir tekniku bħall-ERTMS li għandu jkollhom l-għan li jżidu l-kapaċità u l-effiċjenza tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.

(31)

L-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-istabbiliment u l-modifikazzjoni tal-kurituri tal-merkanzija u dwar l-eżenzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri jeħtieġ li titwettaq taħt kondizzjonijiet uniformi sabiex tkun żgurata l-konformità tal-proposti għall-istabbiliment ta' kurituri tal-merkanzija mal-kriterji stipulati f'dan ir-Regolament u għalhekk għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-regoli u l-prinċipji ġenerali li jirrigwardaw il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat tal-implimentazzjoni għandhom jiġu stipulati bil-quddiem permezz ta' regolament adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja. Sakemm ikun adottat dak ir-regolament, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6) tibqa′ tapplika, bl-eċċezzjoni għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, li mhijiex applikabbli,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

ĠENERALI

Artikolu 1

Għan u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-istabbiliment u l-organizzazzjoni ta’ kurituri ferrovjarji internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv bil-għan li jiġi żviluppat netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv. Huwa jistabbilixxi regoli għall-għażla, l-organizzazzjoni, it-tmexxija u l-ippjanar indikattiv tal-investimenti tal-kurituri tal-merkanzija.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tmexxija u l-użu ta' infrastruttura ferrovjarja inkluża fil-kurituri tal-merkanzija.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/14/KE għandhom japplikaw.

2.   Flimkien mad-definizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1:

(a)

“kuritur tal-merkanzija” għandha tfisser il-linji ferrovjarji denominati kollha, inklużi l-linji ta’ laneċ ferrovjarji, fuq it-territorju tal-Istati Membri, jew bejn l-Istati Membri, u, fejn xieraq, pajjiżi terzi Ewropej, li jgħaqqdu żewġ terminali jew aktar, tul rotta prinċipali u, fejn ikun il-każ, rotot u taqsimiet ta’ diversjoni li jikkollegawhom, inkluża l-infrastruttura ferrovjarja u t-tagħmir tagħha, u s-servizzi ferrovjarji rilevanti skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/14/KE;

(b)

“pjan ta' implimentazzjoni” tfisser dokument li jippreżenta l-mezzi u l-istrateġija li l-partijiet kkonċernati bi ħsiebhom jimplimentaw sabiex jiżviluppaw matul perijodu speċifikat il-miżuri li huma meħtieġa u suffiċjenti biex jiġi stabbilit il-kuritur tal-merkanzija;

(c)

“terminal” tfisser l-installazzjoni pprovduta tul il-kuritur tal-merkanzija li ġiet mgħammra b'mod speċjali biex tippermetti t-tagħbija u/jew il-ħatt ta' oġġetti għal ġol-/mill-ferroviji tal-merkanzija, u l-integrazzjoni tas-servizzi ferrovjarji tal-merkanzija mas-servizzi stradali, marittimi, tax-xmajjar u tal-ajru, u l-formazzjoni jew il-modifikazzjoni tal-kompożizzjoni tal-ferroviji tal-merkanzija; u, fejn meħtieġ, it-twettiq ta' proċeduri tal-fruntieri fil-fruntieri ma' pajjiżi terzi Ewropej.

KAPITOLU II

DENOMINAZZJONI U GOVERNANZA TAL-KURITURI FERROVJARJI INTERNAZZJONALI GĦAL TRASPORT TAL-MERKANZIJA KOMPETITTIV

Artikolu 3

Denominazzjoni ta' kurituri inizjali tal-merkanzija

L-Istati Membri msemmijin fl-Anness għandhom jagħmlu operazzjonali, sad-dati fih stipulati, il-kurituri tal-merkanzija inizjali stabbiliti fl-Anness. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tal-kurituri tal-merkanzija.

Artikolu 4

Kriterji għal aktar kurituri tal-merkanzija

L-għażla ta' aktar kurituri tal-merkanzija msemmijin fl-Artikolu 5 u l-modifika tal-kurituri ta' merkanzija msemmijin fl-Artikolu 6 għandhom iqisu dawn il-kriterji:

(a)

il-qsim permezz tal-kuritur tal-merkanzija tat-territorju ta' mhux inqas minn tliet Stati Membri, jew ta' żewġ Stati Membri jekk id-distanza ta' bejn it-terminali ferrovjarji moqdija mill-kuritur tal-merkanzija tkun ta' aktar minn 500 kilometru;

(b)

il-konsistenza tal-kuritur tal-merkanzija mal-kurituri tat-TEN-T, tal-ERTMS u/jew mal-kurituri definiti mir-RNE;

(c)

l-integrazzjoni ta' proġetti prijoritarji tat-TEN-T (7) fil-kuritur tal-merkanzija;

(d)

il-bilanċ bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi li joħorġu mill-istabbiliment tal-kuritur tal-merkanzija;

(e)

il-konsistenza tal-kurituri tal-merkanzija kollha proposti mill-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv;

(f)

l-iżvilupp ta’ traffiku ferrovjarju tal-merkanzija u ta’ flussi ewlenin ta’ kummerċ u ta’ traffiku ta’ merkanzija tul il-kuritur;

(g)

jekk xieraq, interkonnessjonijiet aħjar bejn Stati Membri u pajjiżi terzi Ewropej;

(h)

l-interess tal-applikanti fil-kuritur tal-merkanzija;

(i)

l-eżistenza ta' interkonnessjonijiet tajbin ma' modi oħra tat-trasport, b'mod partikolari permezz ta' netwerk adegwat ta' terminali, inkluż fil-portijiet marittimi u dawk interni.

