18.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/1


DIRETTIVA 2010/30/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Mejju 2010

dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija

(tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra skont l-apparat tad-dar (3) ġiet emendata sostanzjalment (4). Ġaladarba jridu jsiru iktar emendi, għanda tiġi rriformulata fl-interess taċ-ċarezza;

(2)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/75/KEE huwa ristrett għall-apparat domestiku. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar Politika Sostenibbli dwar il-Konsum u l-Produzzjoni u Politika Industrijali Sostenibbli wera li l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/75/KEE għall-prodotti b’rabta mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti dirett jew indirett fuq il-konsum tal-enerġija matul l-użu tagħhom tista’ ssaħħaħ is-sinerġiji potenzjali fost il-miżuri leġiżlattivi, u partikolarment id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għat-twaqqif ta’ ħtiġijiet ta’ ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija (5). Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/125/KE. Flimkien ma’ dik id-Direttiva u strumenti Komunitarji oħrajn, din id-Direttiva tifforma parti minn qafas legali usa’ u, fil-kuntest ta’ approċċ olistiku, twassal għal iffrankar addizzjonali tal-enerġija u gwadanji ambjentali.

(3)

Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta’ Marzu 2007, enfasizzaw il-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija fil-Komunità sabiex jinkiseb l-objettiv tal-iffrankar ta’ 20 % tal-konsum tal-enerġija tal-Unjoni sal-2020, jiġu stabbiliti miri għall-iżvilupp fl-Ewropa kollha ta’ enerġiji rinnovabbli u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra u appellaw għal implimentazzjoni fil-fond u rapida tal-oqsma prinċipali identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2006 intitolata: “Pjan ta’ Azzjoni għal Effiċjenza fl-Enerġija: It-Twettiq tal-Potenzjal”. Il-pjan ta’ azzjoni enfasizza l-opportunitajiet ta’ ffrankar enormi tal-enerġija fis-settur tal-prodotti.

(4)

It-titjib tal-effiċjenza ta’ prodotti relatati mal-enerġija permezz ta’ għażla informata tal-konsumatur, hu ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-UE b’mod ġenerali.

(5)

Il-forniment ta’ informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta’ enerġija tal-prodotti marbutin mal-enerġija għandu jinfluwenza l-għażla tal- utenti finali favur dawk il-prodotti li jikkonsmaw jew indirettament iwasslu għal konsum inqas tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali matul l-użu, u b’hekk iwassal lill-produtturi biex jieħdu passi biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali mill-prodotti li jimmanifatturaw. Dan għandu jinkoraġġixxi wkoll indirettament l-użu effiċjenti ta’ dawn il-prodotti sabiex jikkontribwixxi għall-mira tal-UE ta’ 20 % effiċjenza tal-enerġija. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, il-ħidma tal-forzi tas-suq waħidha tonqos milli tippromwovi l-użu razzjonali tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra għal dawn il-prodotti.

(6)

Għandu jiġi mfakkar li jeżistu leġislazzjonijiet Komunitarji u nazzjonali li jagħtu lill-konsumaturi ċerti drittijiet fir-rigward ta’ prodotti mixtrijin, inkluż kumpens jew skambju tal-prodott.

(7)

Il-Kummissjoni għandha tipprevedi lista prijoritarja ta’ prodotti relatati mal-enerġija, li tista’ tkun koperta b’att delegat taħt din id-Direttiva. Tali lista tista’ tiġi inkluża fil-Pjan ta’ Ħidma msemmi fid-Direttiva 2009/125/KE.

(8)

L-informazzjoni tilgħab rwol importanti fil-ħidma tal-forzi tas-suq u huwa għalhekk neċessarju li tiġi introdotta tikketta uniformi għall- prodotti kollha tal-istess tip, sabiex ix-xerrejja potenzjali jiġu pprovduti b’informazzjoni supplimentari standard dwar l-ispejjeż ta’ dawk il-prodotti f’termini ta’ enerġija u l-konsum ta’ riżorsi essenzjali oħra u sabiex jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li utenti aħħarin potenzjali li ma jarawx il-prodott għall-wiri, u għalhekk li ma jkollhomx l-opportunità jaraw it-tikketta, ikunu wkoll fornuti b’din l-informazzjoni. Sabiex tkun effiċjenti u ta’ suċċess, it-tikketta għandha tkun tingħaraf faċilment mill-utent aħħari, sempliċi u fil-qosor. Għal dan il-għan il-format eżistenti tat-tikketta għandu jinżamm bħala l-bażi biex l-utenti aħħarin jiġu informati dwar l-effiċjenza tal-prodotti. Il-konsum tal-enerġija mill-prodotti u informazzjoni oħra dwarhom għandhom jitkejlu skont standards u metodi armonizzati.

(9)

Kif indikat fl-Istima ta’ Impatt tal-Kummissjoni li takkompanja l-proposta tagħha għal din id-Direttiva, l-iskema tat-tikkettar tal-enerġija ġiet segwita bħala mudell f’diversi pajjiżi fid-dinja kollha.

