18.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/11


DIRETTIVA 2009/136/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2009

li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika

u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (3),

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (4),

Billi:

(1)

Il-funzjonament tal-ħames Direttivi li jikkostitwixxu l-qafas regolatorju eżistenti għal networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu tal-2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (5), Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu tal-2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (6), Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu tal-2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) (7), Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) (8) u Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (9) (kollettivament imsejħa “id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi”)), huwa suġġett għal eżaminar perjodiku mill-Kummissjoni, bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi determinata l-ħtieġa ta’ tibdil fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u fis-suq.

(2)

F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tagħha fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tad-29 ta’ Ġunju 2006 dwar l-eżami tal-qafas regolatorju tal-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

(3)

Ir-riforma tal-qafas regolatorju tal-UE għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż ir-rinfurzar ta’ dispożizzjonijiet għall-utenti finali b'diżabbiltà, tirrappreżenta pass prinċipali lejn il-kisba simultanja ta’ Spazju Ewropew Uniku tal-Informazzjoni u soċjetà tal-informazzjoni inklussiva. Dawn l-għanijiet huma inklużi fil-qafas strateġiku għall-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni kif deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-1 ta’ Ġunju 2005 bl-isem ta’ “i2010 — Soċjetà Ewropea tal-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjieg”.

(4)

Rekwiżit fundamentali ta’ servizz universali huwa li l-utenti jiġu fornuti, meta jitolbuha, b’konnessjoni ma’ network pubbliku tal-komunikazzjonijiet f’lok fiss u bi prezz li kulħadd jiflaħ għalih. Ir-rekwiżit huwa għall-forniment ta’ telefonati lokali, nazzjonali u internazzjonali, komunikazzjonijiet tal-fax u servizzi tad-data, li l-forniment tagħhom jista’ jkun ristrett mill-Istati Membri għall-post/residenza primarja tal-utent aħħari. M’għandu jkun hemm ebda limitazzjoni fuq il-mezzi tekniċi li bihom din tkun fornuta, b’mod li jkunu permessi teknoloġiji bil-wajer jew bla wajer, u lanqas xi limitazzjoni rigward liema operaturi jfornu l-obbligi kollha ta’ servizz universali jew parti minnhom.

(5)

Konnessjonijiet tad-data ma’ network pubbliku tal-komunikazzjonijiet f’lok fiss għandhom ikunu jistgħu jifilħu komunikazzjonijiet tad-data b’rati suffiċjenti għall-aċċess għas-servizzi fuq l-Internet bħal dawk fornuti permezz tal-Internet pubbliku. Il-veloċità tal-aċċess tal-Internet esperjenzjata minn utent partikolari tista’ tiddependi fuq numru ta’ fatturi inklużi l-fornitur(i) tal-konnettività tal-Internet kif ukoll l-applikazzjoni partikolari li għaliha qed tintuża konnessjoni. Ir-rata tad-data li tista’ tiflaħ konnessjoni man-network pubbliku tal-komunikazzjonijiet tiddependi fuq il-kapaċitajiet tat-tagħmir terminali tal-abbonat kif ukoll fuq il-konnessjoni. Għal din ir-raġuni, mhuwiex xieraq li tkun magħmula obbligatorja rata speċifika ta’ data jew bit fil-livell tal-Komunità. Il-flessibilità hija meħtieġa biex tagħmilha possibbli għall-Istati Membri li fejn meħtieġ jieħdu miżuri biex jiżguraw li konnessjoni tad-data tkun kapaċi tiflaħ rati ta’ data sodisfaċenti li jkunu suffiċjenti biex jippermettu aċċess tal-Internet funzjonali, kif definit mill-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu kif inhu xieraq iċ-ċirkostanzi speċifiċi fis-swieq nazzjonali, pereżempju l-bandwidth prevalenti użat mill-maġġoranza tal-abbonati f’dak l-Istat Membru, u l-fattibilità teknoloġika, sakemm dawn il-miżuri jkollhom l-għan li jimminimizzaw id-distorsjoni tas-suq. Fejn miżuri bħal dawn jirriżultaw f’piż mhux ġust fuq impriża magħżula, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż u d-dħul kif ukoll il-benefiċċji intanġibbli li jirriżultaw mill-forniment tas-servizzi kkonċernati, dan jista’ jiġi inkluż fi kwalunkwe kalkolu tal-kost nett tal-obbligi universali. Iffinanzjar alternattiv tan-network tal-infrastruttura sottostanti, li jinvolvi l-iffinanzjar Komunitarju jew miżuri nazzjonali konformement mal-liġi Komunitarja, jista’ wkoll jiġi implimentat.

(6)

Dan huwa bla ħsara għall-bżonn tal-Kummissjoni li tagħmel reviżjoni tal-obbligi tas-servizz universali, li tista’ tinkludi l-iffinanzjar ta’ obbligi bħal dawn, konformement mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali), u jekk hu xieraq, biex tippreżenta proposti għal riforma li jissodisfaw l-objettivi ta’ interess pubbliku.

(7)

Għaċ-ċarezza u s-sempliċità, din id-Direttiva tittratta biss l-emendament tad-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).

(8)

Bla ħsara għad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (10), u b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ diżabbiltà stabbiliti bl-Artikolu 3(3)(f) tagħha, ċerti aspetti ta’ tagħmir terminali, inkluż tagħmir ta’ postijiet għall-konsumaturi intiż għal utenti finali b’diżabbiltà, sew jekk il-bżonnijiet speċjali tagħhom huma minħabba diżabbiltà jew relatati max-xjuħija, għandhom jinġiebu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) sabiex jiġi faċilitat l-aċċess għal networks u l-użu ta’ servizzi. Attwalment tali tagħmir jinkludi tagħmir terminali ta’ radju u televiżjoni li jirċievi biss kif ukoll apparat terminali speċjali għal utenti finali b’impediment fis-smigħ.

(9)

L-Istati Membri għandhom idaħħlu miżuri biex jippromwovu l-ħolqien ta’ suq għal prodotti u servizzi disponibbli b’mod wiesa’ li jinkorporaw faċilitajiet għal utenti finali li jkunu b’diżabbiltà. Dan jista’ jintlaħaq inter alia billi ssir referenza għal standards Ewropej, bl-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà elettronika (eAccessibility) għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku u sejħiet għal offerti għall-forniment tas-servizzi, u billi tiġi implimentata leġiżlazzjoni li tafferma d-drittijiet tal-utenti finali b’diżabbiltà.

(10)

Meta impriża magħżula biex tipprovdi servizz universali, kif indikat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali), tagħżel li ċċedi l-attivitajiet kollha tagħha fin-network tal-aċċess lokali fit-territorju nazzjonali, jew parti sostanzjali minnhom, meqjusa fid-dawl tal-obbligu tagħha ta’ servizz universali, lil entità legali separata li tkun proprjetà effettiva ta’ entità differenti, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tevalwa l-effetti tat-tranżazzjoni biex tiżgura l-kontinwità tal-obbligi tas-servizz universali fit-territorju nazzjonali kollu jew f’partijiet minnu. Għal dan l-għan, l-awtorità regolatorja nazjonali li imponiet l-obbligi tas-servizz universali għandha tiġi infurmata mill-impriża qabel iċ-ċessjoni. L-evalwazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali m’għandhiex tippreġudika t-tlestija tat-tranżazzjoni.

(11)

L-iżviluppi teknoloġiċi wasslu għal tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ telefons pubbliċi bi ħlas. Sabiex jiġu żgurati n-newtralità teknoloġika u l-aċċess kontinwu mill-pubbliku għat-telefonija bil-vuċi, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu obbligi fuq l-impriżi biex jiżguraw mhux biss li t-telefons pubbliċi bi ħlas ikunu provduti biex jissodisfaw il-bżonnijiet raġonevoli tal-utenti finali, imma wkoll li jkunu provduti għal dak l-iskop, jekk ikun xieraq, punti ta’ aċċess pubbliċi alternattivi tat-telefonija bil-vuċi.

(12)

L-ekwivalenza fl-aċċess tal-utenti finali b’diżabbiltà għas-servizzi għandha tkun iggarantita bl-istess livell disponibbli għal utenti finali oħra. Għal dan il-għan, l-aċċess għandu jkun ekwivalenti b’mod funzjonali b’tali mod li l-utenti finali b’diżabbiltà jibbenefikaw mill-istess użu tas-servizzi bħal utenti finali oħra, imma b’mezzi differenti.

(13)

Id-definizzjonijiet għandhom jiġu aġġustati sabiex ikunu konformi mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u sabiex iżommu l-pass mal-iżvilupp teknoloġiku. B’mod partikolari, il-kondizzjonijiet għall-forniment ta’ servizz għandhom jinfirdu mill-elementi definizzjonali effettivi ta’ servizz telefoniku li hu pubblikament disponibbli, jiġifieri servizz ta’ komunikazzjoni elettronika li hu disponibbli għall-pubbliku u li bih il-klijenti jistgħu jagħmlu jew jirċievu sejħiet nazzjonali jew nazzjonali u internazzjonali direttament jew indirettament permezz ta’ numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali jew internazzjonali, kemm jekk tali servizz huwa bbażat fuq teknoloġija ta’ “switching” b’ċirkwit jew b’pakkett. Hija n-natura ta’ tali servizz li hija bidirezzjonali, li tippermetti liż-żewġ partijiet jikkomunikaw. Servizz li ma jissodisfax dawn il-kondizzjonijiet kollha, bħal pereżempju applikazzjoni “click-through” fuq websajt għas-servizz tal-konsumatur, mhuwiex servizz telefoniku li hu pubblikament disponibbli. Servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli jinkludu wkoll mezzi ta’ komunikazzjoni speċifikament intiżi għal utenti finali b’diżabbiltà li jużaw trasmissjoni testwali jew servizzi ta’ konversazzjoni totali.

(14)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-forniment indirett ta’ servizzi jista’ jinkludi sitwazzjonijiet fejn l-oriġinar huwa magħmul permezz ta’ għażla jew għażla minn qabel ta’ operatur jew fejn fornitur ta’ servizz ibiegħ mill-ġdid jew joħloq marka ġdida għal servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli pprovduti minn impriża oħra.

(15)

Bħala riżultat tal-evoluzzjonijiet teknoloġiċi u fis-suq, in-networks qed jersqu dejjem eqreb lejn it-teknoloġija magħrufa bħala “Protokoll tal-Internet” (IP) u għall-konsumaturi dejjem qed tikber l-għażla li jistgħu jagħmlu bejn firxa ta’ fornituri ta’ servizzi vokali li jikkompetu ma’ xulxin. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jisseparaw l-obbligi ta’ servizz universali għall-forniment ta’ konnessjoni ma’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet f’post fiss mill-forniment ta’ servizz telefoniku li jkun pubblikament disponibbli. Din is-separazzjoni m’għandhiex teffettwa l-ambitu tal-obbligi ta’ servizz universali ddefiniti u eżaminati fuq livell Komunitarju.

(16)

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddeċiedu abbażi ta’ kriterji oġġettivi liema impriżi jkunu maħtura bħala fornituri ta’ servizz universali, fejn xieraq billi jieħdu kont tal-kapaċità u r-rieda ta’ impriżi li jaċċettaw l-obbligi tas-servizz universali kollha jew parti minnhom. Dan ma jipprekludix li l-Istati Membri jistgħu jinkludu, fil-proċess tal-ħatra, kondizzjonijiet speċifiċi ġustifikati fuq raġunijiet ta’ effiċjenza, inkluż, inter alia, raggruppament ta’ żoni ġeografiċi jew komponenti jew l-iffissar ta’ perjodi minimi għall-ħatra.

(17)

L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu jistgħu jissorveljaw l-evoluzzjoni u l-livell tat-tariffi bl-imnut għal dawk is-servizzi li jaqgħu taħt l-ambitu tal-obbligi ta’ servizz universali anke meta Stat Membru ma jkunx għadu awtorizza impriża biex tipprovdi servizz universali. F’każ bħal dan, l-issorveljar għandu jitwettaq b’tali mod li ma jirrappreżentax piż amministrattiv eċċessiv kemm għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew impriżi li jipprovdu dan is-servizz.

(18)

L-obbligi li m’għadx hemm bżonnhom imfassla biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-qafas regolatorju tal-1998 għal dak tal-2002 għandhom jitħassru, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħrajn li huma f’sovrappożizzjoni ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), jew li jidduplikawhom.

(19)

Ir-rekwiżit għall-forniment ta’ għadd minimu ta’ linji mikrija fuq il-livell ta’ bejgħ bl-imnut, li kien meħtieġ biex ikun żgurat li ma jkunx hemm interruzzjoni fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju tal-1998 fil-qasam tal-linji mikrija, li ma kienx għadu kompetittiv biżżejjed fiż-żmien meta kien daħal fis-seħħ il-qafas tal-2002, mhux aktar meħtieġ u għandu jitħassar.

(20)

Jekk l-għażla jew l-għażla minn qabel tal-operatur ser ikomplu jiġu imposti direttament mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, jista’ jagħti l-każ li jiġi mfixkel il-progress teknoloġiku. Dawn ir-rimedji għandhom minflok jiġu imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali b’riżultat ta’ analiżi tas-suq skont il-proċeduri fid-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u permezz tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Aċċess).

(21)

Id-dispożizzjonijiet dwar kuntratti għandhom japplikaw mhux biss għall-konsumaturi iżda wkoll għal utenti finali oħrajn, primarjament mikro-impriżi u, impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li jistgħu jippreferu kuntratt adattat għal ħtiġijiet tal-konsumatur. Sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa fuq fornituri u l-kumplessità relatata mad-definizzjoni ta’ SMEs, id-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti m’għandhomx japplikaw awtomatikament għal dawk l-utenti finali oħrajn iżda biss fejn huma jitolbu hekk. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jippromwovu għarfien fost l-SMEs ta’ din il-possibbiltà.

(22)

Bħala konsegwenza tal-iżviluppi teknoloġiċi, tipi oħra ta’ identifikaturi jistgħu jintużaw fil-futur, b’żieda ma’ forom ordinarji ta’ identifikazzjoni tan-numerazzjoni.

(23)

Il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jippermettu sejħiet għandhom jiżguraw li l-klijenti tagħhom ikunu infurmati kif xieraq dwar jekk l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza hux ipprovdut jew le, u dwar kwalunwke limitazzjoni fis-servizz (bħal limitazzjoni fil-forniment ta’ informazzjoni dwar il-post mnejn toriġina t-telefonata jew it-trasferiment ta’ sejħiet ta’ emerġenza). Tali fornituri għandhom jipprovdu wkoll lill-konsumaturi tagħhom informazzjoni ċara u trasparenti fil-kuntratt inizjali u fl-eventwalità ta’ kwalunkwe bidla fil-forniment tal-aċċess, pereżempju bħala parti mill-informazzjoni li tidher mal-kont. Din l-informazzjoni għandha tinkludi kwalunkwe limitazzjonijiet rigward kopertura territorjali, abbażi tal-parametri tekniċi ta’ operat tas-servizz ippjanati u l-infrastruttura disponibbli. Fejn is-servizz mhux ipprovdut fuq network ta’ telefonija switched, l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll il-livell ta’ affidabbiltà tal-aċċess u tal-informazzjoni dwar mnejn toriġina s-sejħa mqabbla ma’ servizz li huwa pprovdut fuq network ta’ telefonija switched, b’kont meħud tat-teknoloġija attwali u l-istandards ta’ kwalità, kif ukoll kwalunkwe kwalità ta’ parametri ta’ servizz speċifikata taħt id-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali).

