14.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/36


REGOLAMENT (KE) 715/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2009

dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Is-suq intern tal-gass naturali, li ilu jiġi implimentat progressivament mill-1999, għandu l-mira li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha fil-Komunità, kemm jekk huma ċittadini kif ukoll jekk huma negozji, kif ukoll opportunitajiet ġodda ta’ negozju u aktar kummerċ transkonfinali, sabiex jiġu żgurati gwadanji f'termini ta' effiċjenza, prezzijiet kompetittivi u standards ogħla ta’ servizz, kif ukoll sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u għas-sostenibbiltà.

(2)

Id-Direttiva Nru 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (4) u r-Regolament (KE) Nru 1775/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2005 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali (5) għamlu kontributi sinifikanti lejn il-ħolqien ta’ suq intern tal-gass naturali.

(3)

L-esperjenza miksuba fl-implementazzjoni u fis-sorveljanza tal-ewwel sett ta' Linji Gwida għall-Prattika Tajba, adottat mill-Forum Regolatorju Ewropew dwar il-Gass (il-Forum ta' Madrid) fl-2002, turi li sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni sħiħa tar-regoli stabbiliti f'dawk il-linji gwida fl-Istati Membri kollha, u sabiex tiġi pprovduta garanzija minima għal kondizzjonijiet ugwali ta' aċċess għas-suq fil-prattika, jeħtieġ li jiġi pprovdut li dawn isiru nfurzabbli legalment.

(4)

Sett ieħor ta’ regoli komuni, intitolat “it-Tieni Linji Gwida għall-Prattika Tajba” ġie adottat fil-laqgħa tal-Forum ta' Madrid fl-24 u 25 ta’ Settembru 2003 u l-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ dawk il-Linji Gwida, prinċipji u regoli bażiċi dwar l-aċċess għan-network u s-servizzi ta’ aċċess għal terzi, l-immaniġġar tal-konġestjoni, it-trasparenza, il-bilanċjament u l-kummerċ ta’ drittijiet tal-kapaċità.

(5)

Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gas naturali (6) tipprovdi għall-possibbilta' ta’ operatur ta' sistema kombinata ta' trażmissjoni u distribuzzjoni. Għalhekk, ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament ma jeħtiġux tibdil tal-organizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni li huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dik id-Direttiva.

(6)

Il-pipelines ta' pressjoni għolja li jqabbdu d-distributuri lokali man-network tal-gass li mhumiex użati primarjament fil-kuntest tad-distrubuzzjoni lokali huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(7)

Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-kriterji li konformement magħhom jiġu determinati tariffi għall-aċċess għan-network, sabiex jiġi żgurat li jkunu konformi bis-sħiħ mal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u mal-ħtiġijiet ta’ suq intern li jiffunzjona korrettament u li jittieħed kont bis-sħiħ tal-bżonn tal-integrità tas-sistema u li jiġu riflessi l-ispejjeż magħmula, sakemm dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma' dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-network u jkunu trasparenti, filwaqt li jinkludu qligħ xieraq mill-investimenti, u fejn ikun il-każ, b'kont meħud tal-benchmarking tat-tariffi mill-awtoritajiet regolatorji.

(8)

Fil-kalkolu tat-tariffi għall-aċċess għan-networks huwa importanti li jittieħed kont tal-ispejjeż fattwalment magħmula, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu għal dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-network, u jkunu trasparenti, kif ukoll tal-ħtieġa li jiġi provdut qligħ xieraq fuq l-investimenti u inċentivi sabiex jinbnew infrastrutturi ġodda, inkluż trattament regolatorju speċjali għal investimenti ġodda kif previst fid-Direttiva 2009/73/KE. F’dan ir-rigward, u b’mod partikolari jekk teżisti kompetizzjoni effettiva ta' pipeline ma’ pipeline, il-benchmarking ta’ tariffi mill-awtoritajiet regolatorji tkun konsiderazzjoni rilevanti.

(9)

L-użu ta’ arranġamenti bbażati fuq is-suq, bħal rkantijiet, biex jiġu determinati t-tariffi, għandu jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2009/73/KE.

(10)

Sett minimu komuni ta' servizzi ta' aċċess għal terzi huwa meħtieġ sabiex jiġi provdut standard minimu ta' aċċess fil-prattika fil-Komunità kollha, sabiex jiġi żgurat li s-servizzi ta' aċċess għal terzi ikunu suffiċjentement kompatibbli u sabiex jippermettu li jiġu sfruttati l-benefiċċji li jirriżultaw minn suq intern tal-gass naturali li jiffunzjona korrettament.

(11)

Fil-preżent, jeżistu ostakoli għall-bejgħ tal-gass taħt termini ugwali, mingħajr diskriminazzjoni jew żvantaġġ fil-Komunità. B’mod partikolari, għad ma jeżistix aċċess mhux diskriminatorju għan-network u livell ugwalment effettiv ta’ superviżjoni regolatorja f’kull Stat Membru, u għadhom jippersistu swieq iżolati.

(12)

Sabiex jiġi kompletat is-suq intern tal-gass naturali, għandu jinkiseb livell suffiċjenti ta' kapaċità ta' interkonnessjoni tal-gass transkonfinali u tiġi inkoraġġita l-integrazzjoni tas-suq.

(13)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 intitolata “Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa” saħqet fuq l-importanza li s-suq intern tal-gass naturali jiġi kkompletat, u li l-impriżi kollha tal-gass naturali fil-Komunità joperaw taħt l-istess kondizzjonijiet. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 intitolata: “Prospetti għas-suq intern tal-gass u tal-elettriku” u “Inkjesta taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar is-Setturi Ewropej tal-Gass u tal-Elettriku (Rapport Finali)” urew li r-regoli u l-miżuri preżenti la jipprovdu il-qafas meħtieġ u lanqas ma jipprevedu l-ħolqien ta' kapaċitajiet ta' interkonnessjoni biex jinkiseb l-objettiv ta’ suq intern li jiffunzjona tajjeb, effiċjenti u miftuħ.

(14)

Barra li jimplimenta kompletament il-qafas regolatorju eżistenti, il-qafas regolatorju tas-suq intern tal-gass naturali stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 għandu jiġi adattat konformement ma' dawk il-komunikazzjonijiet.

(15)

B’mod partikolari, jeħtieġ li jkun hemm aktar koperazzjoni u koordinazzjoni fost l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni biex jinħolqu kodiċijiet tan-network biex jingħata u jiġi ġestit aċċess effettiv u trasparenti għan-networks ta’ trażmissjoni lil hinn mill-fruntieri, u biex jiżguraw ippjanar ikkoordinat u li jħares biżżejjed ’il quddiem u evoluzzjoni teknika soda tas-sistema ta’ trażmissjoni fil-Komunità, inkluża l-ħolqien ta' kapaċitajiet ta' interkonnessjoni, b'attenzjoni dovuta għall-ambjent. Il-kodiċijiet tan-network għandhom jaderixxu ma' qafas ta' linji gwida li mhux obbligatorji min-natura (linji gwida ta' qafas) u li huma żviluppati mill-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (7) (“l-Aġenzija”). L-Aġenzija għandu jkollha rwol fir-reviżjoni, bbażata fuq materji ta’ fatti, tal-abbozz ta' kodiċijiet tan-network, inkluż il-konformità tagħhom mal-qafas ta' linji gwida, u hija għandha tkun tista' tirrakkomandahom għall-adozzjoni mill-Kummissjoni. L-Aġenzija għandha ukoll tivvaluta l-emendi proposti għall-kodiċijiet tan-network u hija għandha tkun tista' tirrakkomandahom għall-adozzjoni mill-Kummissjoni. L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni għandhom iħaddmu n-networks tagħhom konformement ma' dawk il-kodiċijiet tan-network.

(16)

Sabiex tkun żgurata l-aħjar tmexxija tan-network tat-trażmissjoni tal-gass fil-Komunità għandu jiġi stabbilit Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni “ENTSO tal-Gass”. Il-kompiti tal-ENTSO tal-Gass għandhom jitwettqu f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji li jibqgħu applikabbli għad-deċiżjonijiet tal-ENTSO tal-Gass. Il-kompiti tal-ENTSO tal-Gass għandhom jiġu definiti tajjeb u l-metodu ta' ħidma tiegħu għandu jiżgura l-effiċjenza, it-trasparenza u n-natura rappreżentattiva tal-ENTSO tal-Gass. Il-kodiċijiet tan-network imħejjjija mil-ENTSO tal-Gass mhumiex intiżi biex jissostitwixxu l-kodiċijiet tan-network nazzjonali għal kwistjonijiet mhux transkonfinali. Ladarba jista’ jsir aktar progress effettiv permezz ta' azzjoni fuq livell reġjonali, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu strutturi reġjonali fi ħdan l-istruttura kumplessiva ta' koperazzjoni, filwaqt li jiżguraw li r-riżultati fil-livell reġjonali jkunu kompatibbli ma' kodiċijiet tan-network u ma' pjanijiet ta’ għaxar snin mhux obbligatorji ta' żvilupp tan-networks fil-livell Komunitarju. Il-koperazzjoni fi ħdan strutturi reġjonali bħal dawn tassumi separazzjoni effettiva ta' attivitajiet ta' network minn attivitajiet ta' produzzjoni u provvista. Fl-assenza ta' tali separazzjoni, koperazzjoni reġjonali bejn operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni tagħti lok għal riskju ta' attività anti-kompetittiva. L-Istati Membri għandhom jippromovu l-kooperazzjoni u jissorveljaw l-effettivitá tal-operazzjonijiet tan-netwerk f'livell reġjonali. Il-kooperazzjoni f'livell reġjonali għandha tkun kompatibbli mal-progress li jwassal għal suq intern kompetittiv u effiċjenti tal-gass.

(17)

Il-parteċipanti kollha fis-suq għandhom interess fil-ħidma mistennija mill-ENTSO tal-Gass. Il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa għalhekk essenzjali u l-istrutturi eżistenti li mwaqqfa biex jiffaċilitaw u jagħtu konformità lill-proċess ta’ konsultazzjoni, bħall-Assoċjazzjoni Ewropea għat-Tħaffif tal-Iskambju tal-Enerġija, ir-regolaturi nazzjonali jew l-Aġenzija għandhom ikollhom rwol importanti.

(18)

Sabiex tkun żgurata aktar trasparenza dwar l-iżvilupp tan-network ta' trażmissjoni tal-gass fil-Komunità, l-ENTSO għall-gass għandha tfassal, tippubblika u taġġorna b'mod regolari pjan ta’ żvilupp tan-netwerk ta’ għaxar snin għall-Komunità kollha li ma jkunx obbligatorji (“pjan ta’ żvilupp tan-netwerk għall-Komunità kollha”). Netwerks vijabbli ta’ trażmissjoni tal-gass u interkonnessjonijiet reġjonali meħtieġa, li jkunu relevanti mil-lat kummerċjali u ta’ sigurtà, għandhom ikunu inklużi f’dak il-pjan ta’ żvilupp tan-netwerk.