(10)

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw regolarment il-konformità ma’ din id-Direttiva, u jinkludu l-informazzjoni rilevanti fir-rapport li huma obbligati jippreżentaw kull erba’ snin lill-Kummissjoni taħt din id-Direttiva, b’attenzjoni partikolari għar-responsabbiltajiet tal-fornituri u n-negozjanti.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (6) fih dispożizzjonijiet ġenerali dwar is-sorveljanza tas-suq fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti. Sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha, din id-Direttiva tipprevedi dispożizzjonijiet aktar dettaljati f’dan ir-rigward. Dawk id-dispożizzjonijiet huma konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

(12)

Skema volontarja għal kollox twassal sabiex ftit prodotti jibdew jiġu ttikkettjati, jew fornuti b’informazzjoni standard dwar il-prodott, bir-riskju li dan jista’ joħloq konfużjoni jew anke jagħti informazzjoni żbaljata lil xi utenti aħħarin. L-iskema preżenti għandha għalhekk tiżgura li, il-konsum tal-enerġija u ta’ riżorsi essenzjali oħra jkun indikat b’tikketta u skedi standard tal-prodott għall- prodotti kollha konċernati.

(13)

Prodotti marbutin mal-enerġija għandhom impatt dirett jew indirett fuq il-konsum ta’ firxa wiesgħa ta’ forom ta’ enerġija matul l-użu, fejn l-elettriku u l-gas ikunu l-aktar importanti. Din id-Direttiva għandha għalhekk tkopri prodotti b’rabta mal-enerġija li jkollhom impatt dirett jew indirett fuq il-konsum ta’ kull tip ta’ enerġija waqt l-użu tagħhom.

(14)

Prodotti marbutin mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti dirett jew indirett fuq il-konsum tal-enerġija jew, fejn applikabbli, tar-riżorsi essenzjali matul l-użu u li joffru biżżejjed possibilitajiet adekwati għal żieda fl-effiċjenza għandhom jiġu koperti b’att delegat, fejn il-forniment tal-informazzjoni permezz ta’ ttikketjar jista’ jistimola l-utenti aħħarin jixtru prodotti aktar effiċjenti.

(15)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija u, billi l-enerġija totali kkonsumata mill-prodotti mistennija tkompli togħla għall-perijodu fit-tul, l-atti delegati taħt din id-Direttiva jistgħu, fejn rilevanti, jenfasizzaw ukoll fuq it-tikketta, il-konsum għoli tal-enerġija totali tal-prodott.

(16)

Għadd ta’ Stati Membri għandhom fis-seħħ politiki ta’ akkwist pubbliku li jeħtieġu li l-awtoritajiet kontraenti jakkwistaw prodotti effiċjenti enerġetikament. Għadd ta’ Stati Membri daħħlu wkoll inċentivi għal prodotti effiċjenti enerġetikament. Il-kriterji għall-prodotti li jkunu eliġibbli għall-akkwist pubbliku jew inċentivi jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn Stat Membru għal ieħor. Referenza għall-klassijiet ta’ prestazzjoni bħala livelli għal prodotti partikolari kif stipulat fl-atti delegati taħt din id-Direttiva, tista’ tnaqqas il-frammentazzjoni tal-akkwist pubbliku u l-inċentivi u tiffaċilita l-ksib ta’ prodotti effiċjenti.

(17)

Inċentivi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-promozzjoni ta’ prodotti effiċjenti jistgħu jkunu ta’ għajnuna mill-Istat. Din id-Direttiva hija mingħajr ħsara għal xi proċedura futura ta’ għajnuna mill-Istat li tista’ tittieħed skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward ta’ tali inċentivi u m’għandhiex tkopri t-tassazzjoni u materji fiskali. L-Istati Membri huma liberi jiddeċiedu dwar in-natura ta’ inċentivi bħal dawn.

(18)

Il-promozzjoni tal-prodotti enerġetikament effiċjenti permezz tal-ittikkettar, l-akkwist pubbliku u l-inċentivi ma għandhiex tkun għad-detriment tal-prestazzjoni ambjentali kumplessiva u l-funzjonament ta’ tali prodotti.

(19)

Il-Kummissjoni għandha tiġi kkonferita s-setgħa sabiex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-ittikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra skont il-prodott marbut mal-enerġija waqt l-użu. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti.

(20)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sintesi, li tkopri lill-UE u lill-Istati Membri separatament, tar-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri taħt din id-Direttiva.

(21)

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-adattament tal-klassifikazzjonijiet tat-tikketta bl-għan li jiġu żgurati previdibbiltà għall-industriji u intendiment għall-konsumaturi.

(22)

Sa limitu li jvarja skont il-prodott konċernat, l-iżvilupp teknoloġiku u l-potenzjal għal iffrankar tal-enerġija sinifikanti addizzjonali jistgħu jwasslu għall-ħtieġa ta’ differenzjazzjoni ulterjuri tal-prodotti u jiġġustifikaw reviżjoni tal-klassifikazzjoni. Tali reviżjoni għandha tinkludi b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ aġġornament tal-iskali. Din ir-reviżjoni għandha titwettaq malajr kemm jista’ jkun fil-każ ta’ prodotti li, minħabba l-karatteristiċi innovattivi tagħhom stess, jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-effiċjenza tal-enerġija.