(24)

Fir-rigward ta’ tagħmir terminali, il-kuntratt tal-konsumatur għandu jispeċifika kwalunkwe restrizzjoni imposta mill-fornitur fuq l-użu tat-tagħmir, bħal permezz ta’ “SIM-locking” ta’ apparati ċellulari, jekk tali restrizzjonijiet mhumiex projbiti taħt il-leġislazzjoni nazzjonali, u kwalunkwe ħlas dovut mat-terminazzjoni tal-kuntratt, kemm qabel jew fid-data tal-iskadenza miftiehma, inkluż kwalunkwe spiża imposta sabiex jinżamm it-tagħmir.

(25)

Mingħajr ma jimponu kwalunkwe obbligu fuq il-fornitur biex jieħu azzjoni aktar milli meħtieġ taħt il-liġi Komunitarja, il-kuntratt tal-konsumatur għandu jispeċifika wkoll it-tip ta’ azzjoni, jekk hemm, li l-fornitur jista’ jieħu fil-każ ta’ inċidenti ta’ sigurtà jew integrità, theddid jew vulnerabbiltajiet.

(26)

Sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ interess pubbliku fir-rigward tal-użu tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet, u biex tiġi mħeġġa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom ikunu jistgħu jipproduċu u jxerrdu, bl-għajnuna ta’ fornituri, informazzjoni ta’ interess pubbliku relatata mal-użu ta’ servizzi bħal dawn. Din tista’ tinkludi informazzjoni ta’ interess pubbliku rigward ksur ta’ dritt tal-awtur, użu illegali ieħor u d-disseminazzjoni ta’ kontenut dannuż, u parir u mezzi ta’ protezzjoni kontra riskji għas-sigurtà personali, li jistgħu pereżempju jirriżultaw mill-iżvelar ta’ informazzjoni personali f’ċerti ċirkostanzi, kif ukoll riskji għall-privatezza u għad-data personali, u d-disponibbiltà ta’ software li hu faċli biex tużah u li jista’ jiġi kkonfigurat jew għażliet ta’ software li jippermettu l-protezzjoni tat-tfal jew ta’ persuni vulnerabbli. L-informazzjoni tista’ tiġi kkoordinata permezz tal-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali). Tali informazzjoni ta’ interess pubbliku għandha tiġi aġġornata kull meta meħtieġ u għandha tiġi ppreżentata f’forom stampati u elettroniċi faċilment komprensibbli, kif determinat minn kull Stat Membru, u fuq kwalunkwe websajt ta’ awtorità pubblika nazzjonali. Awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jobbligaw lill-fornituri jxerrdu din l-informazzjoni standardizzata lill-konsumaturi kollha b’mod li huwa meqjus xieraq mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Meta meħtieġ mill-Istati Membri, l-informazzjoni għandha wkoll tiġi inkluża f’kuntratti. It-tixrid ta’ informazzjoni bħal din madankollu m’għandhiex timponi piż eċċessiv fuq l-impriżi. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu dan it-tixrid bil-mezzi użati mill-impriżi fil-komunikazzjonijiet mal-abbonati magħmula waqt l-attivitajiet ordinarji tan-negozju.

(27)

Id-dritt tal-abbonati biex joħorġu mill-kuntratti tagħhom mingħajr penali jirreferi għal tibdiliet fil-kondizzjonijiet kuntrattwali li huma imposti mill-fornituri tan-network u/jew is-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

(28)

L-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu liema kontenut iridu jibagħtu u jirċievu, u liema servizzi, applikazzjonijiet, ħardwer u software iridu jużaw għal dawn l-għanijiet, bla ħsara għall-ħtieġa li tiġi ppreservata l-integrità u s-sigurtà tan-networks u s-servizzi. Suq kompetittiv jipprovdi lill-utenti b’għażla wiesgħa ta’ kontenut, applikazzjonijiet u servizzi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippromwovu l-abilità tal-utenti li jaċċessaw u jxerrdu l-informazzjoni u li jħaddmu applikazzjonijiet u servizzi li jagħżlu huma, kif previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas). Meta titqies l-importanza li dejjem qed tikber tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-konsumaturi u l-impriżi, l-utenti għandhom ikunu infurmati f’kull każ b’mod sħiħ dwar kwalunkwe kondizzjonijiet li jillimitaw imposti fuq l-użu tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mill-fornitur tas-servizz u/jew tan-network. Din l-informazzjoni għandha, jekk jagħżel hekk il-fornitur, tispeċifika t-tip tal-kontenut, tal-applikazzjoni jew tas-servizzi kkonċernati, is-servizzi jew l-applikazzjonijiet individwali, jew it-tnejn li huma. Skont it-teknoloġija użata u t-tip ta’ limitazzjoni, dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jirrikjedu l-kunsens tal-utent konformement mad-Direttiva 2002/58/KE (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).

(29)

Id-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali) la tirrikjedi u lanqas tipprojbixxi kondizzjonijiet imposti mill-fornituri, konformement mal-liġi nazzjonali, li jillimitaw l-aċċess u/jew l-użu tal-utenti finali fir-rigward ta’ servizzi u applikazzjonijiet, iżda tistabbilixxi l-obbligu li jipprovdu informazzjoni rigward kondizzjonijiet bħal dawn. L-Istati Membri li jixtiequ jimplimentaw miżuri rigward l-aċċess tal-utenti finali għal servizzi u applikazzjonijiet, jew l-użu tagħhom, għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, inkluż fir-rigward tal-privatezza u l-proċess ġust, u kwalunkwe miżuri bħal dawn għandhom iqisu b’mod sħiħ l-għanijiet tal-politika definiti fil-livell Komunitarju, bħat-tkomplija tal-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni tal-Komunità.

(30)

Id-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva dwar is-Servizz Universali) ma teżiġix mill-fornituri li jikkontrollaw l-informazzjoni trażmessa fin-networks tagħhom, u lanqas li jibdew proċedimenti ġudizzjarji kontra l-klijenti tagħhom minħabba din l-informazzjoni, u lanqas ma żżomm lill-fornituri responsabbli għal dik l-informazzjoni. Ir-responsabbiltà għal azzjoni punittiva jew prosekuzzjoni kriminali hija kwistjoni li trid tiġi ddeterminata skont il-liġi nazzjonali, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali inkluż id-dritt għal proċess skont il-liġi.

(31)

Fin-nuqqas ta’ regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, il-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi huma meqjusa jew legali jew dannużi f’konformità mal-liġi sostantiva u proċedurali nazzjonali. Huwa kompitu tal-Istati Membri, u mhux tal-fornituri tan-networks jew servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, biex jiddeċiedu, waqt li jiġu segwiti l-proċeduri dovuti, jekk il-kontenut, l-applikazzjonijiet jew servizzi humiex legali jew dannużi. Id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi l-oħra huma bla ħsara għad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjeta' informatika, b’mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (11), li, inter alia, fiha regola ta’ “mere conduit” għall-fornituri ta’ servizz intermedjarji, kif definiti fiha.

(32)

Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni trasparenti, aġġornata u komparabbli dwar offerti u servizzi hija element ewlieni għall-konsumaturi fi swieq kompetittivi fejn diversi fornituri joffru s-servizzi. Utenti finali u konsumaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu jistgħu jqabblu faċilment il-prezzijiet ta’ diversi servizzi offruti fis-suq abbażi ta’ informazzjoni pubblikata f’forma faċilment aċċessibbli. Sabiex il-konsumatur ikun jista’ faċilment iqabbel il-prezzijiet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jeżiġu minn impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi iktar trasparenza dwar informazzjoni (inklużi tariffi, xejriet ta’ konsum, u statistika rilevanti oħra) u li jiżguraw li partijiet terzi jkollhom id-dritt li jużaw mingħajr ħlas informazzjoni pubblikament disponibbli li tkun ippubblikata minn dawn l-impriżi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ukoll ikunu jistgħu jagħmlu disponibbli gwidi tal-prezzijiet, b’mod partikolari fejn is-suq ma pprovdihomx mingħajr ħlas jew bi prezz raġonevoli. Impriżi ma għandhomx ikunu intitolati għal ebda remunerazzjoni għall-użu ta’ informazzjoni li diġà kienet ġiet pubblikata u għalhekk tappartjeni għad-dominju pubbliku. Barra minn hekk, utenti finali u konsumaturi għandhom ikunu infurmati adegwatament dwar il-prezz u t-tip ta’ servizz offrut qabel ma jixtru servizz, b’mod partikolari jekk numru li fuqu jsiru telefonati bla ħlas ikun suġġett għal ħlasijiet addizzjonali. Awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu li tali informazzjoni tiġi provduta b’mod ġenerali, u għal ċerti kategoriji ta’ servizzi determinati minnhom, eżatt qabel ma tiġi konnessa s-sejħa, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi nazzjonali. Meta jiddeterminaw il-kategoriji ta’ sejħiet li jeħtieġu informazzjoni dwar il-prezz qabel il-konnessjoni, awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont dovut tan-natura tas-servizz, il-kondizzjonijiet tal-ipprezzar li japplikaw għalih u jekk hijiex offruta minn fornitur li mhuwiex fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Bla ħsara għad-Direttiva 2000/31/KE (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), impriżi għandhom ukoll, jekk meħtieġa mill-Istati Membri, jipprovdu lill-abbonati informazzjoni ta’ interess pubbliku prodotta mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, inter alia, dwar il-ksur l-aktar komuni u l-konsegwenzi legali tagħhom.

(33)

Il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-użu tal-informazzjoni personali tagħhom fid-direttorji tal-abbonati, u b’mod partikolari bl-iskop jew skopijiet ta’ tali direttorji, kif ukoll bid-dritt tagħhom, mingħajr ħlas, li ma jkunux inklużi f’direttorju pubbliku ta’ abbonati, kif previst fid-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika). Il-konsumaturi għandhom ukoll jiġu infurmati dwar sistemi li jippermettu li tiġi inkluża informazzjoni fil-bażi tad-data tad-direttorju iżda li ma jiżvelawx din l-informazzjoni lil utenti ta’ servizzi tad-direttorju.

(34)

Suq kompetittiv għandu jiżgura li l-utenti finali jirċievu l-kwalità ta’ servizz li jeħtieġu, imma f’każi partikolari jista’ jkun hemm bżonn li jiġi żgurat li n-networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet jiksbu l-livelli minimi ta’ kwalità biex ikunu evitati d-degradazzjoni tas-servizz, l-imblukkar tal-aċċess u t-tnaqqis tal-attività fit-traffiku fuq in-networks. Sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-kwalità tas-servizz, l-operaturi jistgħu jużaw proċeduri biex ikejlu u jimmaniġġjaw it-traffiku fuq link tan-network sabiex jiġi evitat milli jimtela l-link sal-kapaċità massima tiegħu jew iżjed minn din il-kapaċità, xi ħaġa li tirriżulta f’konġestjoni tan-network u prestazzjoni fqira. dawk il-proċeduri għandhom ikunu suġġetti għal skrutinju mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jagixxu skont id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi u b’mod partikolari billi jindirizzaw imġiba diskriminatorja, sabiex ikun żgurat li ma tiġix ristretta l-kompetizzjoni. Jekk ikun xieraq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu wkoll rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz fuq impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi biex jiġi żgurat li s-servizzi u l-applikazzjonijiet li jiddependu fuq in-network jitwasslu f’konformità ma’ standard minimu ta’ kwalità, suġġett għal eżami mill-Kummissjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom is-setgħa li jieħdu azzjoni biex jindirizzaw id-degradazzjoni tas-servizz, inkluż it-tfixkil tat-traffiku jew li dan jimxi aktar bil-mod, b’detriment għall-konsumaturi. Madankollu, billi rimedji inkonsistenti jistgħu jxekklu l-funzjonament tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha tevalwa kwalunkwe rekwiżiti maħsuba li jiġu stipulati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għall-possibilità ta’ intervent regolatorju madwar il-Komunità u, jekk ikun neċessarju, tagħti kummenti jew tagħmel rakkomandazzjonijiet biex tinkiseb applikazzjoni konsistenti ta’ rimedji.

(35)

Fin-networks IP tal-ġejjieni fejn il-forniment ta’ servizz jista’ jinfired mill-forniment tan-network, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema huma l-passi l-iżjed xierqa li għandhom jittieħdu biex tkun żgurata d-disponibbiltà tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli pprovduti li jużaw networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, u l-aċċessibbiltà bla interruzzjoni għal servizzi ta’ emerġenza f’każ ta’ ħsara katastrofika fin-network jew f’każi ta’ force majeure, b’kont meħud tal-prijoritajiet tat-tipi differenti ta’ abbonati u limitazzjonijiet tekniċi.

(36)

Sabiex jiżguraw li utenti finali b’diżabbiltà jibbenefikaw mill-kompetizzjoni u l-għażla ta’ fornituri ta’ servizz li jgawdu maġġoranza ta’ utenti finali oħra, awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom jispeċifikaw, fejn xieraq u fid-dawl ta’ kondizzjonijiet nazzjonali, rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-konsumatur li għandhom jiġu sodisfatti minn impriżi li jipprovdu servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjonijiet disponibbli pubblikament. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, li impriżi jiżguraw li utenti finali b’diżabbiltà jieħdu vantaġġ mis-servizzi tagħhom fuq pattijiet u kondizzjonijiet ekwivalenti, inklużi prezzijiet u tariffi, bħal dawk offruti lil utenti finali tagħhom oħra, irrispettivament minn kwalunkwe spejjeż addizzjonali mġarrba minnhom. Rekwiżiti oħra jistgħu jkunu relatati mal-arranġamenti bl-ingrossa bejn impriżi.

(37)

Is-servizzi ta’ assistenza mill-operatur ikopru firxa ta’ diversi servizzi għall-utenti finali. Il-forniment ta’ servizzi bħal dawn għandu jitħalla għal negozjati kummerċjali bejn il-fornituri ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u s-servizzi ta’ assistenza mill-operejter, bħal mhu l-każ għal kull servizz ieħor ta’ sostenn għall-klijenti, u m’hemmx għalfejn jitkompla l-forniment mandatarju tagħhom. Għaldaqstant, l-obbligu korrispondenti għandu jitħassar.

(38)

Servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju għandhom ikunu, u ta’ sikwit huma, provduti taħt kondizzjonijiet ta’ suq kompetittiv, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq għal networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (12). Miżuri applikati għas-suq bl-ingrossa li jiżguraw l-inklużjoni ta’ data ta’ utent aħħari (kemm fissa kif ukoll mobbli) f’bażijiet ta’ data għandhom jirrispettaw is-salvagwardji għall-protezzjoni ta’ data personali, inkluż l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika). Il-provvista orjentata lejn l-ispiża tad-data lill-fornituri tas-servizz, bil-possibilità għall-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmu ċentralizzat biex jipprovdu informazzjoni aggregata komprensiva lill-fornituri tad-direttorju, u l-forniment ta’ aċċess għan-network b’kondizzjonijiet raġonevoli u trasparenti, għandha titlesta sabiex jiġi żgurat li utenti finali jibbenefikaw bis-sħiħ mill-kompetizzjoni, bl-għan aħħari li tkun tista’ titneħħa r-regolamentazzjoni tal-bejgħ bl-imnut minn fuq dawn is-servizzi u l-forniment ta’ offerti tas-servizzi tad-direttorju b’kondizzjonijiet raġonevoli u trasparenti.

