30.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/12


DEĊIŻJONI Nru 912/2009/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm Ewropew ta’ riċerka u żvilupp dwar il-metroloġija meħud b’impenn minn diversi Stati Membri

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 169 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 172, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimonstrazzjoni (2007-2013) (“is-Seba’ Programm Kwadru”) (3) tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-programmi ta’ riċerka u żvilupp (“R&D)” meħuda b’impenn minn diversi Stati Membri, inkluża l-parteċipazzjoni fl-istrutturi maħluqa għall-eżekuzzjoni ta’ dawk il-programmi, fis-sens tal-Artikolu 169 tat-Trattat.

(2)

Is-Seba’ Programm Kwadru ddefinixxa serje ta’ kriterji għall-identifikazzjoni ta’ oqsma għal inizjattivi bħal dawn skont l-Artikolu 169: ir-rilevanza għall-miri tal-Komunità, id-definizzjoni ċara tal-mira li għandha tiġi segwita u r-rilevanza tagħha għall-miri tal-Programm Kwadru, il-preżenza ta’ bażi diġà eżistenti (programmi ta’ riċerka nazzjonali eżistenti jew previsti), valur miżjud Ewropew, massa kritika fir-rigward tad-daqs u n-numru ta’ programmi involuti u x-xebh tal-attivitajiet li jkopru, u l-effiċjenza tal-Artikolu 169 bħala l-aktar mezz adatt sabiex jinkisbu l-miri.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/971/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-programm speċifiku “Kooperazzjoni” li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għal attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (4) (il-programm speċifiku “Kooperazzjoni”) tinkoraġġixxi approċċ li jħaddan diversi temi ta’ suġġetti ta’ riċerka rilevanti għal tema waħda jew aktar tas-Seba’ Programm Kwadru, u f’dan il-kuntest identifikat inizjattiva skont l-Artikolu 169 fil-kamp tal-metroloġija bħala wieħed mill-inizjattivi adatti għall-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programmi ta’ riċerka nazzjonali implimentati b’mod konġunt fuq il-bażi tal-Artikolu 169 tat-Trattat.

(4)

Il-metroloġija hija qasam xjentifiku li jħaddan diversi dixxiplini li huwa komponent vitali ta’ soċjetà moderna bbażata fuq l-għerf. Standards ta’ kejl affidabbli u komparabbli, metodi validati xierqa ta’ kejl u ttestjar isostnu l-proċessi tal-avvanz xjentifiku u l-innovazzjoni teknoloġika u għalhekk għandhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa.

(5)

Fil-preżent, numru ta’ programmi jew attivitajiet R&D meħuda b’impenn mill-Istati Membri b’mod individwali fuq livell nazzjonali biex isostnu l-R&D fil-metroloġija mhumiex ikkoordinati b’mod suffiċjenti fil-livell Ewropew u ma jippermettux li tinġabar il-massa kritika neċessarja li hija mitluba f’oqsma strateġiċi tal-R&D.

(6)

Xewqana li jkollhom approċċ koerenti fuq livell Ewropew fil-kamp tal-metroloġija u li jaġixxu b’mod effettiv, diversi Stati Membri ħadu l-inizjattiva li jwaqqfu programm konġunt ta’ R&D bit-titlu “Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija” (“EMRP”) sabiex jirrispondu għat-talba dejjem tiżdied fl-Ewropa għal metroloġija progressiva, b’mod partikolari f’oqsma teknoloġiċi emerġenti, bħala għodda għall-innovazzjoni, ir-riċerka xjentifika u appoġġ tal-linji politiċi.

(7)

Fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2007-2008 għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku “Kooperazzjoni”, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ finanzjarju għall-ERA-NET Plus fil-kamp tal-metroloġija sabiex tiffaċilita t-tranżizzjoni bejn il-proġett tal-ERA-NET “iMERA” u l-programm konġunt ta’ R&D fil-qasam tal-metroloġija li għandu jiġi implimentat fuq il-bażi tal-Artikolu 169 tat-Trattat. Ir-riżultat kien l-iżvilupp tal-EMRP li ddefinixxa l-isfidi u l-attivitajiet prinċipali tal-programm konġunt.

