31.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/36


REGOLAMENT (KE) Nru 1007/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-foki huma ħlejjaq senzjenti li jistgħu jħossu wġigħ, dwejjaq, biża’ u forom oħra ta’ tbatija. Fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2006 dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti li āejjin mill-foki fl-Unjoni Ewropea (3), il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tfassal immedjatament regolament biex jiġu pprojbiti l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-bejgħ ta’ kull prodott derivat mill-foki tat-tip “harp” u “hooded”. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ottubru 2006 dwar Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006-2010 (4), il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi projbizzjoni totali fuq l-importazzjoni ta’ prodotti derivati mill-foki. Fir-Rakkomandazzjoni 1776 (2006) tagħha tas-17 ta’ Novembru 2006 dwar il-kaċċa għall-foki, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa rrakkomandat li l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa li jipprattikaw il-kaċċa għall-foki jiġu mistiedna biex jipprojbixxu l-metodi kollha ta’ kaċċa krudili li ma jiggarantixxux il-mewt istantanja, bla tbatija, tal-annimali, biex jipprojbixxu l-isturdament tal-annimali bi strumenti bħall-“hakapiks”, dbiebes u armi tan-nar, u biex jippromwovu inizjattivi mmirati lejn il-projbizzjoni tal-kummerċ fil-prodotti derivati mill-foki.

(2)

L-importazzjoni fl-Istati Membri għal skopijiet kummerċjali tal-ġlud ta’ ċerti frieħ tal-foki tat-tip “harp” u “hooded” u l-prodotti derivati minnhom hi pprojbita taħt id-Direttiva 83/129/KEE tal-Kunsill tat-28 ta’ Marzu 1983 li tirrigwarda l-importazzjoni tal-ġlud ta’ ċerti friegħ tal-foki u ta’ prodotti ġejjin minnhom fl-Istati Membri (5).

(3)

Il-foki huma kkaċċati fil-Komunità u barra minnha, u użati biex jinkisbu prodotti u oġġetti, bħal laħam, żejt, xaħam, organi, ġlud tal-fêr u oġġetti magħmulin minnhom, li jinkludu prodotti li jvarjaw sew, bħall-kapsuli ta’ Omega-3 u ħwejjeġ li jinkorporaw il-ġlud u l-pil tal-foki. Dawn il-prodotti jinbiegħu kummerċjalment fi swieq differenti, inkluż fis-swieq Komunitarji. Minħabba n-natura nnifisha ta’ dawk il-prodotti, huwa diffiċli jew impossibbli għall-konsumatur biex jiddistingwihom minn prodotti simili li mhumiex derivati mill-foki.

(4)

Il-kaċċa għall-foki wasslet għall-espressjoni ta’ tħassib serju mill-membri tal-pubbliku u mill-gvernijiet dwar il-kunsiderazzjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali, minħabba l-fatt li l-mod l-aktar frekwenti kif il-foki jinqatlu u jinselħu jikkawża uġigħ, dwejjaq, biża’ u forom oħra ta’ tbatija lil dawk l-annimali.

(5)

B’reazzjoni għat-tħassib taċ-ċittadini u l-konsumaturi dwar l-aspetti tat-trattament xieraq tal-annimali fil-qtil u s-slieħ tal-foki u l-possibilità li fis-suq hemm preżenti prodotti miksubin minn annimali maqtula u misluħa b’mod li jikkawża uġigħ, dwejjaq, biża’ u forom oħra ta’ tbatija, bosta Stati Membri adottaw, jew fi ħsiebhom jadottaw, leġiżlazzjoni li tirregola l-kummerċ ta’ prodotti derivati mill-foki, billi jiġu pprojbiti l-importazzjoni u l-produzzjoni tagħhom filwaqt li ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq il-kummerċ ta’ dawn il-prodotti fi Stati Membri oħra.