(19)

Sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni permezz tas-swieq likwidi tal-bejgħ tal-gass bl-ingrossa, huwa importanti ħafna li l-gass ikun jista' jinbiegħ indipendentament mil-lokalizazzjoni tiegħu fis-sistema. L-unika mod biex isir dan huwa billi l-utenti tan-network jingħataw il-libertà li jikkalkolaw indipendentement il-kapaċità tad-dħul u tal-ħruġ, biex b’hekk jinħolqu żoni għat-trasport tal-gass u mhux trażmissjonijiet kuntrattwali. Il-preferenza għas-sistemi ta’ dħul-ħruġ biex l-iżvilupp tal-kompetizzjoni jkun iffaċilitat diġà ġiet espressa mill-maġġoranza ta’ partijiet interessati fis-Sitt Forum ta’ Madrid fit-30 l-31 ta' Ottubru 2002. It-tariffi m'għandhomx ikunu dipendenti fuq ir-rotta tat-trasport. It-tariffa stabbilita għal wieħed jew aktar punti ta' dħul m'għandhiex għaldaqstant tkun relatata mat-tariffa stabbilita għal wieħed jew aktar punti ta' ħruġ, u viċi versa.

(20)

Ir-referenzi għall-kuntratti armonizzati ta’ trasport fil-kuntest ta’ aċċess nondiskriminatorju għan-network ta’ operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni ma jfissrux li t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kuntratti ta’ trasport ta’ operatur partikolari tas-sistema fi Stat Membru għandhom ikunu l-istess bħal dawk ta’ operatur ieħor tas-sistema ta’ trażmissjoni f’dak l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor, sakemm ma jiġux stabbiliti rekwiżiti minimi li jridu jintlaħqu mill-kuntratti kollha ta’ trasport.

(21)

Hemm konġestjoni kuntrattwali sostanzjali fin-networks tal-gass. Il-prinċipji tal-amministrazzjoni tal-konġestjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità għal kuntratti ġodda jew relattivament ġodda huma għalhekk imsejsa fuq il-liberazzjoni tal-kapaċità mhux użata, billi l-utenti tan-networks jitħallew jissullokaw jew ibiegħu mill-ġdid il-kapaċitajiet kuntrattwali tagħhom u l-obbligazzjoni tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni li joffru l-kapaċità li ma ġietx użata lis-suq, għallinqas abbażi ta’ arranġament ta’ ġurnata bil-quddiem mingħajr interruzzjoni. Fid-dawl tal-proporzjoni konsiderevoli ta’ kuntratti eżistenti u l-ħtieġa li jinħoloq ambjent ġenwin ta’ ugwaljanza fl-operazzjoni bejn l-utenti ta’ kapaċità ġdida jew eżistenti, dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati għall-kapaċità kollha kuntrattwali, inklużi kuntratti eżistenti.

(22)

Minkejja li l-konġestjoni fiżika tan-networks fil-preżent hija rarament problema fil-Komunità, tista’ ssir probelma fil-futur. Huwa għalhekk importanti li jiġi provdut il-prinċipju bażiku għall-allokazzjoni tal-kapaċità staġnata f’tali ċirkustanzi.

(23)

Is-sorveljanza tas-suq li ilha titwettaq mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u mill-Kummissjoni dawn l-aħħar snin uriet li r-rekwiżiti ta' trasparenza u r-regoli attwali dwar l-aċċess għall-infrastrutturi mhumiex biżżejjed biex jiżguraw suq intern tal-gass li jkun ġenwin, jiffunzjona sew, miftuħ u effiċjenti.

(24)

Jeħtieġ li jkun hemm aċċess ugwali għall-informazzjoni dwar l-istatus fiżiku u effiċjenti tas-sistema, sabiex il-parteċipanti kollha fis-suq ikunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni globali tad-domanda u tal-provvista u sabiex jidentifikaw ir-raġunijiet għall-varjazzjoni fil-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa. Dan għandu jinkludi tagħrif aktar preċiż dwar il-provvista u d-domanda, il-kapaċità tan-network, il-flussi u l-manutenzjoni, l-ibbilanċjar u d-disponibbilità u l-użu tal-ħażna. L-importanza ta’ din l-informazzjoni għall-funzjonament tas-suq tirrikjedi li jittaffew il-limitazzjonijiet eżistenti fuq il-pubblikazzjoni għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

(25)

Madankollu r-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità għal informazzjoni kummerċjalment sensittiva huma partikolarment rilevanti fejn hi konċernata data ta' natura kummerċjalment strateġika għall-kumpanija, fejn hemm utent wieħed biss għal faċilità ta' ħażna, jew fejn hi konċernata data fir-rigward ta' punti ta' ħruġ f'sistema jew sottosistema li mhumiex ikkonnettjati ma' sistema oħra ta' trażmissjoni jew distribuzzjoni iżda ma' konsumatur aħħari industrijali wieħed fejn il-pubblikazzjoni ta' tali data tiżvela informazzjoni kunfidenzjali dwar il-proċess ta' produzzjoni ta' dan il-konsumatur.

(26)

Sabiex tiżdied il-kunfidenza fis-suq, il-parteċipanti tas-suq jeħtieġu li jkunu ċerti li min jabbuża jista' jkun suġġett għal penali effettiva, proporzjonata u disswassiva. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa li jinvestigaw b’mod effettiv allegazzjonijiet ta’ abbuż tas-suq. Għaldaqstant jinħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għad-data li tipprovdi informazzjoni dwar deċiżjonijiet operattivi tal-impriżi ta’ provvista. Fis-suq tal-gass dawn id-deċiżjonijiet kollha huma kkomunikati lill-operaturi tas-sistema f'forma ta' riżervi tal-kapaċità, nominazzjonijiet u flussi realizzati. L-operaturi tas-sistema għandhom iżommu informazzjoni f'dan ir-rigward disponibbli u aċċessibbli faċilment għall-awtoritajiet kompetenti għal perjodu stabbilit ta’ żmien. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, barra minn dan, jissorveljaw b'mod regolari l-konformitá mar-regoli tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni.

(27)

L-aċċess għall-faċilitajiet tal-ħażniet tal-gass u għall-faċilitajiet ta' gass naturali likwefatt (LNG) huwa insuffiċjenti f’xi Stati Membri, u għalhekk hemm bżonn titjib fl-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti. Is-sorveljanza tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass ikkonkluda li l-linji gwida volontarji għal prassi tajba ta’ aċċess lil partijiet terzi għall-operaturi tas-sistema ta' ħażna, maqbula bejn il-partijiet kollha interessati fil-Forum ta' Madrid, mhux qed jiġu applikati kif suppost u għaldaqstant għanhom isiru vinkolanti.

(28)

Is-sistemi ta’ bilanċjar għall-gass li huma trasparenti u nondiskriminatorji, imħaddma minn operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, huma mekkaniżmi importanti, b’mod partikolari għal suġġetti ġodda li jidħlu fis-suq li jista’ jkollhom iktar diffikultà minn kumpanniji li huma diġà stabbiliti f’suq rilevanti biex jibbilanċaw il-portafoll ġenerali tal-bejgħ tagħhom. Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni joperaw tali mekkaniżmi b’mod li jkun kompatibbli mal-kondizzjonijiet ta’ aċċess għan-network li jkunu trasparenti, effettivi u nondiskriminatorji.

(29)

L-iskambju tad-drittijiet primarji ta' kapaċità huwa parti importanti fl-iżvilupp ta’ suq kompetittiv u fil-ħolqien ta’ likwidità. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi regoli bażiċi dwar dan l-iskambju.

(30)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw konformità mar-regoli li jinsabu f’dan ir-Regolament u l-Linji gwida adottati bħala riżultat tiegħu.

(31)

Fil-linji gwida annessi ma’ dan ir-Regolament, hemm definiti regoli dettaljati speċifiċi ta' implementazzjoni, fuq il-bażi tat-Tieni Linji Gwida għall-Prattika Tajba. Fejn ikun xieraq, dawn ir-regoli għandhom jiżviluppaw tul iż-żmien, filwaqt li jittieħed kont tad-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali tal-gass.

(32)

Meta tipproponi l-emendament tal-Linji gwida stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsultazzjoni minn qabel mal-partijiet kollha relevanti konċernati mil-linji gwida, rappreżentati mill-organizazzjonijiet professjonali, u mal-Istati Membri fil-Forum ta' Madrid u għandha titlob il-kontribut tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass.

(33)

L-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikunu mistennija jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni. Tali informazzjoni għandha tiġi trattata b’mod kunfidenzjali mill-Kummissjoni.

(34)

Dan ir-Regolament u l-Linji gwida adottati taħt dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni.

(35)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (8).

(36)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tistabbilixxi jew tadotta l-Linji gwida meħtieġa għall-provvediment tal-livell minimu ta’ armonizzazzjoni meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-Regolament. Billi dawk huma miżuri ta' ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b'elementi mhux essenzjali ġodda, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(37)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli ġusti għall-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali, l-faċilitajiet ta' ħażna u LNG, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(38)

Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni tal-emendi li qegħdin isiru b'dan lir-Regolament (KE) Nru 1775/2005, huwa kunsiljabbli, għal raġunijiet ta' ċarezza u razzjonalità, li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jitħassru u limfassla mill-ġdid billi jinġabru kollha f' test wieħed u f'Regolament ġdid,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jimmira li:

(a)

jiffissa regoli nondiskriminatorji għall-kondizzjonijiet ta’ aċċess għas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass naturali, b’kont meħud tal-karatteristiċi speċjali tas-swieq nazzjonali u reġjonali bl-għan li jiġi żgurat il-funzjonament adatt tas-suq intern tal-gass;

(b)

jiffissa regoli nondiskriminatorji għall-kondizzjonijiet ta’ aċċess għall-faċilitajiet LNG u l-faċilitajiet ta' ħażna b'kont meħud tal-karatteristiċi speċjali tas-swieq nazzjonali u reġjonali; kif ukoll

(c)

jiffaċilita swieq bl-ingrossa li jiffunzjonaw tajjeb u huma trasparenti b'livell għoli ta' sigurtà tal-provvista tal-gass u li jipprovdu mekkaniżmi li jarmonizzaw ir-regoli ta' aċċess għan-netwerk għal skambju transkonfinali tal-gass.

L-għanijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu l-istabbiliment tal-prinċipji armonizzati għat-tariffi, jew il-metodoloġiji sottostanti għall-kalkolu tagħhom, għall-aċċess għan-network, iżda mhux għall-faċilitajiet ta' ħażna, l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ aċċess għal partijiet terzi u prinċipji armonizzati għall-allokazzjoni tal-kapaċità u l-amministrazzjoni tal-konġestjoni, id-determinazzjoni tar-rekwiżiti tat-trasparenza, ir-regoli għall-ibbilanċjar u ħlasijiet dovuti għal żbilanċi, u l-faċilitazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kapaċità.

Dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 19(4), għandu japplika biss għall-faċilitajiet ta' ħażna li jaqgħu taħt l-Artikolu 33(3) jew (4) tad-Direttiva 2009/73/KE.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu organu jew korp stabbilit taħt id-Direttiva 2009/73/KE bil-għan li jwettaq funzjoni waħda jew aktar li tipikament ikunu attribwiti lill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, li għandu jkun suġġett għar-rekwiżi ta' dan ir-Regolament. Dan l-organu jew korp għandu jkun suġġett għaċ-ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament u għandu jkun suġġett għall-ħatra skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/73/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“trażmissjoni” tfisser it-trasport ta’ gass naturali permezz ta’ network, li prinċipalment fih pipelines bi pressjoni għolja, għajr network ta’ pipeline upstream u għajr il-parti ta’ pipelines bi pressjoni għolja użati primarjament fil-kuntest ta’ distribuzzjoni lokali ta’ gass naturali, bil-ħsieb tal-provvista tiegħu lill-klijenti, imma mhux inkluż il-provvista;

(2)

“kuntratt ta’ trasport” tfisser kuntratt li l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ikkonkluda ma’ utent tan-network bil-ħsieb li titwettaq trażmissjoni;

(3)

“kapaċità” tfisser il-fluss massimu, espress f’metri kubiċi normali għal kull unità ta’ ħin jew f’unità ta’ enerġija għal kull unità ta’ ħin, li hu intitolat għalih l-utent tan-network taħt id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ trasport;

(4)

“kapaċità mhux użata” tfisser kapaċità kostanti li utent tan-network ikun akkwista b'kuntratt ta' trasport iżda li l-utent ma jkunx innomina sal-iskadenza speċifikata fil-kuntratt;

(5)

“amministrazzjoni tal-konġestjoni” tfisser amministrazzjoni tal-portafoll tal-kapaċità tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni bil-ħsieb tal-użu ottimali u massimu tal-kapaċità teknika u l-iskoperta fil-ħin ta' punti ta’ konġestjoni u saturazzjoni ġejjinin;

(6)

“suq sekondarju” tfisser is-suq tal-kapaċità kkummerċjata x’imkien ieħor għajr fuq is-suq primarju;

(7)

“nominazzjoni” tfisser ir-rappurtar minn qabel mill-utent tan-network lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-fluss attwali li huwa jixtieq jinjetta fi jew jiġbed mis-sistema;

(8)

“re-nominazzjoni” tfisser ir-rappurtar sussegwenti ta’ nominazzjoni kkoreġuta;

(9)

“integrità tas-sistema” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni fir-rigward ta’ network ta’ trażmissjoni li tinkludi faċilitajiet meħtiġin ta’ trażmissjoni li fihom il-pressjoni u l-kwalità tal-gass naturali jibqgħu fil-limiti minimi u massimi stabbiliti mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, biex hekk it-trażmissjoni ta’ gass naturali hija garantita mil-lat tekniku;

(10)

“perijodu ta’ bbilanċjar” tfisser il-perijodu li fih it-teħid ta’ ammont ta’ gass naturali, espress f’unitajiet ta’ enerġija, irid ikun ikkumpensat minn kull utent tan-network permezz ta’ injezzjoni tal-istess ammont ta’ gass naturali fin-network ta’ trażmissjoni taħt il-kuntratt ta’ trasport jew il-kodiċi tan-network;

(11)

“utent tan-network” tfisser klijent jew klijent potenzjali ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, u l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni nnifishom sa fejn hu meħtieġ biex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ trażmissjoni;

(12)

“servizzi interruttibbli” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fir-rigward ta’ kapaċità li tista’ tiġi interrotta;

(13)

“kapaċità interruttibbli” tfisser kapaċità ta’ trażmissjoni ta’ gass li tista’ tiġi interrotta mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni konformement mal-kondizzjonijiet stipulati fil-kuntratt ta’ trasport;

(14)

“servizzi għal perijodu fit-tul” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni b'durata ta’ sena jew iktar;

(15)

“servizzi għal perijodu qasir” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni b'durata għal inqas minn sena;

(16)

“kapaċità kostanti” tfisser kapaċità ta’ trażmissjoni ta’ gass iggarantita b’mod kuntrattwali mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni bħala waħda mhux interruttibbli;

(17)

“servizzi kostanti” tfisser servizzi offruti mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni fir-rigward ta’ kapaċità kostanti;

(18)

“kapaċità teknika” tfisser il-kapaċità kostanti massima li l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jista' joffri lill-utenti tan-network, b'kont meħud tal-integrità tas-sistema u tar-rekwiżiti operattivi tan-network ta' trażmissjoni;

(19)

“kapaċità kuntrattata” tfisser kapaċità li l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jkun alloka lil utent tan-network permezz ta’ kuntratt ta’ trasport;

(20)

“kapaċità disponibbli” tfisser il-parti mill-kapaċità teknika li mhijiex allokata u għadha disponibbli għas-sistema f’dak il-mument;

(21)

“konġestjoni kuntrattwali” tfisser sitwazzjoni fejn il-livell ta’ domanda għal kapaċità kostanti jeċċedi l-kapaċità teknika;

(22)

“suq primarju” tfisser is-suq tal-kapaċità kkummerċjata direttament mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(23)

“konġestjoni fiżika” tfisser sitwazzjoni fejn il-livell ta’ domanda għal kunsinni preżenti f’xi ħin partikolari jeċċedi l-kapaċità teknika;

(24)

“il-kapaċità ta' faċilità LNG” tfisser il-kapaċità f’terminal LNG għal-likwifikazzjoni ta' gass naturali jew għall-importazzjoni, il-ħatt, is-servizzi anċillari, il-ħżin temporanju u r-rigassifikazzjoni ta’ LNG;

(25)

“spazju” tfisser il-volum ta’ gass li utent ta’ faċilità għall-ħżiun jista’ juża għall-ħażna tal-gass;

(26)

“kapaċità ta' twassil” tfisser ir-rata li biha l-utent tal-faċilità ta' ħażna jista’ jirtira il-gass minnha;

(27)

“injettabbiltà” tfisser ir-rata li biha l-utent tal-faċilità ta' ħażna jista’ jinjetta l-gass fil-faċilità ta' ħażna;

(28)

“kapaċità ta' ħżin” tfisser kwalunkwe kombinazzjoni ta' spazju, injettabbiltà u kapaċità ta' twassil.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu d-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE, li huma rilevanti għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ukoll ħlief għad-definizzjoni ta' trażmissjoni fil-punt 3 ta' dak l-Artikolu.

Id-definizzjonijiet fil-punti 3 sa 23 tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu relatati ma' trażmissjoni japplikaw b'analoġija f'relazzjoni mal-ħażna u ta' LNG.

Artikolu 3

Ċertifikazzjoni ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika ta' deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur tas-sistema ta' trażmissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 10(6) tad-Direttiva 2009/73/KE, hekk kif tirċievi n-notifika. Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tkun irċeviet din in-notifika, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja nazzjonali konċernata fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 11, u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73/KE.

Fit-tħejjija tal-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali. F'tali każ, il-perijodu ta' xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jittawwal b'xahrejn oħra.

Fin-nuqqas ta' opinjoni mill-Kummissjoni fil-perijodi msemmijin fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

2.   Fi żmien xahrejn Meta tirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha, tadotta d-deċiżjoni finali tagħha rigward iċ-ċertifikazzjoni tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, filwaqt li tieħu kont kemm jista' jkun ta' dik l-opinjoni. Id-deċiżjoni tal-awtorita' regulatorja u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu ppubblikati flimkien.

3.   Fi kwalunkwe waqt matul il-proċedura, l-awtoritajiet regolatorji u/jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni u/jew lill-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta' produzzjoni jew li jipprovdu kull informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan l-Artikolu.

4.   L-awtoritajiet Regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jippreservaw il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

5.   Il-Kummissjoni tista' tadotta Linji gwida li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorju bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

6.   Fejn il-Kummissjoni tkun irċeviet notifika dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' operatur tas-sistema ta' trażmissjoni taħt l-Artikolu 9(10) tad-Direttiva 2009/73/KE, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni. L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Gass

L-operaturi kollha ta' Sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkoperaw fil-livell Komunitarju permezz tal-ENTSO tal-Gass sabiex tiġi promossa t-tkomplija u t-tħaddim tas-suq intern għall-gass naturali u għall-kummerċ transkonfinali u biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni ottima, l-operazzjoni kkoordinata u evoluzzjoni teknika soda tan-network Ewropew għat-trażmissjoni tal-gass naturali.

Artikolu 5

Stabbiliment tal-ENTSO tal-Gass

1.   Sat-3 ta' Marzu 2011, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-gass għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz tal-istatuti, lista ta' membri u abbozz tar-regoli ta' proċedura, inkluż ir-regoli ta' proċedura dwar il-konsultazzjoni ta' partijiet interessati oħrajn tal-ENTSO tal-Gass li jrid jiġi stabbilit.

2.   Fi żmien xahrejn mill-jum meta tirċevihom, l-Aġenzija, wara li formalment tikkonsulta l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-utenti tas-sistema inklużi l-klijenti, għandha tagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' statuti, lista ta' membri u abbozz ta' regoli ta' proċedura.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-abbozz tal-istatuti, il-lista tal-membri u l-abbozz tar-regoli ta' proċedura billi tieħu kont tal-opinjoni tal-Aġenzija mogħtija taħt il-paragrafu 2 u fi żmien 3 xhur meta tirċievi l-opinjoni.

4.   Fi żmien tliet xhur mill-jum meta tirċevi l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu l-ENTSO tal-Gass, jadottaw u jippubblikawhom l-istatuti u r-regoli ta' proċeduri tiegħu.

Artikolu 6

Stabbiliment tal-Kodiċijiet tan-netwerk

1.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Aġenzija, l-ENTSO tal-Gass u partijiet interessati relevanti oħrajn, tistabbilixxi lista ta' prijoritajiet annwali li tidentifika l-oqsma stabbiliti fl-Artikolu 8(6) li għandhom ikunu inklużi fl-iżvilupp tan-network tal-kodiċijiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Aġenzija tippreżentalha fi żmien raġonevoli raġonevoli ta' mhux aktar minn sitt xhur qafas ta' linji gwida mhux obbligatorji (qafas ta’ linji gwida) li jipprovdu prinċipji ċari u oġġettivi, konformement mal-Artikolu 8(7), għall-iżvilupp ta' kodiċijiet tan-network relatati mal-oqsma identifikati fil-lista ta' prijoritajiet. Kull Qafas ta’ Linja Gwida għandu jikkontribwixxi għan-nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u funzjonament effiċjenti tas-suq. Fuq talba motivata mill-Aġenzija, il-Kummissjoni tista' testendi dak il-perijodu.

3.   L-Aġenzija għandha formalment tikkonsulta lill-ENTSO tal-Gass u lil partijiet interessati relevanti oħrajn dwar il-qafas ta' linji gwida, matul perijodu ta' mhux inqas minn xahrejn, b'mod miftuħ u trasparenti.

4.   Jekk il-Kummissjoni tqis li l-qafas ta' linji gwida ma jikkontribwixxix għan-nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u funzjonament effiċjenti tas-suq, hija tista' titlob lill-Aġenzija tirrivedi l-qafas ta' linji gwida f'perijodu ta' żmien raġonevoli, u terġa' tippreżentah lill-Kummissjoni.

5.   Jekk l-Aġenzija tonqos milli tippreżenta jew li terġa' tippreżenta mill-ġdid qafas ta' linji gwida fil-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni taħt il-paragrafi 2 jew 4, il-Kummissjoni għandha tħejji l-qafas ta' linji gwida in kwistjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-ENTSO tal-Gass biex jippreżenta lill-Aġenzija kodiċi tan-network li jikkonforma mal-qafas ta' linji gwida relevanti, fi żmien perijodu raġonevoli ta' mhux aktar minn tnax-il xahar.

7.   Fi żmien perijodu ta' tliet xhur wara l-jum li fih tirċievi kodiċi tan-network, matul liema perijodu l-Aġenzija tista' tikkonsulta formalment mal-partijiet interessati relevanti, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni raġunata lill-ENTSO tal-Gass dwar il-kodiċi tan-network.

8.   L-ENTSO tal-Gass jista' jemenda l-kodiċi tan-network fid-dawl tal-opinjoni tal-Aġenzija u jerġa' jippreżentah lill-Aġenzija.

9.   Ladarba l-Aġenzija tkun sodisfatta li l-kodiċi tan-network jikkonforma mal-qafas ta' linji gwida relevanti mhux obbligatorji, l-Aġenzija għandha tippreżenta l-kodiċi tan-network lill-Kummissjoni u tista' tirrakkomanda li jiġi adottat f'perjodu raġonevoli ta' żmien. Il-Kummissjoni għandha tagħti r-raġunijiet fil-każ li ma tadottax il-kodiċi.

