13.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/27


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/21/UE

tat-12 ta’ Marzu 2010

li temenda l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ clothianidin, thiamethoxam, fipronil u imidacloprid

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari t-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Is-sustanzi attivi clothianidin, thiamethoxam, fipronil u imidacloprid ġew inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE permezz tad-Direttivi tal-Kummissjoni 2006/41/KE (2), 2007/6/KE (3), 2007/52/KE (4) u 2008/116/KE (5) rispettivament.

(2)

Rilaxxi aċċidentali ta’ dawk is-sustanzi attivi li dan l-aħħar ġew irrappurtati minn bosta Stati Membri rriżultaw f’telf sostanzjali ta’ kolonji tan-naħal tal-għasel. B’konsegwenza ta’ dan, l-Istati Membri kkonċernati ħadu miżuri temporanji ta’ prekawzjoni biex jissospendu temporanjament it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi.

(3)

Clothianidin, thiamethoxam, u imidacloprid jistgħu jiġu awtorizzati biss għall-użi bħala insettiċida, inkluż l-użu bħala trattament taż-żerriegħa. Minkejja dan, fipronil, jista’ jiġi awtorizzat biss għal użi bħala insettiċida għall-użu bħala trattament taż-żerriegħa. L-aċċidenti rappurtati mill-Istati Membri jikkonċernaw l-użu mhux xieraq ta’ dawk is-sustanzi attivi biex jittrattaw iż-żrieragħ.

(4)

Biex jiġu evitati aċċidenti futuri, għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet addizzjonali, inklużi miżuri xierqa ta’ tnaqqis tar-riskji għal clothianidin, thiamethoxam, fipronil u imidacloprid.

(5)

Id-Direttiva 91/414/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżura prevista f’din id-Direttiva hija skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2010 l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Novembru 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza bħal din.

Artikolu 3

Skont id-Direttiva 91/414/KEE, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom clothianidin, thiamethoxam, fipronil u imidacloprid bħala sustanzi attivi sal-31 ta’ Ottubru 2010.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 187, 8.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 43, 15.2.2007, p. 13.

(4)  ĠU L 214, 17.8.2007, p. 3.

(5)  ĠU L 337, 16.12.2008, p. 86.


ANNESS

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif ġej:

1.

Fir-ringiela 123 relatata ma’ clothianidin, fil-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi”, il-Parti A tinbidel b’dan li ġej:

“PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss użi bħala insettiċida.

Għall-protezzjoni ta’ organiżmi mhux fil-mira, b’mod partikolari naħal tal-għasel, għall-użu bħala trattament taż-żerriegħa:

il-kisi taż-żerriegħa għandu jsir biss f’faċilitajiet professjonali għat-trattament taż-żerriegħa. Dawk il-faċilitajiet għandhom japplikaw l-aqwa metodi disponibbli biex jiżguraw li r-rilaxx ta’ trab ikun minimizzat waqt l-applikazzjoni għaż-żerriegħa, il-ħażna u t-trasport;

għandu jintuża tagħmir xieraq tal-ħrit u ż-żrigħ biex jiżgura livell għoli ta’ inkorporazzjoni fil-ħamrija, jimminimizza li ż-żerriegħa tinżera’ ‘l barra minn fejn ippjanat u jimminimizza l-emissjoni tat-trab.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

it-tikketta taż-żerriegħa trattata tinkludi l-indikazzjoni li ż-żrieragħ ġew trattati bil-clothianidin u li hija stipulata fil-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji previsti fl-awtorizzazzjoni;

il-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni, b’mod partikolari għall-applikazzjonijiet ta’ raxx, jinkludu fejn xierqa, miżuri ta’ tnaqqis tar-riskji għall-protezzjoni tan-naħal tal-għasel;

jingħataw bidu programmi ta’ monitoraġġ biex jivverifikaw l-espożizzjoni reali tan-naħal tal-għasel għall-clothianidin f’inħawi użati b’mod estensiv min-naħal għat-tfittxija tal-ikel jew minn min irabbi n-naħal, fejn u kif ikun xieraq.”

2.

Fir-ringiela 142 relatata ma’ thiamethoxam, fil-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi”, il-Parti A tinbidel b’dan li ġej:

“PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss użi bħala insettiċida.

Għall-protezzjoni ta’ organiżmi mhux fil-mira, b’mod partikolari naħal tal-għasel, għall-użu bħala trattament taż-żerriegħa:

il-kisi taż-żerriegħa għandu jsir biss f’faċilitajiet professjonali għat-trattament taż-żerriegħa. Dawk il-faċilitajiet għandhom japplikaw l-aqwa metodi disponibbli biex jiżguraw li r-rilaxx ta’ trab ikun minimizzat waqt l-applikazzjoni għaż-żerriegħa, il-ħażna u t-trasport;

għandu jintuża tagħmir xieraq tal-ħrit u ż-żrigħ biex jiżgura livell għoli ta’ inkorporazzjoni fil-ħamrija, jimminimizza li ż-żerriegħa tinżera’ ‘l barra minn fejn ippjanat u jimminimizza l-emissjoni tat-trab.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