Artikolu 5

Għażla ta' aktar kurituri tal-merkanzija

1.   Kull Stat Membru bi fruntiera ferrovjarja ma' Stat Membru ieħor għandu jieħu sehem fl-istabbiliment ta' mill-inqas kuritur tal-merkanzija wieħed, ħlief jekk dan l-obbligu diġà ġie ssodisfatt taħt l-Artikolu 3.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, fuq talba minn Stat Membru, jieħdu sehem fl-istabbiliment tal-kuritur tal-merkanzija kif imsemmi f'dak il-paragrafu jew fit-titwil ta' kuritur eżistenti, sabiex jippermettu li Stat Membru ġar jissodisfa l-obbligu tiegħu taħt dak il-paragrafu.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/440/KEE, meta Stat Membru, wara li jkun wettaq analiżi soċjoeknomika, iqis li l-istabbiliment ta' kuritur tal-merkanzija ma jkunx fl-interess tal-applikanti li aktarx jużaw il-kuritur tal-merkanzija jew ma jġibx benefiċċji soċjoekonomiċi sinifikanti jew li jikkawża piż sproporzjonat, l-Istat Membru kkonċernat m'għandux ikun obbligat jipparteċipa kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, soġġett għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li taġixxi skont l-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikoli 21(2).

4.   Stat Membru m'għandux ikun obbligat jipparteċipa kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 jekk huwa għandu netwerk ferrovjarju li għandu track gauge li jkun differenti minn dak tan-netwerk ferrovjarju prinċipali fl-Unjoni.

5.   L-istabbiliment ta’ kuritur tal-merkanzija għandu jiġi propost mill-Istati Membri kkonċernati. Għal dan il-għan, huma għandhom jibagħtu b'mod konġunt lill-Kummissjoni ittra ta’ intenzjoni li tinkludi proposta mfassla wara konsultazzjoni mal-ġesturi tal-infrastruttura u l-applikanti kkonċernati, b’kunsiderazzjoni għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4.

Sabiex jissodisfaw l-obbligu skont il-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri konċernati għandhom jibagħtu b'mod konġunt lill-Kummissjoni ittra ta' intenzjoni sat-10 ta’ Novembru 2012.

6.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-proposti għall-istabbiliment ta' kuritur tal-merkanzija kif imsemmi fil-paragrafu 5 u, b'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(3), tadotta deċiżjoni dwar il-konformità ta' tali proposta ma' dan l-Artikolu sa mhux aktar tard minn disa′ xhur wara l-preżentazzjoni tal-proposta.

7.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu l-kuritur tal-merkanzija sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 6.

Artikolu 6

Modifika ta' aktar kurituri tal-merkanzija

1.   Il-kurituri tal-merkanzija msemmijin fl-Artikolu 5 jistgħu jiġu modifikati abbażi ta' proposta konġunta mill-Istati Membri kkonċernati lill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-ġesturi tal-infrastruttura u l-applikanti kkonċernati.

2.   Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 21(3), tadotta deċiżjoni dwar il-proposta, b'kont meħud tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4.

Artikolu 7

Rikonċiljazzjoni

Meta żewġ Stati Membri jew aktar ikkonċernati ma jaqblux dwar l-istabbiliment jew il-modifika ta' kuritur tal-merkanzija, u dwar l-infrastruttura ferrovjarja li tinsab fit-territorju tagħhom, il-Kummissjoni, fuq talba ta' wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, għandha tikkonsulta lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 dwar din il-kwistjoni. L-opinjoni tal-Kummissjoni għandha tintbagħat lill-Istati Membri kkonċernati. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkunsidraw din l-opinjoni sabiex isibu soluzzjoni u għandhom jieħdu deċiżjoni abbażi ta' kunsens reċiproku.

Artikolu 8

Tmexxija ta' kurituri tal-merkanzija

1.   Għal kull kuritur tal-merkanzija, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu bord eżekuttiv responsabbli għad-definizzjoni tal-objettivi ġenerali tal-kuritur tal-merkanzija, is-sorveljanza u t-teħid ta' miżuri kif previst espressament fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, u fl-Artikoli 9 u 11, l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 22. Il-bord eżekuttiv għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati.