10.   Fejn l-ENTSO tal-Gass ma jkunx żviluppa kodiċi tan-network fi żmien il-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni taħt il-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Aġenzija biex tħejji abbozz ta' kodiċi tan-network fuq il-bażi tal-qafas ta' linji gwida relevanti. L-Aġenzija tista' tniedi konsultazzjoni oħra matul it-tħejjija ta' abbozz ta' kodiċi tan-network taħt dan il-paragrafu. L-Aġenzija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta' kodiċi tan-network imħejji taħt dan il-paragrafu u tista' tirrakkomanda li jiġi adottat.

11.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta, fuq inizjattiva tagħha meta l-ENTSO tal-Gass ikun naqas milli jħejji kodiċi tan-network, jew l-Aġenzija tkun naqset milli tħejji abbozz ta' kodiċi tan-network kif imsemmi fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu, jew fuq rakkomandazzjoni tal-Aġenzija taħt il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu, kodiċi wieħed jew aktar tan-network fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6).

Jekk il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' kodiċi ta' network fuq inizjattiva tagħha, hija tista' tikkonsulta lill-Aġenzija, l-ENTSO tal-Gass u l- partijiet interessati relevanti kollha dwar abbozz ta' kodiċi tan-netwrok matul perijodu ta' mhux inqas minn xahrejn. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorju bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

12.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tadotta u temenda l-Linji Gwida kif stabbilit fl-Artikolu 23.

Artikolu 7

Modifika tal-Kodiċijiet tan-Network

1.   Abbozzi ta' emendi għal kwalunkwe kodiċi tan-network adottat taħt l-Artikolu 6 jistgħu jiġu proposti lill-Aġenzija minn persuni li x'aktarx ikunu interessati f'dak il-kodiċi tan-network, inklużi l-ENTSO tal-Gass, operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, utenti tan-network u konsumaturi. L-Aġenzija tista' wkoll tipproponi emendi fuq inizjattiva tagħha stess.

2.   L-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati kollha bi qbil mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009. Wara dan il-proċess, l-Aġenzija tista' tagħmel proposti raġunati għal emendi lill-Kummissjoni, u tispjega kif dawn il-proposti jkunu konsistenti mal-objettivi tal-kodiċijiet tan-network stabbiliti fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta, wara li tqis il-proposti tal-Aġenzija, emendi għal kwalunkwe kodiċi tan-network adottat taħt l-Artikolu 6. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorju bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

4.   Il-konsiderazzjoni tal-emendi proposti konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 28(2) għandha tkun limitata għal konsiderazzjoni tal-aspetti marbuta mal-emenda proposta. Dawk l-emendi proposti huma mingħajr preġudizzju għal xi emendi oħra li tista' tipproponi l-Kummissjoni.

Artikolu 8

Kompiti tal-ENTSO tal-Gass

1.   L-ENTSO tal-Gass għandu jelabora kodiċijiet tan-network fl-oqsma msemmijin fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu fuq stedina indirizzata lilu mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 6(6).

2.   L-ENTSO tal-Gass jista' jelabora kodiċijiet tan-netwerk fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 6 bil-għan li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 4 fejn dawk il-kodiċijiet tan-netwerk ma jirrelatawx ma' oqsma koperti minn stedina indirizzata lilu mill-Kummissjoni. Dawn il-kodiċijiet tan-network għandhom ikunu ppreżentati lill-Aġenzija għal opinjoni. Din l-opinjoni għandha titqies kif xieraq mill-ENTSO għall-Gass.

3.   L-ENTSO tal-Gass għandu jadotta:

(a)

għodod komuni għall-operat tan-netwerk biex jiżguraw il-koordinazzjoni ta' operazzjoni tan-netwerk f'kundizzjonijiet normali u ta' emerġenza, inkluża skala ta' klassifikazzjoni tal-aċċidenti komuni, u pjanijiet ta' riċerka;

(b)

kull sentejn, pjan ta' żvilupp mhux obbligatorju tan-network għall-Komunità kollha fuq firxa ta’ għaxar snin, (pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunità kollha), inkluż prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea;

(c)

rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinament ta' kooperazzjoni teknika bejn il-Komunità u operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni f'pajjiżi terzi;

(d)

programm ta' ħidma annwali;

(e)

rapport annwali;

(f)

prospetti annwali dwar il-provvista għas-sajf u għax-xitwa;

4.   Il-prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 għandu jkopri l-adegwatezza ġenerali tas-sistema tal-gass għall-provvista ta' talbiet preżenti u proġettati għall-gass għall-perijodu li ġej ta' ħames snin kif ukoll għall-perijodu ta' bejn ħames u għaxar snin mid-data ta' dak il-prospett. Il-prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea għandu jinbena fuq prospetti nazzjonali rigward il-provvista imħejjijin minn kull operatur individwali tas-sistema ta' trażmissjoni.

5.   Il-programm ta' ħidma annwali msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3 għandu jinkludi lista u deskrizzjoni tal-kodiċijiet tan-network li għandhom jitħejjew, pjan dwar il-koordinazzjoni tal-operat tan-network u l-attivitiajiet ta' riċerka u żvilupp, li għandhom jitwettqu f'dik is-sena, u kalendarju indikattiv.

6.   Il-kodiċijiet tan-network imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin, b'kont meħud, jekk ikun il-każ, tal-karatteristiċi speċjali, reġjonali tagħhom:

(a)

regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-network;

(b)

regoli dwar il-konnessjoni man-network;

(c)

regoli ta’ aċċess għal partijiet terzi;

(d)

regoli dwar l-iskambju ta' data u dwar l-issetiljar;

(e)

regoli dwar l-interoperabbiltà;

(f)

proċeduri operattivi f’emerġenza;

(g)

allokazzjoni ta' kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta' konġestjoni;

(h)

regoli għall-kummerċ relatati mal-proviżjoni teknika u operattiva tas-servizzi ta' aċċess għan-network; servizzi u l-ibbilanċjar tas-sistema;

(i)

regoli dwar it-trasparenza;

(j)

regoli ta' bbilanċjar inklużi regoli relatati man-network rigward proċeduri dwar nominazzjonijiet, regoli ta' ħlasijiet għal nuqqas ta’ bilanċ u regoli ta' bbilanċjar operattiv bejn is-sistemi tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni; u

(k)

regoli dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tariffarji għat-trażmissjoni; kif ukoll

(l)

l-effiċjenza fl-enerġija tan-networks tal-gass.

7.   Il-kodiċijiet tan-network għandhom jiġu żviluppati għal kwistjonijiet transkonfinali tan-network u ta’ integrazzjoni fis-suq u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu kodiċijiet tan-netwerk nazzjonali li ma jaffettwawx il-kummerċ transkonfinali.

8.   L-ENTSO tal-Gass għandu jissorvelja u janalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet u l-linji gwida adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(11), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni ta' regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq. L-ENTSO tal-Gass għandu jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-Aġenzija u għandu jinkludi r-riżultati tal-analiżi fir-rapport annwali msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 3.

9.   L-ENTSO tal-Gass għandu jagħmel disponsibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Aġenzija biex twettaq il-kompiti tagħha taħt l-Artikolu 9(1).

10.   L-ENTSO tal-Gass kull sentejn għandu jadotta u jippublika pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunità kollha imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 fuq firxa ta' għaxar snin. Il-pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunità kollha għandu jinkludi t-tfassil tan-network integrat, l-iżvilupp tax-xenarju, prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea u valutazzjoni tal-kapaċità ta' rkupru tas-sistema.

Il-pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunita kollha għandu, b'mod partikolari:

(a)

jibni fuq pjanijiet nazzjonali ta' investiment, meta jitqiesu pjanijiet ta' investiment reġjonali kif imsemmija fl-Artikolu 12(1), u, jekk ikun il-każ, l-aspetti tal-Komunità ta' ppjanar tan-netwerk li jinkludu l-linji gwida għal netwerks tal-enerġija trans-Ewropej konformi mad-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(b)

rigward l-interkonnessjonijiet transkonfinali, jibni wkoll fuq il-ħtiġijiet raġonevoli tal-utenti differenti tan-netwerk u jintegra impenji ta' perijodu fit-tul mill-investituri, kif imsemmija fl-Artikoli 14 u 22 tad-Direttiva 2009/73/KE; u

(c)

jidentifika l-lakuni fl-investiment, notevolment fir-rigward ta' kapaċitajiet transkonfinali.

Fir-rigward tal-punt (c) tat-tieni subparagrafu, Għandha tiġi annessa mal-pjan ta' investiment, reviżjoni ta' l-ostakoli għal żieda fil-kapaċità transkonfinali tan-network minn diversi proċeduri jew prattiki ta' approvazzjoni tista’ tiġi annessa mal-pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunità kollha.

11.   L-aġenzija għandha tirrevedi l-pjanijiet nazzjonali fuq għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk biex tiġi evalwata l-konsistenza tagħhom mal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk fuq għaxar snin għall-Komunità kollha. Jekk l-aġenzija tidentifika inkonsistenzi bejn pjanijiet nazzjonali fuq għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk u l-pjan ta' żvilupp tan-netwerk fuq għaxar snin għall-Komunità kollha, hija għandha tirrakkomanda biex temenda il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali għal għaxar snin jew il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Komunità kollha skont kif ikun xieraq. Jekk dan il-pjan ta' żvilupp tan-netwerk nazzjonali għal għaxar snin ikun elaborat skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/73/KE, l-Aġenzija għandha tirrakkomanda li l-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti temenda l-pjan ta' żvilupp fuq għaxar snin tan-netwerk nazzjonali skont l-Artikolu 22(7) ta’ dik id-Direttiva u tinforma lill-Kummissjoni b'dan.

12.   Fuq tal-talba tal-Kummissjoni, l-ENTSO tal-Gass għandu jaħti l-opinjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-Linji Gwida stabbiliti fl-Artikolu 23.

Artikolu 9

Sorveljanza mill-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kompiti msemmijin fl-Artikolu 8(1) tal-ENTSO tal-Gass, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

L-Aġenzija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni mill-ENTSO tal-Gass tal-kodiċijiet tan-network elaborati taħt l-Artikolu 8(2) u l-kodiċijiet tan-network li ġew żviluppati taħt l-Artikolu 6(1) sa (10) iżda li ma ġewx adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(11). Meta l-ENTSO tal-Gass tkun naqset milli timplimenta kull kodiċi ta' netwerk ta' dan it-tip, l-Aġenzija għadha titlob lill-ENTSO tal-Gass biex tipprovdi spjegazzjoni raġunata kif xieraq dwar l-għaliex tkun naqqset milli tagħmel dan. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dik l-ispjegazzjoni u tipprovdi l-opinjoni tagħha.

L-Aġenzija għandha tissorvelja u tanalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network u l-linji gwida adottati mill-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6(11), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq kif ukoll fuq in-nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva, funzjonament effiċjenti tas-suq, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

2.   L-ENTSO tal-Gass għandu jippreżenta l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Komunità kollha u l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali, inkluża l-informazzjoni dwar il-proċess ta' konsultazzjoni u d-dokumenti l-oħra msemmija fl-Artikolu 8(3), lill-Aġenzija għall-opinjoni tagħha.