(6)

Għalhekk hemm differenzi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kummerċ, l-importazzjoni, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti derivati mill-foki. Dawk id-differenzi jaffettwaw ħażin l-operazzjoni tas-suq intern fi prodotti li jinkludu jew li jistgħu jinkludu prodotti derivati mill-foki u jikkostitwixxu xkiel għall-kummerċ fil-prodotti ta’ dan it-tip.

(7)

L-eżistenza ta’ dawn il-rekwiżiti legali varji tista’ tiskoraġġixxi ulterjurment lill-konsumatur milli jixtri prodotti li mhumiex magħmulin mill-foki, imma li jista’ jkun li ma jkunux jistgħu jintgħarfu faċilment minn oġġetti simili magħmulin mill-foki, jew prodotti li jistgħu jinkludu elementi jew ingredjenti miksuba mill-foki mingħajr ma dan ikun jista’ jintgħaraf b’mod ċar, bħal fêr, kapsuli u żejt ta’ Omega-3 u oġġetti tal-ġilda.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom għalhekk jarmonizzaw ir-regoli madwar il-Komunità fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali dwar il-prodotti derivati mill-foki u b’hekk jiġi evitat it-taqlib tas-suq intern għall-prodotti kkonċernati, inklużi l-prodotti ekwivalenti għall-prodotti derivati mill-foki jew li jistgħu jissostitwuhom.

(9)

Skont il-Protokoll dwar il-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali, anness mat-Trattat, il-Komunità għandha tagħti attenzjoni partikolari għar-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali meta tkun qed tiġi fformulata u implimentata, inter alia, il-politika interna tas-suq. Ir-regoli armonizzati previsti f’dan ir-Regolament għandhom iqisu kompletament il-kunsiderazzjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali.

(10)

Biex tiġi eliminata l-frammentazzjoni attwali tas-suq intern, hemm il-ħtieġa li jkunu previsti regoli armonizzati filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali. Sabiex ma jkunx hemm xkiel għall-moviment liberu tal-prodotti kkonċernati b’mod effettiv u proporzjonat, it-tqegħid fis-suq tal-prodotti derivati mill-foki, bħala regola ġenerali, m’għandux ikun permess, sabiex jerġa’ jkun hemm kunfidenza min-naħa tal-konsumatur, waqt li, fl-istess ħin, jiġi żgurat li jiġi sodisfatt it-tħassib dwar it-trattament xieraq tal-annimali. Ladarba t-tħassib taċ-ċittadini u l-konsumaturi jestendi għall-qtil u tqaxxir tal-foki, hemm bżonn ukoll ta’ azzjoni biex titnaqqas id-domanda li twassal għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti derivati mill-foki u, b’hekk, id-domanda ekonomika li tixpruna l-kaċċa kummerċjali għall-foki, bil-ħsieb li dak it-tħassib jiġi rispettat. Sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv, dawk ir-regoli armonizzati għandhom jiġu infurzati fil-waqt jew fil-punt ta’ importazzjoni għall-prodotti importati.

(11)

Għalkemm jista’ jkun possibbli li l-foki jinqatlu u jistelħu b’mod li jevita l-uġigħ, id-dwejjaq, il-biża’ jew forom oħra ta’ tbatija bla bżonn, minħabba l-kondizzjonijiet li fihom isseħħ il-kaċċa għall-foki, fil-prattika mhumiex fattibbli l-ivverifikar u l-kontroll konsistenti tar-rispett min-naħa tal-kaċċaturi tar-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali, jew għall-inqas huwa diffiċli li jinkisbu b’mod effettiv, kif ġie konkluż mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fis-6 ta’ Diċembru 2007.