2.   Għal kull kuritur tal-merkanzija, il-ġesturi tal-infrastruttura kkonċernati u, fejn rilevanti, il-korpi ta' allokazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE, għandhom jistabbilixxu bord ta' tmexxija responsabbli biex jieħu l-miżuri kif espressament previsti fil-paragrafi 5, 7, 8 u 9 ta' dan l-Artikolu, u fl-Artikoli 9 sa 12, l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 14(2), (6) u (9), l-Artikolu 16(1), l-Artikolu 17(1) u l-Artikoli 18 u 19 ta' dan ir-Regolament. Il-bord ta' tmexxija għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-ġesturi tal-infrastruttura.

3.   L-Istati Membri u l-ġesturi tal-infrastruttura li għandhom x’jaqsmu ma’ kuritur tal-merkanzija għandhom jikkooperaw fil-bordijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 sabiex jiżguraw li l-kuritur tal-merkanzija jiżviluppa skont il-pjan ta’ implimentazzjoni tiegħu.

4.   Il-bord eżekuttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu abbażi ta' kunsens reċiproku tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati.

5.   Il-bord ta' tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu, inklużi deċiżjonijiet rigward l-istatus ġuridiku tiegħu, l-istabbiliment tal-istruttura organizzattiva tiegħu, ir-riżorsi u l-persunal, abbażi ta' kunsens reċiproku tal-ġesturi tal-infrastruttura kkonċernati. Il-bord ta’ tmexxija jista' jkun entità ġuridika indipendenti. Jista’ jieħu l-forma ta’ grupp Ewropew ta’ interess ekonomiku fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/85 tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar il-Grupp Ewropew ta’ Interess Ekonomiku (EEIG) (8).

6.   Ir-responsabbiltajiet tal-bord eżekuttiv u l-bord ta' tmexxija għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-ġesturi tal-infrastruttura kif previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 91/440/KEE.

7.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jistabbilixxi grupp konsultattiv magħmul minn ġesturi u sidien tat-terminali tal-kuritur tal-merkanzija, inklużi, fejn meħtieġ, portijiet tal-baħar u portijiet ta' mogħdijiet fuq l-ilma interni. Dan il-grupp konsultattiv jista' joħroġ opinjoni dwar kwalunkwe proposta tal-bord ta' tmexxija li għandha konsegwenzi diretti għall-investiment u t-tmexxija tat-terminali. Huwa jista' wkoll joħroġ opinjonijiet fuq l-inizjattiva tiegħu stess. Il-bord ta' tmexxija għandu jieħu kont ta' kwalunkwe waħda minn dawn l-opinjonijiet. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-bord ta’ tmexxija u l-grupp konsultattiv, dan tal-aħħar jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-bord eżekuttiv. Il-bord eżekuttiv għandu jaġixxi bħala medjatur u jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien utli. Madankollu, id-deċiżjoni aħħarija għandha tittieħed mill-bord ta' tmexxija.

8.   Il-bord ta' tmexxija għandu jistabbilixxi grupp konsultattiv ieħor magħmul minn impriżi ferrovjarji interessati li jużaw il-kuritur tal-merkanzija. Dan il-grupp konsultattiv jista’ joħroġ opinjoni dwar kwalunkwe proposta tal-bord ta' tmexxija li għandha konsegwenzi diretti fuq dawn l-impriżi. Huwa jista' wkoll joħroġ opinjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess. Il-bord ta' tmexxija għandu jqis kwalunkwe waħda minn dawn l-opinjonijiet.

9.   Il-bord ta' tmexxija għandu jikkoordina skont il-pjani ta' implimentazzjoni nazzjonali u Ewropej l-użu ta' applikazzjonijiet tal-IT interoperabbli jew soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu isiru disponibbli fil-ġejjieni, sabiex jittratta talbiet għal passaġġi ferrovjarji u l-operazzjoni tat-traffiku internazzjonali fuq il-kuritur tal-merkanzija.

Artikolu 9

Miżuri għall-implimentazzjoni tal-pjan tal-kuritur tal-merkanzija

1.   Il-bord ta' tmexxija għandu jfassal pjan ta' implimentazzjoni sa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel jagħmel il-kuritur tal-merkanzija operazzjonali u għandu jippreżentah għall-approvazzjoni lill-bord eżekuttiv. Dan il-pjan għandu jinkludi:

(a)

deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-kuritur tal-merkanzija, inklużi l-punti ta' konġestjoni, u l-programm ta' miżuri meħtieġa għall-ħolqien tal-kuritur tal-merkanzija;

(b)

l-elementi essenzjali tal-istudju msemmi fil-paragrafu 3;

(c)

l-objettivi tal-kurituri tal-merkanzija, b'mod partikolari fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kuritur tal-merkanzija espressa bħala l-kwalità tas-servizz u l-kapaċità tal-kuritur tal-merkanzija b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19;

(d)

il-pjan ta' investiment imsemmi fl-Artikolu 11; u

(e)

il-miżuri għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 sa 19.

2.   Il-bord ta' tmexxija għandu jirrevedi perjodikament il-pjan ta' implimentazzjoni filwaqt li jieħu kont tal-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tiegħu, fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija tul il-kuritur tal-merkanzija u fil-prestazzjoni mkejla skont l-objettivi msemmijin fil-punt (c) tal-paragrafu 1.

