30.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/1


DIRETTIVA 2010/35/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Ġunju 2010

dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 76/767/KEE, 84/525/KEE, 84/526/KEE, 84/527/KEE u 1999/36/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/36/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr (3) ġiet adottata bħala l-ewwel pass lejn it-titjib tas-sikurezza fit-trasport ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, waqt li żgurat il-moviment liberu ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr f’suq wieħed tat-trasport.

(2)

Fid-dawl ta’ żviluppi fis-sikurezza fil-qasam tat-trasport, jeħtieġ li ssir reviżjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tekniċi tad-Direttiva 1999/36/KE.

(3)

Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (4) estendiet l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ ċerti ftehim internazzjonali biex ikopru t-traffiku nazzjonali bl-iskop li jiġu uniformizzati l-kundizzjonijiet li taħthom jiġu trasportati oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija u fuq passaġġi tal-ilma interni madwar l-Unjoni.

(4)

Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu aġġornati kif meħtieġ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/36/KE biex jiġu evitati regoli konfliġġenti, b’mod partikolari rigward rekwiżiti għall-konformità, evalwazzjoni tal-konformità u proċeduri għall-evalwazzjoni tal-konformità relatati mal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr.

(5)

Sabiex tittejjeb is-sikurezza fir-rigward tat-trasport ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr approvat għat-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi u biex jiġi żgurat il-moviment liberu, inkluż it-tqegħid fis-suq, id-disponibilità fis-suq u l-użu ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr fl-Unjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-obbligi tal-operaturi diversi u r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-apparat ikkonċernat.

(6)

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (5) tikkostitwixxi qafas ġenerali ta’ natura orizzontali għall-leġiżlazzjoni tal-ġejjieni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti. Dan il-qafas għandu japplika fejn xieraq fil-qasam tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr b’konformità mal-objettiv li jiġu armonizzati r-regoli dwar il-moviment liberu tal-prodotti.

(7)

Biex ma xxekkilx operazzjonijiet ta’ trasport bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr użat esklussivament għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi mit-territorju tal-Unjoni għal dak ta’ pajjiżi terzi.

(8)

L-obbligi ta’ operaturi ekonomiċi diversi, inklużi sidien u operaturi ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, għandhom ikunu speċifikati fl-interess tas-sikurezza fit-trasport u l-moviment liberu ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr.

(9)

Operaturi ekonomiċi għandhom skont l-irwol rispettiv tagħhom fil-katina ta’ forniment ikunu responsabbli għall-konformità ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr mar-regoli tas-sikurezza u tal-aċċess għas-suq.

(10)

Konformità ta’ apparat ta’ pressjoni ġdid li jista’ jinġarr mar-rekwiżiti tekniċi tal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u ta’ din id-Direttiva għandha tiġi murija permezz ta’ evalwazzjoni ta’ konformità biex jiġi ppruvat li t-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr għandu livell ta’ sikurezza sodisfaċenti.

(11)

Spezzjonijiet perjodiċi, spezzjonijiet intermedji u kontrolli eċċezzjonali ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr għandhom isiru b’konformità mal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u ma’ din id-Direttiva biex jiżguraw konformità kontinwa mar-rekwiżiti ta’ sikurezza stipulati fihom.

(12)

Apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr irid ikun immarkat b’marka li turi li huwa konformi mad-Direttiva 2008/68/KE u ma’ din id-Direttiva biex jiġi żgurat il-moviment liberu u l-użu liberu tiegħu.

(13)

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li kien tqiegħed fis-suq qabel id-data rilevanti ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/36/KE u li ma kienx suġġett għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità.

(14)

Fejn apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr eżistenti li għad ma ġiex evalwat għall-konformità mad-Direttiva 1999/36/KE ikun se jibbenefika mill-moviment ħieles u l-użu ħieles tiegħu dan għandu jkun suġġett għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità.

(15)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti għal awtoritajiet responsabbli għall-evalwazzjoni, n-notifika u l-monitoraġġ ta’ korpi notifikati sabiex jiġi żgurat livell konsistenti ta’ kwalità fil-prestazzjoni ta’ korpi notifikati.

(16)

Il-proċeduri ta’ evalwazzjoni li għalihom qed jiġi provdut fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva jirrekjedu l-intervent ta’ korpi ta’ spezzjoni li jistabbilixxu rekwiżiti operazzjonali dettaljati li jiżguraw livell uniformi ta’ prestazzjoni madwar l-Unjoni kollha. Dawn l-korpi ta’ spezzjoni imbagħad għandhom jiġu notikifati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri.

(17)

L-awtorità tan-notifika għandha tieħu responsabbiltà għall-monitoraġġ tal-korp notifikat irrispettivament ta’ minn fejn qed jiżvolġi l-attivitajiet tiegħu l-korp notifikat sabiex tiġi żgurata responsabbiltà ċara għall-monitoraġġ li jkun qed isir.

(18)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli komuni għar-rikonoxximent reċiproku ta’ korpi notifikati li jiżguraw konformità mad-Direttiva 2008/68/KE u ma’ din id-Direttiva. Dawn ir-regoli komuni jservu biex jeliminaw infiq żejjed u proċeduri amministrattivi żejda relatati mal-approvazzjoni tal-apparat u jeliminaw ukoll barrieri tekniċi għall-kummerċ.

(19)

L-Istati Membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jieħdu miżuri biex jillimitaw jew jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ tagħmir f’każijiet fejn tali tagħmir jippreżenta riskji ta’ sikurezza f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, inkluż meta tali tagħmir ikun konformi mad-Direttiva 2008/68/KE u ma’ din id-Direttiva.

(20)

Il-Kummissjoni għandha tfassal linji gwida speċifiċi biex tiffaċilita l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tekniċi ta’ din id-Direttiva, filwaqt li tqis ir-riżultati tal-iskambju tal-esperjenza kif inhu previst fl-Artikoli 28 u 29.

(21)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) rigward ċerti adattazzjonijiet tal-Annessi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fuq il-livell tal-esperti.

(22)

Id-Direttiva tal-Kunsill 76/767/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ dispożizzjonijiet għal tankijiet taħt pressjoni u metodi tal-ispezzjoni tagħhom (6), id-Direttiva tal-Kunsill 84/525/KEE tas-17 ta’ Settembru 1984 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ċilindri tal-gass tal-azzar mingħajr ġonot (7), id-Direttiva tal-Kunsill 84/526/KEE tas-17 ta’ Settembru 1984 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ċilindri tal-gass mingħajr ġonot, tal-aluminju mhux imħallat u tal-liga tal-aluminju (8), id-Direttiva tal-Kunsill 84/527/KEE tas-17 ta’ Settembru 1984 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ċilindri tal-gass iwweldjati tal-azzar mhux ligat (9) u d-Direttiva 1999/36/KE m’għadhomx japplikaw u għaldaqstant għandhom jitħassru.

(23)

F’konformità mal-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (10), l-Istati Membri huma mħeġġa biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, u biex jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Ambitu

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dettaljati dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr biex tittejjeb is-sikurezza u jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tagħmir ta’ dan it-tip fl-Unjoni.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

(a)

apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ġdid kif speċifikat fl-Artikolu 2(1), li mhuwiex immarkat bil-marki ta’ konformità previsti fid-Direttivi 84/525/KEE, 84/526/KEE, 84/527/KEE jew 1999/36/KE, bl-iskop li jsir disponibbli fis-suq;

(b)

apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ġdid kif imfisser fl-Artikolu 2(1), immarkat bil-marki ta’ konformità previsti f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi 84/525/KEE, 84/526/KEE, 84/527/KEE jew 1999/36/KE, għall-iskopijiet tal-ispezzjonijiet perjodiċi, l-ispezzjonijiet intermedji, il-kontrolli eċċezzjonali u l-użu tiegħu;

(c)

apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr kif speċifikat fl-Artikolu 2(1), li mhuwiex immarkat bil-marki ta’ konformità previsti fid-Direttiva 1999/36/KE, għall-iskopijiet ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità.