(8)

L-EMRP jfittex li jsostni l-iżvilupp u l-innovazzjoni xjentifika billi jipprovdi l-qafas legali u organizzattiv neċessarju għal kooperazzjoni Ewropea fuq skala kbira bejn l-Istati Membri dwar riċerka metroloġika fi kwalunkwe qasam teknoloġiku jew industrijali. Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit kif ukoll in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija (“l-Istati parteċipanti”) qablu li jikkoordinaw u jimplimentaw attivitajiet konġunti mmirati sabiex jikkontribwixxu għall-EMRP. Il-valur globali tal-parteċipazzjoni tagħhom huwa stmat għal mill-anqas EUR 200 miljun flimkien ma’ kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva ta’ EUR 100 miljun għall-perjodu propost ta’ seba’ snin.

(9)

Sabiex iżidu l-impatt tal-EMRP, l-Istati parteċipanti qablu ma’ parteċipazzjoni Komunitarja fl-EMRP. Il-Komunità għandha tipparteċipa fih billi tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja li tikkorrispondi għal dik tal-Istati parteċipanti sa massimu ta’ EUR 200 miljun għall-perjodu tal-EMRP. Minħabba li l-EMRP jilħaq il-miri speċifiċi tas-Seba’ Programm Kwadru u li l-azzjonijiet fil-kamp tal-metroloġija huma ta’ natura orizzontali u mhux marbuta direttament mal-għaxar temi, l-EMRP għandu jiġi appoġġat tul it-temi kollha rilevanti.

(10)

Jistgħu jkunu disponibbli aktar opzjonijiet ta’ finanzjament, fost l-oħrajn mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), b’mod partikolari permezz tal-Faċilità Finanzjarja tal-Qsim tar-Riskju li ġiet żviluppata b’mod konġunt mal-BEI u l-Kummissjoni skont l-Anness III tal-programm speċifiku “Kooperazzjoni”.

(11)

L-appoġġ finanzjarju mill-Komunità għandu jiġi pprovdut suġġett għad-definizzjoni ta’ pjan ta’ finanzjament ibbażat fuq impenji formali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jimplimentaw flimkien il-programmi u l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp imwettqa fuq livell nazzjonali u sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-eżekuzzjoni konġunta tal-EMRP.

(12)

L-implimentazzjoni konġunta tal-programmi nazzjonali ta’ riċerka teħtieġ l-istabbiliment jew l-eżistenza ta’ struttura ddedikata għall-implimentazzjoni, kif ipprovdut fil-programm speċifiku “Kooperazzjoni”. L-Istati parteċipanti qablu dwar struttura ta’ implimentazzjoni ddedikata bħal din biex jimplimentaw l-EMRP. L-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni għandha tirċievi l-kontribuzzjoni Komunitarja finanzjarja u għandha tassigura t-twettiq effiċjenti tal-EMRP.

(13)

Il-kontribuzzjoni Komunitarja finanzjarja għandha tkun suġġetta għall-wegħdiet ta’ riżorsi mill-Istati parteċipanti u l-ħlas effettiv tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom.

(14)

Filwaqt li ċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka huwa dipartiment tal-Kummissjoni, l-istituti tiegħu għandhom kapaċitajiet ta’ riċerka li huma rilevanti għall-EMRP u għandhom jiġu attivati fl-implimentazzjoni tiegħu. Għalhekk, huwa xieraq li l-irwol taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka jiġi ddefinit f’termini tal-eliġibilità tiegħu għall-parteċipazzjoni u għall-finanzjament u tal-involviment tiegħu fit-tmexxija tal-EMRP.

(15)

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni Komunitarja finanzjarja għandu jkun suġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim ġenerali bejn il-Kummissjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, u l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni, li jinkludi l-arranġamenti dettaljati għall-użu tal-kontribuzzjoni Komunitarja. Dak il-ftehim ġenerali għandu jinkludi d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Komunità jiġu mħarsa.

(16)

L-imgħax iġġenerat mill-kontribuzzjoni Komunitarja finanzjarja għandu jitqies bħala dħul assenjat, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5) (“ir-Regolament Finanzjarju”). Għandu jkun possibbli li l- Kummissjoni iżżid il-kontribuzzjoni Komunitarja massima prevista f’din id-Deċiżjoni skont il-każ.

(17)

Il-Komunità għandu jkollha d-dritt li tnaqqas, twaqqaf jew tittermina il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha jekk l-EMRP ma jiġix implimentat jew jiġi implimentat inadegwatament, parzjalment jew tard, jew jekk l-Istati parteċipanti ma jikkontribwux jew jikkontribwixxu parzjalment jew tard għall-finanzjament tal-EMRP, skont it-termini stabbiliti fi ftehim ġenerali li għandu jiġi konkluż bejn il-Komunità u l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni.