3.   Il-bord ta' tmexxija għandu jwettaq u jaġġorna perjodikament studju dwar is-suq tat-trasport fir-rigward tal-bidliet osservati u dawk mistennija fit-traffiku fuq il-kuritur tal-merkanzija, b’konsegwenza tat-twaqqif tiegħu, li jkopri t-tipi differenti ta' traffiku, kemm fir-rigward tat-trasport ta' merkanzija kif ukoll tat-trasport ta' passiġġieri. Dan l-istudju għandu wkoll janalizza, fejn ikun meħtieġ, l-ispejjeż u l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi li joħorġu mill-istabbiliment tal-kuritur tal-merkanzija.

4.   Il-pjan ta' implimentazzjoni għandu jqis l-iżvilupp ta' terminali biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tat-tħaddim ta' ferroviji tal-merkanzija tul il-kuritur tal-merkanzija, b’mod partikolari billi jaġixxu bħala perni intermodali tul il-kurituri tal-merkanzija.

5.   Il-bord ta' tmexxija għandu, fejn ikun xieraq, jadotta miżuri sabiex jikkoopera ma' amministraturi reġjonali u/jew lokali dwar il-pjan ta' implimentazzjoni.

Artikolu 10

Konsultazzjoni mal-applikanti

Il-bord ta' tmexxija għandu jintroduċi mekkaniżmi ta' konsultazzjoni bil-ħsieb tal-partiċipazzjoni adegwata tal-applikanti li x'aktarx jużaw il-kuritur tal-merkanzija. B'mod partikolari, huwa għandu jiżgura li l-applikanti jiġu kkonsultati qabel ma l-pjan ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 9 jiġi ppreżentat lill-bord eżekuttiv.

KAPITOLU III

INVESTIMENTI FIL-KURITUR TAL-MERKANZIJA

Artikolu 11

Ippjanar tal-investiment

1.   Il-bord ta' tmexxija għandu jfassal u jirrevedi perjodikament pjan ta' investiment, li jinkludi dettalji tal-investiment indikattiv fuq żmien medju u fit-tul fl-infrastruttura fil-kuritur tal-merkanzija, u għandu jippreżentah lill-bord eżekuttiv għall-approvazzjoni. Dan il-pjan għandu jinkludi:

(a)

il-lista tal-proġetti previsti għall-estensjoni, it-tiġdid jew il-mobilizzazzjoni mill-ġdid ta' infrastruttura ferrovjarja u t-tagħmir tagħha tul il-kuritur tal-merkanzija u r-rekwiżiti finanzjarji rilevanti u s-sorsi ta' finanzjament;

(b)

pjan ta' mobilizzazzjoni relatat mas-sistemi interoperabbli tul il-kuritur tal-merkanzija li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà applikabbli għan-netwerk kif definit fid-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (9). Dan il-pjan ta' mobilizzazzjoni għandu jkun ibbażat fuq analiżi tal-infiq meta mqabbel mal-benefiċċju tal-użu ta' sistemi interoperabbli;

(c)

pjan għat-tmexxija tal-kapaċità tal-ferroviji tal-merkanzija li jistgħu jiċċirkolaw fuq il-kuritur tal-merkanzija, li jinkludi t-tneħħija ta' mkejjen ta' konġestjoni identifikati. Dan il-pjan jista' jkun ibbażat fuq it-titjib fl-immaniġġar tal-veloċità u fuq iż-żieda fit-tul, fid-daqs tat-tagħbija, u fit-tagħbija mgħobbija jew fit-tagħbija tal-fus awtorizzati għall-ferroviji li jiċċirkolaw fuq il-kuritur tal-merkanzija; u

(d)

fejn applikabbli, referenza għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni prevista taħt programmi finanzjarji tal-Unjoni.

2.   L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri rigward l-ippjanar u l-finanzjament ta' infrastruttura ferrovjarja.

Artikolu 12

Koordinazzjoni tal-ħidma

Il-bord ta' tmexxija għandu jikkoordina u jiżgura l-pubblikazzjoni f'post wieħed, b'mod u f'perijodu ta' żmien xierqa, tal-iskeda ta' żmien għat-twettiq tax-xogħol kollu fuq l-infrastruttura u t-tagħmir tagħha li jkun jillimita l-kapaċità disponibbli fil-kuritur tal-merkanzija.

KAPITOLU IV

TMEXXIJA TAL-KURITUR TAL-MERKANZIJA

Artikolu 13

Punt ta' waqfa waħda applikabbli għall-kapaċità ta' infrastruttura

1.   Il-bord ta' tmexxija għal kuritur tal-merkanzija għandu jinnomina jew iwaqqaf korp konġunt biex l-applikanti jagħmlu talbiet u jirċievu tweġibiet, f'post wieħed u b'operazzjoni waħda, dwar kapaċità ta' infrastruttura għal ferroviji tal-merkanzija li jaqsmu mill-inqas fruntiera waħda tul il-kuritur tal-merkanzija (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “punt ta' waqfa waħda”).

