25.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/29


DIRETTIVA 2009/127/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2009

li temenda d-Direttiva 2006/42/KE fir-rigward ta’ makkinarju għall-applikazzoni tal-pestiċidi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-użu tal-pestiċidi huwa rikonoxxut bħala ta’ periklu kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-ambjent. Fil-Komunikazzjoni tagħha ‘Strateġija Tematika dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi’ tat-12 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat strateġija li għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-użu tal-pestiċidi. Minbarra dan, il-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottaw id-Direttiva 2009/128/KE tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (3) (id-“Direttiva Qafas”).

(2)

L-iddisinnjar, il-bini u l-manutenzjoni ta’ makkinarju għall-applikazzjoni tal-pestiċidi għandhom rwol sinifikanti għall-mira tat-tnaqqis tal-effetti negattivi tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Fir-rigward tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li diġà qed jintużaw professjonalment, id-Direttiva Qafas tintroduċi rekwiżiti għall-ispezzjoni u l-manutenzjoni li għandhom jitwettqu fuq tagħmir bħal dan.

(3)

Id-Direttiva Qafas tapplika għall-pestiċidi li huma prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Għaldaqstant huwa xieraq li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jkun limitat għall-makkinarju għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li huma prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Madankollu, peress li huwa mistenni li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Qafas jiġi estiż sabiex ikopri l-prodotti bijoloġiċi, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-ambjent biex ikopri l-makkinarju għall-applikazzjoni ta’ prodotti bijoloġiċi għandha tiġi studjata mill-Kummissjoni Ewropea sal-31 ta’ Diċembru 2012.

(4)

Ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni u, fejn ikun il-każ, ta’ annimali domestiċi u ta’ proprjetà huma diġà koperti mid-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju (4). Għalhekk huwa xieraq li r-rekwiżiti essenzjali għal protezzjoni ambjentali għall-iddisinnjar u l-bini ta’ makkinarju ġdid għall-applikazzjoni tal-pestiċidi jiġu inklużi fid-Direttiva 2006/42/KE, filwaqt li jiġi żgurat li dawn ir-rekwiżiti jkunu konsistenti ma’ dawk tad-Direttiva Qafas li jikkonċernaw il-manutenzjoni u l-ispezzjoni.

(5)

Għal dan il-għan, huwa ukoll meħtieġ li tiġi inkluża referenza għall-protezzjoni tal-ambjent fid-Direttiva 2006/42/KE filwaqt li dan l-objettiv jiġi ristrett għall-kategorija tal-makkinarju u għar-riskji soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi ta’ protezzjoni ambjentali.

(6)

Makkinarju għall-applikazzjoni tal-pestiċidi jinkludi makkinarju li jimxi waħdu, jew li jkun irmunkat, immuntat fuq vettura, parzjalment immuntat, u mmuntat fuq inġenju li jtir, kif ukoll makkinarju wieqaf maħsub għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, kemm għall-użu professjonali kif ukoll għall-użu privat. Jinkludi wkoll makkinarju b’mutur, jew makkinarju li jitħaddem manwalment, li jista’ jinġarr u jinżamm fl-idejn, b’kompartiment taħt pressjoni.

(7)

Din id-Direttiva hija limitata għar-rekwiżiti essenzjali li l-makkinarju għall-applikazzjoni tal-pestiċidi għandu jkun konformi magħhom qabel jitqiegħed fis-suq u/jew jintuża, filwaqt li l-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej huma responsabbli għat-tfassil ta’ standards armonizzati li jipprovdu speċifikazzjonijiet dettaljati għad-diversi kategoriji ta’ makkinarju sabiex jippermettu lill-produtturi biex jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti.

(8)

Huwa essenzjali wkoll li l-partijiet kollha interessati, inklużi l-industrija, il-bdiewa u l-organizzazzjonijiet ambjentali, jkunu involuti b’mod ugwali fl-istabbiliment tal-istandards armonizzati, sabiex ikun żgurat li l-istandards jiġu adottati fuq bażi ta’ qbil unanimu fost il-partijiet kollha interessati.