3.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li kien ġie mqiegħed fis-suq qabel id-data ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/36/KE u li ma kienx suġġett għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità.

4.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr użat esklussivament għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, imwettaq skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr” tfisser:

(a)

il-kontenituri kollha tal-pressa, il-valvoli tagħhom u aċċessorji oħra meta xieraq, kif koperti fil-Kapitolu 6.2 tal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE;

(b)

tankijiet, vetturi/karrijiet tal-batteriji, kontenituri tal-gass ta’ elementi multipli (MEGCs), il-valvoli tagħhom u aċċessorji oħra meta xieraq, kif koperti fil-Kapitolu 6.8 tal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE,

meta l-apparat imniżżel taħt (a) jew (b) jintuża skont dawk l-Annessi għat-trasport ta’ gassijiet tal-Klassi 2, bl-eċċezzjoni ta’ gassijiet jew artikoli bin-numri 6 u 7 fil-kodiċi ta’ klassifikazzjoni, u għat-trasportazzjoni tas-sustanzi perikolużi ta’ klassijiet oħra speċifikati fl-Anness I ta’ din id-Direttiva.

Apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr għandu jinftiehem bħala li jinkludi kontenituri tal-gass (NU Nru 2037) u li jeskludi ajrusols (NU Nru 1950), kontenituri krijoġeniċi miftuħa, ċilindri tal-gass għal apparat għat-teħid tan-nifs, apparat tat-tifi tan-nar (NU Nru 1044), apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr eżentat skont 1.1.3.2 tal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr eżentat mir-regoli għall-kostruzzjoni u l-ittestjar tal-imballaġġ skont id-dispożizzjonijiet speċjali fil-punt 3.3 tal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE;

(2)

“Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE” tfisser Taqsima I.1 tal-Anness I, Taqsima II.1 tal-Anness II, u Taqsima III.1 tal-Anness III, għad-Direttiva 2008/68/KE;

(3)

“tqegħid fis-suq” ifisser it-tqegħid għad-disposizzjoni ta’ xi apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni;

(4)

“li jsir disponibbli fis-suq” ifisser kull provvista ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr għal tqassim jew użu fis-suq tal-Unjoni waqt l-iżvolġiment ta’ attività kummerċjali jew ta’ servizz pubbliku, kemm jekk bil-ħlas kif ukoll bla ħlas;

(5)

“użu” jfisser mili, ħżin temporanju marbut mal-ġarr, żvujtar u mili mill-ġdid ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr;

(6)

“tneħħija” tfisser kwalunkwe miżura li tista’ tittieħed biex jiġi evitat milli jsir disponibbli fis-suq jew jintuża xi apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr;

(7)

“irtirar” tfisser kull miżura mmirata biex jinkiseb il-għoti lura ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li jkun diġà ġie magħmul disponibbli lill-utent aħħari;

(8)

“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, jew partijiet minnu, jew li ġġiegħel li jiġi ddisinjat jew manifatturat tagħmir bħal dan u tikkummerċjalizzah taħt isimha jew taħt il-marka tal-fabbrika tagħha;

(9)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li rċeviet mandat bil-miktub mill-manifattur sabiex taġixxi għan-nom tiegħu fir-rigward ta’ kompiti speċifiċi;

(10)

“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li tqiegħed apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, jew partijiet minnu li joriġina minn pajjiż terz, fis-suq tal-Unjoni;

(11)

“distributur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-manifattur jew l-importatur, li tagħmel apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jew partijiet minnu disponibbli fis-suq;

(12)

“sid” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun sid ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr;

(13)

“operatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tagħmel użu minn apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr;

(14)

“operatur ekonomiku” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur, id-distributur, is-sid jew l-operatur li jaġixxi fl-iżvolġiment ta’ attività kummerċjali, jew tas-servizz pubbliku, kemm jekk bil-ħlas kif ukoll b’xejn;

(15)

“evalwazzjoni ta’ konformità” tfisser l-evalwazzjoni u l-proċedura li tintuża għall-evalwazzjoni tal-konformità stipulata fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE;

(16)

“il-marka Pi” tfisser marka li tindika li apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli rigward l-evalwazzjoni ta’ konformità stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva:

(17)

“evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità” tfisser il-proċedura li tintuża, fuq talba tas- sid jew tal-operatur, għall-evalwazzjoni sussegwenti tal-konformità tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr manifatturat u mqiegħed fis-suq qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/36/KE;

(18)

“spezzjoni perjodika” tfisser il-kontroll li jsir kull tant żmien u l-proċeduri li jirregolaw l-ispezzjoni perjodika skont kif stipulat fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE;

(19)

“spezzjoni intermedja” tfisser il-kontroll li jsir fi żmien intermedju u l-proċeduri li jirregolaw l-ispezzjoni intermedja skont kif stipulat fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE;

(20)

“kontroll eċċezzjonali” tfisser il-kontroll eċċezzjonali u l-proċeduri li jirregolaw il-kontroll eċċezzjonali stipulati fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE;

(21)

“korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni” jfisser l-uniku korp fi Stat Membru li jiżvolġi akkreditazzjoni b’awtorità mogħtija mill-Istat;

(22)

“akkreditazzjoni” tfisser ċertifikazzjoni minn korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni li turi li entità notifikata tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni paragrafu ta’ 1.8.6.8 tal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE;

(23)

“awtorità ta’ notifika” tfisser awtorità maħtura minn Stat Membru skont kif stipulat fl-Artikolu 17;

(24)

“entità notifikata” tfisser korp ta’ spezzjoni li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u l-kundizzjonijiet meħtieġa stabbiliti fl-Artikoli 20 u 26 ta’ din id-Direttiva u notifikati skont kif stipulat fl-Artikolu 22 ta’ din id-Direttiva;

(25)

“notifika” hija l-proċess li permezz tiegħu korp ta’ spezzjoni jingħata status ta’ awtorità notifikata li jinkludi wkoll il-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati membri;

(26)

“sorveljanza tas-suq” tfisser l-attivitajiet imwettqa u l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jassiguraw li waqt iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ikun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva u li dan ma jipperikolax is-saħħa, is-sikurezza jew kwalunkwe aspett ieħor ta’ protezzjoni tal-interess pubbliku.

Artikolu 3

Rekwiżiti fuq il-post

L-Istati Membri jistgħu fit-territorju tagħhom jistabbilixxu rekwiżiti fuq il-post għal ħżin għal tul ta’ żmien medju jew fit-tul jew għall-użu fuq il-post ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr. Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali rigward l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr nnifsu.

KAPITOLU 2

OBBLIGI TA’ OPERATURI EKONOMIĊI

Artikolu 4

Obbligi tal-manifatturi

1.   Meta jqiegħdu l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr tagħhom fuq is-suq, il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-apparat ġie ddisinjat, manifatturat u dokumentat b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva.

