29.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/20


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 682/2009

tas-27 ta' Lulju 2009

li jtemm ir-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku), u b’ mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

F’Settembru 2006, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Ir-Regolament ġie emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 189/2009 (3). Għat-tmien kumpaniji b’dazji individwali, id-dazji fis-seħħ ivarjaw minn 4,3 % sa 12,8 %. Id-dazju għall-kumpaniji li jikkoperaw li ma jkollhomx dazji individwali huwa ta’ 8,4 % u d-dazju residwali huwa ta’ 28,8 %.

2.   Talba għal reviżjoni

(2)

Fil-25 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku mingħand produttur-esportatur wieħed ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(3)

It-talba ġiet irreġistrata minn CeDo Shanghai Limited (“CeDo Shanghai” jew “l- applikant”).

(4)

L-applikant allega li, inter alia, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tiegħu ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik lejn il-Komunità kienu żdiedu b’mod sinifikanti u sostanzjalment iktar mill-valur normali kostruwit msejjes fuq l-ispiża tal-produzzjoni għall-applikant mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li dan kien wassal għal taffija jew eliminazzjoni tad-dumping. Għaldaqstant, l-impożizzjoni ssoktata ta’ miżuri fil-livelli eżistenti, li kienu bbażati fuq il-livell tad-dumping stabbilit qabel, m’għadhiex meħtieġa biex tibbilanċja d-dumping.

3.   Tnedija

(5)

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ reviżjoni parzjali interim, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż pubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4), it-tnedija ta’ reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitata għall-analiżi tad-dumping sa fejn jkonċerna lil CeDo Shanghai.

(6)

Il-perjodu tal-investigazzjoni għad-dumping kopra l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008.

(7)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikant, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-industrija Komunitarja u lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur li kienet tnediet din ir-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-avviż ta’ tnedija.

B.   IL-PRODOTT KONĊERNAT

(8)

Il-prodott konċernat kien l-istess bħal dak stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 kif emendat, jiġifieri xkejjer u basktijiet tal-plastik, li fihom tal-anqas 20 %, skont il-piż, ta’ polietilina u b’kisi ta’ ħxuna li taqbiżx il-100 mikrometru (μm), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 3923 21 00, ex 3923 29 10 u ex 3923 29 90 (kodiċi TARIC 3923210020, 3923291020 u 3923299020).

C.   L-IRTIRAR TAT-TALBA U T-TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(9)

B’ittra lill-Kummissjoni bid-data tal-24 ta’ Marzu 2009, CeDo Shanghai formalment irtiraw it-talba tagħhom għal reviżjoni parzjali interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(10)

Ġie meqjus jekk ikunx ta’ min li l-investigazzjoni titkompla ex officio. Il-Kummissjoni qieset li t-terminazzjoni tal-investigazzjoni ma taffettwax il-miżura anti-dumping li diġà tinsab fis-seħħ u li din it-terminazzjoni ma tkunx kontra l-interessi Komunitarji. Abbażi ta’ dan, l-investigazzjoni għandha tintemm.

(11)

Il-partijiet interessati ġew informati dwar l-intenzjoni li l-investigazzjoni tintemm u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Madankollu ma waslu lura l-ebda kummenti li setgħu biddlu din id-deċiżjoni.

(12)

Ġie għaldaqstant konkluż li r-reviżjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li ·joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandha tintemm bla ma jiġu emendati l-miżuri anti-dumping fis-seħħ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li tnediet skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, hija b’dan mitmuma mingħajr emendi għall-miżuri anti-dumping fis-seħħ.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BILDT


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 4.

(3)  ĠU L 67, 12.3.2009, p. 5.

(4)  ĠU C 176, 11.7.2008, p. 9.