(18)

Sabiex l-EMRP jiġi implimentat b’mod effiċjenti, l-appoġġ finanzjarju għandu jingħata lil parteċipanti fil-proġetti tal-EMRP magħżula fil-livell ċentrali taħt ir-responsabbiltà tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni wara sejħiet għall-proposti. Tali appoġġ finanzjarju u l-ħlas tiegħu għandhom ikunu trasparenti u effiċjenti.

(19)

L-evalwazzjoni tal-proposti għandha ssir b’mod ċentrali minn esperti indipendenti taħt ir-responsabilità tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni. Din l-istruttura għandha tapprova klassifikazzjoni li għandha tkun vinkolanti fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ finanzjament mill-kontribuzzjoni Komunitarja u mill-baġits nazzjonali allokati għal proġetti tal-EMRP.

(20)

Skont ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6) (ir-“Regoli Implimentattivi”), il-kontribuzzjoni Komunitarja għandha tiġi mmaniġġata fil-qafas ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta skont l-Artikoli 54(2)(c) u 56 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikoli 35, 38(2) u 41 tar-Regoli Implimentattivi.

(21)

Kwalunkwe Stat Membru u kwalunkwe pajjiż assoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru għandu jkollu d-dritt li jissieħeb fl-EMRP.

(22)

B’mod konformi mal-miri tas-Seba’ Programm Kwadru, għandha tkun possibbli l-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor fl-EMRP, fejn tali parteċipazzjoni tkun prevista mill-ftehim internazzjonali rilevanti u kemm il-Kummissjoni, f’isem il-Komunità, kif ukoll l-Istati Membri parteċipanti jaqblu magħha. Skont is-Seba’ Programm Kwadru, il-Komunità għandu jkollha d-dritt li tiftiehem kundizzjonijiet marbuta mal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha għall-EMRP rigward il-parteċipazzjoni fih ta’ pajjiżi oħra bħal dawn skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(23)

Għandhom jittieħdu miżuri adegwati sabiex jiġu evitati irregolaritajiet u frodi u għandhom jittieħdu l-passi neċessarji biex jiġu rkuprati l-fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati ħażin skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (7), ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (8) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (9).

(24)

Huwa essenzjali li l-attivitajiet ta’ riċerka mwettqa taħt l-EMRP jikkonformaw mal-prinċipji etiċi bażiċi, fosthom dawk riflessi fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u jsegwu l-prinċipji tal-integrazzjoni tas-sessi u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

(25)

Il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni proviżorja, li tivvaluta l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-EMRP u l-progress lejn il-miri stabbiliti, kif ukoll evalwazzjoni finali.

(26)

L-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni għandha tinkoraġġixxi lill-parteċipanti fil-proġetti magħżula tal-EMRP sabiex jikkomunikaw u jiddiseminaw r-riżultati tagħhom u jagħmlu din l-informazzjoni pubblikament disponibbli,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja

1.   Il-Komunità għandha tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-“Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija” (“EMRP”) meġud b’impenn b’mod konġunt mill-Belġju, mir-Repubblika Ċeka, mid-Danimarka, mil-Ġermanja, mill-Estonja, minn Spanja, minn Franza, mill-Italja, mill-Ungerija, mill-Olanda, mill-Awstrija, mill-Polonja, mill-Portugall, mir-Rumanija, mis-Slovenja, mis-Slovakkja, mill-Finlandja, mill-Iżvezja u mir-Renju Unit kif ukoll min-Norveġja, mill-Iżvizzera u mit-Turkija (“l-Istati parteċipanti”).

2.   Il-Komunità għandha tul il-perjodu tas-Seba’ Programm Kwadru, u skont il-prinċipji stabbiliti fl-Anness I u Anness II li jiffurmaw parti integrali minn din id-Deċiżjoni, tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja daqs dik tal-Istati parteċipanti iżda li ma teċċedix l-EUR 200 miljun li għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-kontribuzzjoni Komunitarja finanzjarja għandha titħallas b’mod konġunt mill-approprjazzjonijiet tal-baġit allokati għat-temi kollha rilevanti tal-programm speċifiku “Kooperazzjoni”.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja

Il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandha tkun dipendenti fuq:

(a)

it-turija mill-Istati parteċipanti li l-EMRP kif deskritt fl-Anness I ġie stabbilit b’mod effiċjenti;

