3.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 233/27 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/61/UE
tat-2 ta’ Settembru 2010
li tadatta għall-ewwel darba l-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi għall-progress tekniku u xjentifiku
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Anness I, it-Taqsima I.1, l-Anness II, it-Taqsima II.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1. għad-Direttiva 2008/68/KE jirreferu għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferroviji u b’passaġġi interni kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva. |
(2) |
Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet internazzjonali jiġu aġġornati kull sentejn. Konsegwentement, il-verżjonijiet emendati ta’ dawn il-ftehimiet għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2011, b’perjodu tranżizzjonali sat-30 ta’ Ġunju 2011. |
(3) |
L-Anness I, it-Taqsima I.1, l-Anness II, it-Taqsima II.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1 għad-Direttiva 2008/68/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan: |
(4) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2008/68/KE
L-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE huma emendati kif ġej:
1. |
Fl-Anness I, it-Taqsima G.1 hija ssostitwita b’dan li ġej: “I.1. ADR Fl-Annessi A u B għall-ADR, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, huwa mifhum illi l-frażi ‘parti kontraenti’ tiġi ssostitwita bil-frażi ‘Stat Membru’ kif xieraq.” |
2. |
Fl-Anness II, it-Taqsima II.1 hija ssostitwita b’dan li ġej: “II.1. RID L-Anness għar-RID, li jidher fl-Appendiċi C għall-COTIF, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, huwa mifhum illi ‘Stat Kontraenti fir-RID’ hija ssostitwita bi ‘Stat Membru’ kif xieraq.” |
3. |
Fl-Anness III, it-Taqsima III.1 hija ssostitwita b’dan li ġej: “III.1. ADN Fir-Regolamenti annessi għall-ADN, kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, kif ukoll l-Artikoli 3(f), 3(h), 8(1), 8(3) tal-ADN, huwa mifhum illi ‘parti kontraenti’ hija ssostitwita bi ‘Stati Membri’ kif xieraq.” |
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.