2.   Meta tiġi murija l-konformità tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr mar-rekwiżiti applikabbli permezz tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-konformità stabbilit fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva, il-manifatturi għandhom iwaħlu l-marka Pi skont l-Artikolu 15 ta’ din id-Direttiva.

3.   Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika speċifikata fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE. Din id-dokumentazzjoni għandha tinżamm għall-perjodu indikat fihom.

4.   Manifatturi li jaħsbu jew li għandhom raġuni biex jaħsbu li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li qiegħdu fis-suq mhuwiex konformi mal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE jew ma’ din id-Direttiva għandhom immedjatament jieħdu l-passi korrettivi meħtieġa biex iqiegħdu f’konformità l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, li jneħħuh mis-suq jew jirtirawh, jekk ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn għamlu l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr disponibbli dwar dan, u għandhom jagħtu dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar miżuri korrettivi li ttieħdu.

5.   Il-manifatturi għandhom jiddokumentaw il-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità u ta’ teħid ta’ miżuri korrettivi.

6.   Il-manifatturi għandhom, fuq talba motivata tal-awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi murija l-konformità tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, f’lingwa li tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Dawn għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, dwar kull azzjoni li tista’ tittieħed biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li jkunu qiegħdu fis-suq.

7.   Il-manifatturi għandhom jipprovdu lil operaturi biss b’informazzjoni li hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva.

Artikolu 5

Rappreżentanti awtorizzati

1.   Manifatturi jistgħu, permezz ta’ mandat bil-miktub, jaħtru rappreżentant awtorizzat.

L-obbligi stipulati fl-Artikolu 4(1) u (2) u t-tħejjija ta’ dokumentazzjoni teknika ma għandhiex tifforma parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

2.   Rappreżentant awtorizzat għandu jeżegwixxi l-kompiti speċifikati fil-mandat mogħti lilu mill-manifattur. Il-mandat għandu jippermetti lir-rappreżentant awtorizzat biex jagħmel mill-inqas dan li ġej:

(a)

iżomm id-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali mill-inqas għall-perjodu speċifikat fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE għall-manifatturi;

(b)

fuq talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovdu lil din l-awtorità bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi murija l-konformità tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, f’lingwa li tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità;

(c)

jikkopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq talba tagħhom, f’kull azzjoni li tista’ tittieħed biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr kopert mill-mandat.

3.   L-identità u l-indirizz tar-rappreżentant awtorizzat għandha tiġi indikata fiċ-ċertifikat ta’ konformità speċifikata fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE.

4.   Rappreżentanti awtorizzati għandhom jipprovdu lil operaturi biss b’informazzjoni li hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva.

Artikolu 6

Obbligi tal-importaturi

1.   Importaturi għandhom iqiegħdu biss fis-suq tal-Unjoni apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li huwa konformi mal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u ma’ din id-Direttiva.

2.   Qabel ma jqiegħdu apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr fis-suq, l-importaturi għandhom jiżguraw li saret il-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ konformità min-naħa tal-manifattur. Dawn għandhom jiżguraw li l-manifattur ħejja d-dokumentazzjoni teknika u li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr juri l-marka Pi u huwa akkumpanjat miċ-ċertifikat ta’ konformità speċifikat fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE.

Meta importatur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE jew ma’ din id-Direttiva, huwa ma għandux iqiegħed l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr fis-suq sakemm dan ma jkunx sar konformi. Barra minn hekk, jekk apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jippreżenta riskju, l-importatur għandu jinforma lill-manifattur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

3.   Importaturi għandhom jindikaw isimhom u l-indirizz li fih jistgħu jiġu kkuntattjati fiċ-ċertifikat ta’ konformità jew mehmużin mal-istess ċertifikat ta’ konformità speċifikat fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE.

4.   Importaturi għandhom jiżguraw li, waqt li apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħżin jew ta’ trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stipulati fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE.

5.   Importaturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li qiegħdu fis-suq mhuwiex konformi mal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE jew ma’ din id-Direttiva għandhom immedjatament jieħdu l-passi korrettivi meħtieġa biex iġibu f’konformità l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, biex jneħħuh mis-suq jew biex jirtirawh, jekk ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jippreżenta riskju, l-importaturi għandhom jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn għamlu l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr disponibbli dwar dan minnufih, u għandhom jagħtu dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar miżuri korrettivi li setgħu ttieħdu.

Importaturi għandhom jiddokumentaw il-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità u ta’ teħid ta’ miżuri korrettivi.

6.   Importaturi għandhom, mill-inqas għall-perjodu speċifikat fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE għall-manifatturi, iżommu kopja tad-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u jiżguraw li d-dokumentazzjoni teknika tista’ tiġi magħmula disponibbli lil dawk l-awtoritajiet fuq talba tagħhom.

7.   Importaturi għandhom, fuq talba motivata tal-awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi murija l-konformità tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, f’lingwa li tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Dawn għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, f’kull azzjoni li tista’ tittieħed biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li jkunu qiegħdu fis-suq.

8.   Importaturi għandhom jipprovdu lil operaturi biss b’informazzjoni li hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva.

Artikolu 7

Obbligi tad-distributuri

1.   Distributuri għandhom biss iqiegħdu fis-suq tal-Unjoni apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li huwa konformi mal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u ma’ din id-Direttiva. Qabel ma jqiegħdu apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr fis-suq distributuri għandhom jivverifikaw li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr għandu l-marka Pi, u li din tkun akkumpanjata minn ċertifikat ta’ konformità u l-indirizz tal-kuntatt imsemmi fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-Direttiva.

Meta distributur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE jew ma’ din id-Direttiva, huwa ma għandux iqiegħed l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr fis-suq sakemm dan ma jkunx sar konformi. Barra minn hekk, jekk l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jippreżenta riskju, id-distributur huwa obbligat li jinforma lill-manifattur jew lill-importatur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

2.   Id-distributuri għandhom jiżguraw li, waqt li apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr huwa taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ ħżin jew ta’ trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stipulati fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE.

3.   Distributuri li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li qiegħdu fis-suq mhuwiex konformi mal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE jew ma’ din id-Direttiva għandhom jiżguraw li jiġu implimentati l-miżuri korrettivi meħtieġa biex l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jitqiegħed f’konformità, li dan jitneħħa mis-suq jew li jissejjaħ lura, jekk ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jippreżenta riskju, l-importaturi għandhom jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn għamlu l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr disponibbli dwar dan minnufih, u għandhom jagħtu dettalji, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar miżuri korrettivi li setgħu ttieħdu.

Id-distributuri għandhom jiddokumentaw il-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità u ta’ teħid ta’ miżuri korrettivi.

4.   Id-distributuri għandhom, fuq talba motivata tal-awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi murija l-konformità tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, f’lingwa li tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, f’kull azzjoni li tista’ tittieħed biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li jkunu qiegħdu fis-suq.

5.   Id-distributuri għandhom jipprovdu lil operaturi biss b’informazzjoni li hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva.

Artikolu 8

Obbligi tas-sidien

1.   Meta sid iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE, inklużi r-rekwiżiti għal spezzjoni perjodika, u ma’ din id-Direttiva, huwa ma għandux iqiegħedu fis-suq jew jużah sakemm dan ma jkunx sar konformi. Barra minn hekk, jekk il-prodott jippreżenta riskju, is-sid huwa obbligat li jinforma lill-manifattur jew lill-importatur jew lid-distributur u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

Is-sidien għandhom jiddokumentaw il-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità u ta’ teħid ta’ miżuri korrettivi.