(39)

L-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jsejħu lil u jidħlu fis-servizzi ta’ emerġenza bl-użu ta’ kwalunkwe servizz telefoniku li hu kapaċi joriġina sejħiet vokali permezz ta’ numru jew numri fil-pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali. L-Istati Membri li jużaw numri ta’ emerġenza nazzjonali oħrajn minbarra l-“112” jistgħu jimponu fuq l-impriżi obbligi simili għall-aċċess bħal dawk għan-numri ta’ emerġenza nazzjonali. L-awtoritajiet ta’ emerġenza għandhom ikunu jistgħu jimmaniġġjaw u jwieġbu telefonati fuq in-numru “112” malajr u b’mod effiċjenti almenu daqs fil-każ ta’ telefonati fuq numri ta’ emerġenza nazzjonali oħra. Huwa importanti li jiżdied l-għarfien tan-numru “112” sabiex jittejjeb il-livell ta’ ħarsien u sigurtà għaċ-ċittadini waqt l-ivvjaġġar tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, iċ-ċittadini għandhom isiru konxji, meta jivvjaġġaw fi kwalunkwe Stat Membru b’mod partikolari permezz ta’ informazzjoni pprovduta fil-vendi tal-karozzi tal-linja, fl-istazzjonijiet ferrovjarji, fil-portijiet jew l-ajruporti internazzjonali u fid-direttorji tat-telefon, fil-kjoskijiet tat-telefon u l-materjal mibgħut lill-abbonati inklużi l-kontijiet, li n-numru “112” jista’ jintuża bħala numru ta’ emerġenza uniku kullimkien ġewwa l-Komunità. Din hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, iżda l-Kummissjoni għandha tkompli kemm tappoġġa kif ukoll tissupplimenta inizjattivi tal-Istati Membri biex tkompli żżid il-konoxxenza tal-“112” u perjodikament biex tevalwa l-kuxjenza tal-pubbliku dwar l-“112”. L-obbligu biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-post mnejn toriġina t-telefonata għandu jissaħħaħ sabiex jitkabbar il-ħarsien taċ-ċittadini. B’mod partikolari, l-impriżi għandhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni dwar il-post mnejn tkun qed issir is-sejħa lil servizzi tal-emerġenza hekk kif is-sejħa tilħaq dak is-servizz indipendentement mit-teknoloġija użata. Sabiex tirreaġixxi għall-iżviluppi teknoloġiċi, inklużi dawk li jwasslu għal aktar preċiżjoni tal-informazzjoni dwar il-post mnejn tkun qed issir is-sejħa, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri implimentattivi tekniċi biex tiżgura aċċess effettiv għas-servizzi tal-“112” fil-Komunità għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu bla ħsara għall-organizzazzjoni tas-servizzi tal-emerġenza tal-Istati Membri.

(40)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impriżi li jipprovdu lill-utenti finali b’servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi maħsub għal sejħiet ta’ oriġini permezz ta’ numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali, jipprovdu aċċess affidabbli u preċiż għal servizzi ta’ emerġenza filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispeċifikazzjonijiet u l-kriterji nazzjonali. Impriżi indipendenti min-network ma jista’ ma jkollhomx kontroll fuq in-networks u jafu ma jkunux jistgħu jiżguraw li s-sejħiet ta’ emerġenza magħmula permezz tas-servizz tagħhom ser ikunu trasferiti bl-istess affidabbiltà, peress li huma jistgħu ma jkunux kapaċi jiggarantixxu disponibbiltà tas-servizz meta jiġi meqjus li problemi relatati mal-infrastruttura mhumiex taħt il-kontroll tagħhom. Għal impriżi indipendenti min-network, l-informazzjoni dwar il-post mnejn toriġina s-sejħa mhux dejjem taf tkun fattibbli teknikament. Ladarba jiġu stabbiliti standards internazzjonalment rikonoxxuti li ser jiżguraw routing u konnessjoni preċiżi u affidabbli għas-servizzi ta’ emerġenza, impriżi indipendenti min-network għandhom ukoll jissodisfaw l-obbligi relatati mal-informazzjoni dwar mnejn toriġina s-sejħa f’livell komparabbli ma’ dak meħtieġ għal impriżi oħra.

(41)

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw li s-servizzi ta’ emerġenza, inkluż in-numru “112”, ikunu aċċessibbli ugwalment għall-utenti finali li jkunu b’diżabbiltà, b’mod partikolari għal dawk l-utenti torox, b’impediment fis-smigħ, jew fid-diskors u dawk torox-għomja. Dan jista’ jinvolvi l-forniment ta’ apparat terminali speċjali għal utenti b’impediment fis-smigħ, servizzi ta’ trażmissjoni testwali, jew tagħmir speċifiku ieħor.

(42)

L-iżvilupp tal-kodiċi internazzjonali “3883” (l-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika (ETNS)) attwalment huwa mxekkel minħabba li mhux magħruf biżżejjed, minħabba rekwiżiti proċedurali burokratiċi żżejjed u, b’konsegwenza ta’ dan, nuqqas ta’ domanda. Sabiex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-ETNS, l-Istati Membri li l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni assenjatilhom il-kodiċi internazzjonali “3883” għandhom, filwaqt li jsegwu l-eżempju tal-implimentazzjoni tad-dominju tal-ogħla livell “.eu”, jiddelegaw ir-responsabilità għall-ġestjoni, l-assenjazzjoni tan-numru u l-promozzjoni tiegħu lil organizzazzjoni separata eżistenti, magħżula mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ selezzjoni miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. Dik l-organizzazzjoni għandha tingħata wkoll il-kompitu li tiżviluppa proposti għal applikazzjonijiet ta’ servizz pubbliku li jużaw l-ETNS għal servizzi komuni Ewropej, bħal numru komuni biex jiġi rrappurtat serq ta’ terminali mobbli.

(43)

Meta jiġu kkunsidrati l-aspetti partikolari relatati mar-rappurtar ta’ tfal nieqsa u d-disponibilità attwali limitata ta’ dan is-servizz, l-Istati Membri mhux biss għandhom jirriżervaw numru, iżda wkoll jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li servizz għar-rappurtar ta’ tfal nieqsa ikun effettivament disponibbli fit-territorji tagħhom permezz tan-numru 116000 mingħajr dewmien. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom, jekk ikun xieraq, fost affarijiet oħra, jorganizzaw proċeduri ta’ offerti sabiex jistiednu lill-partijiet interessati sabiex jipprovdu dak is-servizz.

(44)

Sejħiet bil-vuċi jibqgħu l-aktar forma b’saħħitha u affidabbli ta’ aċċess għal servizzi ta’ emerġenza. Mezzi oħra ta’ kuntatt, bħal messaġġi biċ-ċellulari, jistgħu jkunu anqas affidabbli u jistgħu jsofru min-nuqqas ta’ immedjatezza. Madankollu, l-Istati Membri, jekk iqisuha xierqa, għandhom ikunu ħielsa li jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ mezzi oħra ta’ aċċess għal servizzi ta’ emerġenza li huma kapaċi li jassiguraw aċċess ekwivalenti għal sejħiet vokali.

(45)

F’konformità mad-Deċiżjoni 2007/116/KE tal-15 ta’ Frar 2007 dwar ir-riżervar tal-firxa tan-numri nazzjonali li jibdew b’ “116” għal numri armonizzati għal servizzi armonizzati ta’ valur soċjali (13), il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jirriżervaw numri fil-firxa ta’ numri “116” għal ċerti servizzi ta’ valur soċjali. Id-dispożizzjonijiet adegwati ta’ dik id-Deċiżjoni għandhom jiġu riflessi fid-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) sabiex jiġu integrati aktar fis-sod fil-qafas regolatorju għal networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u biex jiffaċilitaw l-aċċess minn utenti finali b’diżabbiltà.

(46)

Is-suq uniku jimplika li l-utenti finali jista’ jkollhom aċċess għan-numri kollha inklużi fil-pjani nazzjonali ta’ numerazzjoni ta’ Stati Membri oħra, u għas-servizzi, li jużaw numri li m’humiex ġeografiċi fl-ambitu tal-Komunità inklużi, fost oħrajn, numri ta’ telefonati bla ħlas u numri b’rati primjum. L-utenti finali għandhom ukoll ikunu jistgħu jaċċessaw numri mill-Ispazju Ewropew tan-Numerazzjoni Telefonika (ETNS) u numri ta’ Telefonati Bla Ħlas Internazzjonali Universali (UIFN). L-aċċess transkonfinali għar-riżorsi ta’ numerazzjoni u għas-servizz assoċjat m’għandux jiġi ostakolat ħlief f’każi ġustifikati b’mod oġġettiv, pereżempju għall-ġlieda kontra l-frodi jew l-abbuż (eż. f’konnessjoni ma’ ċerti servizzi ta’ rati primjum) meta n-numru jkun definit bħala li għandu ambitu nazzjonali biss (per eżempju kodiċi qasir nazzjonali), jew meta teknikament u ekonomikament mhumiex fattibbli. L-utenti għandom jingħataw informazzjoni sħiħa bil-quddiem b’mod ċar dwar kwalunkwe ħlasijiet applikabbli għan-numri ta’ telefonati bla ħlas, bħall-ħlasijiet għal sejħiet internazzjonali aċċessibbli permezz ta’ kodiċi standard ta’ ddajljar internazzjonali.

(47)

Sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ambjent kompetittiv, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u jibdlu minn fornitur għal ieħor meta jkun fl-interess tagħhom li jagħmlu dan. Hu essenzjali li jiġi żgurat li dan ikunu jistgħu jagħmluh mingħajr ma jiġu mfixkla minn ostakli legali, tekniċi jew metodi prattiċi, inklużi kondizzjonijiet, proċeduri, ħlasijiet, eċċ. kuntrattwali. Il-portabbiltà tan-numri huwa faċilitatur ewlieni tal-għażliet għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi u l-kompetizzjoni effikaċi fis-swieq kompetittivi għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u għandu jiġi implimentat mingħajr dewmien żejjed, hekk li n-numru ikun funzjonalment attivat fi żmien ġurnata waħda tax-xogħol u l-utent ma jesperjenzax telf ta’ servizz li jdum aktar minn ġurnata waħda tax-xogħol. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jippreskrivu l-proċess globali tal-portabbiltà tan-numri, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kuntratti u l-iżviluppi teknoloġiċi. L-esperjenza miksuba f’uħud mill-Istati Membri wriet li hemm riskju li l-konsumaturi jinbidlilhom il-fornitur mingħajr ma jkun ingħata l-kunsens tagħhom. Filwaqt li din hija kwistjoni li għandha tiġi indirizzata l-ewwel nett mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimponu miżuri proporzjonati minimi bħal dawn fir-rigward tal-proċess ta’ kommutazzjoni, inklużi sanzjonijiet xierqa, kif huma meħtieġa biex jitnaqqsu riskji bħal dawn u sabiex jiżguraw li l-konsumaturi jkunu protetti matul il-proċess kollu ta’ kommutazzjoni, mingħajr ma l-proċess isir inqas attraenti għalihom.

(48)

Obbligi ta’ trasmissjoni “must-carry” legali jistgħu jiġu applikati għal servizzi speċifiċi ta’ radju u ta’ kanali ta’ trasmissjoni televiżiva u lil servizzi komplimentari forniti minn fornitur ta’ servizz tal-media speċifiku. L-Istati Membri għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni ċara għall “obbligi ta’ ridiffużjoni” fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex jiżguraw li dawn l-obbligi huma trasparenti, proporzjonati u definiti kif xieraq. F’dan ir-rigward, l-“obbligi ta’ ridiffużjoni” għandhom jitfasslu b’mod li jiġu pprovduti inċentivi suffiċjenti għal investiment effiċjenti fl-infrastruttura. L-“obbligi ta’ ridiffużjoni” għandhom ikunu eżaminati perjodikament sabiex jinżammu aġġornati mal-evoluzzjoni teknoloġika u tas-suq biex jiġi żgurat li jkomplu jkunu proporzjonati għall-għanijiet li jridu jinkisbu. Servizzi ta’ komplimentarjetà jinkludu, iżda m’humiex limitati għal servizzi maħsuba biex tittejjeb l-aċċessibiltà għal utenti b’diżabbiltajiet, bħat-test bil-video, sottotitlar, deskrizzjoni awdjo jew lingwa tas-sinjali.

(49)

Sabiex jintgħelbu n-nuqqasijiet eżistenti f’termini ta’ konsultazzjonijiet mal-konsumaturi u sabiex jiġu indirizzati kif jixraq l-interessi taċ-ċittadini, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw mekkaniżu ta’ konsultazzjoni xieraq. Dan il-mekkanimu jista’ jieħu l-forma ta’ entità li, indipendentement mill-awtorità regolatorja nazzjonali u mill-fornituri tas-servizzi, twettaq riċerka dwar kwistjonijiet relatati mal-konsumatur, bħall-imġiba tal-konsumaturi u mekkaniżmi għall-bdil minn fornitur għal ieħor, u li topera b’mod trasparenti u tikkontribwixxi għall-mekkaniżmi eżistenti għall-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati. Barra minn dan, jista’ jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-iskop li jippermetti kooperazzjoni xierqa dwar kwistjonijiet relatati mal-promozzjoni ta’ kontenut legali. Madankollu, kwalunkwe proċeduri ta’ kooperazzjoni maqbula skont tali mekkaniżmu m’għandhomx jippermettu sorveljanza sistematika ta’ użu tal-Internet.

(50)

L-obbligi ta’ Servizz Universali imposti fuq impriża maħtura bħala waħda b’obbligi ta’ servizz universali għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni.

(51)

Id-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) tistipula l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità. Fejn miżuri maħsuba sabiex jiżguraw li t-tagħmir terminali huwa mibni biex jissalvagwardja l-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza huma adottati skont id-Direttiva 1999/5/KE jew id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986 rigward l-istandardiżazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni (14), dawn il-miżuri għandhom jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika.

(52)

Żviluppi li jirrigwardaw l-użu tal-indirizzi tal-IP għandhom jiġu osservati mill-qrib, billi jitqies ix-xogħol li jkun diġà sar, fost l-oħrajn, mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali stabbilit mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (15), u fid-dawl ta’ proposti bħal dawn skont kif ikun meħtieġ.

(53)

L-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku safejn hu strettament meħtieġ sabiex tkun żgurata s-sigurtà tan-network u tal-informazzjoni, jiġifieri l-kapaċità ta’ network jew sistema ta’ informazzjoni li tirreżisti, b’ċertu livell ta’ fiduċja, għal fatti aċċidentali jew azzjonijiet illegali jew malizzjużi li jikkompromettu d-disponibilità, l-awtentiċità, l-integrità u l-kunfidenzjalità ta’ data maħżuna jew trażmessa, u s-sigurtà tas-servizzi relatati offruti minn jew aċċessibbli permezz ta’ dawn in-networks u s-sistemi, minn fornituri ta’ teknoloġiji u servizzi tas-sigurtà meta jaġixxu bħala kontrolluri tad-data hija suġġetta għall-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46/KE. Pereżempju dan jista’ jinkludi aċċess mhux awtorizzat għal networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u distribuzzjoni ta’ kodiċi malizzjuż u t-twaqqif ta’ attakki taċ-ċaħda ta’ servizz, u d-danni lis-sistemi tal-kompjuter u tal-komunikazzjoni elettronika.

(54)

Il-liberalizzazzjoni ta’ swieq ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-iżvilupp teknoloġiku mgħaġġel flimkien taw spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-kompetizzjoni u rriżultaw f’diversità għanja ta’ servizzi għall-utenti finali aċċessibbli permezz ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Hu meħtieġ li jiġi żgurat li l-konsumaturi u l-utenti jingħataw l-isess livell ta’ ħarsien tal-privatezza u d-data personali, irrispettivament mit-teknoloġija użata għall-forniment ta’ servizz partikolari.