(23)

Meta l-Kummissjoni tirrivedi l-progress u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli fl-2012, hija ser tanalizza b’mod partikolari jekk tkunx meħtieġa azzjoni ulterjuri għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali u tal-enerġija użata mill-prodotti, inkluż fost oħrajn, il-possibbiltà li tipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni dwar il-marka tal-karbonju tal-prodotti jew l-impatt ambjentali tal-prodotti matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom.

(24)

L-obbligu tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandha tkun limitata għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta mqabbla mad-Direttiva 92/75/KEE. L-obbligu li d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jiġu trasposti ġejja mid-Direttiva 92/75/KEE.

(25)

Meta l-Istati Membri jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, huma għandhom jippruvaw iżommu lura minn miżuri li jistgħu jimponu, mingħajr ma jkun meħtieġ, obbligi burokratiċi u mhux prattiċi fuq il-parteċipanti tas-suq konċernati, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(26)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri dwar l-iskadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/75/KEE.

(27)

F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (7), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu għalihom stess u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess, li kemm jista’ jkun juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jippublikawhom,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-armonizzazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar l-informazzjoni għall-utent aħħari, b’mod partikolari b’mezzi ta’ ttikkettar u b’informazzjoni standard dwar il-prodott, dwar il-konsum ta’ enerġija u, fejn rilevanti, dwar riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu, u b’informazzjoni supplimentari dwar prodotti marbutin mal-enerġija, u b’hekk tippermetti lill-utenti aħħarin jagħżlu prodotti aktar effiċjenti.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti marbutin mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti dirett jew indirett fuq il-konsum tal-enerġija u, fejn applikabbli, fuq ir-riżorsi essenzjali l-oħra waqt l-użu.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

(a)

prodotti użati (second-hand);

(b)

kwalunkwe mezz ta’ trasport għall-persuni u merkanzija;

(c)

planċja tal-klassifikazzjoni jew l-ekwivalenti tiegħu mwaħħal għal raġunijiet ta’ sikurezza mal-prodotti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

“prodott marbut mal-enerġija”, jew “il-prodott” tfisser kull oġġett li jkollu impatt fuq il-konsum tal-enerġija waqt l-użu, li jitqiegħed fis-suq u/jew jibda jintuża fl-Unjoni, inklużi l-partijiet maħsuba biex jiġu inkorporati fi prodotti b’rabta mal-enerġija koperti minn din id-Direttiva li jitqiegħdu fis-suq u/jew jintużaw bħala partijiet individwali għall-utenti aħħarin u li l-prestazzjoni ambjentali tagħhom tista’ tkun ivvalutata indipendentement;

(b)

“skeda” tfisser tabella standard ta’ informazzjoni dwar prodott;

(c)

“riżorsi essenzjali oħra” tfisser ilma, sustanzi kimiċi jew kwalunkwe sostanza oħra kkonsmata minn prodott f’użu normali;

(d)

“informazzjoni supplimentari” tfisser informazzjoni oħra dwar il-prestazzjoni u l-karatteristiċi ta’ prodott, li għandha x’taqsam ma’, jew tgħin fl-evalwazzjoni, tal-użu tal-enerġija jew riżorsi essenzjali oħra abbażi ta’ data li tista’ titkejjel;

(e)

“impatt dirett” tfisser l-impatt ta’ prodotti li effettivament jikkunsmaw l-enerġija waqt l-użu;

(f)

“impatt indirett” tfisser l-impatt ta’ prodotti li ma jikkunsmawx enerġija, iżda jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-enerġija waqt l-użu;

(g)

“negozjant” tfisser bejjiegħ bl-imnut jew persuna oħra li tbigħ, tikri, toffri għal xiri bin-nifs jew tqiegħed għall-wiri prodotti għall-utenti aħħarin;

(h)

“fornitur” tfisser il-produttur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu fl-Unjoni jew l-importatur li jpoġġi, jew iddaħħal fis-servizz, il-prodott fis-suq tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ dawn, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq jew iddaħħal fis-servizz, prodotti koperti b’din id-Direttiva, għandha titqies bħala fornitur;

(i)

“tqegħid fis-suq” tfisser li prodott ikun disponibbli għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni bil-ħsieb tad-distribuzzjoni jew l-użu tiegħu fl-Unjoni, kemm jekk b’kumpens kif ukoll jekk bla ħlas u irrispettivament mit-teknika ta’ bejgħ;

(j)

“dħul fis-servizz” tfisser l-ewwel użu fl-Unjoni ta’ prodott għall-fini intenzjonat tiegħu;

(k)

“użu mhux awtorizzat tat-tikketta” tfisser l-użu tat-tikketta, minbarra minn awtoritajiet tal-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod mhux previst f’din id-Direttiva jew att delegat.