2.   Is-sidien għandhom jiżguraw li, waqt li apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr huwa taħt ir-responsabbiltà tagħhom, kundizzjonijiet ta’ ħżin jew ta’ trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stipulati fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE.

3.   Is-sidien għandhom jipprovdu lil operaturi biss b’informazzjoni li hija konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva.

4.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal individwi privati li għandhom l-intenzjoni li jużaw jew li jkunu qegħdin jużaw l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr għall-użu personali jew domestiku tagħhom jew għall-ħin liberu tagħhom jew għall-attivitajiet sportivi tagħhom.

Artikolu 9

Obbligi tal-operaturi

1.   L-operaturi għandhom jużaw biss apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva.

2.   Jekk l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jippreżenta riskju, l-operatur huwa obbligat li jinforma lis-sid u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

Artikolu 10

Każijiet fejn l-obbligi ta’ manifatturi japplikaw għal importaturi u distributuri

Importatur jew distributur għandu jiġi meqjus bħala manifattur għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u suġġett għall-obbligi tal-manifattur skont l-Artikolu 4, meta jqiegħed apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr fuq is-suq taħt ismu jew taħt il-marka tal-fabbrika tiegħu jew jimmodifika apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li diġà jinsab fis-suq b’mod li bih il-konformità mar-rekwiżiti applikabbli tista’ tiġi affettwata.

Artikolu 11

Identifikazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi

L-operaturi ekonomiċi għandhom, fuq talba mill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq, jidentifikaw dawn li ġejjin lilha għal perjodu ta’ mhux inqas minn 10 snin:

(a)

kwalunkwe operatur ekonomiku li fornihom b’apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr;

(b)

kwalunkwe operatur ekonomiku li lilu huma fornew b’apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr.

KAPITOLU 3

KONFORMITÀ TAL-APPARAT TA’ PRESSJONI LI JISTA’ JINĠARR

Artikolu 12

Konformità ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr u l-evalwazzjoni tiegħu

1.   L-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) għandu jissodisfa l-evalwazzjoni tal-konformità rilevanti, l-ispezzjoni perjiodika, l-ispezzjoni intermedja u r-rekwiżiti ta’ kontroll eċċezzjonali stabbiliti fl-Annessi għad-Direttivi 2008/68/KE u fil-Kapitoli 3 u 4 ta’ din id-Direttiva.

2.   L-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr imsemmi fl-Artikolu 1(2) (b) għandu jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tad-dokumentazzjoni li skontha jkun ġie manifatturat. L-apparat għandu jiġi suġġett għal spezzjonijiet perjodiċi, spezzjonijiet intermedji u kontrolli eċċezzjonali skont l-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u skont ir-rekwiżiti tal-Kapitoli 3 u 4 ta’ din id-Direttiva.

3.   Ċertifikati ta’ evalwazzjoni tal-konformità u ċertifikati ta’ evalwazzjoni mill-ġdid u rapporti dwar spezzjonijiet perjodiċi, spezzjonijiet intermedji u kontrolli eċċezzjonali maħruġa minn entità notifikata għandhom ikunu validi fl-Istati Membri kollha.

Evalwazzjoni tal-konformità tista’ ssir separatament għal partijiet li jiżżarmaw ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr u li jista’ jerġa’ jimtela.

Artikolu 13

Evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità

L-evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr manifatturat u mdaħħal fis-servizz qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/36/KE imsemmija fl-Artikolu 1(2) (c) għandha tkun stabbilita skont il-proċedura ta’ evalwazzjoni mill-ġdid ta’ konformità stipulata fl-Anness III għal din id-Direttiva.

Il-marka Pi għandha tiġi mwaħħla skont l-Anness III għal din id-Direttiva.

Artikolu 14

Prinċipji ġenerali tal-marka Pi

1.   Il-marka Pi għandha tiġi mwaħħla esklussivament mill-manifattur jew, f’każijiet ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità, skont kif stabbilit fl-Anness III. Għal ċilindri tal-gass li qabel kienu konformi mad-Direttivi 84/525/KEE, 84/526/KEE jew 84/527/KEE il marka Pi għandha titwaħħal taħt is-sorveljanza tal-korp notifikat jew mill-korp notifikat innifsu.

2.   Il-marka Pi għandha titwaħħal biss fuq apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li:

(a)

jissodisfa r-rekwiżiti tal-evalwazzjoni tal-konformità stipulati fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva; jew

(b)

jissodisfa r-rekwiżiti tal-evalwazzjoni tal-konformità li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 13.

Ma għandhiex titwaħħal fuq l-ebda tip ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ieħor.

3.   Billi jwaħħal jew ikollu l-marka Pi mwaħħla f’ismu, il-manifattur juri li qed jieħu responsabbiltà għall-konformità tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr flimkien mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva.

4.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-marka Pi għandha tkun l-unika marka li tiċċertifika l-konformità tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva.

5.   It-twaħħil ta’ marki, sinjali u skrizzjonijiet fuq apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li aktarx li jqarrqu b’partijiet terzi fir-rigward tat-tifsira jew forma tal-marka Pi, huwa projbit. Kwalunkwe marka oħra għandha titwaħħal ma’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr b’mod tali li l-viżibbiltà, l-leġibbiltà u t-tifsira tal-marka Pi ma jkunux b’hekk imnaqqsa.

6.   Partijiet li jiżżarmaw ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr u li jista’ jerġa’ jimtela li għandhom funzjoni ta’ sikurezza diretta għandhom ikunu mmarkati bil-marka Pi.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw implimentazzjoni korretta tar-regoli li jirregolaw il-marka Pi u għandhom jieħdu azzjoni xierqa fil-każ li jsir uzu mhux xieraq tal-marka. Stati Membri għandhom jipprovdu għal pieni fil-każ ta’ ksur, li jistgħu jinkludu sanzjonijiet kriminali għal ksur serju. Dawn il-pieni għandhom ikunu proporzjonali għall-gravità tal-offiża u għandhom iservu ta’ deterrent effettiv kontra użu mhux korrett.

Artikolu 15

Regoli u kundizzjonijiet għat-twaħħil tal-marka Pi

1.   Il-marka Pi għandha tikkonsisti mis-simbolu li ġej f’din il-forma:

Image

2.   L-għoli minimu tal-marka Pi għandu jkun ta’ 5 mm. Għal apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr b’dijametru ta’ inqas minn jew ugwali għal 140 mm l-għoli minimu għandu jkun ta’ 2,5 mm.

3.   Il-proporzjon tal-istampa gradwata murija fil-paragrafu 1 għandha tiġi rispettata. Ix-xibka ta’ kwadri mhijiex parti mill-marka.

4.   Il-marka Pi għandha titwaħħal b’mod tibqa’ viżibbli, leġġibli u permanenti fuq l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jew fuq il-pjanċa ta’ informazzjoni kif ukoll fuq partijiet li jiżżarmaw ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr u li jista’ jerġa’ jimtela li jkollhom funzjoni diretta ta’ sikurezza.

5.   Il-marka Pi għandha titwaħħal qabel ma jitqiegħdu fis-suq apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ġdid jew partijiet li jiżżarmaw ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr u li jista’ jerġa’ jimtela li jkollhom funzjoni diretta ta’ sikurezza.

6.   Il-marka Pi għandha tiġi segwita min-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat involut fil-kontrolli u t-testijiet inizjali.