(55)

F’konformità mal-għanijet tal-qafas regolatorju għal networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u, mal-prinċipji tal-proporzjonalita’ u s-sussidjarjetà, u għal finijiet taċ-ċertezza u l-effiċjenza legali kemm għan-negozji Ewropej kif ukoll għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, id-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) tiffoka fuq in-networks jew is-servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika, u ma tapplikax għall-gruppi magħluqa ta’ utenti jew għan-networks korporattivi.

(56)

Il-progress teknoloġiku jippermetti l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ġodda bbażati fuq tagħmir għall-ġbir tad-data u l-identifikazzjoni, li jista’ jkun tagħmir li ma jkollux kuntatt bil-wajer li juża frekwenzi radju. Pereżempju, it-Tagħmir ta’ Identifikazzjoni permezz ta’ Frekwenza tar-Radju (RFIDs) juża frekwenzi radju biex jaqbad data minn tabelli esklużivament identifikati, li mbagħad tista’ tiġi ttrasferita fuq networks ta’ komunikazzjonijiet eżistenti. L-użu wiesa’ ta’ dawn it-teknoloġiji jista’ jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi u soċjali kbar u b’hekk tingħata kontribuzzjoni b’saħħitha għas-suq intern jekk l-użu tagħhom ikun aċċettabbli għaċ-ċittadini. Biex jinkiseb dan, hu meħtieġ li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-individwi, inkluż id-dritt għall-privatezza u l-ħarsien tad-data, jkunu mħarsa. Meta dan it-tagħmir jiġi kkunnettjat ma’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli, jew meta jagħmel użu minn servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħala infrastrutura bażika, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), inklużi dawk dwar id-data tas-sigurtà, it-traffiku u l-lokazzjoni u d-data dwar il-kunfidenzjalità.

(57)

Il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandu jieħu miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura s-sigurtà tas-servizzi tiegħu. Bla ħsara għad-Direttiva 95/46/KE, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw li d-data personali tkun tista’ tiġi aċċessata biss minn persunal awtorizzat u għal raġunijiet li jkunu strettament awtorizzati legalment u li jkunu protetti kemm id-data personali maħżuna jew trażmessa u kif ukoll in-network u s-servizzi. Barra minn hekk, għandha tiġi stabbilita politika dwar is-sigurtà fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali sabiex jiġu identifikati dgħufiji fis-sistema, u għandhom jitwettqu regolarment monitoraġġ u azzjoni preventiva, korrettiva u li tnaqqas l-effetti tal-problemi.

(58)

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini billi, inter alia, jikkontribwixxu għall-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ ħarsien tad-data persunali u l-privatezza. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkollhom il-mezzi meħtieġa biex jesegwixxu dmirijiethom, inkluż data komprensiva u affidabbli dwar inċidenti ta’ sigurtà attwali li jkunu rrendew id-data personali ta’ individwi fi stat kompromettenti. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu monitoraġġ fuq il-miżuri meħuda u jiddisseminaw il-prattika korretta fost il-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku. Il-fornituri għandhom għalhekk iżommu inventarju tal-każijiet ta’ ksur ta’ data personali sabiex jippermettu aktar analiżi u valutazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(59)

Il-liġi Komunitarja timponi dazji fuq l-kontrolluri tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, inkluż l-obbligu li jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa ta’ protezzjoni kontra pereżempju t-telf ta’ data. Ir-rekwiżiti ta’ notifika ta’ ksur ta’ data li jinsabu fid-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) jipprovdu struttura ta’ notifika lill-awtoritajiet u lill-individwi kompetenti kkonċernati, meta data personali tkun ġiet madankollu kompromessa. Dawn ir-rekwiżiti ta’ notifika huma limitati għall-ksur tas-sigurtà li jseħħ fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Madankollu, in-notifika tal-ksur tas-sigurtà tirrifletti l-interess ġenerali taċ-ċittadini li jkunu informati dwar fallimenti tas-sigurtà li jistgħu jirriżultaw fit-telfien tad-data personali tagħhom jew li din tiġi kompromessa bi kwalunkwe mod ieħor, kif ukoll li jkunu infurmati dwar prekawzjonijiet disponibbli jew rakkomandabbli li jistgħu jieħdu biex jimminimizzaw il-possibbilta’ ta’ telf ekonomiku jew ħsara soċjali li jistgħu jirriżultaw minn fallimenti ta’ dan it-tip. L-interess ġenerali tal-utenti li jiġu notifikati huwa b’mod ċar mhux limitat għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u għalhekk rekwiżiti ta’ notifika espliċiti u obbligatorji applikabbli għas-setturi kollha għandhom jiġu introdotti fil-livell Komunitarju bħala kwistjoni ta’ prijorità. Sakemm issir reviżjoni li għandha titwettaq mill-Kummissjoni ta’ kull leġiżlazzjoni rilevanti tal-Komunità f’dan il-qasam, il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandha tieħu l-passi xierqa mingħajr dewmien sabiex tinkoraġġixxi l-applikazzjoni fil-Komunità kollha tal-prinċipji inkorporati fir-regoli tan-notifika ta’ ksur ta’ data fid-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), irrispettivament mir-settur jew mit-tip tad-data konċernata.

(60)

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu monitoraġġ fuq il-miżuri meħuda u jiddisseminaw il-prattika korretta fost il-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament.

(61)

Ksur ta’ data personali jekk ma jiġix ittrattat b’mod adegwat u fil-waqt, jista’ jirriżulta f’telf ekonomiku u dannu soċjali sostanzjali, inkluż frodi tal-identità, għall-abbonat jew l-individwu kkonċernat. Għalhekk, hekk kif il-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament isir jaf li jkun seħħ tali ksur, huwa għandu jinnotifika l-ksur lill-awtorità nazzjonali kompetenti. L-abbonati jew l-individwi li d-data tagħhom u l-privatezza tista’ tkun affettwata ħażin minn ksur bħal dan għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien biex ikunu jistgħu jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Il-ksur għandu jitqies bħala effett ħażin fuq id-data u l-privatezza tal-abbonat jew tal-individwu meta din tista’ tirriżulta pereżempju. f’serq ta’ identità jew frodi, ħsara fiżika sinifikanti, umiljazzjoni jew ħsara għar-reputazzjoni jew f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet disponibbli pubblikament fil-Komunità. In-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-fornitur biex jittratta l-ksur, kif ukoll rakkomandazzjonijiet għall-abbonat jew l-individwu kkonċernat.

(62)

Meta jimplimentaw miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw il-liġi nazzjonali tagħhom b’mod konsistenti ma’ dik id-Direttiva, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jistriħux fuq interpretazzjoni tagħha li tkun f’konflitt ma’ drittijiet fundamentali jew prinċipji ġenerali oħrajn tal-liġi Komunitarja, bħall-prinċipju tal-proporzjonalità.

(63)

Għandu jkun hemm provvediment għall-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi, il-format u l-proċeduri applikabbli għall-informazzjoni u r-rekwiżiti ta’ notifika sabiex jinkiseb livell adegwat ta’ protezzjoni tal-privatezza u sigurtà tad-data personali mibgħuta jew ipproċessata f’konnessjoni mal-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern.

(64)

Waqt l-iffissar ta’ regoli dettaljati fir-rigward tal-format u l-proċeduri applikabbli fin-notifika ta’ ksur ta’ data personali, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa liċ-ċirkostanzi tal-ksur, speċjalment dwar jekk id-data personali kenitx imħarsa jew le minn miżuri tekniċi xierqa ta’ protezzjoni, li kienu jillimitaw b’mod effettiv il-probabbiltà li jitwettqu frodi tal-identità jew forom oħra ta’ użu ħażin. Barra dan, dawn ir-regoli u proċeduri għandhom jikkunsidraw l-interessi leġittimi tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f’każi fejn żvelar bikri jista’ jfixkel mingħajr bżonn l-investigazzjoni taċ-ċirkostanzi ta’ ksur partikolari.

(65)

Is-software li bil-moħbi jissorvelja l-azzjonijiet tal-utent u/jew jimmina l-operazzjoni tat-tagħmir terminali tal-utent għall-benefiċċju ta’ parti terza (“spyware”) joħloq theddida serja għall-privatezza tal-utenti, u l-istess il-viruses. Jeħtieġ li jiġi żgurat livell għoli u ugwali ta’ ħarsien tal-isfera privata tal-utenti, irrispettivament jekk il-programmi tal-ispijar jew viruses mhux mixtieqa kinux ġew dawnlowdjati involontarjament permezz ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew kinux fornuti u installati moħbija f’software li jkun tqassam fuq midja esterna ta’ ħżin tad-data bħalma huma s-CDs, is-CD-Roms jew l-istikek tal-USB. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-provvediment ta’ informazzjoni lill-utenti finali dwar il-prekawzjonijiet disponibbli u jħeġġuhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jipproteġu t-tagħmir terminali tagħhom kontra viruses u spyware.

(66)

Partijiet terzi jistgħu jkunu jixtiequli jaħżnu informazzjoni fuq it-tagħmir tal-utent, jew jiksbu aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, għal numru ta’ skopijiet, li jvarjaw minn intrużjoni leġittima (bħal ċerti tipi ta’ cookies) għal intrużjoni bla permess fl-isfera privata (bħal spyware jew viruses). Huwa għalhekk ta’ importanza kbira li l-utenti jkunu provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva meta jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe attività li tista’ tirriżulta f’tali ħażna jew fi ksib ta’ aċċess. Il-metodi ta’ kif tingħata informazzjoni u kif jiġi offrut id-dritt ta’ rifjut għandhom ikunu kemm jista’ jkun faċli għall-utent. Eċċezzjoni għall-obbligu li jipprovdu informazzjoni u li joffru d-dritt ta’ rifjut għandha tkun limitata għal dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-ħażna teknika jew l-aċċess ikunu strettament meħtieġa għall-iskop leġittimu li jkun permess l-użu ta’ servizz speċifiku espliċitament mitlub mill-abbonat jew mill-utent. Fejn huwa teknikament possibbli u effettiv, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46/KE, il-kunsens tal-utent għall-ipproċessar jista’ jiġi espress bl-użu tal-issettjar adatt ta’ browser jew applikazzjoni oħra. L-infurzar ta’ dawn ir-rekwiżiti għandu jsir aktar effettiv permezz tal-poteri mtejba mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali relevanti.

(67)

Is-salvagwardji pprovduti għall-abbonati kontra l-intrużjoni fil-privatezza tagħhom minn komunikazzjonijiet mhux mitluba għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta permezz tal-posta elettronika, għandhom jkunu applikabbli wkoll għall-SMS, l-MMS u tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili.

(68)

Il-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jridu jagħmlu investimenti sostanzjali biex issir il-ġlieda kontra komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mitluba (“spam”). Huma jinsabu wkoll f’pożizzjoni aħjar mill-utenti finali biex ikollhom l-għarfien u r-riżorsi meħtieġa biex jikxfu u jidentifikaw lil min jispammja. Il-fornituri tal-servizzi ta’ korrispondenza elettronika u fornituri oħra ta’ servizzi għandu għalhekk ikunu jistgħu jibdew azzjoni legali kontra min jispammja u għalhekk jiddefendu l-interessi tal-klijenti tagħhom, kif ukoll l-interessi kummerċjali leġittimi tagħhom stess.

(69)

Il-ħtieġa biex ikun żgurat livell xieraq ta’ ħarsien tal-privatezza u d-data personali trażmessa u pproċessata f’konnessjoni mal-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Komunità teżiġi implimentazzjoni effikaċi u setgħat għall-infurzar sabiex ikunu pprovduti inċentivi xierqa għall-konformità. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, fejn meħtieġ, korpi nazzjonali oħra konċernati, għandu jkollhom setgħat u riżorsi suffiċjenti biex jinvestigaw każi ta’ nuqqas ta’ konformità b’mod effettiv, inklużi setgħat biex jiksbu kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom bżonn, biex jiddeċiedu dwar l-ilmenti u biex jimponu sanzjonijiet f’każi ta’ nuqqas ta’ konformità.

(70)

L-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva spiss jeħtieġu kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, pereżempju biex jikkumbattu spam u spyware transkonfinali. Biex f’każijiet bħal dawn tkun żgurata koperazzjoni mingħajr intoppi u minnufih, il-proċeduri dwar pereżempju l-kwantità u l-format tal-informazzjoni skambjata bejn l-awtoritajiet jew l-iskadenzi li jridu jiġu osservati għandhom ikunu ddefiniti mill-awtoritajiet nazzjonali relevanti, wara li jkunu verifikati mill-Kummissjoni. Dawn il-proċeduri jippermettu wkoll li l-obbligi li jirriżultaw għall-atturi tas-suq ikunu armonizzati, li jservi ta’ kontribut għall-ħolqien ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti għal kulħadd fil-Komunità.

(71)

Il-koperazzjoni u l-infurzar transkonfinali għandhom jiġu nfurzati b’mod konformi mal-mekkaniżmi Komunitarji ta’ infurzar transkonfinali eżistenti bħal dak stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ir-Regolament dwar koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur) (16) permezz ta’ emenda għal dak ir-Regolament.

(72)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (17).

(73)

B’mod partikolari, is-setgħa għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni biex tadottata miżuri implimentattivi dwar aċċess effettiv tas-servizzi tal-“112”, kif ukoll emendi biex tadatta l-Annessi għall-progress tekniku jew il-bidliet fid-domanda. Għandha wkoll tingħata s-setgħa li tadotta miżuri implimentattivi li jikkonċernaw informazzjoni u rekwiżiti ta’ notifika u s-sigurtà tal-ipproċessar. Billi dawn il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) billi jissupplimentawhom b’elementi ġodda mhux essenzjali, iridu jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Minħabba li t-twettiq tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, bil-limiti ta’ żmien normali, f’ċerti sitwazzjonijiet eċċezzjonali jista’ jimpedixxi l-adozzjoni fil-ħin tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu azzjoni rapida biex jiżguraw l-adozzjoni fil-ħin ta’ dawn il-miżuri.

(74)

Meta tkun qed taddotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni dwar is-sigurtà tal-ipproċessar, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet Ewropej relevanti (l-Aġenzija Ewropea ta’ Sigurtà tan-Network (ENISA) u tal-Informazzjoni, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali stabbilit mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE), kif ukoll mal-partijiet interessati relevanti l-oħra kollha, b’mod partikolari biex tkun infurmata dwar l-aqwa meżżi tekniċi u ekonomiċi disponibbli għat-titjib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).

(75)

Id-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) għandhom għalhekk jiġu emendati f’dan is-sens.

(76)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (18), l-Istati Membri huma mħeġġa biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li juru, safejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn id-Direttivi 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) u 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendament tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali)

Id-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva dwar is-Servizz Universali) hija b’dan emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Fl-ambitu tal-qafas tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), din id-Direttiva tikkonċerna l-fornimet ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika lil utenti finali. L-għan huwa li tiġi żgurata d-disponibilità mal-Komunità kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ kwalità tajba permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u għażla u biex tittratta ċ-ċirkostanzi li fihom il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jkunux sodisfatti b’mod sodisfaċjenti mis-suq. Din id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tagħmir terminali fil-postijiet fejn joperaw l-konsumaturi. Din id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar ċerti aspetti ta’ tagħmir ta’ terminal, inklużi dispożizzjonijiet maħsuba biex jiġi faċilitat aċċess għal utenti b’diżabbiltà.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet tal-utenti finali u l-obbligi korrispondenti li jaqgħu fuq l-impriżi li jipprovdu n-networks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli. Fir-rigward tal-assigurazzjoni ta’ forniment ta’ servizz universali fl-ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, din id-Direttiva tiddefinixxi s-sett minimu ta’ servizzi ta’ kwalità speċifikata li għaliha l-utenti kollha għandhom aċċess bi prezz li jista’ jintlaħaq fid-dawl tal-kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorzjoni tal-kompetizzjoni. Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll obbligi fir-rigward tal-forniment ta’ ċerti servizzi mandatarji.

