21.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 220/74


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Awwissu 2010

li temenda d-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/195/KEE, 93/197/KEE u 2004/211/KE fir-rigward ta’ ammissjoni temporanja, dħul mill-ġdid wara esportazzjonijiet u importazzjonijiet temporanji ta’ żwiemel reġistrati u importazzjonijIet ta’ semen tal-ispeċi ekwini minn ċerti partijiet tal-Eġittu

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 5703)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/463/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni tal-ekwidi minn pajjiżi terzi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), punt (a) tal-Artikolu 15, l-Artikolu 16(19) u l-fażi introduttorja u l-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/260/KEE tal-10 ta’ April 1992 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u ċertifikazzjoni veterinarja għal dħul temporanju ta’ żwiemel irreġistrati (3) tagħti kompiti lil pajjiżi terzi, li minnhom ikun ġie awtorizzat id-dħul temporanju fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati, lil gruppi sanitarji ta’ pajjiżi għall-applikazzjoni ta’ ħtiġijiet speċifiċi tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni. Il-lista, stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni, tpoġġi wkoll dawk il-pajjiżi terzi u partijiet minnhom f’ċerti gruppi sanitarji minn A sa F. Ċerti partijiet tal-Eġittu bħalissa huma inklużi fil-grupp sanitarju E.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE tat-2 ta’ Frar 1993 dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta’ żwiemel irreġistrati għat-tiġrijiet, kompetizzjonijiet u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja (4) tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom id-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta’ tali żwiemel irreġistrati irid ikun awtorizzat flimkien mal-ħtiġijiet taċ-ċertifikazzjoni. Il-lista, stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni, tpoġġi wkoll dawk il-pajjiżi terzi u partijiet minnhom f’ċerti gruppi sanitarji minn A sa E. Ċerti partijiet tal-Eġittu bħalissa huma inklużi fil-grupp sanitarju E.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/197/KEE tal-5 ta’ Frar 1993 fuq il-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u ċ-ċertifikazzjoni tal-veterinarju għall-importazzjoni ta’ annimali tar-razza tal-ekwidi rreġistrati għat-tnissil u produzzjoni (5) tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom id-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta’ tali ekwidi rreġistrati irid ikun awtorizzat flimkien mal-ħtiġijiet taċ-ċertifikazzjoni. Il-lista, stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni, tpoġġi wkoll dawk il-pajjiżi terzi u partijiet tagħhom f’ċerti gruppi sanitarji minn A sa G. Ċerti partijiet tal-Eġittu bħalissa huma inklużi fil-grupp sanitarju E għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta’ Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ equidi ħajjin u ta’ semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (6) tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, jew partijiet minnhom fejn tapplika r-reġjonalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ equidae ħajjin u ta’ semen, ova u embrijoni tagħhom, u tindika l-kondizzjonijiet l-oħra applikabbli għal importazzjonijiet bħal dawn. Dawn il-kondizzjonijiet huma stabbiliti wara li jitqiesu l-gruppi sanitarji differenti stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/195/KEE u 93/197/KEE li huma indikati fil-kolonna 5 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

(5)

F’Ġunju 2010, il-Kummissjoni wettqet spezzjoni veterinarja fl-Eġittu. Ir-riżultati tal-isepezzjoni kienu sodisfaċenti. Numru ta’ nuqqasijiet sostanzjali kienu identifikati fir-rigward tal-kontrolli tal-moviment tal-ekwidi minn partijiet oġra tal-Eġittu f’żoni elenkati fid-Deċiżjoni 2004/211/KE bħala eliġibbli għall-esportazzjoni fl-Unjoni, il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni u l-politika ta’ dak il-pajjiż terz fir-rigward ta’ importazzjoni minn żoni infettati bi jew fir-riskju tal-mard taż-żiemel Afrikan.

(6)

Dik is-sitwazzjoni tista’ tikkostitiwixxi riskju serju għas-saħħa tal-annimali għall-popolazzjoni tal-ekwini fl-Unjoni u għalhekk id-dħul temporanju, id-dħul mill-ġdid wara esportazzjoni temporanja u l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati u l-importazzjonijiet tas-semen tal-annimali tal-ispeċi tal-ekwini mll-Eġittu għandha tkun sospiża.

(7)

Għalhekk għandhom jiġu emendati kif inhu xieraq id-Deċiżjonijiet 92/260/KEE, 93/195/KEE, 93/197/KEE u 2004/211/KE.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 92/260/KEE, fil-Grupp Sanitarju E, l-entrata għall-Eġittu titħassar.

Artikolu 2

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 93/195/KEE, fil-Grupp Sanitarju E, l-entrata għall-Eġittu titħassar.

Artikolu 3

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 93/197/KEE, fil-Grupp Sanitarju E, l-entrata għall-Eġittu titħassar.

Artikolu 4

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE l-entrata għall-Eġittu tinbidel b’dan li ġej:

“EG

L-Eġittu

EG-0

Il-pajjiż kollu

EG-1

Il-Governorati ta’ Lixandra, Beheira, Krafr el Sheikh, Damietta, Dakahlia, Port-Said, Sharkia, Gharbia, Menoufia, Kalioubia, Ishmailia, It-Tramuntana tas-Sinai, in-Nofsinhar tas-Sinai, il-Kajr (bħala l-Kajr Akbar li jinkludi l-belt ta’ Giza), Suez, Marsa Martrouh, Fayoum, Giza u Beni Suef

—”

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 42.

(2)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(3)  ĠU L 130, 15.5.1992, p. 67.

(4)  ĠU L 86, 6.4.1993, p. 1.

(5)  ĠU L 86, 6.4.1993, p. 16.

(6)  ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1.