(b)

l-istabbiliment formali ta’ struttura ddedikata għall-implimentazzjoni b’personalità ġuridika li għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-EMRP u biex tirċievi, talloka u timmonitorja l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja fil-qafas ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta skont l-Artikoli 54(2)(c) u 56 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikoli 35, 38(2) u 41 tar-Regoli Implimentattivi;

(c)

l-istabbiliment ta’ mudell adegwat u effiċjenti ta’ tmexxija għall-EMRP f’konformità mal-Anness II;

(d)

it-twettiq effiċjenti tal-attivitajiet taħt l-EMRP deskritti fl-Anness I mill-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni, li jinkludi t-tnedija ta’ sejħiet għall-proposti;

(e)

l-impenjazzjoni ta’ kull Stat parteċipanti li jikkontribwixxi l-parti tiegħu tal-finanzjament tal-EMRP, u biex iżid din il-kontribuzzjoni b’kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva ta’ 50 % sabiex ilaħħaq ma’ rata ta’ suċċess għolja tal-parteċipanti tiegħu fil-proġetti tal-EMRP, u l-ħlas effettiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja lill-benefiċjarji;

(f)

il-konformità mar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari l-Qafas Komunitarju għall-Għajnuna Statali għar-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni (10);

(g)

l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ eċċellenza xjentifika u osservanza tal-prinċipji etiċi skont il-prinċipji ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru, u tal-integrazzjoni tas-sessi u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u tal-iżvilupp sostenibbli;

(h)

il-formulazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-attivitajiet imwettqa taħt l-EMRP u l-implimentazzjoni u l-koordinament tal-programmi u l-attivitajiet R&D meħuda b’impenn fil-livell nazzjonali mill-Istati parteċipanti b’tali mod li huma jfittxu li jippromwovu l-ħolqien ta’ dan it-tip ta’ għerf u jappoġġaw l-użu wiesa’ u d-disseminazzjoni tal-għerf li jinħoloq. L-approċċ meħud għandu jsegwi l-mudell stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (11) (ir-“Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru”).

Artikolu 3

Attivitajiet tal-EMRP

1.   L-attività prinċipali tal-EMRP għandha tikkonsisti fil-finanzjament ta’ proġetti EMRP transnazzjonali b’diversi msieħba li jindirizzaw attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku, taħriġ u disseminazzjoni (“proġetti EMRP”). Minħabba l-kapaċitajiet ikkonċentrati fil-metroloġija, il-parti prinċipali tal-proġetti EMRP għandha tiġi eżegwita mill-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija u l-Istituti Nominati (jiġifieri, istituti speċjalisti responsabbli għal ċerti standards nazzjonali u servizzi assoċjati li mhumiex koperti mill-attivitajiet tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija) mill-Istati parteċipanti.

2.   Sabiex iżid u jiddiversifika l-kapaċitajiet fil-metroloġija, l-EMRP għandu jiffinanzja wkoll diversi skemi ta’ għotjiet għar-riċerkaturi sabiex jikkumplimentaw l-proġetti EMRP.

3.   Il-proġetti EMRP għandhom jintgħażlu u l-għotjiet għar-riċerkaturi għandhom jingħataw wara sejħiet għall-proposti li jirrispettaw il-prinċipji tat-trattament ugwali, tat-trasparenza, tal-evalwazzjoni indipendenti, tal-kofinanzjament, tal-finanzjament li ma jwassalx għal profitt kif ukoll tan-nuqqas ta’ retroattività imsemmija fl-Artikolu 112(1) tar-Regolament Finanzjarju, kif stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Il-kriterji prinċipali tal-evalwazzjoni għandhom, mutatis mutandis, ikunu dawk tal-Artikolu 15(1) (a) u (b) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru għall-proġetti EMRP u l-iskemi ta’ għotjiet għar-riċerkaturi, rispettivament. Is-sejħa għall-proposti għandha tikkonkretizza l-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni. Jistgħu jiddaħħlu kriterji addizzjonali bil-kundizzjoni li dawn jiġu ppubblikati fis-sejħa għall-proposti, ma jkunux diskriminatorji u ma jipprevalux fuq il-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni.

5.   Dettalji ulterjuri dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-EMRP huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 4

Rwol taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka

1.   Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni għandu jkun eliġibbli għal parteċipazzjoni fi, u għal finanzjament, mill-EMRP taħt kundizzjonijiet komparabbli għal dawk tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija tal-Istati parteċipanti.

2.   Ir-riżorsi personali taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, li mhumiex koperti mill-finanzjament EMRP, ma għandhomx jgħoddu bħala kontribuzzjoni Komunitarja finanzjarja fl-ambitu tal-Artikolu 1.