In-numru ta’ identifikazzjoni tal-entità notifikata għandu jitwaħħal mill-entità nnifisha, jew skont l-istruzzjonijiet tagħha, mill-manifattur.

7.   Il-marka tad-data tal-ispezzjoni perjodika jew, fejn xieraq, tal-ispezzjoni intermedja għandha tiġi akkumpanjata min-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat responsabbli għall-ispezzjoni perjodika.

8.   Rigward iċ-ċilindri tal-gass li kienu konformi mad-Direttivi 84/525/KEE, 84/526/KEE jew 84/527/KEE li ma jkunux immarkati bil-marka Pi, meta ssir l-ewwel spezzjoni perjodika skont din id-Direttiva, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat responsabbli għandu jiġi preċedut mill-marka Pi.

Artikolu 16

Moviment liberu ta’ tagħmir ta’ pressa trasportabbli

Mingħajr ħsara għall-proċeduri ta’ protezzjoni stipulati fl-Artikoli 30 u 31 ta’ din id-Direttiva u għall-qafas tas-sorveljanza tas-suq stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 (11), l-ebda Stat Membru ma għandu jipprojbixxi, jirrestrinġi jew jimpedixxi fit-territorju tiegħu l-moviment liberu, id-disponibbiltà fis-suq u l-użu ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li jkun konformi ma’ din id-Direttiva.

KAPITOLU 4

AWTORITAJIET NOTIFIKANTI U KORPI NOTIFIKATI

Artikolu 17

Awtoritajiet notifikanti

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità notifikanti li għandha tkun responsabbli għat-tħejjija u t-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għall-evalwazzjoni, n-notifika u l-monitoraġġ sussegwenti ta’ korpi notifikati.

2.   l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom isiru minn entità nazzjonali ta’ akkreditazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u f’konformità miegħu.

3.   Jekk l-awtorità notifikanti tiddelega jew b’xi mod ieħor tgħaddi r-responsabbiltà tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 lil korp li ma jkunx entità governattiva, dak il-korp għandu jkun entità legali li għandha timxi f’konformità mutatis mutandis mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 18(1) sa (6). Barra minn hekk, il-korp li ngħatat ir-responsabbiltà għandu jkollu arranġamenti li jkopru r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-attivitajiet tiegħu.

4.   L-awtorità notifikanti għandha tieħu responsabbiltà sħiħa għall-kompiti li jiżvolġi l-korp imsemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 18

Rekwiżiti relatati mal-Awtoritajiet notifikanti

1.   L-awtorità notifikanti għandha tiġi stabbilita b’mod li ma jqum l-ebda kunflitt ta’ interess bejn l-korpi notifikati.

2.   L-awtorità notifikanti għandha tkun organizzata u mmexxija b’mod li tħares l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħha.

3.   L-awtorità notifikanti għandha tkun organizzata b’mod li kull deċiżjoni relatata man-notifika ta’ korpi notifikati tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu għamlu l-evalwazzjoni.

4.   L-awtorità notifikanti ma għandhiex toffri jew tagħti l-ebda attivitajiet jew servizzi ta’ konsultazzjoni fuq bażi kummerċjali jew kompetittiva li jsiru minn korpi notifikati.

5.   L-awtorità notifikanti għandha tiżgura l-kunfidenzjalità tat-tagħrif miksub.

6.   L-awtorità notifikanti għandu jkollha numru suffiċjenti ta’ personal kompetenti għad-dispożizzjoni tagħha għat-twettiq b’mod korrett tal-kompiti tagħha.

Artikolu 19

Obbligu ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet ta’ notifika

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri nazzjonali għall-evalwazzjoni, in-notifika u l-monitoraġġ ta’ korpi notifikati, kif ukoll dwar bidliet li jistgħu jsiru f’dik l-informazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

Artikolu 20

Rekwiżiti relatati mal-korpi notifikati

1.   Għall-għanijiet tan-notifika, korp notifikat għandu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva.

2.   Awtorità kompetenti, skont it-tifsira tal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE jista’ jkun korp notifikat bil-kundizzjoni li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva u li ma jaġixxix ukoll bħala awtorità ta’ notifika.

3.   Il-korp notifikat għandu jkun stabbilit taħt il-liġi internazzjonali u għandu jkollu personalità ġuridika.

4.   Il-korp notifikat għandu jipparteċipa fl-attivitajiet ta’ uniformizzazzjoni rilevanti u fl-attivitajiet tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-korp notifikat stabbilit skont l-Artikolu 29, jew jiżgura li l-personal tiegħu jiġi nformat dwarhom u japplika bħala gwida ġenerali d-deċiżjonijiet u d-dokumenti amministrattivi prodotti bħala riżultat tal-ħidma ta’ dak il-grupp.

Artikolu 21

Applikazzjoni għal notifika

1.   Korp ta’ spezzjoni għandu jissottometti applikazzjoni għan-notifika lill-awtorità ta’ notifika tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

2.   L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni ta’:

(a)

l-attivitajiet relatati mal-evalwazzjoni tal-konformità, l-ispezzjoni perjodika, l-ispezzjoni intermedja, kontrolli eċċezzjonali u l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità;

(b)

il-proċeduri relatati mal-punt (a);

(c)

l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li l-entità tiddikkjara li għandha kompetenza dwaru;

(d)

iċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni maħruġ minn korp ta’ akkreditazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, li jiċċertifika li l-korp ta’ spezzjoni jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 20 ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 22

Proċedura ta’ notifika

1.   Awtoritajiet ta’ notifika għandhom jinnotifikaw biss lil dawk l-korpi li ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 20.

2.   Dawn għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra permezz tal-għodda elettronika żviluppata u mmexxija mill-Kummissjoni.

3.   In-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 21(2).

4.   Il-korp ikkonċernat jista’ jiżvolġi l-attivitajiet ta’ korp notifikat biss jekk ma jitqajmu l-ebda oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni jew minn Stati Membri oħra fi żmien gimgħatejn mid-data ta’ notifika.

Korp bħal dan biss jiġi meqjus bħala korp notifikat għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu notifikati b’bidliet sussegwenti rilevanti fin-notifika.

6.   Servizzi ta’ spezzjoni eżegwiti mill-fabbriki tal-applikant stess kif definiti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE ma għandhomx jiġu notifikati.

Artikolu 23

Numri ta’ identifikazzjoni u listi ta’ korpi notifikati

1.   Il-Kummissjoni għandha tassenja numru ta’ identifikazzjoni lill-korp notifikat.

Għandha tassenja numru wieħed anki jekk il-korp huwa notifikat taħt diversi atti tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha toħroġ għall-pubbliku l-lista ta’ korpi notifikati skont din id-Direttiva, inkluzi n-numri li ġew assenjati lilhom u l-attivitajiet li għalihom ġew notifikati.

Il-Kummissjoni għandha tassigura li din il-lista tinżamm aġġornata.

Artikolu 24

Bidliet fin-notifiki

1.   Jekk awtorità notifikanti tkun aċċertat jew tkun ġiet informata li korp notifikat ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 20, jew li dan qed jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu, l-awtorità notifikanti għandha tirristrinġi, tissospendi jew tirtira n-notifika, kif xieraq, skont il-gravità ta’ kemm l-korp naqas milli jaqdi dawk ir-rekwiżiti jew li jissodisfa dawk l-obbligi. Għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra skont il-ħtieġa.