Artikolu 3

Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li:

(a)

il-fornituri u n-negozjanti kollha stabbiliti fit-territorju tagħhom jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6;

(b)

fir-rigward ta’ prodotti koperti minn din id-Direttiva, il-wiri ta’ tikketti, marki, simboli jew skrizzjonijiet oħra li ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tal-atti delegati relevanti mhuwiex permess, jekk tali wiri jkun jista’ jħawwad jew jiżgwida lill-utenti aħħarin fir-rigward tal-konsum tal-enerġija jew, fejn applikabbli, ta’ riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu;

(c)

l-introduzzjoni tas-sistema ta’ tikketti u skedi dwar il-konsum jew il-konservazzjoni tal-enerġija hija akkumpanjata b’kampanja ta’ informazzjoni edukattiva u promozzjonali li l-għan tagħha jkun li tippromwovi l-effiċjenza tal-enerġija u użu tal-enerġija aktar responsabbli mill-utenti aħħarin;

(d)

jittieħdu miżuri xierqa sabiex iħeġġu lill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali rilevanti responsabbli biex jimplimentaw din id-Direttiva sabiex jikkooperaw u jipprovdu lil xulxin u lill-Kummissjoni informazzjoni sabiex jassistu fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-koperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni għandhom jieħdu kemm jistgħu vantaġġ mill-mezzi ta’ komunikazzjoni, għandhom ikunu effettivi meta mqabbla mal-ispiża u jista’ jkollhom l-appoġġ mill-programmi relevanti tal-UE. Tali kooperazzjoni għandha tiggarantixxi s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-ipproċessar u l-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva pprovduta matul il-proċedura, fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adegwati sabiex tħeġġeġ u tikkontribwixxi favur koperazzjoni bejn l-Istati Membri msemmija f’dan il-punt.

2.   Meta Stat Membru jaċċerta li prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti kollha rilevanti stipulati f’din id-Direttiva u l-atti delegati tagħha għat-tikketta u l-iskeda, il-fornitur għandu jkun obbligat li jagħmel il-prodott konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti skont il-kundizzjonijiet effettivi u proporzjonati imposti mill-Istat Membru.

Fejn ikun hemm biżżejjed evidenza li prodott jista’ ma jkunx konformi, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu l-miżuri preventivi neċessarji u miżuri bil-mira li tiġi żgurata l-konformita’ f’perijodu ta’ żmien preċiż, b’kont meħud tal-ħsara kkawżata.

Fejn in-nuqqas ta’ konformità tippersisti, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu deċiżjoni fejn jillimita jew jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u/jew it-tħaddim tal-prodott inkwistjoni jew jiżgura li dan jiġi rtirat mis-suq. F’każijiet fejn l-irtirar tal-prodott mis-suq jew il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq tal-prodott, il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu infurmati minnufih.

3.   Kull erba’ snin, l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni li jinkludi dettalji dwar l-attivitajiet tal-infurzar u l-livell ta’ konformità fit-territorju tagħhom.

Il-Kummissjoni tista’ tispeċifika d-dettalji tal-kontenut komuni ta’ dawn ir-rapporti, permezz tal-istabbiliment ta’ linjigwida.

4.   Il-Kummissjoni għandha regolarment tipprovdi sintesi ta’ dawk ir-rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal informazzjoni.

Artikolu 4

Rekwiżiti ta’ informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija elettrika, forom oħra ta’ enerġija u fejn rilevanti riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu, u informazzjoni supplimentari għanndha, f’ konformita’ mal-atti delegati taħt din id-Direttiva, tinġieb għall-attenzjoni tal-utenti aħħarin permezz ta’ skeda u tikketta dwar il-prodotti offruti għall-bejgħ, kiri, xiri bin-nifs jew murija lill- utenti aħħarin direttament jew indirettament bi kwalunkwe mezz ta’ bejgħ mill-bogħod inkluż bl-Internet;

(b)

l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) hija provduta fir-rigward tal-prodotti built-in jew istallati biss fejn ikun rikjest mill-atti delegati applikabbli;

(c)

kwalunkwe pubbliċità għal mudell speċifiku ta’ prodotti relatati mal-enerġija koperti minn att delegat taħt din id-Direttiva tinkludi, fejn tiġi żvelata informazzjoni relatata mal-enerġija jew il-prezz, referenza għall-klassi tal-effiċjenza tal-enerġija tal-prodott;

(d)

kwalunkwe materjal ta’ promozzjoni tekniku dwar prodotti relatati mal-enerġija li jiddeskrivi l-parametri tekniċi speċifiċi ta’ prodott, b’mod partikolari, manwali tekniċi u fuljetti ta’ produtturi, kemm jekk stampat kif ukoll jekk online, huwa provdut lill-utenti aħħarin bl-informazzjoni meħtieġa rigward il-konsum tal-enerġija jew għandu jinkludi referenza għall-klassi tal-effiċjenza tal-enerġija tal-prodott.

Artikolu 5

Ir-responsabbiltajiet tal-fornituri

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

il-fornituri li jqiegħdu fis-suq jew għat-tħaddim prodotti koperti minn att delegat jipprovdu tikketta u skeda skont din id-Direttiva u l-att delegat;

(b)

il-fornituri jipproduċu dokumentazzjoni teknika li tkun biżżejjed sabiex tippermetti li tiġi vvalutata l-preċiżjoni tal-informazzjoni li jkun hemm fit-tikketta u l-iskeda. Dik id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi:

(i)

deskrizzjoni ġenerali tal-prodott;

(ii)

fejn relevanti, ir-riżultati tal-kalkolazzjonijiet tad-disinn imwettqa;

(iii)

rapporti tat-testijiet, fejn disponibbli, inklużi dawk li jsiru minn organizzazzjonijiet rilevanti notifikati kif iddefiniti skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni;

(iv)

fejn valuri jintużaw għal mudelli simili, referenzi li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ dawk il-mudelli.