3.   L-istitut taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka li huwa responsabbli għall-metroloġija, bħala dipartiment tal-Kummissjoni li jaġixxi f’isem il-Komunità, għandu jkun intitolat jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-EMRP fi ħdan l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni, bħala osservatur mingħajr dritt tal-vot.

Artikolu 5

Ftehimiet bejn il-Komunità u l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni

L-arranġamenti dettaljati għall-ġestjoni u kontroll tal-fondi u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim ġenerali u fi ftehimiet finanzjarji annwali li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni, f’isem il-Komunità, u l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni.

Il-ftehim ġenerali għandu jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(1)

definizzjoni tal-kompiti assenjati;

(2)

il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti dettaljati għall-eżekuzzjoni tal-kompiti, fosthom dispożizzjonijiet xierqa biex jiġu definiti r-responsabilitajiet u jiġu organizzati l-kontrolli li għandhom jitwettqu;

(3)

ir-regoli dwar ir-rappurtar lill-Kummissjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti;

(4)

il-kundizzjonijiet dwar it-terminazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-kompiti;

(5)

l-arranġamenti dettaljati għall-iskrutinju mill-Kummissjoni;

(6)

il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ kontijiet bankarji separati, it-trattament tal-imgħaxijiet prodotti;

(7)

id-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-viżibilità tal-azzjoni Komunitarja f’relazzjoni mal-attivitajiet l-oħra tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni;

(8)

impenn li ma jitwettaq l-ebda att li jista’ jwassal għal kunflitt tal-interessi fis-sens tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Finanzjarju;

(9)

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-attivitajiet imwettqa taħt l-EMRP imsemmija fl-Artikolu 2;

(10)

lista ta’ kriterji li għandhom jintużaw fl-evalwazzjonijiet interim u finali, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 13.

Artikolu 6

Imgħaxijiet mill-kontribuzzjoni Komunitarja

Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-imgħax iġġenerat mill-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja allokata għall-EMRP għandu jitqies bħala dħul assenjat. Il-kontribuzzjoni massima Komunitarja imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni tista’ għalhekk tiżdied mill-Kummissjoni.

Artikolu 7

Tnaqqis, twaqqif jew terminazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità

Jekk l-EMRP ma jiġix implimentat jew jiġi implimentat inadegwatament, parzjalment jew tard, il-Komunità tista’ tnaqqas, twaqqaf jew tittermina il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha b’mod proporzjonali mal-implimentazzjoni attwali tal-EMRP.

Jekk l-Istati parteċipanti ma jikkontribwux jew jikkontribwixxu biss parzjalment jew tard għall-finanzjament tal-EMRP, il-Komunità tista’ tnaqqas il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha b’mod proporzjonali mal-ammont attwali ta’ finanzjament pubbliku allokat mill-Istati parteċipanti bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ġenerali li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni.

Artikolu 8

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità mill-Istati parteċipanti

Fl-implimentazzjoni tal-EMRP, l-Istati parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi jew oħrajn meħtieġa sabiex jiġi protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità. B’mod partikolari, l-Istati parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw l-irkupru sħiħ ta’ kwalunkwe ammont dovut lill-Komunità skont l-Artikolu 54(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 38(2) tar-Regoli Implimentattivi.

Artikolu 9

Kontroll mill-Qorti tal-Awdituri

Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri ikollhom id-dritt, permezz tal-uffiċjali jew l-aġenti tagħhom, li jwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa biex jiżguraw ġestjoni tajba tal-fondi tal-Komunità u jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra kwalunkwe frodi jew irregolarità. Għal dan il-għan, l-Istati parteċipanti u/jew l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni għandhom, aktar tard, ipoġġu d-dokumenti kollha rilevanti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri.

Artikolu 10

Informazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri. L-Istati parteċipanti għandhom jiġu mistiedna jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni, li tkun konsistenti mar-rekwiżiti ġenerali tar-rappurtaġġ stabbiliti fl-Artikolu 13.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta’ aktar Stati Membri u pajjiżi assoċjati

Kwalunkwe Stat Membru u pajjiż assoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru għandu jkun intitolat li jissieħeb fl-EMRP skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(e) u (f) u għandu jiġi ttrattat bħala Stat parteċipant.