2.   Il-punt ta' waqfa waħda għandu, bħala għodda ta' koordinazzjoni, jipprovdi wkoll informazzjoni bażika rigward l-allokazzjoni tal-kapaċità ta' infrastruttura, inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 18. Huwa għandu juri l-kapaċità tal-infrastruttura disponibbli fil-ħin tat-talba u l-karatteristiċi tagħha skont parametri definiti minn qabel, bħall-veloċità, it-tul, id-daqs tat-tagħbija jew it-tagħbija tal-fus awtorizzata, għal ferroviji li jiċċirkolaw fuq il-kuritur tal-merkanzija.

3.   Il-punt ta’ waqfa waħda għandu jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal mogħdijiet ferrovjarji maqbulin minn qabel speċifikati fl-Artikolu 14(3) u għall-kapaċità ta’ riserva msemmija fl-Artikolu 14(5). Huwa għandu jalloka l-kapaċità b'konformità mar-regoli dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità kif stabbilit fid-Direttiva 2001/14/KE. Huwa għandu jinforma lill-ġesturi tal-infrastruttura kompetenti b’dawn l-applikazzjonijiet u d-deċiżjoni għandha tittieħed mingħajr dewmien.

4.   Għal kwalunkwe talba ta' kapaċità tal-infrastruttura li ma tistax tiġi sodisfatta skont il-paragrafu 3, il-punt ta' waqfa waħda għandu jibgħat l-applikazzjoni għal kapaċità ta' infrastruttura mingħajr dewmien lill-ġesturi tal-infrastruttura kompetenti u, fejn hu rilevanti, lill-korpi ta' allokazzjoni kif imsemmijin fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE, li għandhom jieħdu deċiżjoni dwar dik l-applikazzjoni skont l-Artikolu 13 u l-Kapitolu III ta' dik id-Direttiva u jgħarrfu b’dan lill-punt ta’ waqfa waħda sabiex dan jipproċessa ulterjorment.

5.   L-attivitajiet tal-punt ta' waqfa waħda għandhom jitwettqu b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju. Għal dan l-iskop, għandu jinżamm reġistru li għandu jkun disponibbli b’mod ħieles għall-atturi kollha interessati. Fih għandhom jitniżżlu d-dati tat-talbiet, l-ismijiet tal-applikanti, id-dettalji tad-dokumenti ppreżentati u tal-inċidenti li seħħew. Dawn l-attivitajiet għandhom ikunu soġġetti għall-kontroll tal-korpi regolatorji f'konformità mal-Artikolu 20.

Artikolu 14

Kapaċità allokata għall-ferroviji tal-merkanzija

1.   Il-bord eżekuttiv għandu jiddefinixxi l-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta' infrastruttura fuq il-kuritur tal-merkanzija b’konformità mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14/KE.

2.   Il-bord ta' tmexxija għandu jevalwa l-ħtieġa għal kapaċità li għandha tiġi allokata lill-ferroviji tal-merkanzija li jgħaddu mill-kuritur tal-merkanzija b'kont meħud tal-istudju tas-suq dwar it-trasport imsemmi fl-Artikolu 9(3) ta' dan ir-Regolament, it-talbiet għall-kapaċità ta' infrastruttura relatati mal-iskedi ta' xogħol tal-imgħoddi u ta' issa u l-ftehimiet qafas.

3.   Abbażi tal-evalwazzjoni speċifikata fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-ġesturi tal-infrastruttura tal-kuritur tal-merkanzija għandhom konġuntament jiddefinixxu u jorganizzaw mogħdijiet ferrovjarji internazzjonali maqbulin minn qabel għal ferroviji tal-merkanzija billi jsegwu l-proċedura msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/14/KE filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa għal kapaċità ta' tipi oħrajn ta' trasport, inkluż it-trasport ta' passaġġieri. Huma għandhom jiffaċilitaw il-ħinijiet tal-vjaġġi, il-frekwenzi, il-ħinijiet tat-tluq u d-destinazzjoni u rotot xierqa għas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-għan li jiżdied it-trasport ta' merkanzija bil-ferroviji tal-merkanzija li jużaw il-kuritur tal-merkanzija. Dawn il-mogħdijiet ferrovjarji maqbulin minn qabel għandhom jiġu ppubblikati mhux aktar minn tliet xhur qabel id-data finali għall-preżentazzjoni ta' talbiet għal kapaċità msemmija fl-Anness III għad-Direttiva 2001/14/KE. Il-ġesturi tal-infrastruttura ta' diversi kurituri tal-merkanzija jistgħu, jekk meħtieġ, jikkoordinaw mogħdijiet ferrovjarji internazzjonali maqbulin minn qabel li joffru kapaċità fuq il-kurituri tal-merkanzija kkonċernati.

4.   Dawn il-mogħdijiet ferrovjarji maqbulin minn qabel għandhom jiġu allokati l-ewwel lil ferroviji tal-merkanzija li jaqsmu mill-inqas fruntiera waħda.