Fi żmien xahrejn mill-jum tar-riċezzjoni, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni debitament raġunata kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENTSO tal-Gass u lill-Kummissjoni jekk tqis li l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali jew l-abbozz mhux obbligatorju tal-pjan ta' żvilupp tan-netwerk għall-Komunità kollha preżentati mill-ENTSO tal-Gass ma jikkontribwixxix għan-nondiskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva, għall-funzjonament effiċjenti tas-suq jew għal livell suffiċjenti ta' interkonnessjoni transkonfinali miftuħa għall-aċċess mill-partijiet terzi.

Artikolu 10

Konsultazzjonijiiet

1.   Waqt il-preparazzjoni tal-kodiċijiet tan-network, l-abbozz tal-pjan ta' żvilupp tan-network għall-Komunita kollha u l-programm ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), l-ENTSO tal-Gass għandu jwettaq proċess ta' konsultazzjoni estensiv, fi stadju bikri u b'mod miftuħ u trasparenti mal-parteċipanti relevanti kollha fis-suq, u b'mod partikolari mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati kollha. Il-konsultazzjoni għandha tinvolvi wkoll awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħrajn, impriżi ta' provvista u produzzjoni, l-utenti tan-networks inkluż il-klijenti, operaturi ta' sistema ta' distribuzzjoni, inklużi assoċjazzjonijiet relevanti fl-industrija, korpi tekniċi u pjattaformi ta' partijiet interessati u pertinenti. Huwa għandu jimmira lejn l-identifikazzjoni tal-fehmiet u l-proposti tal-partijiet relevanti kollha fil-proċess tat-tfassil tad-deċiżjonijiet.

2.   Id-dokumenti kollha u l-minuti tal-laqgħat relatati mas-suġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru pubbliċi.

3.   Qabel ma jiġi adottat il-programm ta' ħidma annwali u l-kodiċijiet tan-network imsemmijin fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), l-ENTSO tal-Gass għandu jindika kif l-osservazzjonijiet li jkun irċieva waqt il-konsultazzjoni u kif dawn l-osservazzjonijiet ikunu tqiesu. Għandu jagħti raġunijiet fejn l-osservazzjonijiet ma tqisux.

Artikolu 11

Spejjeż

L-ispejjeż relatati mal-attivitajiet tal-ENTSO tal-Gass msemmi fl-Artikoli 4 sa 12 għandhom jitħallsu mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn l-ispejjeż biss jekk ikun raġonevoli u proporzjonati.

Artikolu 12

Koperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu koperazzjoni reġjonali fi ħdan l-ENTSO tal-Gass sabiex din tikkontribwixxi għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 8(1), (2) u (3). B'mod partikolari, għandhom jippubblikaw pjan ta' investiment reġjonali kull sentejn, u jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment ibbażati fuq dak il-pjan ta' investiment reġjonali.

2.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippromwovu arranġamenti operattivi sabiex jiżguraw ġestjoni ottimali tan-netwerk, u għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta' skambji tal-enerġija, l-allokazzjoni koordinata ta' kapaċità transkonfinali permezz ta' soluzzjonijiet nondiskriminatorji bbażati fuq is-suq, bl-attenzjoni dovuta għall-merti speċifiċi ta' irkantijiet impliċiti għal allokazzjonijiet fuq il-perijodu qasir, u l-integrazzjoni ta' mekkaniżmi ta' bbilanċjar.

3.   Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-paragrafi 1 u 2, iż-żona ġeografika koperta minn kull struttura ta' koperazzjoni reġjonali tista' tkun definita mill-Kummissjoni, b'kont meħud tal-istrutturi reġjonali ta' koperazzjoni eżistenti. Kull Stat Membru għandu jkun jista' jippromwovi l-koperazzjoni f'aktar minn żona ġeografika waħda. Din il-miżura, imfassla biex temenda l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi tissupplimentah għandha tiġi adottata konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

Għal dak il-fini, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-ENTSO tal-Gass u lill-Aġenzija.

Artikolu 13

Tariffi għal aċċess għan-netwerks

1.   It-tariffi, jew il-metodoloġiji użati sabiex dawn jiġu kalkolati, applikati minn operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u approvati mill-awtoritajiet regolatorji fl-Artikolu 41(6) tad-Direttiva 2009/73/KE kif ukoll it-tariffi ppubblikati fl-Artikolu 32(1) ta' dik id-Direttiva, għandhom ikunu trasparenti, jieħdu kont tal-ħtieġa tal-integrità tas-sistema u t-titjib tagħha u jirriflettu l-ispejjeż effettivament magħmulin, sa fejn dawn l-ispejjeż jikkorrispondu ma' dawk ta' operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli tan-netwerk u jkunu trasparenti filwaqt li jinkludu qligħ xieraq fuq l-investimenti, u fejn ikun il-każ b'kont meħud tal-benchmarking ta' tariffi mill-awtoritajiet regolatorji. It-tariffi, jew il-metodi li jintużaw biex jikkalkulawhom, għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li t-tariffi jistgħu jiġu ddeterminati wkoll permezz ta' arranġamenti bbażati fuq is-suq, bħal irkantijiet, sakemm tali arranġamenti u d-dħul li jirriżulta minnhom ikunu approvati mill-awtorità regolatorja.

It-tariffi, jew il-metodi użati biex jikkalkulawhom, għandhom jiffaċilitaw il-kummerc effiċjenti tal-gass u l-kompetizzjoni, u fl-istess ħin jevitaw sussidji bejn l-utenti tan-netwerk u jipprovdu inċentivi għall-investiment u jżommu jew joħolqu interoperabilità għan-netwerks ta’ trażmissjoni.

It-tariffi għall-utenti tan-network m’għandhomx ikunu diskriminatorju u għandhom jiġu stabbiliti separatament għal kull punt ta' dħul fi jew punt tal-ħruġ mis-sistema ta' trażmissjoni. Il-mekkaniżmi ta' allokazzjoni tal-kost u l-metodoliġija għall-istabbiliment tar-rata rigward il-punti tad-dħul u l-punti tal-ħruġ għandhom ikunu approvati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Sat-3 ta' Settembru 2011 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara perijodu transitorju, jiġifieri, il-ħlasijiet tan-network m'għandhomx ikunu kkalkulati abbażi ta' linji kuntrattwali.

2.   It-tariffi għal aċċess għan-network m'għandhomx jirrestrinġu l-likwidità tas-suq jew jikkawżaw distorsjoni fil-kummerċ bejn il-fruntieri ta’ sistemi ta’ trażmissjoni differenti. Fejn id-differenzi fl-istrutturi tat-tariffi jew fil-mekkaniżmi ta' bbilanċjar ifixklu l-kummerċ bejn is-sistemi ta' trażmissjoni, u minkejja l-Artikolu 41(6) tad-Direttiva 2009/73/KE l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom, f'koperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali relevanti, attivament isaħħu l-konverġenza tal-istrutturi ta' tariffi u tal-prinċipji ta' ħlas anke fir-rigward tal-ibbilanċjar.

Artikolu 14

Aċċess lill-partijiet terzi għal servizzi tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom:

(a)

jiżguraw li joffru servizzi fuq bażi nondiskriminatorja lill-utenti kollha tan-network;

(b)

jipprovdu kemm servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi li jkunu sodi u mingħajr interruzzjoni. Il-prezz tal-kapaċità interruttibbli għandu jirrifletti l-probabbiltà ta' interruzzjoni;

(c)

joffru lill-utenti tan-network servizzi kemm għal perijodu fit-tul kif ukoll għal perijodu qasir.

Fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, fejn operatur tas-sistema ta' trażmissjoni joffri l-istess servizz lil klijenti differenti, huwa għandu jagħmel dan taħt termini u kondizzjonijiet kuntrattwali ekwivalenti, jew billi juża kuntratti ta' trasport armonizzati jew kodiċi komuni tan-netwerk approvati mill-awtorità kompetenti konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73/KE;

2.   Il-kuntratti ta’ trasport iffirmati b’dati ta’ bidu li mhumiex standard jew għal żmien iqsar minn dak ta' kuntratt standard ta’ trasport annwali ma għandhomx jirriżultaw f’tariffi li jkunu arbitrarjament ogħla jew iktar baxxi u li ma jirriflettux il-valur fis-suq tas-servizz, konformement mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 13(1).

3.   Fejn ikun il-każ, jistgħu jingħataw servizzi ta' aċċess għal partijiet terzisuġġett għal garanziji adegwati mingħand l-utenti tan-network fir-rigward tal-affidabbiltà tal-kreditu tagħhom. Dawn il-garanziji ma għandhomx jikkostitwixxu ostakoli mhux ġustifikati għad-dħul fis-suq u għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti u proporzjonati.

Artikolu 15

Servizzi ta' Aċċess għal partijiet terzi fir-rigward ta' faċilitajiet ta' ħażna u LNG

1.   L-operaturi tas-sistemi ta' LNG u ta' ħażna għandhom:

(a)

jiżguraw li joffru servizzi fuq bażi mhux diskriminatorja lill-utenti kollha tan-network li jilqgħu d-domanda tas-suq. B'mod partikolari, fejn operatur tas-sistema ta' LNG jew ta' ħażna joffri l-istess servizz lil klijenti differenti, għandu jagħmel dan taħt termini u kondizzjonijiet kuntrattwali ndaqs;

(b)

joffru servizzi li huma kompatibbli mal-użu tas-sistemi interkonnessi ta' trasportazzjoni tal-gass u huma għandhom jiffaċilitaw l-aċċess permezz ta' koperazzjoni mal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni; kif ukoll

(c)

jagħmlu pubbliku kull tagħrif rilevanti, b'mod partikulari data fuq l-użu u d-disponibbiltà tas-servizzi, fi żmien kompatibbli mal-bżonnijiet kummerċjali raġonevoli ta' l-utenti tal-faċilità ta' ħażna jew LNG, bil-kondizzjoni li dawn il-pubblikazzjonijiet jiġu sorveljati mill-awtorità kompetenti.

2.   Kull operatur tas-sistema ta' ħażna għandu:

(a)

jipprovdi servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi li jkunu sodi u mingħajr interruzzjoni; il-prezz tal-kapaċità li tista' tiġi interrotta għandu jirrifletti l-probabbiltà ta' interuzzjoni; u

(b)

joffri lill-utenti tal-faċilità ta' ħażna servizzi kemm għal perijodu fit-tul kif ukoll għal perijodu qasir;

(c)

joffri lill-utenti tal-faċilità ta' ħażna servizzi ta' spazju għall-ħażna, kemm mhux isseparati kif ukoll isseparati, injettabbiltà u kapaċità ta' twassil,

3.   Il-kuntratti ta' faċilità ta' LNG u ta' ħażna fil-każijiet fejn jiġu ffirmati ma għandhomx iwasslu għal tariffi li jkunu ogħla arbitrarjament.

(a)

barra minn sena tal-gass naturali b'dati inizjali mhux standard; jew

(b)

ta' tul iqsar minn dak ta' kuntratt standard ta' faċilità LNG u ta' ħażna fuq bażi annwali.

4.   Fejn ikun il-każ, jistgħu jingħataw servizzi ta' aċċess għal partijiet terzisuġġett għal garanziji adegwati mingħand l-utenti tan-network fir-rigward tal-affidabbiltà tal-kreditu tagħhom. Dawn il-garanziji ma għandhomx jikkostitwixxu ostakolu mhux ġustifikat għad-dħul fis-suq u għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti u proporzjonati.

5.   Il-limiti kuntrattwali fuq id-daqs minimu obbligatorju tal-kapaċità tal-faċilità ta' LNG u ta' ħażna għandhom ikunu ġġustifikati abbażi ta' restrizzjonijiet tekniċi, u għandhom jippermettu lill-utenti iżgħar tal-ħażna li jakkwistaw aċċess għas-servizzi ta' ħażna.