Artikolu 12

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi oħra

L-Istati parteċipanti u l-Kummissjoni jistgħu jaqblu mal-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor soġġetta għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(e) u sakemm parteċipazzjoni bħal din tkun prevista mill-ftehim internazzjonali rilevanti. Huma għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet skont liema l-entitajiet legali stabbiliti u l-individwi residenti f’tali pajjiż ikunu eliġibbli għal finanzjament tal-EMRP.

Artikolu 13

Rappurtaġġ u evalwazzjoni annwali

Ir-rapport annwali dwar is-Seba’ Programm Kwadru ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 173 tat-Trattat għandu jinkludi rapport tal-attivitajiet tal-EMRP.

Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni proviżorja tal-EMRP tliet snin wara l-bidu tal-EMRP. Din l-evalwazzjoni għandha tkopri l-progress lejn il-miri stabbiliti fl-Anness I, kif ukoll rakkomandazzjonijiet tal-EMRP dwar l-aktar modi adegwati sabiex tkompli tittejjeb l-integrazzjoni u l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni, inkluża l-integrazzjoni xjentifika, amministrattiva u finanzjarja u jekk il-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati parteċipanti huwiex adatt, fid-dawl tad-domanda potenzjali mid-diversi komunitajiet ta’ riċerka nazzjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tagħhom, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha u, fejn ikun xieraq, proposti biex tiġi emendata din id-deċiżjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Fit-tmiem ta’ din il-parteċipazzjoni Komunitarja fl-EMRP iżda mhux aktar tard mill-2017, il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta’ grupp espert indipendenti, għandha twettaq valutazzjoni finali tal-objettivi ġenerali, speċifiċi u operattivi tal-EMRP.

Dan il-grupp għandu jibbaża l-valutazzjoni tiegħu fuq, inter alia, l-indikaturi li ġejjin:

(a)

l-eċċellenza xjentifika tal-proġetti u l-għotjiet kif imkejla minn għadd ta’ pubblikazzjonijiet, privattivi u indikaturi oħra ta’ rendiment xjentifiku;

(b)

il-livell ta’ parteċipazzjoni fil-programm minn riċerkaturi esterni u istituzzjonijiet ta’ riċerka;

(c)

iż-żieda fil-kapaċità metroloġika tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm ta’ Qafas li l-programmi ta’ metroloġija tiegħu huma fi stadju bikri ta’ żvilupp;

(d)

l-għadd u l-kwalità tal-attivitajiet ta’ taħriġ;

(e)

l-għadd u l-kwalità tal-attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-komunikazzjoni u d-diffużjoni tal-metroloġija.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni finali għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  Opinjoni tal-25 ta’ Marzu 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2009.

(3)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 86.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(8)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(9)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(10)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

(11)  ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS I

Deskrizzjoni tal-Miri u l-Attivitajiet tal-Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija (EMRP)

I.   GĦANIJIET

Fl-ekonomija globali tal-lum, il-metroloġija tagħmel kontribut sinifikanti għall-iżvilupp teknoloġiku u ekonomiku ta’ bosta nazzjonijiet fid-dinja. Ir-riċerka dwar il-metroloġija hija meħtieġa sabiex issolvi problemi tas-soċjetà, u eżempji jaffettwaw oqsma bħall-ispazju, inkluża n-navigazzjoni bis-satellita, is-sigurtà, il-kura tas-saħħa, l-industrija tas-semikondutturi u t-tibdil fil-klima. Ir-riċerka dwar il-metroloġija toffri benfiċċji pubbliċi qawwija u hija attività prinċipali ta’ sostenn għar-regolazzjoni u l-istandardizzazzjoni mill-gvern. Il-metroloġija mhijiex f’għajnejn il-pubbliku, imma hija essenzjali biex ikunu ffaċilitati l-kummerċ u l-komunikazzjonijiet moderni. L-aċċess għas-swieq jista’ jkun imxekkel permezz tan-nuqqas ta’ piżijiet u miżuri uniformi u preċiżi. Il-qawwiet ekonomiċi prinċipali kollha fid-dinja għarfu li l-R&D teknoloġika fil-metroloġija hija fundamentali għat-tkabbir ekonomiku fit-tul ta’ pajjiż avvanzat.