(12)

Huwa ċar ukoll li forom oħra ta’ regoli armonizzati, bħal rekwiżiti ta’ tikkettar, ma jiksbux l-istess riżultat. Barra minn hekk, jekk il-manifatturi, id-distributuri jew il-bejjiegħa bl-imnut jiġu rikjesti li jagħmlu tikketta fuq il-prodotti li huma kompletament jew parzjalment derivati mill-foki, dan ikun jinvolvi l-impożizzjoni ta’ piż sinifikanti fuq dawn l-operaturi ekonomiċi, u jinvolvi wkoll spejjeż sproporzjonati fil-każi fejn il-prodotti derivati mill-foki jkunu jirrapreżentaw parti minuri biss tal-prodott ikkonċernat. Għall-kuntrarju, il-miżuri inklużi f’dan ir-Regolament se jkunu aktar faċli biex wieħed ikun konformi magħhom, waqt li jserrħu moħħ il-konsumatur ukoll.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li r-regoli armonizzati previsti f’dan ir-Regolament ikunu kompletament effettivi, dawn ir-regoli m’għandhomx japplikaw biss għal dawk il-prodotti tal-foki li joriġinaw mill-Komunità, iżda anke dawk introdotti fil-Komunità minn pajjiżi terzi.

(14)

L-interessi ekonomiċi u soċjali fundamentali tal-komunitajiet Inuit li jikkaċċaw il-foki bħala mezz biex jiggarantixxu l-għajxien tagħhom ma għandhomx jiġu affettwati ħażin. Il-kaċċa hija parti integrali mill-kultura u l-identità tal-membri tas-soċjetà tal-Inuit u, bħala tali, hija mħarsa mid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni. Għalhekk, għandu jkun permissibli li jitqiegħdu fis-suq il-prodotti mill-foki li jirriżultaw mill-kaċċa mwettqa tradizzjonalment mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li jikkontribwixxu għall-għajxien tagħhom.

(15)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki. Hu, għalhekk, bla ħsara għar-regoli Komunitarji jew nazzjonali oħra li jirregolaw il-kaċċa għall-foki.

(16)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6).

(17)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tiddefinixxi l-kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jirriżultaw mill-foki li jirriżulta minn kaċċa mwettqa b’mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li jikkontribwixxu għall-għajxien tagħhom; li tiddefinixxi l-kondizzjonijiet skont liema hi permessal-importazzjoni tal-prodotti li jirriżultaw mill-foki li tkun ta’ natura okkażjonali u li tkun tikkonsisti esklussivament minn oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom; u li tiddefinixxi l-kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jirriżultaw mill-kaċċa regolata mill-liġi nazzjonali bl-iskop waħdieni ta’ mmaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Billi dawk il-miżuri għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawhb’elementi mhux essenzjali ġodda, dawn għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(18)

Bil-għan li jiġu ffaċilitati l-operazzjoni ta’ infurzar imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali relevanti, il-Kummissjoni għandha toħroġ noti ta’ gwida teknika li jipprovdu indikazzjonijiet li ma jorbtux dwar il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda li jistgħu jkopru l-prodotti derivati mill-foki li huma suġġetti għal dan ir-Regolament.

(19)

L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawn il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(20)

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw fuq bażi regolari dwar l-azzjonijiet meħuda biex dan ir-Regolament jiġi implimentat. Fuq il-bażi ta’ dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(21)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-operat tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tal-projbizzjonijiet nazzjonali dwar il-kummerċ tal-prodotti derivati mill-foki fil-livell Komunitarju, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“foka” tfisser eżemplari tal-ispeċi kollha tal-pinnipedi (Phocidae, Otariidae u Odobenidae);

(2)

“prodott derivati mill-foki” tfisser il-prodotti kollha, kemm jekk proċessati jew mhux proċessati, derivati jew miksuba mill-foki, inkluż laħam, żejt, xaħam, organi u ġlud tal-fer mhux maħduma u ġlud tal-fer, ikkonzat jew imlibbes, inkluż ġlud tal-fer armati f’folji, slaleb u forom simili u oġġetti magħmulin mill-ġlud tal-fer;

(3)

“tqegħid fis-suq” tfisser l-introduzzjoni fis-suq Komunitarju, li bih isir disponibbli għall-partijiet terzi bi skambju għall-ħlas;