Għal dan il-għan il-fornituri jistgħu jużaw dokumentazzjoni diġà stabbilita skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni;

(c)

il-fornituri jagħmlu disponibbli d-dokumentazzjoni teknika għal finijiet ta’ spezzjoni għal perjodu li jispiċċa ħames snin wara li jkun ġie mmanifatturat l-aħħar prodott konċernat.

Il-fornituri jagħmlu disponibbli verżjoni elettronika tad-dokumentazzjoni teknika fuq talba lill-awtoritajiet superviżorji tas-suq fl-Istati Membri u lill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol minn meta tasal talba mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew il-Kummissjoni;

(d)

fir-rigward ta’ tikketti u informazzjoni tal-prodott, il-fornituri jipprovdu t-tikketti neċessarji mingħajr ebda ħlas lin-negozjanti.

Mingħajr ħsara għall-għażla tal-fornituri dwar is-sistema ta’ distribuzzjoni tat-tikketti, il-fornituri jipprovdu t-tikketti minnufih fuq it-talba tan-negozjanti;

(e)

minbarra mit-tikketti, il-fornituri jipprovdu skeda tal-prodott;

(f)

il-fornituri għandhom jinkludu skeda fil-fuljetti kollha tal-prodotti. Fejn il-fuljetti tal-prodotti ma jiġux ipprovduti mill-fornitur, il-fornitur jipprovdi skedi ma’ letteratura oħra pprovduta mal-prodott;

(g)

il-fornituri ikunu responsabbli għall-preċiżjoni tat-tikketti u tal-iskedi li jipprovdu;

(h)

il-fornituri jitqiesu li jkunu taw il-kunsens għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni provduta fuq it-tikketta jew fl-iskeda.

Artikolu 6

Ir-responsabbiltajiet tan-negozjanti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

in-negozjanti juru t-tikketti sew, b’mod viżibbli u leġġibbli, u jagħmlu disponibbli l-iskedi fil-fuljett tal-prodotti jew letteratura oħra li takkumpanja l-prodotti meta jinbiegħu lill-utenti aħħarin;

(b)

Kull meta jintwera prodott kopert minn att delegat, in-negozjanti iwaħħlu tabella xierqa, f’pożizzjoni li tidher sewwa speċifikata fl-att delegati applikabbli, u fil-verżjoni tal-lingwa rilevanti.

Artikolu 7

Bejgħ mill-bogħod u forom oħra ta’ bejgħ

Fejn il-prodotti jiġu offruti għall-bejgħ, kiri jew xiri bin-nifs b’ ordni postali, b’katalgu, permezz tal-Internet, tat-telemarketing jew bi kwalunkwe mezz ieħor li bih, il- utent aħħari potenzjali ma jkunx mistenni li jara l-prodott imqiegħed għall-wiri, l-atti delegati għandhom jippervedu li jiġi żgurat li l-utenti aħħarin jiġu pprovduti b’informazzjoni speċifikata fuq it-tikketta għall-prodott u fl-iskeda qabel ma jixtru prodott. L-atti delegati għandhom, fejn xieraq, jispeċifikaw il-mod kif it-tikketta jew l-iskeda jew l-informazzjoni speċifikata minnha għandha tintwera jew titwassal lill-utent aħħari.

Artikolu 8

Moviment ħieles

1.   L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ixekklu it-tqegħid fis-suq jew it-tħaddim, fit-territorji taħghom, ta’ prodotti li jkunu koperti bi u jkunu konformi ma’ din id-Direttiva u l-atti delegat applikabbli.

2.   Sakemm ma jkollhomx evidenza li turi l-kontra, l-Istati Membri għandhom iqisu t-tikketti u l-iskedi bħala konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-atti delegati. L-istati Membri għandhom jeħtieġu lill-fornituri sabiex jagħtu evidenza fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 5 dwar il-preċiżjoni tal-informazzjoni fornuta fuq it-tikketti jew skedi tagħhom meta jkollhom raġuni għaliex jissuspettaw li tali informazzjoni ma tkunx korretta.

Artikolu 9

Akkwist pubbliku u inċentivi

1.   Fejn prodott ikun kopert b’att delegat l-awtoritajiet kontraenti li jikkonkludu kuntratti xogħlijiet, provvisti jew servizzi pubbliċi imsemmija fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (8), li ma humiex esklużi permezz tal-Artikoli 12 sa 18 tagħha, għandhom jipprovaw jakkwistaw biss il- prodotti li jikkonformaw mal-kriterji tal-ogħla livelli ta’ prestazzjoni u li jkunu jappartjenu għall-ogħla klassi ta’ effiċjenza tal-enerġija. L-Istati Membri jistgħu jirrekjedu wkoll li l-awtoritajiet kontraenti jakkwistaw biss il-prodotti li jissodisfaw dawk il-kriterji. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji suġġetta għall- effettività meta mqabbla mal-ispiża, il-fattibbiltà ekonomika u l-adegwatezza teknika u kompetizzjoni suffiċjenti.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika għal kuntratti b’valur stmat daqs jew aktar mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18/KE.

