2.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2010

li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/692/KE, 2005/734/KE, 2006/415/KE, 2007/25/KE u 2009/494/KE fir-rigward tal-influwenza avjarja

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 8282)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/734/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(7) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (6), u b’mod partikolari l-Artikolu 63(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni adottat għadd ta’ miżuri ta’ protezzjoni relatati mal-influwenza avjarja wara t-tifqigħat ta’ din il-marda fix-xlokk tal-Asja li bdew f’Diċembru 2003 u li ġew ikkawżati mill-vajrus tal-influwenza avjarja ta’ patoloġija qawwija tas-sottotip H5N1.

(2)

Dawk il-miżuri huma stabbiliti, b’mod partikolari: fid-Deċiżoni tal-Kummissjoni 2005/692/KE tas-6 ta’ Ottubru 2005 li tikkonċerna miżura ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur f’bosta pajjiżi terzi (7); fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/734/KE tad-19 ta’ Ottubru 2005 li tistabbilixxi miżuri ta’ bijosigurtà sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ trażmissjoni tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja kkawżata mis-sottotip H5N1 tal-virus A tal-Influwenza minn għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom għal tjur tal-irziezet u għasafar oħra mrobbija mill-bniedem u li tipprevedi sistema ta’ ditezzjoni minn kmieni f’żoni b’riskju partikolari (8); u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/494/KE tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ ħarsien marbuta mal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N1 fil-Kroazja u l-Isvizzera (9).

(3)

Il-miżuri stabbiliti f’dawk id-Deċiżjonijiet japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2010. Madankollu għadhom iseħħu tifqigħat tal-influwenza avjarja ta’ patoloġija qawwija fl-għasafar selvaġġi u fit-tjur tas-sottotip H5N1 fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi u dan huwa ta’ riskju għas-saħħa tal-annimali u dik tal-bniedem.

(4)

Minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-influwenza avjarja, huwa xieraq li r-riskji li jirriżultaw mill-importazzjonijiet tat-tjur, tal-prodotti tat-tjur, tal-għasafar domestiċi u kunsinni oħra koperti minn dawk id-Deċiżjonijiet ikomplu jiġu limitati, kif ukoll li jinżammu l-miżuri ta’ bijosigurtà, is-sistemi ta’ żvelar bikri u ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza avjarja ta’ patoloġija qawwija tas-sottotip H5N1.

(5)

Il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2005/692/KE, 2005/734/KE, u 2009/494/KE għalhekk għandu jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2012.

(6)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2005/734/KE tipprojbixxi l-użu ta’ għasafar tat-taħrik matul il-kaċċa tal-għasafar f’żoni li huma identifikati bħala żoni partikolarment f’riskju għall-introduzzjoni tal-influwenza avjarja. Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-awtorità kompetenti tista’ tagħti derogi għall-użu tagħhom matul il-kaċċa tal-għasafar u fil-qafas tal-programmi tal-Istati Membri għas-sorveljanza tal-influwenza avjarja kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/732/KE tas-17 ta’ Ottubru 2005 li tapprova l-programmi għall-implimentazzjoni tal-istħarriġ tal-Istati Membri għall-inflwenza tat-tjur fit-tjur u fl-għasafar selvaġġi matul l-2005 u li tistipola regoli dwar ir-rappurtar u l-eliġibbiltà għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fin-nefqa għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi (10).

(7)

L-esperjenza wriet li l-għasafar tat-taħrik ma jintużawx biss matul il-kaċċa tal-għasafar iżda wkoll fil-qafas ta’ proġetti tar-riċerka, studji ornitoloġiċi u attivitajiet oħra li jistgħu jwasslu għal riskji simili fir-rigward tat-tixrid tal-influwenza avjarja. Il-miżuri ta’ bijosigurtà tad-Deċiżjoni 2005/734/KE għalhekk għandhom japplikaw għal użu aktar wiesgħa tal-għasafar tat-taħrik sakemm l-attività tkun ġiet awtorizzata mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 2b(1)(d).

(8)

Id-Deċiżjoni 2005/734/KE tirreferi wkoll għall-użu tal-għasafar tat-taħrik għat-teħid ta’ kampjuni skont il-programmi tal-Istati Membri għall-istħarriġ dwar l-influwenza avjarja kif previst fid-Deċiżjoni 2005/732/KE. L-istħarriġ imsemmi fid-Deċiżjoni 2005/732/KE tlesta fil-perjodu ta’ żmien stipulat imsemmi f’dik id-Deċiżjoni. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2005/734/KE għandha tiġi emendata biex tirreferi għall-programmi ta’ sorveljanza għall-influwenza avjarja li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2005/94/KE.