(4)

“Inuit” tfisser il-membri indiġeni tat-territorju Inuit – speċifikament dawk l-inħawi Artiċi u sub-Artiċi fejn, attwalment jew tradizzjonalment, l-Inuit għandhom drittijiet u interessi aboriġini – rikonoxxuti mill-Inuit bħala membri tal-poplu tagħhom u li jinkludu l-Inupiat, il-Yupik (Alaska), l-Inuit, l-Inuvialuit (Kanada), il-Kalaallit (Greenland) u l-Yupik (Russja);

(5)

“importazzjoni” tfisser kwalunkwe dħul ta’ oġġetti fit-territorju doganali tal-Komunità.

Artikolu 3

Kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq

(1)   It-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mill-foki għandu jkun permess biss meta l-prodotti derivati mill-foki jirriżultaw minn kaċċa tradizzjonalment imwettqa mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra u li tikkontribwixxi għall-għajxien tagħhom. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw fil-waqt jew fil-punt ta’ importazzjoni għall-prodotti importati.

(2)   B’deroga mill-paragrafu 1:

(a)

l-importazzjoni ta’ prodotti derivati mill-foki għandha tkun permessa wkoll meta tkun ta’ natura okkażjonali u tkun tikkonsisti esklussivament minn oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom. In-natura u l-kwantità ta’ oġġetti ta’ dan it-tip m’għandhomx ikunu tali li jindikaw li qed jiġu importati għal raġunijiet kummerċjali;

(b)

it-tqegħid fis-suq għandu jkun permess ukoll għall-prodotti mill-foki li jirriżultaw mill-prodotti sekondarji tal-kaċċa li tkun regolata taħt il-liġi nazzjonali u li titwettaq għall-iskop waħdieni ta’ mmaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Tqegħid fis-suq ta’ dan it-tip għandu jkun permess biss fuq il-bażi li ma jkunx għal skopijiet ta’ qligħ. In-natura u l-kwantità ta’ prodotti mill-foki m’għandhomx ikunu tali li jindikaw li qed jitqiegħdu fis-suq għal raġunijiet kummerċjali.

L-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu m’għandhiex iddgħajjef l-ilħuq tal-objettiv ta’ dan ir-Regolament.

(3)   Il-Kummissjoni, bi qbil mal-proċedura ta’ mmaniġġjar msemmija fl-Artikolu 9(2), għandha tfassal noti ta’ gwida teknika li jistabbilixxu lista indikattiva tal-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda li jistgħu jkopru l-prodotti derivati mill-foki li huma suġġetti għal dan l-Artikolu.

(4)   Bla ħsara għall-paragrafu 3, il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5(3).

Artikolu 4

Moviment liberu

L-Istati Membri m’għandhomx jimpedixxu t-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti derivati mill-foki li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Proċedura tal-kumitat

(1)   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (7). Dak il-Kumitat jista’ jitlob l-assistenza ta’ kumitati regolatorji oħra eżistenti skont il-bżonn, bħall-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, stabbilit mill-Artikolu 58 (1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (8).

(2)   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu.

(3)   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu.

Artikolu 6

Pieni u infurzar

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diżwassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet, sal-20 ta’ Awwissu 2010 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti għalihom.

Artikolu 7

Rappurtar

(1)   Sal-20 ta’ Novembru 2011 u kull erba’ snin minn dik id-data, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar l-azzjonijiet meħuda biex jiġi implimentat dan ir-Regolament.

(2)   Abbażi tar-rapporti msemmijin fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi żmien tnax-il xahar mit-tmiem ta’ kull perjodu ta’ rappurtar ikkonċernat.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 3 għandu japplika mill-20 ta’ Awwissu 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  L-Opinjoni tas-26 ta’ Frar 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2009.

(3)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 194.

(4)  ĠU C 308 E, 16.12.2006, p. 170.

(5)  ĠU L 91, 9.4.1983, p. 30.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.

(8)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.