(9)

Id-Direttiva 2006/42/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

(10)

Skont il-punt 34 tal-Ftehima Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (5) l-Istati Membri huma mħeġġa li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li juru, kemm jista’ jkun possibbli, ir-rabta bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ trasportazzjoni, u biex jippubblikawhom.

(11)

Meta l-evidenza xjentifika disponibbli m’hijiex biżżejjed sabiex tippermetti stima preċiża tar-riskju, l-Istati Membri għandhom, meta jieħdu miżuri skont din id-Direttiva, japplikaw il-prinċipju prekawzjonarju, li huwa prinċipju tal-liġi Komunitarja mfisser, inter alia, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2000, filwaqt li jqisu kif xieraq ir-regoli u l-prinċipji l-oħra li jinsabu fid-Direttiva 2006/42/KE, bħall-moviment ħieles tal-prodotti u l-preżunzjoni tal-konformità,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendament tad-Direttiva 2006/42/KE

Id-Direttiva 2006/42/KE hija b’dan emendata kif gej:

1.

fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(m)

“rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u ta” sikurezza tfisser dispożizzjonijiet obbligatorji relatati mad-disinn u l-produzzjoni ta’ prodotti suġġetti għal din id-Direttiva sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza ta’ persuni u, fejn xieraq, ta’ annimali domestiċi u proprjetà u, fejn applikabbli, tal-ambjent.

Ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza huma stipulati fl-Anness I. Ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza għall-protezzjoni tal-ambjent huma applikabbli biss għall-makkinarju msemmi fis-sezzjoni 2.4. ta’ dak l-Anness.”;

2.

l-Artikolu 4 (1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw li makkinarju jista’ jitqiegħed fis-suq u/jew jintuża biss jekk jissodisfa d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva u ma jipperikolax is-saħħa u s-sikurezza ta’ persuni u, fejn xieraq ta’ annimali domestiċi u proprjetà u, fejn applikabbli, l-ambjent, meta jiġi installat u miżmum kif xieraq u użat għall-għan maħsub għalih jew f’kondizzjonijiet li jistgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli.”;

3.

fl-Artikolu 9 (3), l-ewwel sottoparagrafu għandu jinbidel b’dan li gej:

“Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri u partijiet oħra interessati filwaqt li tindika l-miżuri li biħsiebha tieħu sabiex tiżgura, fil-livell Komunitarju, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza ta’ persuni u, fejn xieraq, ta’ annimali domestiċi u proprjetà u, fejn applikabbli, tal-ambjent.”;

4.

l-Artikolu 11 (1) għandu jinbidel b’dan li gej:

“1.   Fejn Stat Membru jaċċerta li makkinarju kopert minn din id-Direttiva, li jkollu l-marka CE, akkompanjat mid-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE u użat skont l-għan maħsub għalih jew taħt kondizzjonijiet li jistgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli, jista’ jkun ta’ periklu għas-saħħa jew għas-sigurtà ta’ persuni jew, fejn xieraq, ta’ annimali domestiċi jew proprjetà jew jew, fejn applikabbli, l-ambjent, dan għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirtira makkinarju tali mis-suq, jipprojbixxi t-tqegħid fis-servizz u/jew l-użu tiegħu jew jillimita l-moviment liberu tiegħu.”;

5.

l-Anness I għandu jigi emendat kif gej:

(a)

fil-Prinċipji Ġenerali, il-punt 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“4.

Dan l-Anness huwa organizzat f’diversi partijiet. L-ewwel waħda għandha kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u tapplika għat-tipi kollha ta’ makkinarju. Il-partijiet l-oħra jirreferu għal ċerti tipi ta’ perikli aktar speċifiċi. Madankollu, huwa essenzjali li jkun eżaminat dan l-Anness kollu, sabiex ikun żgurat li jintlaħqu r-rekwiżiti essenzjali relevanti kollha. Meta jkun qiegħed jiġi ddisinnjat il-makkinarju, għandhom jitqiesu r-rekwiżiti tal-parti ġenerali u r-rekwiżiti ta’ wieħed jew aktar mill-partijiet l-oħra skont ir-riżultati tal-istima tar-riskju magħmula skont il-punt 1 ta’ dawn il-Prinċipji Ġenerali. Ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza għall-protezzjoni tal-ambjent għandhom japplikaw biss għall-makkinarju msemmi fis-sezzjoni 2.4.”;