3.   Din id-Direttiva la tirrikjedi u lanqas tipprojbixxi kondizzjonijiet imposti mill-fornituri ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi disponibbli pubblikament, li jillimitaw l-aċċess u/jew l-użu tal-utenti finali fir-rigward ta’ servizzi u applikazzjonijiet, fejn dan ikun permess skont il-liġi nazzjonali u f’konformità mad-dritt Komunitarju, iżda tistabbilixxi l-obbligu li jipprovdu informazzjoni rigward kondizzjonijiet bħal dawn. Il-miżuri nazzjonali li jirrigwardaw l-aċċess ta’ utenti finali jew l-użu ta’ servizzi u applikazzjonijiet permezz ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni naturali, anke fejn għandha x’taqsam il-privatezza u l-proċess skont il-liġi, kif definit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-utenti finali għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttivi 93/13/KEE u 97/7/KE, u r-regoli nazzjonali f’konformità mal-liġi Komunitarja.”;

2.

l-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) għandu jiġi mħassar;

(b)

il-punt (c) u (d) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

‘servizz telefoniku pubblikament disponibbli’ tfisser servizz disponibbli għall-pubbliku li joriġina u jirċievi, direttament jew indirettament, sejħiet nazzjonali jew nazzjonali u internazzjonali, permezz ta’ numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali jew internazzjonali;

(d)

‘numru ġeografiku’ tfisser numru mill-pjan ta’ numerazzjoni telefoniku nazzjonali fejn parti mill-istruttura tan-numru tiegħu jkun fiha sinifikat ġeografiku wżat biex jittrasferixxi sejħiet għall-post fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-network (NTP);”;

(c)

il-punt (e) għandu jiġi mħassar;

(d)

il-punt (f) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

‘numru mhux ġeografiku’ tfisser numru minn pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni telefonika li ma jkunx numru ġeografiku. Jinkludi, inter alia, numri mobbli, numri bla ħlas u numri b’rati primjum.”;

3.

L-Artikolu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Forniment ta’ aċċess f’post fiss u forniment ta’ servizzi telefoniċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet raġonevoli kollha għal konnessjoni f’post fiss ma’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet għandhom jintlaqgħu mill-inqas minn impriża waħda.

2.   Il-konnessjoni provduta għandha tkun kapaċi ssostni l-komunikazzjonijiet tal-faks vokali u d-data, b’rati tad-data li huma biżżejjed biex jippermettu aċċess funzjonali għall-Internet meta jitqiesu t-teknoloġiji prevalenti użati mill-maġġoranza tal-abbonati u l-fattibbiltà teknoloġika.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet raġonevoli kollha għall-forniment ta’ servizz telefoniku disponibbli pubblikament, fuq il-konnessjoni tan-network imsemmija fil-paragrafu 1, li jippermetti li joriġinaw u jirċievu sejħiet nazzjonali u internazzjonali għandhom jiġu sodisfati mill-inqas minn impriża waħda.”;

4.

l-Artikolu 5(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fid-direttorji li jissemmew fil-paragrafu 1 għandhom jidhru, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (*), l-abbonati kollha tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli.

(*)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.”;"

5.

it-titolu tal-Artikolu 6 u l-Artikolu 6(1) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Telefoni pubbliċi bi ħlas u punti oħrajn ta’ aċċess ta’ telefonija pubblika bil-vuċi

1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu obbligi fuq impriżi sabiex jiġi żgurat li t-telefoni pubbliċi bi ħlas jew punti ta’ aċċess ta’ telefonija pubblika bil-vuċi oħra jiġu provduti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet raġonevoli ta’ utenti finali f’termini ta’ kopertura ġeografika, in-numru ta’telefoni jew punti ta’ aċċess oħra, l-aċċessibilità għal utenti finali b’diżabbiltà u l-kwalità tas-servizzi.”;

6.

l-Artikolu 7 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Miżuri għal utenti finali b’diżabbiltà

1.   Sakemm ma jkunux ġew speċifikati rekwiżiti taħt il-Kapitolu IV li jiksbu l-effett ekwivalenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat li l-aċċess għal, u affordabbiltà tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4 (3) u 5 għal utenti finali b’diżabbiltà huwa ekwivalenti għal-livell gawdut minn utenti finali oħrajn. L-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jivvalutaw il-ħtieġa ġenerali u r-rekwiżiti speċifiċi, inkluż sa fejn iwasslu tali miżuri għall-utenti finali b’diżabbiltà u l-forma konkreta tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, biex jiżguraw li utenti finali b’diżabbiltà jkunu jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-opportunità disponibbli għall-maġġoranza tal-utenti finali li jagħżlu bejn impriża u oħra jew fornitur tas-servizzi u ieħor.

3.   Meta l-Istati Membri jkunu qed jieħdu l-miżuri msemmija f’Paragrafi 1 u 2, huma għandhom jinkuraġġixxu konformità mal-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet relevanti ppublikati f’ konformita' mal-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).”;

7.

fl-Artikolu 8, il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“3.   Meta impriża maħtura f’konformità mal-paragrafu 1 jkollha l-intenzjoni li tiddisponi mill-assi kollha tagħha jew parti sostanzjali minnhom tan-network lokali ta’ aċċess disponibbli għal entità legali separata taħt appartenenza differenti, hija għandha tinforma bil-quddiem lill-awtorità regolatorja nazzjonali b’mod f’waqtu sabiex dik l-awtorità tkun tista’ tivvaluta l-effett tat-transazzjoni intiża fuq il-forniment ta’ aċċess għal post fiss u ta’ servizzi telefoniċi skont l-Artikolu 4. L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ timponi, temenda jew tirtira obbligi speċifiċi skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni).”;

8.

l-Artikolu 9(1) u (2) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw li l-evoluzzjoni u l-livell tat-tariffi bl-imnut tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4 sa 7 jkunu jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u li jkunu jew provduti minn impriżi maħtura, jew disponibbli fis-suq jekk l-ebda impriża ma tkun ġiet maħtura fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell nazzjonali tal-prezzijiet u l-introjtu tal-konsumatur.

2.   L-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jeżiġu li l-impriżi maħtura jipprovdu lill-konsumaturi għażliet jew pakketti ta’ tariffi lill-konsumaturi li jitbiegħdu minn dawk ipprovduti taħt kondizzjonijiet kummerċjali normali, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li dawk bi dħul baxx jew bi bżonnijiet soċjali speċjali ma jkunux imċaħħda mill-aċċess għan-network imsemmi fl-Artikolu 4(1), jew milli jużaw is-servizzi identifikati fl-Artikolu 4(3) u l-Artikoli 5, 6 u 7 li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u pprovduti minn impriżi maħtura.”

9.

l-Artikolu 11(4) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu miri ta’ prestazzjoni għal impriżi b’obbligi ta’ servizz universali. Meta jagħmlu hekk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont tal-opinjonijiet tal-partijiet interessati, partikolarment kif imsemmi fl-Artikolu 33.”;

10.

it-titolu tal-Kapitolu III għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“KONTROLLI REGOLATORJI FUQ IMPRIŻI B’SETGĦA KBIRA FIS-SUQ FI SWIEQ SPEĊIFIĊI TA’ BEJGĦ BL-IMNUT”;

11.

l-Artikolu 16 għandu jiġi mħassar;

12.

l-Artikolu 17 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu obbligi regolatorji xierqa fuq dawk l-impriżi li jkunu ġew identifikati bħala li għandhom setgħa qawwija fis-suq fir-rigward ta’ suq partikolari għall-bejgħ bl-imnut skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas) fejn:

(a)

bħala riżultat ta’ analiżi tas-suq imwettaq skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), awtorità regolatorja nazzjonali tiddetermina li suq partikolari ta’ bejgħ bl-imnut identifikat skont l-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva ma jkunx effettivament kompetittiv; kif ukoll

(b)

l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li l-obbligi imposti skont l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva tal-Aċċess), ma jkunux ser jirriżultaw fil-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).”;

(b)

Il-paragrafu 3 għandu jiġi mħassar;

13.

l-Artikoli 18 u 19 għandhom jiġu mħassra;

14.

l-Artikoli 20 sa 23 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Kuntratti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jabbonaw għal servizzi li jipprovdu konnessjoni lil network ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli, konsumaturi, u utenti oħra aħħarin li hekk jitolbu, għandhom dritt għal kuntratt ma’ impriża jew impriżi li jipprovdu tali konnessjoni u/jew servizzi. Tali kuntratt għandu mill-anqas jispeċifika f’forma ċara, komprensiva u ħafifa u aċċessibbli:

(a)

l-identità u l-indirizz tal-impriża;

(b)

is-servizzi provduti, inkluż b’mod partikolari:

jekk hux qed jingħata aċċess għal servizzi ta’ emerġenza u jekk hux qed tingħata informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata u/jew kwalunkwe limitazzjonijiet fuq l-għoti ta’ servizzi ta’ emerġenza skont l-Artikolu 26,

informazzjoni dwar kwalunkwe kondizzjoni oħra li tillimita l-aċċess għas-servizzi u l-applikazzjonijiet u/jew l-użu tagħhom, fejn dawn il-kondizzjonijiet huma permessi skont il-liġi nazzjonali konformement mal-liġi Komunitarja,

il-livelli ta’ kwalità minimi tas-servizzi offruti, inkluż iż-żmien meħtieġ għall-konnessjoni inizjali u, jekk ikun il-każ, parametri oħra ta’ kwalità tas-servizz, kif definiti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali,

informazzjoni dwar kwalunkwe proċedura mwaqqfa mill-impriża biex tkejjel u timmaniġġja t-traffiku sabiex jiġi evitat li jimtela n-network link sal-kapaċità massima tiegħu jew iżjed mill-kapaċità tiegħu u informazzjoni dwar kif dawk il-proċeduri jista’ jkollhom impatt fuq il-kwalità tas-servizz,

it-tipi ta’ servizz ta’ manutenzjoni offruti u s-servizzi ta’ appoġġ għall-klijenti pprovduti, kif ukoll il-metodi ta’ kuntatt ma’ dawn is-servizzi,

kwalunkwe restrizzjonijiet imposti mill-fornitur dwar l-użu ta’ tagħmir terminali pprovdut;

(c)

meta jeżisti obbligu taħt l-Artikolu 25, l-għażliet tal-abbonat dwar jekk tiġi inkluża jew le d-data personali tiegħu jew tagħha f’direttorju u d-data konċernata;

(d)

dettalji tal-prezzijiet u t-tariffi, inkluż il-mezzi li bihom tista’ tinkiseb informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi u l-ħlasijiet tal-manutenzjoni kollha applikabbli, metodi ta’ pagament offruti u kwalunkwe differenzi fl-ispejjeż dovuti minħabba l-metodu tal-pagament;

(e)

it-tul tal-kuntratt u l-kondizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tas-servizzi u tal-kuntratt, inkluż:

kwalunkwe użu minimu meħtieġ sabiex wieħed jibbenefika minn kondizzjonijiet promozzjonali,

kwalunke tariffi relatati mal-portabbiltà ta’ numri u identifikaturi oħra,

kwalunke tariffi dovuti mat-terminazzjoni tal-kuntratt, inkluż kwalunkwe rkupru ta’ spiża fir-rigward ta’ tagħmir terminali;

(f)

kwalunkwe kumpens u l-arranġamenti għal rifużjoni li japplikaw jekk il-livelli tal-kwalità tas-servizzi b’kuntratt ma jintlaħqux;

(g)

il-mezz ta’ kif jinbdew proċeduri għar-riżoluzzjoni ta’ disputi skont l-Artikolu 34;

(h)

it-tip ta’ azzjoni li tista’ tittieħed mill-impriża b’reazzjoni għal inċidenti ta’ sigurtà jew integrità jew theddid u vulnerabbiltajiet.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu wkoll li l-kuntratt jinkludi kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiġi provduta mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għal dan l-iskop dwar l-użu ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jidħlu f’attivitajiet illegali jew biex ixerdu kontenut dannuż, u dwar il-mezzi ta’ protezzjoni kontra riskji għas-sigurtà personali, il-privatezza u data personali, imsemmija fl-Artikolu 21(4) u rilevanti għas-servizz ipprovdut.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati jkollhom id-dritt li jirtiraw il-kuntratti tagħhom mingħajr penali ma’ avviż ta’ modifiki għad-detriment tal-abbonat fil-kondizzjonijiet kuntrattwali proposti mill-impriżi li jipprovdu networks u/jew is-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. L-abbonati għandhom jingħataw avviż adegwat, mhux anqas minn xahar, bil-quddiem ta’ modifikazzjonijiet bħal dawk u għandhom ikunu nfurmati fl-istess waqt bid-dritt tagħhom li jirtiraw, mingħajr penalità mill-kuntratti tagħhom, jekk ma jaċċettawx il-kondizzjonijiet il-ġodda. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jispeċifikaw tali notifiki.

Artikolu 21

Trasparenza u pubblikazzjoni tal-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika u/jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku biex jippubblikaw informazzjoni trasparenti, komparabbli, adegwata u aġġornata dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli, kwalunkwe ħlasijiet minħabba t-terminazzjoni ta’ kuntratt u informazzjoni dwar termini u kondizzjonijiet standard fir-rigward tal-aċċess u l-użu tas-servizzi tagħhom pprovduti minnhom lill-utenti finali u lill-konsumaturi skont l-Anness II. Din l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata f’forma ċara, komprensiva u li tkun faċilment aċċessibbli. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jispeċifikaw rekwiżiti addizzjonali rigward il-forma li fiha tali informazzjoni għandha tiġi pubblikata.

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinkoraġġixxu l-forniment ta’ informazzjoni komparabbli biex l-utenti finali u l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni indipendenti tal-ispiża fuq pakketti ta’ użu alternattivi, per eżempju permezz ta’ linji gwida interattivi jew ta’ teknika simili. Meta dawn il-faċilitajiet ma jkunux disponibbli fis-suq mingħajr ħlas jew bi prezz raġonevoli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu kapaċi jagħmlu tali linji gwida u tali teknika disponibbli huma stess jew billi jinkarigaw partijiet terzi. Il-partijiet terzi għandu jkollhom id-dritt li jużaw mingħajr ħlas l-informazzjoni pubblikata mill-impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli, għall-finijiet li jbiegħu jew jagħmlu disponibbli tali linji gwida interattivi jew teknika simili.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi li jipprovdu networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku biex inter alia:

(a)

jipprovdu informazzjoni applikabbli dwar it-tariffi lil abbonati rigward kwalunkwe numru jew servizz suġġett għal kondizzjonijiet ta’ prezzar partikolari; fir-rigward ta’ kategoriji individwali ta’ servizzi li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeħtieġu li tali informazzjoni tiġi provduta immedjatament qabel ma tiġi konnessa s-sejħa;

(b)

jgħarrfu lill-abbonati dwar kwalunkwe bidla fl-aċċess għal servizzi ta’ emerġenza jew informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata fis-servizz li jkunu abbonaw għalih;

(c)

jinformaw lill-abbonati dwar kwalunkwe bidla fil-kondizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess għas-servizzi u l-applikazzjonijiet u/jew l-użu tagħhom, fejn dawn il-kondizzjonijiet huma permessi skont il-liġi nazzjonali skont il-liġi Komunitarja;

(d)

jipprovdu informazzjoni dwar kwalunkwe proċedura mwaqqfa mill-fornitur biex tkejjel u timmaniġġja t-traffiku sabiex jiġi evitat milli jimtela network link sal-kapaċità massima tiegħu jew iżjed mill-kapaċità tiegħu u dwar kif dawk il-proċeduri jista’ jkollhom impatt fuq il-kwalità tas-servizz;

(e)

jinformaw lill-abbonati bid-dritt tagħhom li jiddeterminaw jekk jinkludux jew le data personali tagħhom f’direttorju u t-tipi ta’ data konċernata f’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika); kif ukoll

(f)

jinfurmaw regolarment l-abbonati b’diżabbiltà bid-dettalji tal-prodotti u sevizzi maħsuba għalihom.