5.   Il-ġesturi tal-infrastruttura għandhom, jekk dan ikun iġġustifikat mill-ħtieġa tas-suq u l-evalwazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jiddefinixxu konġuntament il-kapaċità ta' riserva għal ferroviji internazzjonali tal-merkanzija li jgħaddu mill-kurituri tal-merkanzija filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa għal kapaċità ta' tipi oħrajn ta' trasport, inkluż it-trasport ta' passaġġieri u jżommu din ir-riserva disponibbli fl-iskedi ta' żmien finali tagħhom biex tippermetti risposta rapida u adegwata għal talbiet ad hoc għal kapaċità kif imsemmi fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/14/KE. Din il-kapaċità għandha tkun riservata sal-limitu ta' żmien qabel iż-żmien skedat tagħha kif deċiż mill-bord ta' tmexxija. Dan il-limitu ta' żmien m'għandux jisboq is-60 jum.

6.   Il-bord ta' tmexxija għandu jippromwovi l-koordinazzjoni ta' regoli prijoritarji relatati mal-allokazzjoni ta' kapaċità fil-kuritur tal-merkanzija.

7.   L-amministraturi tal-infrastruttura jistgħu jinkludu fil-kondizzjonijiet tagħhom tal-użu, ħlas għal mogħdijiet ferrovjarji li jkunu ġew allokati imma fl-aħħar mill-aħħar ma jintużawx. L-ammont ta' dan il-ħlas għandu jkun xieraq, dissważiv u effettiv.

8.   Ħlief fil-każ ta’ force majeure, inkluż xogħol urġenti u li ma jistax jitbassar u li jkun kritiku għas-sikurezza, mogħdija ferrovjarja allokata għal operazzjoni tal-merkanzija skont dan l-Artikolu ma tistax titħassar inqas minn xahrejn qabel il-żmien skedat tagħha fl-iskeda ta’ żmien stabbilita jekk l-applikant ikkonċernat ma jagħtix l-approvazzjoni tiegħu għal tali tħassir. F'tali każ il-ġestur tal-infrastruttura kkonċernat għandu jagħmel sforz biex jipproponi lill-applikant mogħdija ferrovjarja ta' kwalità u affidibbiltà ekwivalenti li l-applikant għandu d-dritt li jaċċetta jew li jirrifjuta. Din id-disposizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt li l-applikant jista' jkollu taħt ftehim bħal dak imsemmi fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2001/14/KE. F’kull każ, l-applikant jista’ jirreferi l-kwistjoni quddiem il-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament.

9.   Il-bord ta' tmexxija tal-kuritur tal-merkanzija u l-grupp konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 8(7) għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw l-aħjar koordinazzjoni tal-allokazzjoni ta' kapaċità bejn il-ġesturi tal-infrastruttura, kemm għal talbiet kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) kif ukoll għal talbiet ippreżentati lill-ġesturi tal-infrastruttura kkonċernati. Dan għandu jqis wkoll l-aċċess għat-terminali.

10.   Fil-paragrafi 4 u 9 ta' dan l-Artikolu, ir-referenzi għall-ġesturi tal-infrastruttura għandhom jinkludu, fejn hu rilevanti, il-korpi ta' allokazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE.

Artikolu 15

Applikanti awtorizzati

Minkejja l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2001/14/KE, applikanti oħra minbarra l-impriżi ferrovjarji u l-gruppi internazzjonali li dawn jikkostitwixxu, bħal shippers, burdnara u operaturi kombinati tat-trasport, jistgħu jitolbu l-mogħdijiet ferrovjarji internazzjonali maqbulin minn qabel speċifikati fl-Artikolu 14(3) u l-kapaċità ta’ riserva msemmija fl-Artikolu 14(5). Sabiex jużaw tali mogħdija ferrovjarja għat-trasport tal-merkanzija fuq il-kuritur tal-merkanzija dawn l-applikanti għandhom jaħtru impriża ferrovjarja sabiex tagħmel ftehim mal-ġestur tal-infrastruttura skont l-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 91/440/KEE.

Artikolu 16

Tmexxija tat-traffiku

1.   Il-bord ta’ tmexxija tal-kuritur tal-merkanzija għandhom jistabbilixxu proċeduri għall-koordinazzjoni tat-tmexxija tat-traffiku tul il-kuritur tal-merkanzija. Il-bordijiet ta’ tmexxija ta’ kurituri tal-merkanzija konnessi għandhom jimplimentaw proċeduri biex jikkoordinaw it-traffiku tul kurituri tal-merkanzija ta’ dan it-tip.

2.   Il-ġesturi tal-infrastruttura tal-kuritur tal-merkanzija u l-grupp konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 8(7) għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw l-aħjar koordinazzjoni possibbli bejn l-operat tal-infrastruttura ferrovjarja u t-terminali.