(9)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/415/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur tas-sottotip H5N1 ta’ patoġeniċità għolja ħafna fit-tjur tal-Komunità u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2006/135/KE (11) tistipula ċerti miżuri ta’ protezzjoni li għandhom jiġu applikati jekk isseħħ tifqigħa tal-marda. Sakemm forsi ssir reviżjoni ta’ dawk il-miżuri, il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni għandha tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2011 biss.

(10)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat-22 ta’ Diċembru 2006 fir-rigward ta’ ċerti miżuri ta’ ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta’ għasafar domestiċi li huma akkumpanjati mis-sid tagħhom fil-Komunità (12) tistipula ċerti regoli rigward l-awtorizzazzjoni tal-moviment minn pajjiżi terzi ta’ għasafar domestiċi ħajjin u tirreferi għal-lista ta’ pajjiżi terzi stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 li tfassal lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi, u li tisabbilixxi kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja u tas-saħħa pubblika u tal-annimali, għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ ċerti annimali ħajjin u l-laħam frisk tagħhom (13).

(11)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (14) jissostitwixxi u jirrevoka d-Deċiżjoni 79/542/KEE. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi aġġornata d-Deċiżjoni 2007/25/KE billi wieħed jirreferi għar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

(12)

Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/25/KE u l-mudell taċ-ċertifikat veterinarju li jinsab fl-Anness II għal dik id-Deċiżjoni, li jirreferu għall-Kapitolu 2.1.14. tal-Manwal ta’ Testijiet Dijanostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), skadew mill-adozzjoni tal-Kapitolu rrevedut dwar l-influwenza avjarja f’Mejju 2009 u għandhom jiġu aġġornati biex jirreferu għall-Kapitolu 2.3.4. ta’ dak il-Manwal. Huwa wkoll meħtieġ li jsiru ċerti emendi lid-dikjarazzjoni tas-sid li tinsab fl-Anness III ta’ dik id-Deċiżjoni fid-dawl tal-esperjenza. Id-Deċiżjoni 2007/25/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

(13)

Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali, huwa wkoll xieraq li l-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/25/KE jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2012.

(14)

Għalhekk, id-Deċiżjonijiet 2005/692/KE, 2005/734/KE, 2006/415/KE, 2007/25/KE u 2009/494/KE għandhom jiġu emendati skont dan.

(15)

Huwa meħtieġ li jiġi previst perjodu transitorju, li matulu l-kunsinni ta’ għasafar domestiċi, li għalihom ikunu ħarġu ċ-ċertifikat veterinarju u d-dikjarazzjoni tas-sid meħtieġa skont id-Deċiżjoni 2007/25/KE, qabel l-emendi magħmula minn din id-Deċiżjoni, ikunu jistgħu ikomplu jiddaħħlu fl-Unjoni, sabiex l-Istati Membri u l-industrija jingħataw iż-żmien biex jadattaw irwieħhom għar-regoli l-ġodda.

(16)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2005/692/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2010” għandha tiġi sostitwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2012”.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2005/734/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu (4) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jirrevedu b’mod regolari l-miżuri li ħadu skont il-paragrafu 1, u fid-dawl tal-programmi ta’ sorveljanza li wettqu skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (*), sabiex jadattaw, għas-sitwazzjoni epidemjoloġika u ornitoloġika li qiegħda tinbidel, iż-żoni tat-territorju tagħhom li identifikaw bħala żoni partikolarment f’riskju mill-introduzzjoni tal-influwenza avjarja.

(*)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.”"

2.

Fl-Artikolu 2a(1), il-punt (d) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(d)

l-użu tal-għasafar tal-ordnijiet Anseriformes u Charadriiformes bħala għasafar tat-taħrik (decoy birds).”

3.

Fl-Artikolu 2b(1), il-punt (d) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-frażi ta’ introduzzjoni u (i) għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“(d)

l-użu ta’ għasafar tat-taħrik:

(i)

minn detenturi ta’ għasafar tat-taħrik irreġistrati mal-awtorità kompetenti, taħt is-sorveljanza stretta tal-awtorità kompetenti biex jiġu attirati l-għasafar selvaġġi maħsuba għat-teħid ta’ kampjuni skont il-programmi tal-Istati Membri għall-influwenza avjarja, il-proġetti tar-riċerka, l-istudji ornitoloġiċi jew kwalunkwe attività oħra approvata mill-awtorità kompetenti; jew”

(b)

f’(ii), it-tielet inċiż għandu jinbidel b’dan li ġej:

“—

ir-reġistrazzjoni u r-rappurtaġġ tal-istatus tas-saħħa tal-għasafar tat-taħrik u l-ittestjar fil-laboratorju għall-influwenza avjarja fil-każ ta’ mewt ta’ tali għasafar u fit-tmiem tal-perjodu tal-użu fiż-żona identifikata bħala żona partikolarment f’riskju għall-introduzzjoni tal-influwenza avjarja,”.