3.   Fejn l-Istati Membri jipprevedu kwalunkwe inċentivi għal prodott kopert minn att delegat, huma għandhom jimmiraw lejn l-ogħla livelli ta’ prestazzjoni inkluż l-ogħla klassi ta’ effiċjenza tal-enerġija stabbiliti fl-att delegat applikabbli. It-tassazzjoni u l-miżuri fiskali ma jikkostitwixxux inċentivi għall-fini ta’ din id-Direttiva.

4.   Fejn l-Istati Membri jipprovdu inċentivi għal prodotti, kemm għall-utenti aħħarin li jużaw prodotti b’effiċjenza għolja kif ukoll għall-industriji li jippromwovu u jipproduċu tali prodotti, huma għandhom jesprimu l-livelli ta’ prestazzjoni f’termini ta’ klassijiet kif iddefinit fl-att delegat applikabbli, ħlief fejn huma jimponu livelli ta’ prestazzjoni ogħla mil-limitu għall-ogħla klassi ta’ effiċjenza tal-enerġija fl-att delegat. L-Istati Membri jistgħu jimponu livelli ta’ prestazzjoni ogħla mil-limitu għall-ogħla klassi ta’ effiċjenza tal-enerġija fl-att delegat.

Artikolu 10

Atti delegati

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-dettalji dwar it-tikketta u l-iskeda permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 11, 12 u 13, dwar kull tip ta’ prodott skont dan l-Artikolu.

Fejn prodott jissodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, hu għandu jiġi kopert minn att delegat skont il-paragrafu 4.

Dispożizzjonijiet fl-atti delegati fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta u fuq l-iskeda dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra matul l-użu għandhom jippermettu lill-utenti aħħarin biex jaslu għal deċiżjoni aħjar dwar ix-xiri u għandhom jippermettu lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jivverifikaw jekk il-prodotti jikkonformawx mal-informazzjoni pprovduta.

Fejn att delegat jistabbilixxi dispożizzjonijiet fir-rigward kemm tal-effiċjenza enerġetika kif ukoll il-konsum tar-riżorsi essenzjali ta’ prodott, id-disinn u l-kontenut tat-tikketta għandhom jenfasizzaw l-effiċjenza enerġetika tal-prodott.

2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 huma li ġejjin:

(a)

skont iċ-ċifri disponibbli l-aktar riċenti u meta jitqiesu l-kwantitajiet imqegħda fis-suq tal-Unjoni, il-prodotti għandu jkollhom potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija u, fejn applikabbli, ta’ riżorsi essenzjali oħra;

(b)

prodotti b’funzjoni ekwivalenti disponibbli fis-suq għandu jkollhom id-differenzi estensivi fil-livelli rilevanti ta’ prestazzjoni;

(c)

il-Kummissjoni għandha tqis il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u awtoregolamentazzjoni rilevanti, bħal ftehimiet volontarji, li jkunu mistennija jilħqu l-għanijiet ta’ politika iktar malajr jew bi spiża iżgħar mir-rekwiżiti mandatorji.

3.   Fl-abbozzar ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tqis dawk il-parametri ambjentali stipulati fl-Anness I, il-Parti 1, għad-Direttiva 2009/125/KE li huma identifikati bħala sinifikanti fil-miżuri implimentattivi rilevanti adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE u li huma rilevanti għall-utent aħħari matul l-użu;

(b)

tivvaluta l-impatt tal-att fuq l-ambjent, l-utenti aħħarin u l-produtturi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), f’termini ta’ kompetittività, inkluż fuq is-swieq barra mill-Unjoni, l-innovazzjoni, l-aċċess għas-suq, l-ispejjeż u l- benefiċċji;

(c)

twettaq konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati;

(d)

tiffissa data(i) ta’ implimentazzjoni, kull miżura jew perjodu f’diversi stadji, waqt li tikkunsidra b’mod partikolari l-impatti possibbli fuq l-SMEs jew fuq gruppi ta’ prodotti speċifiċi primarjament manifatturati mill-SMEs.

4.   L-atti delegati għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari:

(a)

id-definizzjoni eżatta tat-tip ta’ prodotti li għandhom jiġu inklużi;

(b)

l-istandards u l-metodi ta’ qisien li għandhom jintużaw biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1);

(c)

id-dettalji tad-dokumentazzjoni teknika meħtieġa skont l-Artikolu 5;

(d)

id-disinn u l-kontenut tat-tikketta msemmija fl-Artikolu 4, li kemm jista’ jkun għandu jkollha karatteristiċi ta’ disinn uniformi għall-gruppi kollha tal-prodotti; u fil-każijiet kollha għandha tkun viżibbli u leġġibbli b’mod ċar. Bħala bażi, il-format tat-tikketta għandu jibqa’ skont il-klassifikazzjoni bl-użu tal-ittri minn A sa G; l-istadji tal-klassifikazzjoni għandhom jikkorrespondu ma’ ffrankar sinifikanti tal-enerġija u l-ispejjeż mill-perspettiva tal-utenti aħħarin.