(b)

il-Kapitolu 2 għandu jiġi emendat kif gej:

(i)

l-ewwel paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Il-makkinarju għal oġġetti tal-ikel, il-makkinarju għal prodotti kosmetiċi jew farmaċewtiċi, li jinżammu bl-idejn u/jew li huma ggwidati bl-idejn, makkinarju għat-tiswijiet li jista’ jinġarr u makkinarju ieħor ta’ impatt, makkinarju għax-xogħol fl-injam u f’materjal b’karatteristiċi fiżiċi simili, u makkinarju għall-applikazzjoni tal-pestiċidi jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u ta’ sigurtà kollha spjegati f’dan il-kapitolu (ara l-Prinċipji Ġenerali, il-punt 4).”;

(ii)

għandha tiżdied is-sezzjoni li ġejja:

“2.4.   MAKKINARJU GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-PESTIĊIDI

2.4.1.    Definizzjoni

‘Makkinarju għall-applikazzjoni tal-pestiċidi’ tfisser makkinarju maħsub speċifikament għall-applikazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (*).

2.4.2.    Ġenerali

Il-fabbrikant tal-makkinarju jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jrid jiżgura li titwettaq evalwazzjoni tar-riskju tal-esponiment mhux intenzjonat tal-ambjent għall-pestiċidi, skont il-proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskju u ta’ tnaqqis tar-riskju msemmi fil-Prinċipju Ġenerali, il-punt 1.

Il-makkinarju għall-applikazzjoni tal-pestiċidi jrid jiġi ddisinnjat u mibni billi jitqiesu r-riżultati tal-evalwazzjoni tar-riskju msemmija fl-ewwel paragrafu sabiex il-makkinarju jkun jista’ jitħaddem, jiġi aġġustat u jingħata l-manutenzjoni mingħajr esponiment mhux intenzjonat tal-ambjent għall-pestiċidi.

Il-leakage għandu jiġi evitat f’kull ħin.

2.4.3.    Kontrolli u sorveljanza

Għandu jkun possibbli li l-kontroll u s-sorveljanza tat-tħaddim tal-makkinarju jsiru b’mod faċli u preċiż u li l-applikazzjoni tal-pestiċida jitwaqqaf b’mod immedjat mill-pożizzjonijiet ta’ tħaddim.

2.4.4.    Il-mili u t-tbattil

Il-makkinarju jrid jiġi ddisinnjat u mibni b’mod li jiffaċilita mili preċiż bil-kwantità meħtieġa ta’ pestiċidi u jiżgura tbattil faċli u sħiħ filwaqt li jiġi evitat kull tixrid ta’ pestiċidi u jiġi evitat kull tniġġis tas-sors tal-ilma matul dawn l-operazzjonijiet.

2.4.5.    Applikazzjoni ta’ pestiċidi

2.4.5.1.   Rata ta’ applikazzjoni

Il-makkinarju jrid ikun mgħammar b’mezzi ta’ aġġustament tar-rata ta’ applikazzjoni li jkunu faċli, preċiżiu affidabbli.

2.4.5.2.   Id-distribuzzjoni, depożizzjoni u t-tixrid tal-pestiċidi

Il-makkinarju jrid jiġi ddisinnjat u mibni b’mod li jiżgura li l-pestiċida jiġi ddepositat fuq l-inħawi maħsuba, biex jitnaqqas kemm jista’ jkun it-telf tiegħu f’inħawi oħra u sabiex jiġi evitat it-tixrid tiegħu fl-ambjent. Fejn ikun il-każ, għandu jkun żgurat li jkun hemm distribuzzjoni uniformi u depożizzjoni omoġenja.

2.4.5.3.   Testijiet

Sabiex ikun ivverifikat li l-partijiet rilevanti tal-makkinarju jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fis-sezzjonijiet 2.4.5.1 u 2.4.5.2, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu, għal kull tip ta’ makkinarju kkonċernat, iwettaq testijiet xierqa jew iqabbad lil min iwettaqhom.