4.

Fl-Artikolu 4, id-data “31 ta’ Diċembru 2010” għandha tiġi sostiwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2012”.

Artikolu 3

Fl-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2006/415/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2010” għandha tiġi sostitwita bid-data “31 ta’ Diċembru 2011”.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni 2007/25/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1(1), il-punt (b) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (i) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

inżammu iżolati għal 30 jum qabel l-esportazzjoni fil-post tat-tluq f’pajjiż terz elenkat fil-Parti 1 tal-Anness I jew il-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (**), jew

(**)  ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1.”"

(b)

il-punt (iv) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(iv)

inżammu iżolati għal mill-inqas 10 ijiem qabel l-esportazzjoni u għamlu test biex jindividwaw l-antiġenu jew il-ġenoma tal-influwenza avjarja H5N1 kif stabbilit fil-Kapitolu tal-Manwal ta’ Testijiet Dijanostiċi u Vaċċini għall-Annimali Terrestri, kif aġġornat b’mod regolari mill-OIE, mwettaq fuq kampjun meħud mhux qabel it-tielet ġurnata ta’ iżolament.”

2.

Fl-Artikolu 6, id-data “31 ta’ Diċembru 2010” għandha tiġi sostiwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2012”.

3.

L-Annessi II u III għandhom jinbidlu bit-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2009/494/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2010” għandha tiġi sostitwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2012”.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa minnufih biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawn il-miżuri. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Artikolu 7

Għal perjodu transitorju sal-31 ta’ Marzu 2011, l-għasafar domestiċi li għalihom ikunu ħarġu ċ-ċertifikat veterinarju u d-dikjarazzjoni tas-sid meħtieġa skont id-Deċiżjoni 2007/25/KE, qabel l-emendi magħmula minn din id-Deċiżjoni, jistgħu ikomplu jiddaħħlu fl-Unjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

(4)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(5)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

(6)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(7)  ĠU L 263, 8.10.2005, p. 20.

(8)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 105.

(9)  ĠU L 166, 27.6.2009, p. 74.

(10)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 95.

(11)  ĠU L 164, 16.6.2006, p. 51.

(12)  ĠU L 8, 13.1.2007, p. 29.

(13)  ĠU L 146, 14.6.1979, p. 15.

(14)  ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1.


ANNESS

L-Anness II u III tad- Deċiżjoni 2007/25/KE għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

L-ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

DIKJARAZZJONI

Jiena, is-sid (1)/persuna responsabbli għall-għasfur (għasafar) f’isem is-sid (1) hawn taħt sottoskritt niddikjara:

1.

L-għasfur (għasafar) qiegħed (qegħdin) jakkumpanja(w) il-persuna sottosrkritta u mhux (mhumiex) maħsub(a) li jinbiegħ(u) jew li jiġi(u) trasferit(i) lil sid ieħor.

2.

L-għasfur (għasafar) se jibqa’ (jibqgħu) taħt ir-responsabbiltà tal-persuna sottoskritta matul il-ġarr mhux kummerċjali tiegħu/tagħhom.

3.

Waqt il-perjodu ta’ bejn l-ispezzjoni veterinarja ta’ qabel il-ġarr u t-tluq attwali l-għasfur (għasafar) jibqa’ (jibqgħu) iżolat(i) minn kull possibiltà ta’ kuntatt ma’ għasfur (għasafar) ieħor (oħra); kif ukoll;

4.

 (1) jew

[L-għasfur (għasafar) ġie/ġew iżolat(i) fil-bini għal perjodu ta’ mill-inqas 30 jum eżatt qabel id-data tad-dispaċċ mingħajr ma ġie/ġew f’kuntatt ma’ kwalunkwe għasfur (għasafar) ieħor/oħra.]

 (1) jew

L-għasfur (għasafar) wettaq/wettqu l-iżolament ta’ qabel il-ġarr ta’ 10 ijiem.]

 (1) jew

[Għamilt l-arranġamenti għall-kwarantina ta’ wara l-introduzzjoni ta’ 30 jum tal-għasfur (għasafar) fil-bini tal-kwarantina ta’ …, kif indikat fiċ-Ċertifikat korrispondenti.]

(Data u Post)

(Firma)


(1)  Żomm kif xieraq.