Ir-riċerka dwar il-metroloġija tradizzjonalment kienet prijorità għolja f’bosta pajjiżi. Madankollu l-pajjiżi Ewropej qegħdin iħaddmu l-programmi ta’ riċerka nazzjonali tagħhom dwar il-metroloġija f’iżolament sħiħ u l-Istati Membri tal-UE ma kinux kapaċi joħolqu waħedhom Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija (EMRP) wieħed u tassew integrat. L-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija (NMI), appoġġati minn Istituti Nominati (DI) huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ riċerka nazzjonali dwar il-metroloġija fuq il-bażi ta’ finanzjament istituzzjonali minn aġenziji jew ministeri tal-gvern ċentrali. Il-komunità Ewropea tar-riċerka dwar il-metroloġija hija komunità speċjalizzata li hija marbuta biss b’mod laxk mal-organizzazzjonijiet tar-riċerka jew l-akkademja. Hija fil-biċċa l-kbira frammentata billi tinkludi ftit ċentri ta’ eċċellenza globali li jistgħu jibbenefikaw minn kompetizzjoni wiesgħa fuq skala internazzjonali. Teżisti b’mod ċar duplikazzjoni tar-riċerka.

Id-dritt Komunitarju li jopera f’dan il-qasam jidher f’diversi artikoli tat-Trattat li jipprovdu koordinazzjoni u kooperazzjoni fir-riċerka bejn l-Istati Membri u l-Komunità. L-Artikolu 165 jistabbilixxi li “il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku sabiex jiżguraw li kull politika nazzjonali u dik tal-Komunità ikunu koerenti ma’ xulxin”. Naturalment, l-Artikolu 169 jistieden lill-Komunità biex taħseb għall-pateċipazzjoni fil-programmi ta’ R&D li fihom jieħdu sehem diversi Stati Membri. L-azzjoni tal-Komunità tidher iġġustifikata ħafna, għaliex l-Istati Membri weħidhom x’aktarx li ma jkunux kapaċi jindirizzaw dawn il-problemi.

L-EMRP se jintegra l-programmi nazzjonali ta’ tnejn u għoxrin Stat parteċipanti fi programm wieħed konġunt ta’ riċerka u jsostni, b’mod partikolari, il-miri tas-Sistemi Nazzjonali Ewropej tal-Kejl. L-EMRP se jaċċellera l-iżvilupp, il-validazzjoni u l-isfruttament ta’ metodi, standards, proċessi, strumenti, materjali ta’ referenza u għerf ġdid dwar it-tkejjil immirati sabiex jagħtu spinta lill-iżviluppi innovattivi fl-industrija u l-kummerċ, itejbu l-kwalità tad-dejta għax-xjenza, l-industrija u t-tiswir tal-politika u jsostnu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tad-direttivi u r-regolamenti.

L-EMRP ser jilħaq dawn il-miri kif ġej:

(a)

ġmigħ tal-eċċellenza fir-riċerka dwar il-metroloġija - bil-ħolqien ta’ proġetti kompetittivi konġunti ta’ riċerka, jiġifieri proġetti EMRP, li jorganizzaw il-kapaċità ta’ massa kritika suffiċjenti min-netwerks tan-NMI u tad-DI mill-Istati parteċipanti biex jindirizzaw l-isfidi metroloġiċi prinċipali ffaċċjati fuq livell Ewropew;

(b)

ftuħ tas-sistema għall-aħjar xjenza - billi tiżdied il-parteċipazzjoni mill-komunità aktar wiesgħa tar-riċerkaturi Ewropej permezz ta’ għotjiet għar-riċerkaturi;

(c)

żvilupp tal-kapaċità - billi tiżdied il-kapaċità tal-komunità tar-riċerkaturi Ewropej dwar il-metroloġija permezz ta’ għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi mmirati lejn dawk il-Pajjiżi Membri tal-EURAMET b’kapaċità ta’ riċerka metroloġika limitata.

L-EMRP għandu jikkumplimenta programmi u attivitajiet nazzjonali li għaddejjin immirati sabiex jindirizzaw prijoritajiet purament nazzjonali.

L-inizjattiva tal-EMRP hija mmirata sabiex tallinja u tintegra attivitajiet nazzjonali rilevanti ta’ riċerka dwar il-metroloġija sabiex jiġi stabbilit programm konġunt wieħed ta’ riċerka li jinkludi l-integrazzjoni xjentifika, amministrattiva u finanzjarja, li jagħmel kontribut importanti għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka u jsostni l-kunċetti fl-aġenda ta’ Liżbona tal-Ewropa bħala “l-iżjed ekonomija kompetittiva u dinamika msejsa fuq l-għerf”. L-integrazzjoni xjentifika tinkiseb permezz tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni komuni ta’ attivitajiet taħt l-EMRP. L-integrazzjoni amministrattiva tinkiseb bl-użu tal-EURAMET e.V., assoċjazzjoni mhux bi skop ta’ qligħ taħt il-liġi Ġermaniża, bħala l-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni suġġetta għall-arranġamenti dettaljati kontenuti fl-Anness II.