2.   F’każ ta’ rtirar, restrizzjoni jew sospensjoni ta’ notifika jew jekk l-entità notifikata ma tibqax tiżvolġi l-attivitajiet tagħha, l-Istat Membru li qed jinnotifika għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-fajls ta’ dik l-entità jiġu proċessati minn entità notifikata oħra jew li jinżammu disponibbli għall-użu tal-awtoritajiet notifikanti jew ta’ sorveljanza tas-suq responsabbli f’każ li dawn jitolbuhom.

Artikolu 25

Sfida għall-kompetenza ta’ korpi notifikati

1.   Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubji jew fejn jinġiebu dubji għall-attenzjoni tagħha dwar il-kompetenza ta’ korp notifikat jew dwar il-qadi kontinwu tar-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li korp notifikat huwa suġġett għalihom.

2.   L-Istat Membru notifikatur għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, fuq talba tal-Kummissjoni stess, bl-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għan-notifika jew il-manutenzjoni tal-kompetenza tal-entità ikkonċernata.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni sensittiva kollha miksuba tul l-investigazzjonijiet tagħha tiġi trattata b’mod kunfidenzjali.

4.   Meta l-Kummissjoni taċċerta li entità notifikata ma tissodisfax, jew ma għadhiex tissodisfa, ir-rekwiżiti għan-notifika, din għandha tgħarraf lill-Istat Membru notifikatur kif xieraq u titolbu biex jimplimenta l-miżuri korrettivi neċessarji, inkluża d-denotifikazzjoni, jekk meħtieġ.

Artikolu 26

Obbligi operattivi tal-korpi notifikati

1.   Korpi notifikati għandhom jagħmlu evalwazzjonijiet tal-konformità, spezzjonijiet perjodiċi, spezzjonijiet intermedji u kontrolli eċċezzjonali b’konformità mal-kundizzjonijiet tan-notifika tagħhom u mal-proċeduri stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE.

2.   Korpi notifikati għandhom jiżvolġu evalwazzjonijiet mill-ġdid tal-konformità skont l-Anness III.

3.   Korpi notifikati li ġew notifikati minn Stat Membru wieħed għandhom ikunu awtorizzati biex joperaw fl-Istati Membri kollha. L-awtorità notifikanti li tkun wettqet l-evalwazzjoni u n-notifika inizjali żżomm ir-responsabbiltà għall-monitoraġġ tal-attivitajiet li tkun qed tiżvolġi l-entità notifikata.

Artikolu 27

Obbligi ta’ informazzjoni tal-korpi notifikati

1.   Korpi notifikati għandhom jinfomaw lill-awtorità notifikanti dwar dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe rifjut, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta’ ċertifikat;

(b)

kwalunkwe ċirkustanza li jkollha effett fuq l-ambitu u l-kundizzjonijiet għan-notifika;

(c)

kwalunkwe talba għal informazzjoni dwar attivitajiet li saru li rċevew minn awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq;

(d)

fuq talba, attivitajiet li saru fl-ambitu tan-notifika tagħhom u kwalunkwe attività oħra li saret, inklużi attivitajiet transkonfinali u ta’ subappaltar.

2.   Korpi notifikati għandhom jipprovdu lill-korpi l-oħra notifikati skont din id-Direttiva li jkunu qiegħdin evalwazzjoni tal-konformità, spezzjonijiet perjodiċi, spezzjonijiet intermedji u kontrolli eċċezzjonali simili li jkopru l-istess apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr b’informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet relatati ma’ riżultati ta’ evalwazzjoni negattivi u, jekk jintalbu, riżultati ta’ evalwazzjonijiet ta’ konformità pożittivi.

Artikolu 28

Skambju ta’ esperjenza

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi għall-organizzazzjoni ta’ skambju ta’ esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri responsabbli taħt din id-Direttiva:

(a)

għall-politika ta’ notifika;

(b)

għas-sorveljanza tas-suq.

Artikolu 29

Koordinazzjoni ta’ korpi notifikati

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni xierqa bejn korpi notifikati taħt din id-Direttiva u li dawn isiru kif xieraq f’forma ta’ grupp settorjali ta’ korpi notifikati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi notifikati minnhom jipparteċipaw fix-xogħol ta’ dak il-grupp, b’mod dirett jew permezz ta’ rappreżentanti maħtura.

KAPITOLU 5

PROĊEDURI TA’ PROTEZZJONI

Artikolu 30

Proċedura għall-ittrattar ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li jippreżenta riskju fuq livell nazzjonali

1.   Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru ikunu ħadu azzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew jekk dawn għandhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li jaqa’ taħt din id-Direttiva jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza ta’ persuni jew għal aspetti oħra ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku li jaqgħu taħt din id-Direttiva, dawn għandhom jagħmlu valutazzjoni relatata mal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr kkonċernat li jkopri r-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkoperaw kif xieraq mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq, anki billi jagħtu aċċess għall-bini tagħhom u jipprovdu kampjuni jekk ikun meħtieġ.

Fejn, waqt li qed issir dik l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq isibu li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva, dawn għandhom mingħajr ebda dewmien jorbtu lill-operatur ekonomiku rilevanti li jieħu l-miżuri korrettivi kollha meħtieġa biex iqiegħed l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr f’konformità ma dawk ir-rekwiżiti, biex jirtira l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr mis-suq jew biex isejħuħ lura fi żmien raġonevoli, b’mod proporzjonali mat-tip ta’ riskju, skont kif jordnaw huma.

L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-entità notifikata rilevanti kif meħtieġ.

L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.   Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq iqisu li n-nuqqas ta’ konformità mhuwiex ristrett biss għat-territorju nazzjonali tagħhom, dawn għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni u dwar l-azzjonijiet li huma rabtu lill-operatur li jieħu.

3.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed l-azzjoni korrettiva kollha meħtieġa fir-rigward tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li huwa għamel disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

4.   Jekk l-operatur ekonomiku ma jieħux azzjoni korrettiva fiż-żmien stipulat fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri provviżorji kollha biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li jkun qed jiġi magħmul disponibbli fis-suq nazzjonali tagħhom, biex jirtiraw l-apparat mis-suq jew biex isejħuh lura.

Huma għandhom jinfurmaw minnufih lil-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra b’dawk il-miżuri.

5.   L-informazzjoni li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha għall-identifikazjoni tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li mhuwiex konformi, l-oriġini tat-tagħmir, it-tip ta’ nuqqas ta’ konformità allegata u r-riskju involut, it-tip u t-tul ta’ żmien ta’ kemm se jdumu l-miżuri nazzjonali li ttieħdu u l-argumenti ppreżentati mill-operatur ekonomiku rilevanti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandhom jindikaw jekk in-nuqqas ta’ konformità huwiex minħabba:

(a)

li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti relatati mas-saħħa jew is-sikurezza ta’ persuni jew ma’ aspetti oħra ta’ protezzjoni tal-interess pubbliku stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva, jew

(b)

nuqqasijiet fl-istandards jew fil-kodiċijiet tekniċi msemmija fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE jew f’dispożizzjonijiet oħra ta’ dik id-Direttiva.

6.   Stati Membri minbarra l-Istat Membru li beda l-proċedura għandhom jinformaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar miżuri oħra li setgħu ġew adottati u dwar informazzjoni addizzjonali li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr kkonċernat, u, f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-miżura nazzjonali notifikata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.

7.   Fejn, fi żmien xahrejn minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni fuq miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu mingħajr dewmien miżuri restrittivi xierqa fir-rigward tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, bħall-irtirar tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr mis-suq.