Artikolu 16

Prinċipji tal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità u proċeduri għall-amministrazzjoni ta' konġestjoni li jikkonċernaw l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjon

1.   Il-kapaċità massima fil-punti kollha rilevanti msemmija fl-Artikolu 18(3) għandha tkun disponibbli għall-parteċipanti tas-suq, filwaqt li titqis l-integrità tas-sistema u l-operazzjoni effiċjenti tan-network.

2.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jimplimentaw u jippubblikaw mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità li huma trasparenti u nondiskriminatorji, li għandhom:

(a)

jipprovdu sinjali ekonomiċi adattati għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika, jiffaċilitaw l-investiment f'infrastruttura ġdida u jiffaċilitaw il-kummerċ transkonfinali fil-gass naturali;

(b)

ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmi tas-suq, inklużi s-swieq ta' provvista immedjat u ċ-ċentri tal-kummerċ, filwaqt li jkunu flessibbli u adattabbli għaċ-ċirkustanzi fis-suq li qed jevolvu; u

(c)

ikunu kompatibbli mas-sistemi ta’ aċċess għan-networks tal-Istati Membri.

3.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jimplimentaw u jippubblikaw proċeduri ta' amministrazzjoni ta' konġestjoni li jiffaċilitaw l-iskambju transkonfinali tal-gass naturali fuq bażi mhux diskriminatorja u li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:

(a)

fil-każ ta' konġestjoni kuntrattwali, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu joffri l-kapaċità mhux użata fuq is-suq primarju tal-inqas b'ġurnata minn qabel u mingħajr interruzzjoni; u

(b)

utenti tan-netwerk li jixtiequ jbiegħu mill-ġdid jew jissullokaw il-kapaċitajiet kuntrattwali mhux użati tagħhom fis-suq sekondarju għandhom ikunu intitolati li jagħmlu dan.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, Stat Membru jista' jirrikjedi notifika jew tagħrif tal-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni mill-utenti tan-netwerk.

4.   Fil-każ ta' konġestjoni fiżika, mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità trasparenti u nondiskriminatorji għandhom jiġu applikati mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jew, kif adatt, mill-awtoritajiet regolatorji.

5.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom regolarment jivvalutaw id-domanda fis-suq għal investiment ġdid. Meta jippjanaw l-investimenti ġodda, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jivvalutaw id-domanda fis-suq u jqisu l-kriterji tas-sigurtà tal-provvista.

Artikolu 17

Prinċipji tal-mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' Kapaċità u proċeduri għall-amministazzjoni ta' konġestjoni fir-rigward ta' faċilitajiet ta' ħażna u ta' LNG

1.   Il-kapaċità massima tal-faċilità ta' ħażna u LNG għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' kull min għandu sehem fis-suq, b'kont meħud ta' l -integrità u tal-operat tas-sistema.

2.   L-operaturi tas-sistema LNG u ta' ħażna għandhom jimplimentaw u jippubblikaw mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità nondiskriminatorji u trasparenti, li għandhom:

(a)

għandhom jipprovdu sinjali ekonomiċi xierqa għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u jiffaċilitaw investiment f'infrastruttura ġdida;

(b)

ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmu tas-suq, inklużi s-swieq ta' forniment immedjat u ċ-ċentri tal-kummerċ, filwaqt li jkunu flessibbli u kapaċi li jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi fis-suq; u

(c)

ikunu kompattibli mas-sistemi konnessi ta' aċċess għan-network.

3.   Il-kuntratti tal-faċilitajiet LNG u ta' ħażna għandhom jinkludu miżuri biex jipprevjenu l-akkapparrar tal-kapaċità, b'qies għall-prinċipji li ġejjin, li għandhom japplikaw f'każijiet ta' konġestjoni kuntrattwali:

(a)

l-operatur tas-sistema għandu joffri bla dewmien kapaċità mhux użata ta' faċilitajiet ta' LNG u ħażna fis-suq primarju; għall-faċilitajiet ta' ħażna, dan għandu jsir abbażi ta' almenu ġurnata bil-quddiem u bil-preklużjoni ta' interuzzjoni;

(b)

l-utenti tal-faċilitajiet ta' LNG u ta' ħażna għandhom ikunu intitolati li jbiegħu mill-ġdid il-kapaċità kuntrattwali tagħhom fis-suq sekondarju.

Artikolu 18

Ir-rekwiżiti tat-trasparenza li jikkonċernaw l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar is-servizzi li joffru u l-kondizzjonijiet rilevanti applikati, flimkien mal-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-network biex ikunu jistgħu jiksbu aċċess effettiv għan-network.

2.   Sabiex jiġu żgurati tariffi trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji u biex jiġi ffaċilitat l-użu effiċjenti tan-network tal-gass, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali pertinenti għandhom jippubblikaw informazzjoni raġonevolment u suffiċjentement dettaljata dwar id-derivazzjoni, il-metodoloġija u l-istruttura tat-tariffi.

3.   Għas-servizzi provduti, kull operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jippubblika informazzjoni dwar kapaċitajiet tekniċi, kuntrattati u disponibbli fuq bażi numerika għall-punti kollha rilevanti inkluż punti ta’ dħul u ta’ ħruġ fuq bażi perijodika u rikorrenti b’mod standardizzat li hu faċli biex jintuża.

4.   Il-punti rilevanti ta’ sistema ta’ trażmissjoni li dwarhom ikollha tiġi pubblikata l-informazzjoni għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti wara konsultazzjoni mal-utenti tan-network.

5.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom dejjem jikxfu l-informazzjoni meħtieġa minn dan ir-Regolament b’mod li jagħmel sens, li hu ċar b’mod kwantifikabbli u b’mod li hu faċilment aċċessibli u fuq bażi mhux diskriminatorja.

6.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jagħmlu pubbliku tagħrif fuq il-provvista u d-domanda ex-ante u ex-post, imsejjes fuq nominazzonijiet, tbassiriet u l-flussi li jkunu saru ta' dħul u ħruġ mis-sistema. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiżgura li l-informazzjoni kollha ta' dan it-tip tkun pubblika. Il-livell ta' dettall tat-tagħrif li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandu jirrifletti t-tagħrif disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni.

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jagħmlu pubbliċi l-miżuri li jkunu ttieħdu, kif ukoll l-ispejjeż imġarrba u d-dħul iġġenerat, għall-ibbilanċjar tas-sistema.

Il-parteċipanti konċernati fis-suq għandhom jipprovdu lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni d-data msemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 19

Rekwiżiti ta' trasparenza rigward il-faċilitajiet ta' ħażna u l-faċilitajiet ta' LNG

1.   L-operatur tas-sistema LNG u ta' ħażna għandu jagħmel pubbliku tagħrif iddettaljat dwar is-servizzi li joffri u l-kondizzjonijiet rilevanti applikati, flimkien mal-informazzjoni teknika meħtieġa biex l-utenti tal-faċilitajiet LNG u ta' ħażna jiksbu aċċess effettiv għall-faċilitajiet LNG u ta' ħażna.

2.   Għas-servizzi pprovduti, kull operatur tas-sistema LNG u ta' ħażna għandu jagħmel pubbliku tagħrif dwar il-kapaċitajiet miftiehma b'kuntratt u disponibbli tal-faċilitajiet ta' ħażna u LNG, b'mod numeriku, regolari u kontinwu, kif ukoll b'mod standard u ta' użu faċli.

3.   L-operatur tas-sistema LNG u ta' ħażna għandu jiżvela t-tagħrif mitlub minn dan ir-Regolament b'mod li jagħmel sens, ċarament kwantifikabbli u ta' aċċess faċli, kif ukoll fuq bażi mhux diskriminatorja.

4.   L-operatur tas-sistema LNG u ta' ħażna għandu jagħmel pubbliku l-ammont ta' gass li hemm f'kull faċilità ta' ħażna jew ta' LNG, jew grupp ta' faċilitajiet ta' ħażna jekk dan jikkorrispondi għall-mod ta' kif l-aċċess ikun offrut lill-utenti tas-sistema, il-flussi ta' dħul u ta' ħruġ, kif ukoll il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet disponibbli ta' ħażna u ta' LNG, inklużi għal dawk il-faċilitajiet li huma eżentati mill-aċċess għal partijiet terzi. Dak it-tagħrif għandu jiġi kkomunikat ukoll lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni, li għandu jagħmel pubbliku fuq bażi aggregata għal kull sistema jew subsistema ddefinita mill-punti rilevanti. It-tagħrif għandu jiġi aġġornat talanqas darba kuljum.

F'każijiet fejn utent ta' sistema ta' ħażna ikun l-uniku utent ta' faċilità ta' ħażna, l-utent tas-sistema ta' ħażna jista' jippreżenta talba raġunata lill-awtorità regolatorja nazzjonali għal trattament kunfidenzjali tad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu. Fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li din it-talba tkun raġunata, waqt li titqies b'mod partikolari l-ħtieġa għal bilanċ bejn l-interess ta' protezzjoni leġittima ta' sigrieti kummerċjali li l-iżvelar tagħhom ikun jolqot ħażin l-istrateġija kummerċjali ġenerali tal-utent tal-ħażna u l-objettiv li jinħoloq suq intern kompetittiv tal-gass, hija tista' tippermetti li l-operatur tas-sistema ta' ħażna ma jiżvelax pubblikament id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu, għal perijodu ta' żmien sa sena.

It-tieni subparagrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-obbligi fir-rigward tal-komunikazzjoni lill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni imsemmi fl-ewwel subparagrafu, u fir-rigward tal-pubblikazzjoni minnu, sakemm id-data aggregata tkun identika għad-data individwali tas-sistema ta' ħażna li l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun approvat id-deċiżjoni li ma tiġix pubblikata.

5.   Sabiex jiġu żgurati tariffi trasparenti, oġġettivi u mhux diskriminatorji u jiġi faċilitat użu effiċjenti tal-infrastrutturi, l-LNG u l-operaturi tal-faċilità tal-ħażna jew l-awtoritajiet regolatorji relevanti għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar minn fejn ikunu ġew it-tariffi, dwar il-metodoloġiji u l-istruttura tat-tariffi għal infrastruttura taħt aċċess regolat għal partijiet terzi.

Artikolu 20

Żamma tar-records mill-operaturi tas-sistema

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' ħażna u l-operaturi tas-sistema LNG għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, inkluża l-awtorità regolatorja nazzjonali, tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u tal-Kummissjoni, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikoli 18 u 19, u fil-Parti 3 tal-Anness I għal perijodu ta' ħames snin.

Artikolu 21

Regoli ta' bbilanċjar u ħlasijiet ta’ żbilanċ

1.   Għandhom jitfasslu regoli ta’ bbilanċjar b’mod ġust, nondiskriminatorju u trasparenti u għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi. Ir-regoli ta’ bilanċjar għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet ġenwini tas-sistema filwaqt li jqisu r-riżorsi disponibbli għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni. Ir-regoli għall-ibbilanċjar għandhom ikunu bbażati fuq is-suq.

2.   Sabiex l-utenti tan-network ikunu jistgħu jieħdu azzjoni korrettiva fil-ħin, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jipprovdu fil-ħin xieraq it-tagħrif dwar l-istatus ta' bbilanċjar tal-utenti tan-network li jkun biżżejjed, affidabbli u disponibbli onlajn.