Jistgħu jiġu miżjuda tliet klassijiet addizzjonali mal-klassifikazzjoni jekk ikun meħtieġ mill-progress teknoloġiku. Dawk il-klassijiet addizzjonali ser ikunu A+, A++, u A+++ għall-aktar klassi effiċjenti. Fil-prinċipju n-numru totali ta’ klassijiet ser ikun limitat għal sebgħa, ħlief jekk ikunu għadhom mimlijin aktar klassijiet.

L-iskala tal-kuluri m’għandhiex tikkonsisti f’aktar minn seba’ kuluri differenti minn aħdar skur sa aħmar. Il-kodiċi ta’ kulur tal-ogħla klassi biss għandu dejjem ikun aħdar skur. Jekk ikun hemm aktar minn seba’ klassijiet, jista’ jiġi dduplikat il-kulur aħmar biss.

Il-klassifikazzjoni għandha tiġi riveduta b’mod partikolari meta proporzjon sinifikanti ta’ prodotti fis-suq intern jilħaq l-ogħla żewġ klassijiet ta’ effiċjenza tal-enerġija u meta jkun jista’ jinkiseb iffrankar addizzjonali b’aktar differenzjar ta’ prodotti.

Il-kriterji dettaljati għal riklassifikazzjoni possibbli għandhom, fejn xieraq, jiġu ddeterminati fuq bażi ta’ każ b’każ fl-att delegat rilevanti;

(e)

il-post fejn għandha titwaħħal it-tikketta mal-prodott imqiegħed għall-wiri u l-mod li bih it-tikketta u/jew l-informazzjoni jrid jkunu pprovduti fil-każ ta’ offerti għall-bejgħ kif kopert fl-Artikolu 7. Fejn xieraq, l-atti delegati jistgħu jipprovdu sabiex it-tikketta titwaħħal mal-prodott jew tiġi stampata fuq il-pakkett, jew għat-dettalji tar-rekwiżiti tal-ittikkettar għall-istampar f’katalgi, jew għall-bejgħ mill-bogħod jew bejgħ fuq l-Internet;

(f)

il-kontenut u, fejn xieraq, il-format u dettalji oħra dwar l-iskeda jew informazzjoni oħra speċifikata fl-Artikoli 4 u 5(c). L-informazzjoni fuq it-tikketta għandha tiġi inkluża wkoll fuq l-iskeda;

(g)

il-kontenut speċifiku għat-tikketta għar-reklmar, inkluż, kif xieraq, il-klassi enerġetika u l-livell(i) rilevanti ta’ prestazzjoni ta’ prodott partikolari f’forma leġġibbli u viżibbli;

(h)

it-tul taż-żmien tal-klassifikazzjoni(jiet) tat-tikketti, fejn xieraq, f’konformità mal-punt (d);

(i)

il-livell ta’ preċiżjoni fl-istqarrijiet fuq it-tikketta u l-iskedi;

(j)

id-data għall-evalwazzjoni u r-reviżjoni possibbli tal-att delegat, filwaqt li titqies il-ħeffa tal-progress teknoloġiku.

Artikolu 11

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħat sabiex jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin li jibda fid-19 ta’ Ġunju 2010. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport rigward is-setgħat delegati mhux aktar tard minn 6 xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ 5 snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi awtomatikament estiża għal perijodi tal-istess dewmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokawhiex skont l-Artikolu 12.

2.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Is-segħat sabiex tadotta atti delegati huma konferiti lill-Kummissjoni suġġetti għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13.

Artikolu 12

Ir-revoka tad-delega

1.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 10 tista’ tiġi revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tibda proċedura interna sabiex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega tas-setgħat għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, u tindika s-setgħat delegati li jistgħu ikunu suġġetti għal revoka u r-raġunjijiet possibbli għal revoka.

3.   Id-deċiżjoni tar-revoka għandha twassal għat-tmiem tad-delega tas-setgħat imsemmija f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tieħu effett immedjatament jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ. Hija għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Objezzjonijiet għall-atti delegati

1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għall-att delegat fi żmien perijodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

2.   Jekk, meta jiskadi dak il-perijodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarat fih.

L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu informaw it-tnejn li huma lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux objezzjonijiet.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat adottat, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tagħti r-rapunijiet għall-objezzjoni tal-att delegat.

Artikolu 14

Evalwazzjoni

Mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-effettività ta’ din id-Direttiva u tal-atti delegati tagħha u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

F’dik l-okkażjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll:

(a)

il-kontribut tal-punt (c) tal-Artikolu 4 għall-għan ta’ din id-Direttiva;

(b)

l-effettività tal-Artikolu 9(1);

(c)

fid-dawl ta’ żvilupp tekniku u l-intendiment tal-konsumaturi dwar il-format tat-tikketta, il-ħtieġa li l-punt (d) tal-Artikolu 10(4) jiġi emendat.