2.4.5.4.   Telf waqt waqfien

Il-makkinarju għandu jkun iddisinnjat u mibni b’mod li jevita t-telf waqt li titwaqqaf il-funzjoni ta’ applikazzjoni tal-pestiċidi.

2.4.6.    Manutenzjoni

2.4.6.1.   Tindif

Il-makkinarju jrid jigi ddisinnjat u mibni b’mod li jkun jista’ jitnaddaf sewwa u faċilment mingħajr ma jitniġġes l-ambjent.

2.4.6.2.   Manutenzjoni

Il-makkinarju jrid jiġi ddisinnjat u mibni b’mod li jiffaċilita t-tibdil ta’ partijiet qodma mingħajr ma jitniġġes l-ambjent.

2.4.7.    Spezzjonijiet

Irid ikun possibbli li jitwaħħlu faċilment l-istrumenti ta’ kejl meħtieġa mal-makkinarju sabiex jiġi vverifikat li l-makkinarju ikun qiegħed jaħdem sew.

2.4.8.   L-immarkar ta’ żnienen, passaturi u filtri

Iż-żnienen, il-passaturi u l-filtri jridu jkunu mmarkati b’mod li t-tip u d-daqs tagħhom ikunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar.

2.4.9.    Indikazzjoni tal-pestiċida użat

Jekk ikun il-każ, il-makkinarju għandu jkun mgħammar b’tagħmir speċifiku fejn min iħaddem il-makkinarju jkun jista’ jpoġġi l-isem tal-pestiċida li qed tintuża.

2.4.10.    Istruzzjonijiet

L-istruzzjonijiet iridu jagħtu t-tagħrif li ġej:

(a)

il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu matul it-taħlit, il-mili, l-applikazzjoni, it-tbattil, it-tindif u l-operazzjonijiet ta’ manutenzjoni u trasport sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-ambjent;

(b)

il-kondizzjonijiet iddettaljati tal-użu għall-ambjenti differenti ta’ tħaddim maħsuba, inklużi t-tħejjija u l-aġġustamenti korrispondenti meħtieġa biex tkun żgurata li l-pestiċida jinfirex fuq l-inħawi maħsuba, filwaqt li jitnaqqas kemm jista’ jkun it-tixrid f’inħawi oħra, biex ikun evitat it-tixrid fl-ambjent u, jekk ikun il-każ, biex ikun żgurat li jkun hemm distribuzzjoni uniformi kif ukoll dispożizzjoni omoġenja tal-pestiċidi;

(c)

id-diversi tipi u daqsijiet ta’ żnienen, passaturi u filtri li jistgħu jintużaw mal-makkinarju;

(d)

il-frekwenza tal-kontrolli u l-kriterji u l-metodi għat-tibdil ta’ partijiet suġġetti li jittieklu u li jaffettwaw it-tħaddim tajjeb tal-makkinarju, bħalma huma ż-żnienen, il-passaturi u l-filtri;

(e)

l-ispeċifikazzjoni tal-ikkalibrar, il-manutenzjoni ta’ kuljum, it-tħejjija għax-xitwa u kontrolli oħra meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-makkinarju jaħdem sew;

(f)

it-tipi ta’ pestiċidi li jistgħu jikkawżaw li l-makkinarju ma jaħdimx sew;

(g)

indikazzjoni li l-operatur għandu jżomm aġġornat l-isem tal-pestiċida użat fuq it-tagħmir speċifiku msemmi fis-sezzjoni 2.4.9;

(h)

it-tqabbid u l-użu ta’ kull tagħmir u aċċessorju speċjali u l-prekawzjonijiet neċessarji li għandhom jittieħdu;

(i)

indikazzjoni li l-makkinarju jista’ jkun suġġett għal rekwiżiti nazzjonali għall-ispezzjoni regolari minn entitajiet maħtura, kif previst fid-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 + li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (**);

(j)

il-karatteristiċi tal-makkinarju li jrid jiġi spezzjonat sabiex ikun żgurat li jaħdem sew;

(k)

istruzzjonijiet għat-twaħħil tal-istrumenti ta’ kejl meħtieġa.

(*)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1."

(**)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.”"

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju 2011. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-15 ta’ Diċembru 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 44.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2009.

(3)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.

(4)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

(5)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.