It-tagħrif ipprovdu għandu jirrifletti l-livell ta' informazzjoni disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u l-perjodu ta' żmien għall-issettiljar li għalih jiġu kkalkolati l-ħlasijiet għall-iżbilanċ.

L-ebda ħlas m'għandu jsir għall-għoti ta' informazzjoni taħt dan il-paragrafu.

3.   Il-ħlasijiet għall-iżbilanċ għandhom ikunu kemm jista' jkun kost-effettivi, filwaqt li jipprovdu inċentivi adegwati lill-utenti tan-network sabiex jibbilanċjaw il-gass li jipprovdu lis-sistema u l-gass li jipprelevaw. Għandhom jevitaw sussidjar inkruċjat bejn l-utenti tan-network u ma għandhomx ifixklu d-dħul ta’ suġġetti ġodda fis-suq.

Kwalunkwe metodoloġija ta’ kalkolazzjoni għal ħlasijiet ta’ żbilanċ kif ukoll it-tariffi finali għandhom jiġu pubblikati mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kif xieraq.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jistinkaw biex jarmonizzaw reġimi ta’ bilanċjar u jirrazzjonalizzaw l-istrutturi u l-livelli ta’ ħlasijiet ta’ bilanċjar sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ fil-gass.

Artikolu 22

Il-kummerċ ta' drittijiet ta' kapaċità

Kull operatur tas-sistema ta' ħażna jew ta' LNG għandu jieħu passi raġonevoli biex id-drittijiet ta' kapaċità jkunu negozjabbli b'mod ħieles, kif ukoll biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju. Kull operatur għandu jiżviluppa kuntratti u proċeduri armonizzati dwar it-trasportazzjoni, il-faċilitajiet LNG u l-faċilitajiet ta' ħażna fis-suq primarju, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ sekondarju ta' kapaċità, u sabiex jiġi rikonoxxut it-trasferiment ta' drittijiet ta' kapaċità primarji fejn innotifikat mill-utenti tas-sistema.

Il-kuntratti u l-proċeduri armonizzati dwar it-trasport, il-faċilitajiet LNG u ta' ħażna għandhom ikunu nnotifikati lill-awtoritajiet regolatorji.

Artikolu 23

Linji Gwida

1.   Fejn ikun il-każ, il-linji gwida li jipprovdu l-livell miimu ta' armonizzazzjoni meħtieġa għall-ksib tal-għan ta' dan ir-Regolament għandhom jispeċifikaw:

(a)

dettalji dwar is-servizzi tal-aċċess ta' partijiet terzi inkluż il-karattru, id-durata u r-rekwiżiti oħrajn ta' dawn is-servizzi, taħt l-Artikoli 14 u 15;

(b)

dettalji dwar il-prinċipji sottostanti għall-mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità u dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri għall-amministazzjoni ta' konġestjoni f'każ ta' konġestjoni kuntrattwali, taħt l-Artikoli 16 u 17;

(c)

dettalji dwar l-għoti ta' informazzjoni u d-definizzjoni ta' informazzjoni teknika meħtieġa għall-utenti tan-network biex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema u d-definizzjoni tal-punti rilevanti kollha għar-rekwiżiti tat-trasparenza, inkluża l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikat fil-punti rilevanti kollha flimkien mal-iskeda taż-żmien għall-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni, konformement mal-Artikoli 18 u 19;

(d)

dettalji dwar il-metodoloġija tariffarja, relatata mal-kummerċ transkonfinali tal-gass naturali, f'konformità mal-Artikolu 13;

(e)

dettalji rigward l-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6).

Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Aġenzija u lill-ENTSO tal-Gass.

2.   Linji gwida dwar il-kwistjonijiet elenkati fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1ta' dan l-Artikolu, fir-rigward tal-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, huma stipulati fl-Anness I.

Il-Kummissjoni tista' taddotta l-linji gwida fuq il-kwistjonijiet elenkati fl-paragrafu 1 u temenda l- linji gwida msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tiegħu. Dawk il-miżuri mfasslin biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 28(2).

3.   L-applikazzjoni u l-emendament tal-linji gwida adottati taħt dan ir-Regolament għandhom jirriflettu differenzi bejn sistemi tal-gass nazzjonali, u għalhekk ma għandhomx jeħtieġu termini u kondizzjonijiet uniformi u dettaljati ta’ aċċess għal partijiet terzi fuq il-livell Komunitarju. Jistgħu, madankollu, jistabbilixxu rekwiżiti minimi li jridu jiġu sodisfatti biex jinkisbu kondizzjonijiet trasparenti u nondiskriminatorji għal aċċess għan-netwerk li huma meħtieġa għal suq intern tal-gass naturali, li jistgħu mbagħad jiġu applikati fid-dawl ta’ differenzi bejn sistemi tal-gass nazzjonali.

Artikolu 24

Awtoritajiet regolatorji

Fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jiżguraw konformità ma' dan ir-Regolament u mal-Linji gwida adottati taħt l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament.

Fejn ikun il-każ, huma għandhom jikkoperaw ma’ xulxin, mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija konformement mal-Kapitolu VIII tad-Direttiva 2009/73/KE.

Artikolu 25

Għoti ta' informazzjoni

L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 23.

Il-Kummissjoni għandha tiffissa żmien raġonevoli sa meta l-informazzjoni għandha tkun provduta, meta tkun tqieset il-komplessità tal-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li bih l-informazzjoni tkun meħtieġa.

Artikolu 26

Dritt tal-Istati Membri li jipprovdu għal miżuri aktar dettaljati

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri li jżommu jew jintroduċu miżuri li jinkludu dispożizzjonijiet iktar dettaljati minn dawk stabbiliti hawnhekk jew fil-Linji gwida msemmijin fl-Artikolu 23.

Artikolu 27

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2006 dwar dawk ir-regoli li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummisjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emendi sussegwenti li jaffettwawhom. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli li ma jikkorrispondux għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 sat-3 ta' Settembru 2009 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emendi sussegwenti li jaffettwawhom.

2.   Il-penali previsti taħt il-paragrafu 1 m'għandhomx ikunu ta' natura kriminali.

Artikolu 28

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummisjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/73/KE.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 29

Rapport tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fir-rapport tagħha taħt l-Artikolu 52(6) tad-Direttiva 2009/73/KE [dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali]+ il-Kummissjoni għandha tirraporta wkoll dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari r-rapport għandu jeżamina sa liema punt dan ir-Regolament kellu suċċess f’li jiżgura kondizzjonijiet għal aċċess għan-network nondiskriminatorji u kost-riflessivi għan-networks għat-trażmissjoni tal-gass sabiex jikkontribwixxu għall-għażla tal-klijent f’suq intern li jiffunzjona tajjeb u għas-sigurtà ta’ provvista għal perijodu fit-tul. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jkollu mehmuż miegħu proposti u/jew rakkomandazzjonijiet xierqa.

Artikolu 30

Derogi u eżenzjonijiet

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

sistemi ta’ trażmissjoni ta’ gass naturali li jinstabu fi Stati Membri għad-durata tad-derogi mogħtijin skont l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/73/KE.

(b)

infrastrutturi ġodda maġġuri, jiġifieri interkonnetturi, faċilitajiet LNG u faċilitajiet ta' ħażna u żidiet sinifikanti fil-kapaċità tal-infrastrutturi eżistenti kif ukoll modifiki fit-tali infrastrutturi li jippermettu l-iżvilupp ta' sorsijiet ġodda ta' provvista tal-gass kif imsemmi fl-Artikolu 36(1) u (2) tad-Direttiva 2009/73/KE li huma eżenti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 14, 32, 33, 34 jew l-Artikolu 41(6), (8) u (10) ta' dik id-Direttiva sakemm dawn ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet imsemmija f'dan is-subparagrafu, minbarra l-Artikolu 19(4) ta' dan ir-Regolament; jew

(c)

sistemi ta’ trażmissjoni ta’ gass naturali li ngħataw derogi mogħtijin skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2009/73/KE;

Fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri li ngħataw derogi taħt l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/73/KE jistgħu japplikaw għand il-Kummissjoni għal deroga temporanja mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għal perijodu ta' mhux aktar minn sentejn mid-data li fiha tiskadi d-deroga msemmija f'dak il-punt;

Artikolu 31

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 hu abrogat mit-3 ta' marzu 2011. Referenzi li saru għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 32

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-3 ta' Settembru 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 23.

(2)  ĠU C 172, 5.7.2008, p. 55.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-9 ta’ Jannar 2009 (ĠU C 75 E, 31.3.2009, p. 38) u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2009 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċizjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2009.

(4)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57.

(5)  ĠU L 289, 3.11.2005, p. 1.

(6)  Ara paġna 94 tal-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(9)  ĠU L 262, 22.9.2006, p. 1.


ANNESS I

LINJI GWIDA DWAR

1.   Aċċess ta' servizzi għal partijiet terzi rigward l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom joffru servizzi kostanti u li jistgħu jiġu interrotti sa’ perijodu minimu ta’ jum.

2.   Il-kuntratti ta’ trasport armonizzati u l-kodiċijiet tan-network komuni għandhom jitfasslu b’mod li jiffaċilita l-ikkummerċjar u l-użu mill-ġdid tal-kapaċità kkuntrattata minn utenti tan-network mingħajr ma jitfixkel il-ħruġ tal-kapaċità.

3.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiżviluppaw kodiċi tan-network u kuntratti armonizzati wara konsultazzjoni tajba mal-utenti tan-network.

4.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jimplementaw proċeduri standardizzati ta' nominazzjoni u ri-nominazzjoni. Għandhom jiżviluppaw sistemi ta’ informazzjoni u mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi biex jipprovdu informazzjoni adegwata lill-utenti tan-network u biex jissimplifikaw transazzjonijiet, bħal ma huma nominazzjonijiet, kuntrattar tal-kapaċità u trasferiment ta’ drittijiet tal-kapaċità bejn l-utenti tan-network.

5.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jarmonizzaw il-proċeduri ta’ rikjesti formalizzati u ħinijiet ta’ rispons konformement mal-aħjar prattika fl-industrija bil-għan li jiġu minimizzati l-ħinijiet ta’ rispons. Għandhom jipprovdu għal sistemi ta' prenotazzjoni u ta' konferma tal-kapaċità fuq l-iskrin onlajn u proċeduri ta' nominazzjonijiet u ri-nominazzjonijiet sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2006 wara konsultazzjoni mal-utenti tan-networks rilevanti.

6.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni ma għandhomx b’mod separat jitolbu ħlas minn utenti tan-network għal talbiet għal informazzjoni u transazzjonijiet assoċjati mal-kuntratt tagħhom ta’ trasport u li jiġu mwettqa konformement ma' regoli u proċeduri standard.

7.   Għal talbiet għal informazzjoni li jeħtieġu spiżi straordinarji jew eċċessivi, bħal ma huma studji ta’ feasibility, jista’ jintalab ħlas separat, sakemm il-ħlasijiet jistgħu jiġu sostanzjati kif għandu jkun.

8.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkoperaw ma' operaturi oħrajn tas-sistema ta' trażmissjoni fl-ikkoordinar tal-manutenzjoni tan-networks rispettivi tagħhom sabiex jimminimizzaw kull interruzzjoni tas-servizzi ta' trażmissjoni għall-utenti tan-network u għall-operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni f'żoni oħrajn u sabiex jiġu żgurati benefiċċji ugwali fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista anke fir-rigward ta' transitu.