Artikolu 15

Penali

L-Istati Membri għandhom jiffissaw ir-regoli dwar penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali addottati skont din id-Direttiva u l-atti delegati tagħha, inkluż kontra użu mhux awtorizzat tat-tikketta, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswasivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-20 ta’ Ġunju 2011 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bla dewmien dwar kull emenda sussegwenti li tolqot lil dawk id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 16

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ sa mhux iktar tard mill-20 ta’ Ġunju 2011 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-20 ta’ Lulju 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandha tiġi inkluża referenza għal din id-Direttiva jew magħhom għandu jkun hemm it-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom ukoll jinkludu stqarrija li tgħid li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti, u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad- Direttiva 92/75/KEE għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza għandha ssir u kif dik l-istqarrija għandha tkun ifformulata.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 17

Tħassir

Id-Direttiva 92/75/KEE, kif emendata mir-Regolament indikat fl-Anness I, il-Parti A, hija b’dan imħassra b’effett mill-21 ta’ Lulju 2011, bla ebda ħsara lill-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-iskadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva stipulata fl-Anness I, il-Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva 92/75/KEE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punti (d), (g) u (h) tal-Artikolu 5 għandhom japplikaw mill-31 ta’ Lulju 2011.

Artikolu 19

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Mejju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

D. LÓPEZ GARRIDO


(1)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 90.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-14 ta’ April 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16.

(4)  Ara l-Anness I, il-Parti A.

(5)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(6)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(7)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(8)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.


ANNESS I

PARTI A

Id-Direttiva mħassra bl-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 17)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE

(ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16)

 

Ir-Regolament (KE) Nru 1882/2003

(ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)

Il-punt (32) biss tal-Anness III

PARTI B

Lista ta’ skadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 16)

Id-Direttiva

Skadenza għat-traspożizzjoni

92/75/KEE

L-1 ta’ Jannar 1994


ANNESS II

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Id-Direttiva 92/75/KEE

Din id-Direttiva

L-Artikolu 1(1), kliem introduttorju, l-ewwel sentenza

L-Artikolu 1(1)

L-Artikolu 1(1), kliem introduttorju, it-tieni sentenza

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 1(1), l-ewwel sas-seba’ inċiż

L-Artikolu 1(2)

L-Artikolu 1(3) il-punti (a) u (b)

L-Artikolu 1(3)

L-Artikolu 1(3) il-punt (c)

L-Artikolu 2 il-punti (a) u (b)

L-Artikolu 1(4), l-ewwel u t-tieni inċiżi

L-Artikolu 2 il-punti (g) u (h)

L-Artikolu 1(4), it-tielet inċiż

L-Artikolu 1(4), ir-raba’ inċiż

L-Artikolu 2 il-punt (c)

L-Artikolu 1(4), il-ħames inċiż

L-Artikolu 2 il-punt (d)

L-Artikolu 2 il-punti (e), (f), (i), (j) u (k)

L-Artikolu 1(5)

L-Artikolu 2(1)

L-Artikolu 4 il-punt (a)

L-Artikolu 4 punti (b), (c) u (d)

L-Artikolu 2(2)

L-Artikolu 2(3)

L-Artikolu 5 il-punt (b)

L-Artikolu 2(4)

L-Artikolu 5 il-punti (b) u (c)

L-Artikolu 3(1)

L-Artikolu 5 il-punt (a)

L-Artikolu 3(2)

L-Artikolu 5 il-punti (e) u (f)

L-Artikolu 3(3)

L-Artikolu 5 il-punt (g)

L-Artikolu 3(4)

L-Artikolu 5 il-punt (h)

L-Artikoku 6 il-punt (a)

L-Artikolu (4) il-punt (a)

L-Artikolu 6 il-punt (b)

L-Artikolu (4) il-punt (b)

L-Artikolu 5 il-punt (d)

L-Artikolu 5

L-Artikolu 7

L-Artikolu 6

L-Artikolu 7 il-punt (a)

L-Artikolu 3(1) il-punt (a)

L-Artikolu 7 il-punt (b)

L-Artikolu 3(1) il-punt (b)

L-Artikolu 7 il-punt (c)

L-Artikolu 3(1) il-punt (c)

L-Artikolu 3(1) il-punt (d)

L-Artikolu 3(2), (3) u (4)

L-Artikolu 8(1)

L-Artikolu 8(1)

L-Artikolu 8(2)

L-Artikolu 8(2)

L-Artikolu 9

L-Arikolu (9)

L-Artikolu 10

L-Artikolu 10(1), (2) u (3)

L-Artikolu 11

L-Artikolu 12 il-punt (a)

L-Artikolu 10(4) il-punt (a)

L-Artikolu 12 il-punt (b)

L-Artikolu 10(4) il-punt (b)

L-Artikolu 12 il-punt (c)

L-Artikolu 10(4) il-punt (c)

L-Artikolu 12 il-punt (d)

L-Artikolu 10(4) il-punt (d)

L-Artikolu 12 il-punt (e)

L-Artikolu 10(4) il-punt (e)

L-Artikolu 12 il-punt (f)

L-Artikolu 10(4) il-punt (f)

L-Artikolu 12 il-punt (g)

L-Artikolu 10(4) il-punti (g), (h), (i) u (j)

L-Artikoli 11, 12, 13, 14, 15

L-Artikolu 13

L-Artikolu 17

L-Artikolu 14

L-Artikolu 16

L-Artikolu 18

L-Artikolu 15

L-Artikolu 19

L-Anness I

L-Anness II