21.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 126/11


REGOLAMENT (KE) Nru 400/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 dwar is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL tal-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 (2) jipprevedi li ċerti miżuri għandhom ikunu adottati konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (3).

(2)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE (4), li introduċiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ ambitu ġenerali u mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jitħassru wħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi supplimentat b’elementi ġodda mhux essenzjali.

(3)

Konformement mal-istqarrija tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (5) rigward id-Deċiżjoni 2006/512/KE, biex din il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għal strumenti adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat li huma diġa fis-seħħ, dawk l-istrumenti jridu jiġu aġġustati f’konformità mal-proċeduri applikabbli.

(4)

Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 2223/96, il-Kummissjoni għandha tingħata is-setgħa biex tadotta emendi għall-metodoloġija tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 1995 u biex tiddeċiedi dwar tibdiliet fid-data mitluba mill-Istati Membri. Ladarba dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 2223/96, inter alia billi jissumplimentawa b’ elementi ġodda mhux essenzjali dawn għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 2223/96 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2223/96 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’li ġej:

“2.   L-emendi għall-metodoloġija tas-SEK 95 li huma ntiżi biex jiċċaraw u jtejbu l-kontenut tagħha, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni sakemm huma ma jbiddlux il-kunċetti bażilari tagħha, ma jeħtiġux riżorsi addizzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom u ma jikkawżawx żieda fir-riżorsi proprji. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissuplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 4(2).”;

(2)

Fl-Artikolu 3(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwi b’li ġej:

“Fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2(2), kull bidla — tabelli ġodda, pajjiżi u/jew reġjuni konċernati — fid-data mitluba mill-Istati Membri għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 4(2).”;

(3)

L-Artikolu 4 hu sostitwit b’li ġej:

“Artikolu 4

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Programm tal-Istatistika, (minn hawn ‘il quddiem ‘il-Kumitat’).

2.   Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’ kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ April 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

P. NEČAS


(1)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Novembru 2008 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2009.

(2)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

(3)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(4)  ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.

(5)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.