Artikolu 31

Proċedura ta’ protezzjoni tal-Unjoni

1.   Fejn, wara li tkun tlestiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(3) u (4), isiru oġġezzjonijiet kontra miżura meħuda minn Stat Membru jew fejn il-Kummissjoni tqis li l-miżura nazzjonali tmur kontra att tal-Unjoni li jorbot legalment, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tikkonsulta mal-Istati Membri u mal-operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tagħmel evalwazzjoni tal-miżura nazzjonali. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le.

Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lil operaturi ekonomiċi rilevanti.

2.   Jekk il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li mhux konformi jkun irtirat mis-suq tagħhom, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Jekk il-miżura nazzjonali titqies li ma tkunx ġustifikata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtiraha.

3.   Fejn il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas tal-konformità tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ikun attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards kif imsemmi fl-Artikolu 30(5)(b), il-Kummissjoni għandha tinforma lill-korp jew korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej rilevanti u għandha tressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE (12). Dak il-Kumitat għandu jikkonsulta mal-korp jew korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej rilevanti qabel ma jagħti l-opinjoni tiegħu.

Artikolu 32

Apparat ta’ pressjoni trasportabbli konformi li jippreżenta riskju għas-saħħa u għas-sikurezza

1.   Fejn, wara li jkun għamel evalwazzjoni skont l-Artikolu 30(1) Stat Membru jsib li avolja apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr huwa konformi mad-Direttiva 2008/68/KE u ma’ din id-Direttiva, dan jippreżenta riskju għas-saħħa u s-sikurezza ta’ persuni jew għal aspetti oħra relatati mal-ħarsien tal-interess pubbliku, dan għandu jitlob lill-operatur ekonomiku rilevanti biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr kkonċernat, meta jitqiegħed fis-suq, ma jibqax jippreżenta l-istess riskju, biex ineħħi l-apparat mis-suq jew biex isejħu lura fi żmien raġonevoli, b’mod proporzjonali mat-tip ta’ riskju, skont kif jordna hu.

2.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed l-azzjoni korrettiva kollha meħtieġa fir-rigward tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr kkonċernat li huwa jkun għamel disponibbli fuq is-suq jew li jkun qed juża fl-Unjoni.

3.   L-Istat Membru għandu jgħarraf minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. L-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha, b’mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazjoni tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr kkonċernat, l-oriġini u l-katina ta’ forniment tat-tagħmir, in-natura tar-riskju involut u n-natura u t-tul ta’ żmien tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu.

4.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tikkonsulta mal-Istati Membri u mal-operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tagħmel evalwazzjoni tal-miżuri nazzjonali implimentati. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le, u, fejn neċessarju, tipproponi miżuri xierqa.

5.   Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lil operaturi ekonomiċi rilevanti.

Artikolu 33

Nuqqas ta’ konformità formali

1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 30, meta Stat Membru jagħmel waħda mis-sejbiet li ġejjin, għandu jitlob lill-operatur ekonomiku rilevanti biex jittermina n-nuqqas ta’ konformità kkonċernat:

(a)

li l-marka Pi tkun twaħħlet bi ksur tal-Artikoli 12, 13, 14 jew 15;

(b)

li l-marka Pi ma tkunx twaħħlet;

(c)

li d-dokumentazzjoni teknika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompluta;

(d)

li ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u ta’ din id-Direttiva.

2.   Fejn jippersisti n-nuqqas ta’ konformità msemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jew għandu jiżgura li dan jiġi rtirat jew imsejjaħ lura.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 34

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Fit-territorji tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jżommu d-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness II.

L-Istati Membri li jżommu dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bihom. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 35

Adattament għall-progress xjentifiku u tekniku

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE rigward l-emendi għall-Annessi ta’ din id-Direttiva skont il-progress xjentifiku u tekniku, b’mod partikulari billi tikkunsidra l-emendi tal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE.

Għall-atti delegati msemmija f’dan l-Artikolu, għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 36, 37 u 38.

Artikolu 36

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 35 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux determinat.

2.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Is-setgħa li tadotta atti delegati qed tingħata lill-Kummissjoni bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 37 u 38.

Artikolu 37

Revoka tad-delega

1.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 35 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet il-proċedura interna għad-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi rrevokata d-delega tas-setgħat, għandha timpenja ruħha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed deċiżjoni finali, b’indikazzjoni tad-delega tas-setgħat li tista’ tkun suġġetta għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal dan.

3.   Id-deċiżjoni għal revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikata f’dik id-deċiżjoni u għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data aktar tard speċifikata fiha. M’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 38

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat fi żmien xaharejn mid-data ta’ notifika.

Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

2.   Jekk, meta jiskadi dak il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data msemmija fih.

L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel ma jiskadi dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet tal-oġġezzjoni għall-att delegat.

Artikolu 39

Revoka

Id-Direttivi 76/767/KEE, 84/525/KEE, 84/526/KEE, 84/527/KEE u 1999/36/KE huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011.

Referenzi għad-Direttiva 1999/36/KE mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 40

Rikonoxximent tal-ekwivalenza

1.   Ċertifikati ta’ approvazzjoni mill-KEE għal apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr maħruġa skont id-Direttivi 84/525/KEE, 84/526/KEE u 84/527/KEE u ċertifikati tal-eżami tal-iddisinjar tat-tip KE maħruġa skont id-Direttiva 1999/36/KE għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti maċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni tat-tip imsemmija fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u għandhom ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar rikonoxximent li jsir fi żmien limitat tal-approvazzjonijiet tat-tip stipulati f’dawk l-Annessi.

2.   Valvoli u aċċessorji msemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/36/KE u mmarkati bil-marka tad-Direttiva 97/23/KE (13) skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/36/KE jistgħu jibqgħu jintużaw.

Artikolu 41

Obbligi tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli 2 u 5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw wkoll li jittieħdu l-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-Artikoli 12 sa15.

Artikolu 42

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikolu 21(2)(d) jibda japplika b’effett mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2012.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 japplikaw għall-kontenituri ta’ pressjoni, il-valvoli tagħhom u għal aċċessorji oħrajn użati għall-ġarr ta’ NU Nru. 1745, NU Nr. 1746 u NU Nru. 2495 mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2013.

Artikolu 43

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 44

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

D. LÓPEZ GARRIDO


(1)  . L-Opinjoni tas-17 ta’ Frar 2010 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  . Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2010.

(3)  ĠU L 138, 1.6.1999, p. 20.

(4)  ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.

(5)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.

(6)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 153.

(7)  ĠU L 300, 19.11.1984, p. 1.

(8)  ĠU L 300, 19.11.1984, p. 20.

(9)  ĠU L 300, 19.11.1984, p. 48.

(10)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(12)  Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37).

(13)  Direttiva 97/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ apparat ta’ pressjoni (ĠU L 181, 9.7.1997, p. 1).


ANNESS I

Lista ta’ oġġetti perikolużi differenti minn dawk fi klassi 2

Numru NU

Kategorija

Sustanza Perikoluża

1051

6.1

ĊJANUR TAL-IDROĠENU, STABILIZZAT

b’kontenut ta’ ilma ta’ inqas minn 3 %

1052

8

FLUWORIDU TAL-IDROĠENU, ANIDRU

1745

5.1

PENTAFLUWORIDU TAL-BROMU

Eskluż il-ġarr f’tankijiet

1746

5.1

TRIFLUWORIDU TAL-BROMU

Eskluż il-ġarr f’tankijiet

1790

8

AĊIDU IDROFLWORIKU,

b’kontenut ta’ flworidu tal-idroġenu ogħla minn 85 %

2495

5.1

PENTAFLUWORIDU TAL-JODJU

Eskluż il-ġarr f’tankijiet


ANNESS II

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI

1.   Stati Membri jistgħu jżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom rigward mekkaniżmi maħsuba biex iġonġu ma’ tagħmir ieħor u kodiċijiet tal-kuluri li japplikaw għall-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr saż-żmien meta l-istandards rilevanti għall-użu jiġu miżjuda mal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE.