Jekk jitqies xieraq, awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jippromwovu miżuri awto-regolatorji jew koregolatorji qabel ma jiġi impost kwalunkwe obbligu.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li impriżi msemmijin fil-paragrafu 3 jiddistribwixxu informazzjoni ta’ interess pubbliku lill-abbonati eżistenti u ġodda fejn ikun il-każ, permezz tal-istess mezzi li normalment jintużaw minnhom għall-komunikazzjonijiet tagħhom mal-abbonati. F’dak il-każ tali informazzjoni għandha tiġi prodotta mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti f’format standardizzat u għandha, inter alia, tkopri s-suġġetti li ġejjin:

(a)

l-użu l-aktar komuni ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika biex jidħlu f’attivitajiet illegali jew biex ixerdu kontenut dannuż, b’mod partikolari fejn huwa jista’ jippreġudika r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn, inkluż ksur ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u l-konsegwenzi legali tagħhom; kif ukoll

(b)

il-mezzi ta’ protezzjoni kontra riskji għas-sigurtà personali, il-privatezza u d-data personali fl-użu ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

Artikolu 22

Kwalità ta’ servizz

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, wara li jkunu ħadu kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati, ikunu jistgħu jobbigaw lill-impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli biex jippubblikaw informazzjoni komparabbli, xierqa u aġġornata għall-utenti finali dwar il-kwalità tas-servizzi tagħhom u dwar miżuri meħudin biex ikun żgurat aċċess indaqs għall-utenti finali b’diżabbiltà. Dik l-informazzjoni għandha wkoll, meta tintalab, tingħata lill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma tiġi pubblikata.

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jispeċikaw, inter alia, il-parametri tal-kwalità tas-servizz li għandhom jiġu mkejla, u l-kontenut, forma u mod tal-informazzjoni li għandha tiġi publikata, inklużi mekkaniżmi possibbli ta’ ċertifikazzjoni ta’ kwalità, sabiex jiġi żgurat li l-utenti finali, inklużi l-utenti finali b’diżabilità, ikollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva, komparabbli, affidabbli u faċli li tiftiehem. Fejn ikun il-każ, il-parametri, id-definizzjonijiet u l-metodu tal-kejl mogħtija fl-Anness III jistgħu jintużaw.

3.   Sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni tas-servizz u t-tfixkil jew r-rallentar tat-traffiku fuq in-networks, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jistabbilixxu kwalità minima ta’ rekwiżiti tas-servizzi dwar impriża jew impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi.

L-awtoritajiet regolatorji nazjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fi żmien bikri biżżejjed qabel ma jistipulaw dawn ir-rekwiżiti, b’sommarju tar-raġunijiet għall-azzjoni, ir-rekwiżiti mistennija u l-pjan ta’ azzjoni propost. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli wkoll għall-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (BEREC). Wara li tkun eżaminat din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrimarka jew tagħmel xi rakkomandazzjoni dwarha, b’mod partikulari sabiex tiżgura li r-rekwiżiti previsti ma jolqtux ħażin it-tħaddim tas-suq intern. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu bis-sħiħ il-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni meta jkunu qed jiddeċiedu dwar ir-rekwiżiti.

Artikolu 23

Disponibbiltà tas-servizzi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw id-disponibbiltà kollha possibbli tas-servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli pprovduti fuq networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fl-eventwalità ta’ ħsara katastrofika fin-network jew f’każi ta’ force majeure. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw aċċess mingħajr interruzzjoni għas-servizzi ta’ emerġenza.”;

15.

l-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

“Artikolu 23a

L-iżgurar ta’ aċċess u għażla ndaqs għall-utenti finali b’diżabbiltà

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti biex jispeċifikaw, fejn ikun il-każ, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni disponibbli pubblikament biex ikun żgurat li utenti finali b’diżabbiltà:

(a)

ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jkun daqs dak li minnu jgawdu l-maġġoranza tal-utenti finali; kif ukoll

(b)

jibbenefikaw mill-għażla tal-impriżi u s-servizzi disponibbli għall-maġġoranza tal-utenti finali.

2.   Sabiex ikunu jistgħu jadottaw u jimplimentaw arranġamenti speċifiċi għal utenti finali b'diżabbiltà, l-Istati Membri għandhom iħeġġu d-disponibbiltà ta’ tagħmir terminali li joffri s-servizzi u l-funzjonijiet meħtieġa.”;

16.

l-Artikolu 25 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-titolu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju tat-telefon”;

(b)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-abbonati ta’ servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon ikollhom id-dritt li jkunu mniżżla fid-direttorju pubblikament disponibbli msemmi fl-Artikolu 5(1)(a) u li jkollhom l-informazzjoni tagħhom titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi u/jew direttorji ta’ konsultazzjoni tad-direttorju f’konformità mal-paragrafu 2.”;

(c)

il-paragrafi 3, 4 u 5 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti finali kollha provduti b’servizz telefoniku pubblikament disponibbli jista’ jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu obbligi u kondizzjonijiet fuq l-impriżi li jikkontrollaw l-aċċess għall-utenti finali għall-forniment ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva dwar l-Access). Tali obbligi u kondizzjonijiet għandhom ikunu oġġettivi, ekwitabbli, non-diskrimatorji u trasparenti.

4.   L-Istati Membri m’għandhomx iżommu xi restrizzjonijiet regolatorji li jipprevjenu lill-utenti finali fi Stat Membru wieħed milli jaċċessaw direttament is-servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ sejħiet bil-vuċi jew SMS, u għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw tali aċċess f’konformità mal-Artikolu 28.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw suġġett għar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza u, b’mod partikolari, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).”;

17.

l-Artikoli 26 u 27 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Article 26

Servizzi ta’ emerġenza u n-numru uniku Ewropew għal sejħiet ta’ emerġenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, l-utenti finali kollha tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 2, inklużi l-utenti ta’ telefons pubbliċi bi ħlas, ikunu jistgħu jċemplu lis-servizzi ta’ emerġenza mingħajr ħlas, billi jużaw in-numru uniku Ewropew ta’ sejħiet ta’ emerġenza, in-numru ‘112’ u numri nazzjonali ta’ sejħiet ta’ emerġenza speċifikati mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, servizzi ta’ emerġenza u fornituri, għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu lill-utenti finali b’servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għal sejħiet ta’ oriġini nazzjonali lil numru jew numri fi pjan ta’ numerazzjoni telefonika nazzjonali, jipprovdu aċċess għal servizzi ta’ emerġenza.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sejħiet fuq in-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza ‘112’ għandhom jitwieġbu b’mod xieraq u ttrattati bil-mod l-aktar adattat għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta’ emerġenza. Dawn is-sejħiet għandhom jitwieġbu u jiġu ttrattati malajr u effiċjentement almenu daqs li kieku kienu sejħiet fuq in-numru jew numri nazzjonali ta’ emerġenza, fejn dawn ikunu għadhom jintużaw.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltà għal servizzi ta’ emerġenza jkun daqs dak li minnu jgawdu utenti finali oħrajn. Miżuri meħuda biex jiġi żgurat li l-utenti finali b’diżabbiltà jkun jista’ jkollhom aċċess għal servizzi ta’ emerġenza huma u jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra, għandhom ikunu bbażati kemm jista’ jkun possibbli fuq standards jew speċifikazzjonijiet Ewropej ippubblikati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), u m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jadottaw rekwiżiti addizzjonali biex isegwu l-għanijet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi konċernati jagħmlu l-informazzjoni dwar il-post minn fejn issir is-sejħa disponibbli mingħajr ħlas lill-awtorità li titratta sejħiet ta’ emerġenza malli s-sejħa tidħol għand l-awtorità. Dan għandu japplika għas-sejħiet kollha għan-numru uniku Ewropew ta’ sejħiet ta’ emerġenza ‘112’. L-Istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru sejħiet għal numri nazzjonali ta’ emerġenza. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jistabbilixxu kriterji għall-preċiżjoni u l-affidabilità tal-informazzjoni pprovduta dwar il-post tal-oriġini tas-sejħa.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati adegwatament dwar l-eżistenza u l-użu tan-numru uniku Ewropew għas-sejħiet ta’ emerġenza ‘112’, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi li jimmiraw speċifikament lil persuni li jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri.

7.   Sabiex ikun żgurat l-aċċess effettiv għas-servizzi ta’ ‘112’ fl-Istati Membri, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-BEREC, tista’ tadotta miżuri implimentattivi tekniċi. Madankollu, dawn il-miżuri implimentattivi tekniċi għandhom jiġu adottati bla ħsara għall-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ emerġenza, li għandhom jibqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, u m’għandu jkollhom l-ebda impatt fuqhom.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2).

Artikolu 27

Prefiss telefoniku Ewropej ta’ aċċess

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prefiss ‘00’ hu l-prefiss standard ta’ aċċess għan-network telefoniku internazzjonali. Jistgħu jintgħamlu jew jitkomplew arranġamenti speċjali biex isiru sejħiet bejn lokalitajiet transkonfinali qrib xulxin bejn Stati Membri. L-utenti finali fil-lokalitajiet konċernati għandhom jingħataw informazzjoni sħiħa dwar arranġamenti bħal dawn.

2.   Entità legali, stabbilita fil-Komunità u maħtura mill-Kummissjoni, għandu jkollha r-responsabilità unika għall-ġestjoni, inkluża l-assenjazzjoni tan-numri, u l-promozzjoni tal-Ispazju Ewropew ta’ Numerazzjoni Telefonika (ETNS). Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli meħtieġa għall-implimentazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi kollha li jipprovdu servizzi telefoniċi disponibbli għall-pubbliku jiġġestjonaw is-sejħiet kollha lejn l-ETNS u li joriġinaw mill-ETNS, b’rati li jkunu jixbhu ‘l dawk applikati għas-sejħiet lejn u minn Stati Membri oħra.”;

18.

l-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

“Artikolu 27a

Numri armonizzati għal servizzi armonizzati ta’ valur soċjali, inkluż in-numru hotline għat-tfal nieqsa

1.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu n-numri speċifiċi fil-firxa ta’ numri li jibdew b’ ‘116’ identifikati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/116/KE tal-15 ta’ Frar 2007 dwar ir-riżervar tal-firxa ta’ numri nazzjonali li jibdew b’ ‘116’ għal numri armonizzati għal servizzi armonizzati ta’ valur soċjali (**). Huma għandhom iħeġġu l-forniment fit-territorju tagħhom tas-servizzi li għalihom huma rriżervati tali numri.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti finali b’diżabbiltà jkun jista’ jkollhom l-akbar aċċess possibbli għal servizzi pprovduti taħt il-firxa ta’ numri ‘116’. Miżuri meħuda biex jiffaċilitaw li l-utenti finali b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal servizzi waqt li jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra għandhom ikunu konformi mal-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti pubblikati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati adegwatament dwar l-eżistenza u l-użu ta’ servizzi previsti taħt il-firxa ta’ numri ‘116’, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi speċifkament immirati għal persuni li jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom, barra minn miżuri ta’ applikabbiltà ġenerali lin-numri kollha fil-firxa ta’ numri ‘116’ meħuda f’konformità mal-paragrafi 1, 2, u 3, jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal servizz li jopera hotline biex jirrapporta każijiet ta’ tfal nieqsa. Il-hotline għandu jkun disoponibbli fuq in-numru 116000.

5.   Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-firxa ta’ numri li jibdew bil-‘116’, b’mod partikolari tal-linja diretta għar-rappurtar ta’ tfal nieqsa ‘116000’, fl-Istati Membri, inkluż l-aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltà meta dawn ikunu qed jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-BEREC, tista’ tadotta miżuri implimentattivi tekniċi. Madankollu, dawn il-miżuri implimentattivi tekniċi għandhom jiġu adottati bla ħsara għall-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi, li għandhom jibqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, u m’għandu jkollhom l-ebda impatt fuqhom.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2).

(**)  ĠU L 49, 17.2.2007, p. 30.”;"

19.

L-Artikolu 28 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 28

Aċċess għal numri u servizzi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn teknikament u ekonomikament fattibbli, u bl-eċċezzjoni ta’ meta abbonat imsejjaħ, għal raġunijiet kummerċjali, għażel li jillimita aċċess billi jsejjaħ partijiet li jinsabu f’żoni ġeografiċi speċifiċi, awtoritajiet nazzjonali rilevanti jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-utenti finali jkunu jistgħu:

(a)

jkollhom aċċess u jużaw servizzi bl-użu ta’ numri non-ġeografiċi fil-Komunità; kif ukoll

(b)

ikollhom aċċess għan-numri kollha provduti fil-Komunità, irrispettivament mit-teknoloġija u t-tagħmir użat mill-operatur, inklużi dawk fil-pjani ta’ numerazzjoni tal-Istati Membri, dawk mill-ETNS u n-Numri għal Sejħiet bla Ħlas Internazzjonali Universali (UIFN).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet rilevanti jkunu jistgħu jeħtieġu lil-impriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament biex jimblukkaw fuq bażi każ b'każ, l-aċċess għal numri jew servizzi meta dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ frodi jew użu ħażin, u li jeħtieġu li f’tali każijiet fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jżommu interkonnessjoni rilevanti jew dħul ieħor minn sevizzi.”;

20.

l-Artikolu 29 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 10(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi kollha li jipprovdu servizzi telefoniċi disponibbli għall-pubbliku u/jew aċċess għal networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, biex jagħmlu disponibbli lill-utenti finali l-faċilitajiet ulterjuri kollha, jew parti minnhom, elenkati fil-Parti B tal-Anness I, bla ħsara għall-fattibbiltà u l-vijabbiltà ekonomika, kif ukoll il-faċilitajiet ulterjuri kollha mniżżla fil-Parti A tal-Anness I, jew parti minnhom.”;

(b)

Il-paragrafu 3 għandu jitħassar;

21.

L-Artikolu 30 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 30

Iffaċilitar ta’ bdil minn fornitur għal ieħor

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati kollha b’numri mill-pjan nazzjonali ta’ numerazzjoni telefonika jistgħu jżommu, jekk jitolbu dan, in-numru/i tagħhom indipendentement mill-impriża li tipprovdi s-servizz skont id-dispożizzjonijiet tal-Parti C tal-Anness I.

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-prezz bejn l-operaturi u/jew il-fornituri tas-servizz relatat mal-forniment tal-portabbiltà tan-numru ikun orjentat lejn l-ispejjeż u li l-ħlasijiet diretti għall-abbonati, jekk ikun hemm, ma’ jkunx ta’ diżinċentiv għall-abbonati għall-bdil minn fornitur għall-ieħor.

3.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali m’għandhomx jimponu tariffi bl-imnut għall-portabilità tan-numri b’mod li jgħawġu il-kompetizzjoni, bħal per eżempju billi jiffissaw tariffi bl-imnut speċifiċi jew komuni.