Artikolu 17

Tmexxija tat-traffiku fil-każ ta' tfixkil

1.   Il-bord ta' tmexxija għandu jadotta miri komuni għal-puntwalità u/jew linji gwida għat-tmexxija tat-traffiku fil-każ ta' tfixkil tal-movimenti ta' ferrovija fil-kuritur tal-merkanzija.

2.   Kull ġestur tal-infrastruttura kkonċernat għandu jfassal regoli prijoritarji għat-tmexxija bejn it-tipi differenti ta' traffiku fil-parti tal-kuritur tal-merkanzija li huma r-responsabbiltà ta' dak il-ġestur tal-infrastruttura skont il-miri komuni u/jew il-linji gwida msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk ir-regoli prijoritarji għandhom jiġu ppubblikati fid-dikjarazzjoni tan-netwerk imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/14/KE.

3.   Il-prinċipji għall-istabbiliment tar-regoli prijoritarji għandhom mill-inqas jipprevedu li l-mogħdija ferrovjarja msemmija fl-Artikolu 14(3) u (5) allokata għall-ferroviji tal-merkanzija li jikkonformaw mal-ħin skedat tagħhom fl-iskeda ta' żmien stabbilita m'għandhomx jiġu modifikati, safejn ikun possibbli. Il-prinċipji għall-istabbiliment tar-regoli prijoritarji għandhom jimmiraw li jimminimizzaw il-ħin ta' rkupru ġenerali tan-netwerk fir-rigward tal-ħtieġijiet tat-tipi kollha ta' trasport. Għal dan il-għan, il-ġesturi tal-infrastruttura jistgħu jikkoordinaw it-tmexxija bejn it-tipi differenti ta' traffiku tul diversi kurituri tal-merkanzija.

Artikolu 18

Informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet tal-użu tal-kuritur tal-merkanzija

Il-bord ta' tmexxija għandu jfassal, jaġġorna regolarment u jippubblika dokument li jkun fih:

(a)

l-informazzjoni kollha li tinsab fid-dikjarazzjoni tan-netwerk għal netwerks nazzjonali rigward il-kuritur tal-merkanzija, imfassla skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/14/KE;

(b)

il-lista u l-karatteristiċi tat-terminali, b'mod partikolari informazzjoni rigward il-kondizzjonijiet u l-metodi ta' aċċess għat-terminali;

(c)

l-informazzjoni rigward il-proċeduri msemmijin fl-Artikoli 13 sa 17 ta' dan ir-Regolament; u

(d)

il-pjan ta' implimentazzjoni.

Artikolu 19

Kwalità tas-servizz fuq il-kuritur tal-merkanzija

1.   Il-bord ta’ tmexxija tal-kuritur tal-merkanzija għandu jippromwovi l-kompatbilità bejn l-iskemi ta’ prestazzjoni tul il-kuritur tal-merkanzija, kif imsemmi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE.

2.   Il-bord ta' tmexxija għandu jissorvelja l-prestazzjoni ta' servizzi ferrovjarji tal-merkanzija fuq il-kuritur tal-merkanzija u jippubblika r-riżultati ta' din is-sorveljanza darba fis-sena.

3.   Il-bord ta' tmexxija għandu jorganizza stħarriġ ta' sodisfazzjon tal-utenti tal-kuritur tal-merkanzija u għandu jippubblika r-riżultati tal-istħarriġ tiegħu darba fis-sena.

Artikolu 20

Korpi regolatorji

1.   Il-korpi regolatorji msemmijin fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE għandhom jikkooperaw fl-issorveljar tal-kompetizzjoni fil-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija. B'mod partikolari, huma għandhom jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju għall-kuritur u għandhom ikunu l-korpi ta' appell previsti fl-Artikolu 30(2) ta' dik id-Direttiva. Huma għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa miksuba mill-ġesturi tal-infrastruttura u partijiet rilevanti oħrajn.

2.   Sabiex titrawwem kompetizzjoni ħielsa u ġusta fuq il-kurituri tal-merkanzija, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu livell komparabbli ta’ kontroll. Il-korpi regolatorji għandhom ikunu aċċessibbli faċilment għall-atturi fis-suq u għandhom ikunu f’pożizzjoni li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom b’mod indipendenti u effiċjenti.

3.   Fil-każ li jkun hemm ilment lil korp regolatorju minn applikant rigward servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija, jew fil-qafas ta' investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess, dan il-korp regolatorju għandu jikkonsulta lill-korpi regolatorji tal-Istati Membri l-oħra kollha li minnhom tgħaddi l-mogħdija ferrovjarja internazzjonali tal-ferroviji tal-merkanzija u jitlobhom l-informazzjoni kollha meħtieġa qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu.

4.   Il-korpi regolatorji kkonsultati taħt il-paragrafu 3 għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha li huma stess għandhom id-dritt jitolbu taħt il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom lill-korp regolatorju kkonċernat. Din l-informazzjoni tista' tintuża biss biex jiġu trattati l-ilment jew l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Il-korp regolatorju li jkun irċieva l-ilment jew li jkun beda l-investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess għandu jittrasferixxi l-informazzjoni rilevanti lill-korp regolatorju responsabbli sabiex dak il-korp jieħu miżuri rigward il-partijiet ikkonċernati.

