17.10.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 273/12 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/131/KE
tas-16 ta’ Ottubru 2009
li temenda l-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Nru ERA/REC/XA/01-2009 tas-17 ta’ April 2009,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 9b(2) tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) obbliga lill-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (minn hawn ‘il quddiem “l-Aġenzija”) li sad-19 ta’ Jannar 2009 tirrevedi l-lista ta’ parametri fit-Taqsima 1 tal-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE u tagħmel rakkomandazzjonijiet li hi tikkunsidra adatti lill-Kummissjoni. |
(2) |
Ġaladarba t-Taqsima 1 attwali tal-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE fiha elementi li mhumiex parametri tal-vetturi, dawk l-elementi għandhom jitneħħew. |
(3) |
It-Taqsima 1 tal-Anness imsemmi fiha wkoll parametri li primarjament jirrelataw biss għal dik il-parti tal-vettura li tirrigwarda s-susbsistema tal-vetturi ferrovjarji. Jeħtieġ li l-lista tal-parametri tkopri sew il-parametri kollha ta’ vettura li għandhom ikunu kkontrollati b’irbit mal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz kif ukoll il-klassifikazzjoni tar-regoli nazzjonali. Għaldaqstant għandhom ikunu inklużi parametri ta’ subsistemi oħra li jiffurmaw parti mill-vettura. |
(4) |
Għalhekk, id-Direttiva 2008/57/KE għandha tkun emendata skont dan. |
(5) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2008/57/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
It-Taqsima 1 tal-Anness VII għad-Direttiva 2008/57/KE għandha tinbidel bit-test stipulat fl-Anness għal din id-Direttiva.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jaderixxu ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Lulju 2010. Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.
Meta Stati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2009.
Għall-Kummissjoni
Antonio TAJANI
Viċi President
(1) ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.
(2) ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.
ANNESS
“1. Lista ta’ parametri
1.1. |
Dokumentazzjoni ġenerali Dokumentazzjoni ġenerali (inkluża d-deskrizzjoni ta’ vetturi ġodda, rinnovati jew imtejba u informazzjoni dwar l-użu li għalih huma maħsuba, it-tiswija, l-operat u l-manutenzjoni, il-fajl tekniku, eċċ.) |
1.2. |
Struttura u partijiet mekkaniċi L-integritá mekkanika u l-interfaċċa bejn il-vetturi (inklużi r-respinġenti u t-tagħmir ta’ trazzjoni, passaġġi), is-saħħa tal-istruttura tal-vettura u l-apparat ta’ ġo fiha (eż. s-sits), il-kapaċitá tat-tagħbija, is-sikurezza passiva (inkluża r-reżistenza interjuri u esterjuri għall-ħabtiet) |
1.3. |
Interazzjoni mal-binarji u daqsijiet (gauging) Interfaċċi mekkaniċi mal-infrastruttura (inkluż l-aġir statiku u dinamiku, it-tolleranzi u l-iffittjar, id-daqsijiet (gauge), l-apparat marbut mar-roti passivi, eċċ.) |
1.4. |
Tagħmir tal-brejkijiet Elementi relatati mal-ibbrejkjar (inkluża l-protezzjoni kontra ż-żliq tar-roti, il-kontroll tal-ibbrejkjar u l-prestazzjoni tal-ibbrejkjar fil-modi tal-użu tas-servizz, l-emerġenza u l-ipparkjar) |
1.5. |
Elementi relatati mal-passiġġieri Faċilitajiet għall-passiġġieri u l-ambjent tal-passiġġieri (inklużi t-twieqi u l-bibien tal-passiġġieri, ir-rekwiżiti għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, eċċ.) |
1.6. |
Kundizzjonjiet ambjentali u effetti aerodinamiċi L-impatt tal-ambjent fuq il-vettura u l-impatt tal-vettura fuq l-ambjent (inklużi l-kundizzjonijiet aerodinamiċi u kemm l-interfaċċa bejn il-vettura u l-parti tas-sistema ferrovjarja relatat mal-binarji kif ukoll l-interfaċċa mal-ambjent estern) |
1.7. |
Twissijiet esterni, marki, funzjonijiet u rekwiżiti tal-integrità tas-softwer Twissijiet esterni, marki, funzjonijiet u rekwiżiti tal-integrità tas-softwer, eż. Funzjonijiet relatati mas-sikurezza b’impatt fuq l-aġir tat-tren, inkluża d-databus tat-tren |
1.8. |
Provvista u kontroll tal-qawwa ta’ abbord Sistemi ta’ abbord għall-propulsjoni, il-qawwa u l-kontroll, flimkien mal-interfaċċa tal-vettura mal-infrastruttura tal-provvista tal-enerġija u l-aspetti kollha tal-kompatibbiltà elettromanjetika |
1.9. |
Faċilitajiet, interfaċċi u ambjent tal-persunal Faċilitajiet, interfaċċi kundizzjonijiet ta’ ħidma u ambjent ta’ abbord għall-persunal (inklużi l-kabini tas-sewwieqa, l-interfaċċa bejn is-sewwieq u l-magna) |
1.10. |
Sikurezza u evakwazzjoni f’każ ta’ nirien |
1.11. |
Manutenzjoni Faċilitajiet u interfaċċi ta’ abbord għall-manutenzjoni |
1.12. |
Kmand, kontroll u sinjalazzjoni ta’ abbord It-tagħmir kollu ta’ abbord li huwa meħtieġ biex ikunu żgurati l-movimenti ta’ kmand u kontroll tal-ferroviji awtorizzati li jivvjaġġaw fuq in-netwerk u l-effetti ta’ dan it-tagħmir fuq il-parti tas-sistema ferrovjarja relatata mal-binarji |
1.13. |
Rekwiżiti operattivi speċifiċi Rekwiżiti operattivi speċifiċi għall-vetturi (inkluż l-operat b’effiċjenza mnaqqsa, irkupru tal-vettura, eċċ.) |
1.14. |
Elementi relatati mal-merkanzija Rekwiżiti speċifiċi u ambjent speċifiku għall-merkanzija (inklużi faċilitajiet speċifikament meħtieġa għall-oġġetti perikolużi) |
L-ispjegazzjonijiet u l-eżempji bil-kursiv hawn qed jingħataw bi skop informattiv biss, u mhumiex definizzjonijiet tal-parametri.”