2.   Stati Membri fejn it-temperatura tal-ambjent hija regolarment aktar baxxa minn –20 °C jistgħu jimponu standards aktar stretti rigward it-temperatura tal-operazzjoni ta’ materjal maħsub għall-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr għall-użu fit-trasport nazzjonali ta’ oġġetti perikolużi fit-territorju tagħhom sakemm jiġu inkorporati dispożizzjonijiet dwar it-temperaturi ta’ riferenza xierqa għaż-żoni klimatiċi fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE.

F’dak il-każ, fil-marka Pi tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, inklużi l-partijiet li jiżżarmaw li jkollhom funzjoni diretta ta’ sikurezza, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-entità notifikata għandu jiġi segwit minn “–40 °C” jew marka rilevanti oħra approvata mill-awtorità kompetenti.


ANNESS III

IL-PROĊEDURA GĦAĊ-ĊERTIFIKAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

1.   Il-metodu li għandu jintuża biex jiġi żgurat li l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr msemmi fl-Artikolu 1(2)(c) manifatturat u mdaħħal fis-servizz qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/36/KE huwa konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u ta’ din id-Direttiva kif applikabbli fil-ħin ta’ evalwazzjoni mill-ġdid għandu jkun kif stabbilit f’dan l-Anness.

2.   Is-sid jew l-operatur għandu jqiegħed għad-disposizzjoni ta’ entità notifikata konformi man-NE ISO/IEC 17020:2004 tip A, notifikata dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid dwar il-konformità, l-informazzjoni dwar l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li tippermetti lil dik l-entità li tidentifika l-apparat b’mod preċiż (oriġini, regoli ta’ disinn u, għal ċilindri tal-aċitilena, dettalji tal-massa poruża). L-informazzjoni għandha tinkludi, fejn hu xieraq, kwalunkwe restrizzjonijiet preskritti dwar l-użu u noti dwar danni possibbli jew tiswijiet li jkunu saru.

3.   L-entità notifikata tat-tip A, notifikata għall-evalwazzjoni mill-ġdid dwar il-konformità, għandha tiċċekkja jekk l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jiggarantixxix mill-inqas l-istess grad ta’ sikurezza li jiggarantixxi l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr msemmi fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE. L-evalwazzjoni għandha ssir fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 2 u, fejn hu xieraq, ta’ spezzjonijiet oħra.

4.   Jekk ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet tal-paragrafu 3 huma sodisfaċenti, l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jiġi suġġett għall-ispezzjoni perjodika prevista fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE. Jekk ir-rekwiżiti ta’ dik l-ispezzjoni perjodika jintlaħqu l-marka Pi għandha tiġi applikata mill-entità notifikata responsabbli għall-ispezzjoni perjodika skont l-Artikolu 14 (1) sa (5) jew taħt is-sorveljanza ta’ tali korp. Il-marka Pi għandha tiġi segwita min-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat responsabbli għall-ispezzjoni perjodika. Il-korp notifikat responsabbli għall-ispezzjoni perjodika għandu joħroġ ċertifikat ta’ evalwazzjoni mill-ġdid skont il-paragrafu 6.

5.   Fejn kontenituri ta’ pressjoni jiġu manifatturati f’serje, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità ta’ kontenituri ta’ pressjoni individwali, inklużi l-valvoli tagħhom u l-aċċessorji l-oħra użati għat-trasport, titwettaq minn korp notifikat għall-ispezzjoni perjodika ta’ kontenituri ta’ pressjoni rilevanti li jistgħu jinġarru, kemm-il darba l-konformità tat-tip tagħhom tkun diġà ġiet valutata skont il-paragrafu 3 minn korp notifikat tat-tip A, responsabbli għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità, u jkun inħareġ ċertifikat ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tat-tip. Il-marka Pi għandha tiġi segwita min-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat responsabbli għall-ispezzjoni perjodika.

6.   Fil-każijiet l-oħra kollha l-korp notifikat responsabbli għall-ispezzjoni perjodika għandu joħroġ iċ-ċertifikat ta’ evalwazzjoni mill-ġdid li jinkludi mill-inqas:

(a)

l-identifikazzjoni tal-korp notifikat li joħroġ iċ-ċertifikat, u, jekk ikun differenti, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat responsabbli tat-tip A għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità skont il-paragrafu 3;

(b)

l-isem u l-indirizz tas-sid jew l-operatur speċifikat fil-paragrafu 2;

(c)

fil-każ ta’ applikazzjoni tal-proċedura fil-paragrafu 5, id-data li tidentifika ċ-ċertifikat tal-evalwazzjoni mill-ġdid tat-tip;

(d)

l-informazzjoni għall-identifikazzjoni tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li fuqu twaħħlet il-marka Pi inkluż mill-inqas in-numru jew numri ta’ identifikazzjoni; u

(e)

id-data tal-ħruġ.

7.   Għandu jinħareġ ċertifikat ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tat-tip.

Fejn tiġi applikata l-proċedura deskritta fil-paragrafu 5 l-entità tat-tip A, responsabbli għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità, għandha toħroġ iċ-ċertifikat ta’ evalwazzjoni mill-ġdid li jinkludi mill-inqas:

(a)

l-identifikazzjoni tal-korp notifikat li joħroġ iċ-ċertifikat;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-manifattur u l-pussessur tal-approvazzjoni tat-tip oriġinali tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li jkun qed jiġi evalwat mill-ġdid meta l-pussessur ma jkunx il-manifattur;

(c)

l-informazzjoni għall-identifikazzjoni tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li jkun parti mis-serje;

(d)

id-data tal-ħruġ; u

(e)

il-kliem: “dan iċ-ċertifikat ma jawtorizzax il-manifattura ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr jew partijiet tiegħu”.

8.   Billi jwaħħal jew ikollu l-marka Pi mwaħħla f’ismu, il-manifattur jew operatur juri li qed jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr flimkien mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fl-Annessi għad-Direttiva 2008/68/KE u f’din id-Direttiva kif applikabbli fil-ħin li ssir l-evalwazzjoni mill-ġdid.

9.   Fejn xieraq, għandhom jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Anness II (2) u għandha titwaħħal ukoll il-marka tat-temperatura stabbilita f’dak l-Anness.


Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 290 tat-TFUE

“Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pożizzjoni futura tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-TFUE jew atti leġislattivi individwali li fihom tali dispożizzjonijiet.”


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni rigward in-notifika tal-atti delegati

Il-Kummissjoni Ewropea tinnota li minbarra f’każijiet fejn l-atti leġislattivi jipprovdu għal proċedura ta’ urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkunsidraw li n-notifika tal-atti delegati għandha tikkunsidra l-perijodi tal-vaganzi tal-istituzzjonijiet (fix-xitwa, fis-sajf u waqt l-elezzjonijiet Ewropej), sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu kapaċi jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom fil-limiti tal-ħin stabbiliti fl-atti leġislattivi rilevanti. Il-Kummissjoni taġixxi skont dan.