4.   Il-portabbiltà tan-numri u l-attivazzjoni sussegwenti tagħhom għandhom jiġu implimentati fl-iqsar żmien possibbli. Fi kwalunkwe każ, l-abbonati li jkunu kkonkludew ftehim dwar il-portabilità ta’ numru għal impriża ġdida għandu jkollhom dak in-numru attivat fi żmien ġurnata tax-xogħol.

Bla ħsara għall-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jistabbilixxu l-proċess globali tal-portabbiltà tan-numri, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kuntratti, il-fattibbiltà teknika u l-ħtieġa li tinżamm il-kontinwità tas-servizz lill-abbonat. Fi kwalunkwe każ, il-waqfien tas-ervizz waqt il-proċess tal-porting m’għandux jeċċedi ġurnata xogħol. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom iqisu wkoll, fejn ikun meħtieġ, miżuri biex jiżguraw li l-abbonati jkunu protetti matul il-proċess kollu ta’ kommutazzjoni u li ma jinbidlilhomx il-fornitur kontra r-rieda tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu previsti sanzjonijiet xierqa fuq l-impriżi, inkluż l-obbligu li jagħtu kumpens lill-abbonati fil-każ ta’ dewmien fil-portabilità jew abbuż waqt li ssir il-portabilità minnhom jew f’isimhom.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika ma jagħtux mandat għal perijodu iniżjali ta’ impenn li jeċċedi 24 xahar. L-Istati Membri jridu wkoll jiżguraw li l-impriżi joffru lill-utenti l-possibilità li jabbonaw b’kuntratt bi żmien massimu ta’ 12-il xahar.

6.   Bla ħsara għal kwalunkwe perijodu kuntrattwali minimu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għat-terminazzjoni ta’ kuntratt ma jkunux ta’ diżinċentiv għall-bdil ta’ fornituri ta’ servizzi.”;

22.

l-Artikolu 31(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi raġonevoli ta’ trażmissjoni (must carry), għat-trażmissjoni ta’ servizzi speċifiċi ta’ radju u kanali ta’ trasmissjoni televiżiva u servizzi komplimentari, b’mod partikolari servizzi ta’ aċessibbiltà biex jippermettu aċċess xieraq għal utenti b'diżabbiltà, fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi wżati għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tar-radju jew ta’ kanali ta’ trasmissjoni televiżiva lill-pubbliku fejn numru sinifikanti ta’ utenti finali ta’ tali networks jużawhom bħala l-mezzi prinċipali tagħhom biex jirċievu servizzi bir-radju u kanali ta’ trażmissjoni televiżiva. Tali obbligi għandhom jiġu imposti biss meta jkunu meħtieġa biex jilħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali kif definiti b’mod ċar minn kull Stat Membru u għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti.

L-obbligi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu eżaminati mill-Istati Membri mhux aktar tard minn sena wara mill-25 ta’ Mejju 2011., ħlief meta l-Istat Membru jkun implimenta dan l-eżaminar fis-sentejn preċedenti.

L-Istati Membri għandhom jeżaminaw obbligi ta’ trażmissjoni ‘must carry’ fuq bazi regolari.”;

23.

l-Artikolu 33 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw sa fejn xieraq li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu kont tal-opinjonijiet tal-utenti finali, l-konsumaturi (inklużi, b’mod partikolari, konsumaturi b’diżabbiltà), manifatturi u impriżi li jfornu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika dwar kwistjonijiet li jirrelataw mad-drittijiet kollha tal-utenti finali u konsumaturi li jikkonċernaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli, b’mod partikolari fejn ikun hemm impatt sinifikanti fuq is-suq.

B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni li jiżgura li fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijet tal-utent aħħari u tal-konsumatur li jikkonċernaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament, tingħata konsiderazzjoni dovuta lill-interessi tal-konsumatur f’komunikazzjonijiet elettroniċi.”;

(b)

il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“3.   Bla ħsara għar-regoli nazzjonali f’konformità mal-liġi Komunitarja li tippromwovi objettivi kulturali u ta’ politika dwar il-media, bħad-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu tal-midja, awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet rilevanti oħra jistgħu jippromwovu kooperazzjoni bejn impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u s-setturi interessati fil-promozzjoni ta’ kontenut legali f’networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Dik il-kooperazzjoni tista’ tinkludi wkoll koordinazzjoni tal-informazzjoni ta’ interess pubbliku li għandha ssir disponibbli skont l-Artikolu 21(4) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1).”;

24.

l-Artikolu 34(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri barra l-qorti mhux diskriminatorji, sempliċi, trasparenti u li ma jkunux għaljin ikunu disponibbli għall-ittrattar ta’ disputi bejn il-konsumaturi u l-impriżi li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li jirriżultaw taħt din id-Direttiva, li dwarhom ma tkunx intlaħqet soluzzjoni, li jkun dwar il-kondizzjonijiet kuntrattwali u/jew il-prestazzjoni ta’ kuntratti li jikkonċernaw il-forniment ta’ dawn in-networks u servizzi. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw li dawn il-proċeduri jippermettu li d-disputi jiġu solvuti b’mod ġust u rapidu u jistgħu, fejn ġustifikat, jadottaw sistema ta’ rimborż u/jew kumpens. Proċeduri bħal dawn għandhom jagħmluha possibbli li t-tilwimiet jiġu solvuti b’mod imparzjali u m’għandhomx iċaħħdu lill-konsumatur mill-protezzjoni legali mogħtija mil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru kwistjonijiet li jinvolvu utenti finali oħra.”;

25.

L-Artikolu 35 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 35

Adattament tal-annessi

Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva u meħtieġa biex jiġu adattati l-Annessi I, II, III, u VI għall-iżviluppi teknoloġiċi u għall-bidliet fid-domanda tas-suq għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura regolatorji bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 37(2).”;

26.

l-Artikolu 36(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-obbligi ta’ servizz universali imposti fuq l-impriżi maħtura bħala impriżi li jkollhom obbligi ta’ servizz universali. Kwalunkwe tibdil li jaffettwa dawn l-obbligi imposti fuq l-impriżi jew tal-impriżi effettwati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.”;

27.

L-Artikolu 37 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 37

Il-proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistia mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit taħt Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”;

28.

L-Annessi I, II, III għandhom jiġu sostitwiti bit-test li jidher fl-Anness I ta’ din id-Direttiva u l-Anness VI għandu jkun sostitwit bit-test li jidher fl-Anness II għal din id-Direttiva;

29.

Anness VII għandu jiġi mħassar.

Artikolu 2

Emendament tad-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)

Id-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) hija b’dan emendata kif ġej:

1.

l-Artikolu 1(1) għandhu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.”;

2.

l-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;”;

(b)

il-punt (e) għandu jiġi mħassar;

(c)

il-punt li ġej għandu jiżdied:

“(h)

‘ksur ta’ data personali’ tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għall-qerda, it-telf, l-alterazzjoni, l-iżvelar mhux awtorizzat b’mod aċċidentali jew illegali ta', jew l-aċċess għal, data personali mibgħuta, maħżuna jew ipproċessata b’mod ieħor f’konnessjoni mal-provvediment ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fil-Komunità.”;

3.

L-Artikolu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Servizzi konċernati

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”;

4.

l-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-titolu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Sigurtà ta’ pproċessar”;

(b)

il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“1a.   Mingħajr ħsara għad-Direttiva 95/46/KE, il-miżuri msemmija f’Paragrafu 1 għandhom għall-inqas:

jassiguraw li d-data personali tkun tista’ tiġi aċċessata biss minn persunal awtorizzat u għal raġunijiet awtorizzati legalment;

jipproteġu d-data personali maħżuna jew trażmessa mill-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf jew tibdil aċċidentali, u l-ħżin, l-ipproċessar, l-aċċess jew l-iżvelar mhux awtorizzati jew illegali; kif ukoll

jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ sigurtà fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

L-awtoritajiet nazzjonali relevanti għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw il-miżuri li jkunu ttieħdu mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku u joħorġu rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prattika fir-rigward tal-livell ta’ sigurtà li għandhom jiksbu dawn il-miżuri.”;

(c)

il-paragrafi li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

“3.   Fil-każ ta’ ksur ta’ data personali l-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli konċernat jew is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kkonċernati għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifkaw il-ksur tad-data personali lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

Meta l-ksur tad-data personali jista’ jaffettwa ħażin l-abbonat jew id-data personali jew il-privatezza tal-individwu, il-fornitur għandu wkoll jinnotifika l-abbonat ikkonċernat jew lill-individwu b’tali ksur mingħajr dewmien żejjed.

Ma għandhiex tkun meħtieġa notifika ta’ ksur ta’ data personali lilll-abbonat jew lill-individwu ikkonċernat jekk il-fornitur ikun wera lill-awtorità kompetenti li jkun implimenta l-miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi adatti, u li dawk il-miżuri ġew applikati għad-data kkonċernata mill-ksur tas-sigurtà. Tali miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi għandhom irendu d-data indeċifrabbli għal kull persuna li ma tkunx awtorizzata li jkollha aċċess għaliha.

Mingħajr ħsara għall-obbligu tal-fornitur li jinnotifika lill-abbonati jew lill-individwi ikkonċernati, jekk fornitur ma jkunx diġa nnotifika lill-abbonat jew individwu dwar ksur ta’ data personali, l-awtorità nazzjonali kompetenti, wara li tkun ikkunsdrat l-effeti negattivi li jista’ jkollu l-ksur, tista’ tirrikjedi lill-fornitur biex jagħmel dan.

In-notifika lill-abbonat jew individwu għandha mill-inqas tiddeskrivi n-natura tal-ksur tad-data personali u l-punti ta’ kuntatt fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni, u għandha tirrakkomanda miżuri biex itaffu l-effetti negattivi possibbli tal-ksur tad-data personali. In-notifika lill-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, barra minn dan, tiddeskrivi l-konsegwenzi ta’ u l-miżuri proposti jew meħuda mill-fornitur biex jiġi ttrattat il-ksur tad-data personali.

4.   Suġġett għal kwalunkwe miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 5, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jadottaw linji gwida u, fejn meħtieġ, joħorġu struzzjonijiet dwar iċ-ċirkostanzi li fihom il-fornituri huma meħtieġa li jinnotifikaw ksur tad-data personali, il-format ta’ tali notifika u l-proċeduri tan-notifika. Huma għandhom jissorveljaw ukoll jekk il-fornituri jkunux issodisfaw l-obbligi tagħhom tan-notifika skont dan il-paragrafu, u fil-każ li dan ma jkunx sar, għandhom jimponu sanzjonijiet adegwati.

Il-fornituri għandhom iżommu inventarju tal-każijiet ta’ ksur ta’ data personali, li jkun jinkludi l-fatti ta’ dawn il-każijiet ta’ ksur, l-effetti tagħhom u l-azzjoni li ttieħdet biex jingħata rimedju, li għandu jkun biżżejjed sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3. L-inventarju għandu jinkludi biss l-informazzjoni meħtieġa għal dan l-iskop.

5.   Sabiex tiġi żgurata konsistenza fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA), il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi rigward l-Ipproċessar ta’ Data Personali mwaqqaf mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi li jikkonċernaw, iċ-ċirkostanzi, il-format u l-proċeduri applikabbli għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni u notifika msemmija f’dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tinvolvi lill-partijiet interessati kollha, partikolarment sabiex tkun infurmata dwar l-aħjar mezzi tekniċi u ekonomiċi disponibbli għall-implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14a(2).”;

5.

l-Artikolu 5(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva 95/46/KE, dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”;

6.

L-Artikolu 6(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.”;

7.

L-Artikolu 13 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Komunikazzjoni mhux mitluba

1.   L-użu ta’ sistemi ta’ sejħiet awtomatizzati u ta’ komunikazzjoni, mingħajr l-intervent uman (magni ta’ sejħiet awtomatiċi), magni tal-facsimile (fax) jew posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jkun permess biss fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fejn persuna naturali jew legali tikseb mill-klijenti tagħha d-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-posta elettronika, fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ prodott jew servizz, skont id-Direttiva 95/46/KE, l-istess persuna naturali jew legali tista’ tuża dawn id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi għall-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti jew servizzi simili tagħha stess, dment li l-klijenti jingħataw b’mod ċar u distint l-opportunità li joġġezzjonaw, mingħajr ħlas u b’mod faċli, għal tali użu ta’ dettalji ta’ kuntatt elettroniku fil-ħin tal-ġbir tagħhom u fl-okkażjoni ta’ kull messaġġ fil-każ fejn il-klijent ma jkunx irrifjuta inizjalment tali użu.

3.   L-Istati Membri għandhom miżuri xierqa biex jiżguraw illi, il-komunikazzjonijiet mhux mitluba għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, minbarra f’każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ma jkunux permessi mingħajr il-kunsens tal-abbonati jew l-utenti konċernati jew fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li ma jixtiqux jirċievu dawn il-komunikazzjonijiet, bl-għażla bejn dawn it-tnejn tiġi determinata mil-leġislazzjoni nazzjonali, b’kont meħud li ż-żewġ għażliet għandhom ikunu mingħajr ħlas għall-abbonat jew l-utent.

4.   F’kull każ, il-prattika li tintbagħat posta elettronika għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta li tiddissimula jew taħbi l-identità tal-mittent li f’ismu tkun saret il-komunikazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31/KE, mingħajr indirizz validu li r-riċevent jista’ jibgħatlu talba biex ma jirċevix tali komunikazzjonijiet, jew li tinkoraġġixxi lir-riċeventi jżuru websajts li jmorru kontra dak l-Artikolu, għandha tiġi pprojbita.

5.   Il-paragrafi 1 u 3 għandhom jgħoddu għal abbonati li huma persuni naturali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll, fil-qafas tal-liġi Komunitarja u l-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli, li l-interessi leġittimi ta’ abbonati minbarra persuni naturali rigward komunikazzjonijiet mhux mitluba huma protetti b’mod suffiċjenti.

6.   Bla ħsara għal kwalunkwe rimedju amministrattiv li għalih tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia skont l-Artikolu 15a(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna fiżika jew legali affettwata ħażin minn ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dan l-Artikolu u li għaldaqstant għandha interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ tali ksur, inkluż fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika li jħares l-interessi kummerċjali leġittimi tiegħu, jista’ jieħu azzjoni legali kontra tali ksur. L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar pieni applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li bin-negliġenza tagħhom jikkontribwixxu għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati konformement ma’ dan l-Artikolu.”;

8.

l-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Artikolu 14a

Proċeduta tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistia mill-Kumitat tal-Komunikazzjoni stabbilit mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu ġew ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.”;

9.

fl-Artikolu 15, il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“1b.   Il-fornituri għandhom jistabbilixxu proċeduri interni biex iwieġbu talbiet għal aċċess għad-data personali tal-utenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adotatti skont il-paragrafu 1. Għandhom jipprovdu lill-awtorità nazzjonali kompetenti, meta din titlobha, b’informazzjoni dwar dawn il-proċeduri, in-numru ta’ talbiet li jkunu waslu għandhom, il-ġustifikazzjoni legali invokata u r-risposti tagħhom.”;

10.

l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 15a

Implimentazzjoni u infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli tal-penali, inklużi sanzjonijiet kriminali fejn xieraq, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u diswassivi u jistgħu jkunu applikati biex ikopru l-perijodu ta’ kwalunkwe ksur, anke fejn sussegwentement il-ksur ikun ġie rettiffikat. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-25 ta’ Mejju 2011 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li teffettwahom.