9.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw minn tal-inqas darba fis-sena, sa skadenza determinata, il-perijodi kollha ta’ manutenzjoni ppjanati li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet tal-utenti tan-network minn kuntratti ta’ trasport u l-informazzjoni operattiva korrispondenti b’avviż adegwat minn qabel. Dan għandu jinkludi l-pubblikazzjoni, fuq bażi f'waqtha u nondiskriminatorja kwalunkwe bidla fil-perijodi ta' manutenzjoni ippjanata u n-notifika ta' manutenzjoni mhux ippjanata, hekk kif dik l-informazzjoni ssir disponibbli għall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni. Matul il-perijodi ta' manutenzjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom regolarment jippubblikaw informazzjoni aġġornata dwar id-dettalji ta' u d-durata antiċipata u l-effetti tal-manutenzjoni.

10.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom, fuq talba, iżommu ġurnal ta’ kuljum dwar il-manutenzjoni attwali u tfixkil tal-kurrent li jkunu seħħu u jqegħduh għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti. Fuq talba, l-informazzjoni għandha titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni ta’ dawk milquta minn kwalunkwe tfixkil.

2.   Prinċipji ta' mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità u proċeduri għall-amministrazzjoni ta' konġestjoni rigward l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-applikazzjoni tagħhom f'każ ta' konġestjoni kuntrattwali

2.1.   Prinċipji ta' mekkaniżmi ta' allokazzjoni ta' kapaċità u proċeduri għall-amministrazzjoni ta' konġestjoni li rigward l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni

1.   Il-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni tal-kapaċità u l-proċeduri ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u l-ikkummerċjar likwidu tal-kapaċità u għandhom ikunu kompatibbli mal-mekkaniżmi tas-suq inkluż swieq lokali u ċentri ta’ kummerċ. Għandhom ikunu flessibli u kapaċi jadattaw għal ċirkustanzi tas-suq li jkunu qed jevolvu;

2.   Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri għandhom iqisu l-integrità tas-sistema konċernata kif ukoll is-sigurtà tal-provvista.

3.   Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri la għandhom ifixklu d-dħul ta' parteċipanti ġodda fis-suq u lanqas m'għandhom joħolqu ostakli żejda għad-dħul fis-suq. Ma għandhomx iwaqqfu parteċipanti tas-suq, inkluż suġġetti ġodda u kumpanniji b’sehem żgħir fis-suq, milli jikkompetu b’mod effettiv.

4.   Dawn il-mekkaniżmi u proċeduri għandhom jipprovdu sinjali ekonomiċi xierqa għall-użu effiċjenti u massimu tal-kapaċità teknika u jiffaċilitaw investiment f’infrastruttura ġdida.

5.   L-utenti tan-network għandhom jiġu avżati dwar it-tip ta’ ċirkustanza li tista’ taffettwa d-disponibilità tal-kapaċità kuntrattata. Informazzjoni dwar interruzzjoni għandha tirrifletti l-livell ta’ informazzjoni disponibbli għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

6.   F'każ li, għal raġunijiet konnessi mal-integrità tas-sistema, jinqalgħu diffikultajiet fit-twettiq tal-obbligi kuntrattwali ta' provvista, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jinnotifikaw lill-utenti tan-network u jfittxu mingħajr dewmien soluzzjoni nondiskriminatorja.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jikkonsultaw mal-utenti tan-network dwar proċeduri qabel l-implimentazzjoni tagħhom u jiftehmu dwarhom mal-awtorità regulatorja.

2.2.   Proċeduri dwar l-amministrazzjoni tal-konġestjoni fil-każ ta' konġestjoni kuntrattwali

1.   Fl-eventwalità li l-kapaċità kuntrattata ma tintużax, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jagħmlu disponibbli din il-kapaċità fis-suq primarju fuq bażi interruttibbli permezz ta' kuntratti ta' durata differenti, sakemm din il-kapaċità ma tkunx offruta mill-utent rilevanti tan-network fis-suq sekondarju bi prezz raġonevoli.

2.   Qliegħ minn kapaċità meħlusa li tista’ tiġi interrotta għandu jinqasam konformement ma' regoli stabbiliti jew approvati mill-awtorità regolatorja rilevanti. Dawn ir-regoli għandhom ikunu kompatibbli mal-ħtieġa ta’ użu effettiv u effiċjenti tas-sistema.

3.   Prezz raġonevoli għall-kapaċità meħlusa li tista’ tiġi interrotta jista’ jiġi determinat mill-awtoritajiet regolatorji rilevanti filwaqt li jqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi eżistenti.

4.   Fejn hu xieraq, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex joffru lis-suq mill-inqas partijiet mill-kapaċità mhux użata bħala kapaċità kostanti.

3.   Definizzjoni tal-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-network biex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema, id-definizzjoni tal-punti kollha rilevanti għar-rekwiżiti ta’ trasparenza u l-informazzjoni li trid tiġi ppubblikata fil-punti kollha rilevanti u l-iskeda ta' żmien li konformement magħha għandha tiġi ppubblikata din l-informazzjoni

3.1.   Definizzjoni tal-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-network biex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom minn tal-inqas jippubblikaw l-informazzjoni segwenti dwar is-sistemi u s-servizzi tagħhom:

(a)

deskrizzjoni dettaljata u komprensiva tas-servizzi differenti offruti u l-ħlasijiet tagħhom;

(b)

it-tipi differenti ta’ kuntratti ta’ trasport disponibbli għal dawn is-servizzi u, kif applikabbli, il-kodiċi tan-network u/jew il-kondizzjonijiet standard li jfissru d-drittijiet u r-responsabbiltajiet għall-utenti kollha tan-network inklużi kuntratti ta’ trasport armonizzati u dokumenti rilevanti oħrajn;

(c)

il-proċeduri armonizzati applikati meta tkun qed tintuża s-sistema ta’ trażmissjoni, inkluż id-definizzjoni ta’ termini kjavi;

(d)

dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, l-amministrazzjoni tal-konġestjoni u l-proċeduri ta’ anti-akkapparrar u ta' riutilizzazzjoni;

(e)

ir-regoli applikabbli għall-kummerċ tal-kapaċità fis-suq sekondarju fir-rigward tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(f)

jekk hu applikabbli, il-livelli ta’ flessibilità u tolleranza inklużi fit-trasport u servizzi oħrajn mingħajr ħlas separat, kif ukoll kwalunkwe flessibilità offruta flimkien ma’ dan u l-ħlasijiet korrispondenti;

(g)

deskrizzjoni dettaljata tas-sistema tal-gass tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li tindika l-punti kollha rilevanti li jgħaqqdu s-sistema tiegħu ma’ dik ta’ operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni oħrajn u/jew infrastruttura tal-gass bħall-gass natural likwifikat (LNG) u infrastruttura meħtieġa biex jiġu provduti servizzi anċillari kif iddefinit fl-Artikolu 2 punt 14 tad-Direttiva 2009/73/KE;

(h)

informazzjoni dwar il-kwalità tal-gass u r-rekwiżiti ta’ pressjoni;

(i)

ir-regoli applikabbli għal konnessjoni mas-sistema operata mill-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni; u

(j)

kwalunkwe informazzjoni f’waqtha fir-rigward ta' bidliet proposti u/jew preżenti għas-servizzi jew għall-kondizzjonijiet, inkluż il-punti elenkati fil-punti (a) sa (i).

3.2.   Definizzjoni tal-punti kollha rilevanti għar-rekwiżiti ta’ trasparenza

Il-punti rilevanti għandhom jinkludu minn tal-inqas:

(a)

l-punti kollha ta’ dħul f’network operat minn operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(b)

l-iktar punti ta’ ħruġ importanti u żoni ta’ ħruġ li jkopru minn tal-inqas 50 % tal-kapaċità totali ta’ ħruġ tan-network ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni partikolari, inklużi l-punti kollha ta’ ħruġ jew żoni ta’ ħruġ li jkopru iktar minn 2 % tal-kapaċita totali ta’ ħruġ tan-network;

(c)

il-punti kollha li jgħaqqdu n-networks differenti ta’ operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(d)

il-punti kollha li jgħaqqdu n-network ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ma’ terminal LNG;

(e)

il-punti kollha essenzjali fin-network ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni partikolari inklużi l-punti li jingħaqdu maċ-ċentri tal-gass. Il-punti kollha huma meqjusa essenzjali li, mill-esperjenza, hemm probabbiltà li jkunu soġġetti għal konġestjoni fiżika;

(f)

il-punti kollha li jgħaqqdu n-netwerk ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni partikolari ma’ infrastruttura meħtieġa biex jiġu pprovduti servizzi anċillari kif iddefinit mill-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2009/73/KE.

3.3.   Informazzjoni li trid tiġi ppubblikata fil-punti kollha rilevanti u l-iskeda ta' żmien li konformement magħha għandha tiġi ppubblikata din l-informazzjoni

1.   Fil-punti kollha rilevanti, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw fuq l-Internet, sa perijodi ta’ kuljum u fuq bażi perijodika/rikorrenti u b’mod standardizzat li hu faċli biex jintuża, l-informazzjoni segwenti dwar is-sitwazzjoni tal-kapaċità:

(a)

il-kapaċità teknika massima għal flussi fiż-żewġ direzzjonijiet;

(b)

il-kapaċità totali kuntrattata u interruttibbli; u

(c)

il-kapaċità disponibbli.

2.   Għall-punti kollha rilevanti, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw kapaċitajiet disponibbli għal perijodu ta’ mill-inqas 18-il xahar minn qabel u għandhom jaġġornaw din l-informazzjoni minn tal-inqas kull xahar jew iktar ta’ spiss, jekk ssir disponibbli informazzjoni ġdida.

3.   L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jippubblikaw aġġornamenti ta' kuljum dwar id-disponibbiltà ta' servizzi għal perijodu fil-qosor (day-ahead u week-ahead) ibbażati, inter alia, fuq nominazzjonijiet, impenji kuntrattwali fis-seħħ u previżjonijiet regolari għall-perijodu fit-tul ta' kapaċitajiet disponibbli fuq bażi annwali sa għaxar snin għall-punti kollha rilevanti.

4.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw, fuq bazi rikorrenti, ir-rati storiċi, minimi u massimi, ta’ użu ta’ kull xahar ta’ kapaċità u l-kurrenti medji annwali fil-punti kollha rilevanti għall-aħħar tliet snin.

5.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom iżommu ġurnal ta’ kuljum ta’ kurrenti aggregati attwali għal mill-inqas tliet snin.

6.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom iżommu records effettivi tal-kuntratti kollha tal-kapaċità u l-informazzjoni oħra kollha rilevanti fir-rigward tal-kalkolu u l-provvediment ta’ aċċess għal kapaċitajiet disponibbli, li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom aċċess biex iwettqu d-doveri tagħhom.

7.   L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu strumenti li huma faċli biex jintużaw għal kalkolu ta’ tariffi għas-servizzi disponibbli u għall-verifikazzjoni on-line tal-kapaċità disponibbli.

8.   Fejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ma jistgħux jippubblikaw informazzjoni taħt il-punti 1, 3 u 7, huma għandhom jikkonsultaw mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti tagħhom u jistabbilixxu Pjan ta' Azzjoni għall-implementazzjoni kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006.


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 3

Artikolu 13

Artikolu 4

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 5

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 6

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 7

Artikolu 21

Artikolu 8

Artikolu 22

Artikolu 9

Artikolu 23

Artikolu 10

Artikolu 24

Artikolu 11

Artikolu 25

Artikolu 12

Artikolu 26

Artikolu 13

Artikolu 27

Artikolu 14

Artikolu 28

Artikolu 15

Artikolu 29

Artikolu 16

Artikolu 30

Artikolu 31

Artikolu 17

Artikolu 32

Anness

Anness I