6.   Kwalunkwe rappreżentant assoċjat ta' ġesturi tal-infrastruttura kif imsemmi fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2001/14/KE għandu jiżgura l-għoti, mingħajr dewmien, tal-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu trattati l-ilment jew l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u mitluba mill-korp regolatorju tal-Istat Membru li fih ikun jinsab ir-rappreżentant assoċjat. Dan il-korp regolatorju għandu jkun intitolat li jittrasferixxi tali informazzjoni rigward il-mogħdija ferrovjarja internazzjonali kkonċernata lill-korpi regolatorji msemmijin fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 11a tad-Direttiva 91/440/KEE.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

Artikolu 22

Sorveljanza tal-implimentazzjoni

Kull sentejn mill-mument tal-istabbiliment ta' kuritur tal-merkanzija, il-bord eżekuttiv imsemmi fl-Artikolu 8(1) għandu jippreżenta lill-Kummissjoni r-riżultati tal-pjan ta' implimentazzjoni għal dak il-kuritur. Il-Kummissjoni għandha tanalizza dawk ir-riżultati u tinnotifika lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 bl-analiżi tagħha.

Artikolu 23

Rapport

Il-Kummissjoni għandha teżamina perjodikament l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Hija għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, għall-ewwel darba sal-10 ta’ Novembru 2015, u kull tliet snin wara dan.

Artikolu 24

Miżuri tranżizzjonali

Dan ir-Regolament m'għandux japplika għar-Repubblika ta' Ċipru u għal Malta sakemm ma tiġi stabbilita l-ebda sistema ferrovjarja fit-territorju tagħhom.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Settembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 94.

(2)  ĠU C 79, 27.3.2010, p. 45.

(3)  Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 (ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 354), pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-22 ta' Frar 2010 (ĠU C 114 E, 4.5.2010, p. 1), pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2010 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2010.

(4)  ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25.

(5)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  Ara l-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew (ĠU L 204, 5.8.2010, p. 1).

(8)  ĠU L 199, 31.7.1985, p. 1.

(9)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.


ANNESS

Lista ta' kurituri inizjali tal-merkanzija

 

Stati Membri

Rotot prinċipali (1)

Stabbiliment ta' kurituri tal-merkanzija:

1.

NL, BE, DE, IT

Zeebrugge-Anversa/Rotterdam-Duisburg-[Basel]-Milan-Genova

Sal-10 ta’ Novembru 2013

2.

NL, BE, LU, FR

Rotterdam-Anversa-Lussemburgu-Metz-Dijon-Lyon/[Basel]

Sal-10 ta’ Novembru 2013

3.

SE, DK, DE, AT, IT

Stokkolma-Malmö-Kopenħagen-Ħamburg-Innsbruck-Verona-Palermo

Sal-10 ta’ Novembru 2015

4.

PT, ES, FR

Sines-Lisbona/Leixões

Madrid-Medina del Campo/Bilbao/San Sebastian-Irun-Bordeaux-Paris/Le Havre/Metz

Sines-Elvas/Algeciras

Sal-10 ta’ Novembru 2013

5.

PL, CZ, SK, AT, IT, SI

Gdynia-Katowice-Ostrava/Žilina-Bratislava/Vjenna/Klagenfurt-Udine-Venezja/Trieste/Bologna/Ravenna/

Graz-Maribor-Ljubljana-Koper/Trieste

Sal-10 ta’ Novembru 2015

6.

ES, FR, IT, SI, HU

Almería-Valencia/Madrid-Zaragoza/Barcelona-Marseille-Lyon-Turin-Milan-Verona-Padua/Venezja-Trieste/Koper-Ljubljana-Budapest-Zahony (fruntiera bejn l-Ungerija u l-Ukrajna)

Sal-10 ta’ Novembru 2013

7.

CZ, AT, SK, HU, RO, BG, EL

Bucharest-Constanta

Praga-Vjenna/Bratislava-Budapest

Vidin-Sofia-Thessaloniki-Ateni

Sal-10 ta’ Novembru 2013

8.

DE, NL, BE, PL, LT

Bremerhaven/Rotterdam/Anversa-Aachen/Berlin-Varsavja-Terespol (fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarus)/Kaunas

Sal-10 ta’ Novembru 2015

9.

CZ, SK

Praga-Horní Lideč-Žilina-Košice-Čierna nad Tisou (fruntiera bejn is-Slovakkja u l-Ukrajna)

Sal-10 ta’ Novembru 2013


(1)  “/” tfisser rotot alternattivi. Bi qbil mal-proġetti prijoritarji tat-TEN-T, l-itinerarji 4 u 6 għandhom, fil-ġejjieni, jiġu kkompletati mill-Proġett 16 fuq l-assi ferrovjarja tal-merkanzija Sines/Algeciras-Madrid-Paris, li jinkludi l-passaġġ ċentrali tal-Pirenej minn ġo mina ta’ altitudini baxxa.