2.   Mingħajr ħsara għal kwalunkwe soluzzjoni ġudizzjarja li tista’ tkun disponibbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità nazzjonali kompetenti u, fejn rilevanti, korpi nazzjonali oħra jkollhom is-setgħa li jordnaw il-waqfien tal-ksur imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, fejn rilevanti, korpi nazzjonali oħra jkollhom is-setgħat u r-riżorsi investigattivi kollha meħtieġa, inkluż is-setgħa li jiksbu kwalunkwe informazzjoni rilvanti li jistgħu jkunu jeħtieġu biex jissorveljaw u jinfurzaw id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

4.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti jistgħu jadottaw miżuri sabiex jiżguraw koperazzjoni effikaċi transkonfinali fl-infurzar tal-liġijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u toħloq kondizzjonijiet armonizzati għall-forniment ta’ servizzi li jinvolvu flussi transkonfinali tad-data.

L-awtoritajiet regolatorji nazjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fi żmien bikri biżżejjed qabel ma jadottaw dawn ir-rekwiżiti, b’sommarju tar-raġunijiet għall-azzjoni, il-miżuri mistennija u l-pjan ta’ azzjoni propost. Il-Kummissjoni tista', wara li tkun eżaminat din l-informazzjoni u wara li tkun ikkonsultat lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Network u tal-Informazzjoni (ENISA) u lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi rigward l-Ipproċessar ta’ Data Personali mwaqqaf mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE, tagħmel kummenti u rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari biex tiżgura li l-miżuri previsti ma jaffettwawx ħażin it-tħaddim tas-suq intern. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont sħiħ tal-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni meta jkunu qed jiddeċiedu dwar il-miżuri.”.

Artikolu 3

Emendament tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ir-Regolament dwar il-koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi), għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:

“17.

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika): Artikolu 13 (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).”.

Artikolu 4

Transpożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sal-25 ta’ Mejju 2011 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandhom isiru tali referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali adottati minnhom fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Indirizzati

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Novembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

Å. TORSTENSSON


(1)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50.

(2)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 51.

(3)  ĠU C 181, 18.7.2008, p. 1.

(4)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2009 (ĠU C 103 E, 5.5.2009, p. 40.), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 2009 u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2009.

(5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(8)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(9)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(10)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10.

(11)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(12)  ĠU L 249, 17.9.2002, p. 21.

(13)  ĠU L 49, 17.2.2007, p. 30.

(14)  ĠU L 36, 7.2.1987, p. 31.

(15)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(16)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(17)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(18)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS I

ANNESS I

DESKRIZZJONI TA’ FAĊILITAJIET U SERVIZZI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 10 (KONTROLL TAL-INFIQ), FL-ARTIKOLU 29 (FAĊILITAJIET ULTERJURI) U FL-ARTIKOLU 30 (FAĊILITAZZJONI TAL-BIDLA FIL-FORNITUR)

Taqsima A   Il-faċilitajiet u s-servizzi msemmija fl-Artikolu 10

(a)   Kontijiet dettaljati

L-Istati Mambri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, suġġetti għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza, ikunu jistgħu jistabbilixxu l-livell bażiku ta’ kontijiet dettaljati li jridu jinħarġu minn impriżi lill-abbonati mingħajr ħlas sabiex dawn ikunu jistgħu:

(i)

jivverifikaw u jiċċekkjaw il-ħlasijiet għall-użu ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet f’post fiss u/jew li jkunu relatati ma’ servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli; u kif ukoll

(ii)

jissorveljaw b’mod xieraq l-użu u l-ispejjeż li jagħmlu u b’hekk jeżerċitaw livell raġonevoli ta’ kontroll fuq il-kontijiet tagħhom.

Meta jkun xieraq, jistgħu jiġu offruti lill-abbonati livelli ulterjuri ta’ dettall għal ħlas ta’ tariffi raġonevoli jew mingħajr ebda ħlas.

Is-sejħiet li jkunu mingħajr ħlas mill-abbonat li jagħmel is-sejħa, inklużi s-sejħiet lil linji ta’ għajnuna, ma jridux ikunu identifikati fil-kont dettaljat tal-abbonat li jagħmel is-sejħa.

(b)   Imblukkar selettiv ta’ sejħiet ‘il barra (outgoing calls), jew SMS primjum jew MMS, jew, fejn huwa teknikament fattibbli, tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili, mingħajr ħlas

jiġifieri, il-faċilità li permezz tagħha l-abbonat jista’, wara li jitlob lill-impriża maħtura biex tipprovdi servizzi telefoniċi, jimblokka, mingħajr ma jħallas, sejħiet ‘il barra jew SMS primjum jew MMS jew tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili, ta’ tipi definiti jew lejn tipi definiti ta’ numri.

(c)   Sistemi ta’ ħlas minn qabel

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jitolbu lill-impriżi maħtura biex jipprovdu mezzi kif il-konsumaturi jħallsu għall-aċċess għal network ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u għall-użu ta’ servizzi telefoniċi pubblikament disponibbli fuq bażi ta’ termini ta’ ħlas minn qabel.

(d)   Pagament bin-nifs tal-ħlasijiet għall-konnessjoni

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jitolbu lill-impriżi maħtura biex jippermettu li l-konsumaturi jkunu jistgħu jħallsu għall-konnessjoni ma’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet fuq bażi ta’ pagamenti bin-nifs għal tul ta’ żmien.

(e)   Kontijiet li ma jitħallsux

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw miżuri speċifiċi, li għandhom ikunu proporzjonati, mhux diskriminatorji u ppubblikati, biex ikopru l-kontijiet li ma jitħallsux maħruġa minn impriżi maħtura f’konformità mal-Artikolu 8. Dawn il-miżuri għandhom jiżguraw li jingħata avviż debitu ta’ kwalunkwe interuzzjoni konsegwenti tas-servizz jew tingħata skonnessjoni lill-abbonat minn qabel. Ħlief fil-każijiet ta’ frodi, ħlas persistenti tard jew nuqqas ta’ ħlas, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw, sa fejn hu teknikament fattibbli li kwalunkwe interruzzjoni tas-servizz tiġi konfinata għas-servizz ikkonċernat. L-iskonnessjoni għan-nuqqas ta’ ħlas tal-kontijiet għandha sseħħ biss wara li tingħata t-twissija debita lill-abbonat. L-Istati Membri jistgħu jippermettu żmien limitat ta’ servizz qabel l-iskonnessjoni kompleta, li matulu sejħiet biss li ma jinvolvux ħlas mill-abbonat (per eżempju sejħiet “112”) jiġu permessi.

(f)   Informazzjoni dwar it-tariffi

jiġifieri, il-faċilità li permezz tagħha l-abbonati jistgħu jitolbu lill-intrapriża biex tagħti informazzjoni dwar tariffi alternattivi rħas, jekk disponibbli.

(g)   Kontroll tal-ispiża

jiġifieri, il-faċilità li permezz tagħha l-intrapriża toffri mezzi oħra, jekk jiġi determinat li dawn huma xierqa mill-awtoritajiet regolatori nazzjonali, li jikkontrollaw l-ispejjeż ta’ servizzi ta’ telefonija disponibili għall-pubbliku, inklużi “alerts”’ għall-konsumaturi mingħajr ħlas f’każijiet ta’ tendenzi ta’ konsum mhux normali jew eċċessiv.

Taqsima B   Faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 29

(a)   Iddijaljar bit-ton jew DTMF (operazzjoni b’ton doppju multi-frekwenza)

jiġifieri n-network pubbliku ta’ komunikazzjoni u/jew servizzi tat-telefon pubblikament disponibbli li jappoġġaw l-użu ta’ toni DTMF kif definit fl-ETSI ETR 207 għall-issinjalar minn tarf sa tarf man-network kollu kemm fi Stat Membru partikolari kif ukoll bejn Stat Membru u ieħor.

(b)   Identifikazzjoni tal-linja ta’ mnejn dieħla t-telefonata

jiġifieri n-numru tal-parti li tagħmel is-sejħa jiġi ppreżentat lill-persuna msejħa qabel ma s-sejħa tiġi stabbilita.

Din il-faċilità għandha tiġi pprovduta skont il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza, b’mod partikolari d-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).

Sal-limitu teknikament possibbli, l-operaturi għandhom ifornu data u sinjali li jiffaċilitaw l-offerta tal-identità tal-linja li tagħmel is-sejħa u ton ta’ ddajaljar minn naħa għall-oħra tal-konfini tal-Istati Membri.

Taqsima C   L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-portabbiltà tan-numri msemmija fl-Artikolu 30

Ir-rekwiżit li l-abbonati kollha b’numri mill-pjan nazzjonali ta’ numerifikazzjoni telefonika, li jitolbu dan, jistgħu jżommu n-numru/i tagħhom indipendentement mill-impriża li tipprovdi s-servizz għandu japplika:

(a)

fil-każ ta’ numri ġeografiċi, f’post speċifiku; kif ukoll

(b)

fil-każ ta’ numri mhux ġeografiċi, fi kwalunkwe post.

Din il-Parti ma japplikax għall-portabbiltà ta’ numri bejn networks li jipprovdu servizzi f’post iffissat u networks mobbli.

ANNESS II

INFORMAZZJONI LI TRID TIĠI PPUBBLIKATA SKONT L-ARTIKOLU 21

(TRASPARENZA U PUBBLIKAZZJONI TA’ INFORMAZZJONI)

L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-informazzjoni f’dan l-Anness tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 21. Hi r-responsabbiltà tal-awtorità regolatorja nazzjonali li tiddeċiedi liema informazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u/jew servizzi telefonċi pubblikament disponibbli u liema informazzjoni għandha tkun ippubblikata mill-awtorità regolatorja nazzjonali nnifisha, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.

1.   Isem/ismijiet u indirizz(i) tal-impriża/i

Ismijiet u l-indirizzi tal-uffiċċju prinċipali tal-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet u/jew servizzi telefonċi pubblikament disponibbli.

Deskrizzjoni tas-servizzi offruti

2.1.   Ambitu tas-servizzi offruti

2.2.   Tariffi standard li jindikaw li servizzi provduti u l-kontenut ta’ kull element tat-tariffa (pereżempju ħlasijiet għal aċċess, it-tipi kollha ta’ miżati għall-użu, miżati għall-manutenzjoni), kif ukoll inklużi dettalji dwar roħs standard applikat u skemi speċjali u skemi ta’ tariffi mmirati u kwalunkwe ħlasijiet addizzjonali, kif ukoll spejjeż fir-rigward ta’ tagħmir terminali.

2.3.   Politika ta’ kumpens/refużjoni, inklużi dettalji speċifiċi dwar kwalunkwe skemi ta’ kumpens/refużjoni li jkunu qed jiġu offruti.

2.4.   Tipi ta’ servizz ta’ manutenzjoni li jkun qed jiġi offrut.

2.5.   Kondizzjonijiet ta’ kuntratt standard, inklużi kwalunkwe perjodu kuntrattwali minimu, terminazzjoni ta’ kuntratt u, proċeduri u ħlasijiet diretti relatati mal-portabbiltà tan-numri u identifikaturi oħrajn, jekk dan ikun rilevanti.

3.   Mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi inklużi dawk żviluppati mill-impriża.

4.   Informazzjoni dwar drittijiet fir-rigward ta’ servizz universali, inklużi, meta jkun xieraq, il-faċilitajiet u s-servizzi msemmija fl-Anness I.

ANNESS III

PARAMETRI TAL-KWALITÀ TAS-SERVIZZ

Parametri tal-kwalità tas-servizz, tifsiriet u metodi ta’ kejl imsemmija fl-artikoli 11 u 22

Għal impriżi li jipprovdu aċċess għal network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet

PARAMETRU

(Nota 1)

DEFINIZZJONI

METODU TA’ KEJL

Żmien għall-forniment għall-konnessjoni inizjali

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Rata ta’ ħsara għal kull linja ta’ aċċess

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Ħin tat-tiswija tal-ħsara

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Għal intrapriżi li jipprovdu servizz ta’ telefonija disponibbli għal pubbliku

Call set up time

(Nota 2)

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Ħin biex tingħata risposta b’servizzi ta’ konsultazzjojni tad-direttorju

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Proporzjon tat-telefons pubbliċi li joperaw bi ħlas bil-muniti jew bil-kard li jkunu jaħdmu

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Ilmenti dwar żbalji fil-kontijiet

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Proporzjon ta’ sejħiet li ma jirnexxux

(Nota 2)

ETSI EG 202 057

ETSI EG 202 057

Numru tal-verżjoni tal-ETSI EG 202 057-1 huwa 1.3.1. (Lulju 2008).

Nota 1

Il-parametri għandhom iħallu lok għall-analiżi tal-prestazzjoni fuq livell reġjonali (jiġifieri mhux inqas mil-livell 2 fin-Nomenklatura tal-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (NUTS) stabbilita mill-Eurostat.

Nota 2

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jitolbux li tinżamm informazzjoni aġġornata dwar il-prestazzjoni għal dawn iż-żewġ parametri, jekk ikun hemm provi disponibbli li juru li l-prestazzjoni f’dawn iż-żewġ oqsma tkun sodisfaċenti.


ANNESS II

“ANNESS VI

INTEROPERABBILTÀ TAT-TAGĦMIR DIĠITALI TAL-KONSUMATUR IMSEMMI FL-ARTIKOLU 24

1.   L-iscrambling algorithm komuni u reċiviment ħieles fl-arja

It-tagħmir kollu tal-konsumatur maħsub għar-riċeviment ta’ sinjali diġitali tat-televiżjoni konvenzjonali (jiġifieri xandir permezz ta’ trasmissjoni terrestri, bil-cable jew bis-satellita li huwa intiż primarjament għar-riċeviment fiss, bħall-DVB-T, DVB-C or DVB-S), għall-bejgħ jew kera jew xort’oħra magħmula disponibbli fil-Komunità, kapaċi li jħollu s-sinjali diġitali tat-televiżjon, għandu jkollu l-kapaċità li:

jippermetti li jinħallu dawk is-sinjali skont scrambling alogarith komuni Ewropew kif amministrat mill-organizzazzjoni rikonoxxuta Ewropea tal-istandards, attwalment l-ETSI;

juri sinjali li jkunu ġew trasmessi sakemm, fil-każ li dak it-tagħmir jiġi mikri, il-kerrej ikun f’konformità mal-ftehim rilevanti tal-kiri.

2.   Interoperabilità għal settijiet tat-televiżjoni analogi u diġitali

Kwalunkwe sett analogu tat-televiżjoni bi skrin integrali bi djagunal viżibbli ta’ aktar minn 42 cm li jitqiegħed fis-suq għall-bejgħ jew kera fil-komunità għandu jkun iffittjat b’tal-anqas konnessjoni waħda miftuħa, kif standardised minn organizzazzjoni rikonoxxuta Ewropea tal-istandards, per eżempju kif mogħtija fis-CENELEC EN 50 049-1:1997 standard, li tkun tippermetti konnessjoni sempliċi għall-periferali, speċjalment apparat għad-dikodifikar jew riċevituri diġitali.

Kwalunkwe sett diġitali tat-televiżjoni bi skrijn integrali viżibbli ta’ djagunal akbar minn 30 ċm li jitqiegħed għall-bejgħ jew kera fil-Komunità għandu jkun iffittjat b’talanqas konnessjoni waħda miftuħa (jew standardizzata, jew li tikkonforma ma’ standard adottat, minn organizzazzjoni ta’ standards Ewropej rikonoxxuta, jew li tikkonforma ma’ speċifikazzjoni tal-industrija kollha) per eżempju konnettur komuni ta’ konnessjoni DVB, li jippermetti konnessjoni sempliċi għall-periferali, u li jkun jista’ jgħaddi l-elementi kollha ta’ sinjal diġitali televiżiv, inkluża nformazzjoni li tirrelata ma’ servizzi nterattivi u kondizzjonalment aċċessati.”