it-tikketta taż-żerriegħa trattata tinkludi l-indikazzjoni li ż-żrieragħ ġew trattati bil-clothianidin u li hija stipulata fil-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji previsti fl-awtorizzazzjoni;

il-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni, partikolarment għall-applikazzjonijiet ta’ raxx, jinkludu fejn xierqa, miżuri ta’ tnaqqis tar-riskji għall-protezzjoni tan-naħal tal-għasel;

jingħataw bidu programmi ta’ monitoraġġ biex jivverifikaw l-espożizzjoni reali tan-naħal tal-għasel għall-thiamethoxam f’inħawi użati b’mod estensiv min-naħal għat-tfittxija tal-ikel jew minn min irabbi n-naħal, fejn u kif ikun xieraq.”

3.

Fir-ringiela 163 relatata ma’ fipronil, fil-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi”, il-Parti A tinbidel b’dan li ġej:

“PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss użi bħala insettiċida għall-użu bħala trattament taż-żerriegħa.

Għall-protezzjoni ta’ organiżmi li mhumiex fil-mira, partikolarment in-naħal tal-għasel:

il-kisi taż-żerriegħa għandu jsir biss f’faċilitajiet professjonali għat-trattament taż-żerriegħa. Dawk il-faċilitajiet għandhom japplikaw l-aqwa metodi disponibbli biex jiżguraw li r-rilaxx ta’ trab ikun minimizzat waqt l-applikazzjoni għaż-żerriegħa, il-ħażna u t-trasport;

għandu jintuża tagħmir xieraq tal-ħrit u ż-żrigħ biex jiżgura livell għoli ta’ inkorporazzjoni fil-ħamrija, jimminimizza li ż-żerriegħa tinżera’ ‘l barra minn fejn ippjanat u jimminimizza l-emissjoni tat-trab.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

it-tikketta taż-żerriegħa trattata tinkludi l-indikazzjoni li ż-żrieragħ ġew trattati bil-fipronil u li hija stipulata fil-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji previsti fl-awtorizzazzjoni;

jingħataw bidu programmi ta’ monitoraġġ biex jivverifikaw l-espożizzjoni reali tan-naħal tal-għasel għall-fipronil f’inħawi użati b’mod estensiv min-naħal għat-tfittxija tal-ikel jew minn min irabbi n-naħal, fejn u kif ikun xieraq.”

4.

Fir-ringiela 163 relatata ma’ fipronil, fil-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi”, il-Parti B titħassar is-sentenza li ġejja:

“—

l-użu ta’ tagħmir adegwat li jassigura grad għoli ta’ inkorporazzjoni fil-ħamrija u tixrid mill-inqas waqt l-applikazzjoni.”

5.

Fir-ringiela 222 relatata ma’ imidacloprid, fil-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi”, il-Parti A tinbidel b’dan li ġej:

“PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss użi bħala insettiċida.

Għall-protezzjoni ta’ organiżmi mhux fil-mira, b’mod partikolari naħal tal-għasel u għasafar, għall-użu bħala trattament taż-żerriegħa:

il-kisi taż-żerriegħa għandu jsir biss f’faċilitajiet professjonali għat-trattament taż-żerriegħa. Dawk il-faċilitajiet iridu japplikaw l-aqwa metodi disponibbli biex jiżguraw li r-rilaxx ta’ trab ikun minimizzat waqt l-applikazzjoni għaż-żerriegħa, il-ħażna u t-trasport;

għandu jintuża tagħmir xieraq tal-ħrit u ż-żrigħ biex jiżgura livell għoli ta’ inkorporazzjoni fil-ħamrija, jimminimizza li ż-żerriegħa tinżera’ ‘l barra minn fejn ippjanat u jimminimizza l-emissjoni tat-trab.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

it-tikketta taż-żerriegħa trattata tinkludi l-indikazzjoni li ż-żrieragħ ġew trattati bl-imidacloprid u li hija stipulata fil-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji previsti fl-awtorizzazzjoni;

il-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni, partikolarment għall-applikazzjonijiet ta’ raxx, jinkludu fejn xierqa, miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju għall-protezzjoni tan-naħal tal-għasel;

jingħatw bidu programmi ta’ monitoraġġ biex jivverifikaw l-espożizzjoni reali tan-naħal tal-għasel għall-imidacloprid f’inħawi użati b’mod estensiv min-naħal għat-tfittxija tal-ikel jew minn min irabbi n-naħal, fejn u kif ikun xieraq.”

6.

Fir-ringiela 222 relatata ma’ imidacloprid, fil-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi”, il-Parti B titħassar is-sentenza li ġejja:

“—

għall-protezzjoni tan-naħal tal-għasel, b’mod partikolari għal applikazzjonijiet tal-isprej u għandhom jassiguraw li l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jinkludu, fejn xieraq, miżuri għat-tnaqqis tar-riskji.”