L-integrazzjoni finanzjarja timplika li l-Istati parteċipanti effettivament jintrabtu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-EMRP billi jipprovdu finanzjament nazzjonali lill-parteċipanti kollha eliġibbli fil-proġetti magħżula tal-EMRP mill-baġits nazzjonali allokati għall-EMRP, jekk ikun meħtieġ jużaw il-kapaċità tal-finanzjament ta’ riżerva li jammonta għal 50 % ta’ dawn il-baġits, u billi jipprovdu kontribuzzjoni “fi flus” għal fond komuni biex jiffinanzja l-eċċellenza tar-riċerkaturi u l-għotjiet għall-mobilità, minbarra li jiffinanzjaw l-ispejjeż operattivi kollha tal-EMRP. Element ieħor tal-integrazzjoni finanzjarja se jkun l-approċċ unifikat lejn l-ispejjeż eliġibbli, ispirat mir-regoli tas-Seba’ Programm Kwadru.

II.   ATTIVITAJIET

L-attività prinċipali tal-EMRP se tkun tikkonsisti minn erba’ tipi ta’ attivitajiet konġunti ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku:

A.   L-attività prinċipali se tkun tikkonsisti fi proġetti EMRP transnazzjonali b’diversi msieħba li jindirizzaw attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku, taħriġ u disseminazzjoni. Minħabba l-kapaċitajiet ikkonċentrati fil-metroloġija, il-parti ċentrali tal-proġetti EMRP għandha tiġi eżegwita minn NMI u DI mill-Istati parteċipanti.

B.   Sabiex jiżdiedu u jiġu ddiversifikati l-kapaċitajiet fil-metroloġija, għandhom jiġu stabbiliti tliet skemi ta’ għotjiet:

B1.   Sabiex jiżdied in-numru tal-organizzazzjonijiet b’kapaċitajiet marbuta mill-qrib mal-metroloġija, għandhom ikunu disponibbli għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi għal organizzazzjonijiet u/jew individwi mill-komunità aktar wiesgħa ta’ riċerkaturi fl-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru li huma kapaċi jagħmlu kontribut sostanzjali għall-attivitajiet ta’ riċerka tal-programm konġunt. Kull organizzazzjoni u/jew individwu magħżula għandhom ikunu assoċjati ma’ proġett EMRP.

B2.   Sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-individwi fil-metroloġija permezz tal-mobilità, għandhom ikunu disponibbli għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi għal:

(1)

riċerkaturi minn NMI u DI tal-Istati parteċipanti,

(2)

riċerkaturi li jibbenefikaw, jew individwalment jew permezz tal-organizzazzjoni tagħhom, minn għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi, u

(3)

riċerkaturi minn Pajjiżi Membri tal-EURAMET li ma jkunux qegħdin jipparteċipaw fl-EMRP, li attwalment ma jkollhom l-ebda kapaċità ta’ riċerka dwar il-metroloġija jew kapaċità limitata.

Dawn l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi għandhom jippermettu lir-riċerkaturi jibqgħu f’NMI jew DI li jkun qiegħed jipparteċipa fi proġett EMRP jew f’organizzazzjoni li tibbenefika minn għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi.

B3.   Sabiex tiġi assigurata s-sostenibbilità fil-kooperazzjoni bejn in-NMI u d-DI tal-Istati parteċipanti u sabiex titħejja l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ riċerkaturi bl-esperjenza dwar il-metroloġija, għandu jkun hemm disponibbli għotjiet għall-mobilità ta’ riċerkaturi fil-fażi bikrija għal riċerkaturi fil-fażi bikrija min-NMI u d-DI tal-Istati parteċipanti sabiex jippermettulhom li jibqgħu f’NMI jew f’DI, f’organizzazzjoni li tibbenefika minn għotja għall-eċċellenza fir-riċerka jew f’organizzazzjoni oħra li tkun qiegħda tipparteċipa fi proġett ta’ riċerka EMRP bi spejjeż tagħha stess.

Dawn l-attivitajiet għandhom jittejbu, fejn ikun xieraq, permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra rilevanti u interessati, fl-Ewropa jew lil hinn, li jipparteċipaw fuq bażi ta’ awtofinanzjament.

Barra minn hekk, attivitajiet aktar wiesgħa ta’ netwerking għandhom jiġu sostnuti sa livell limitat sabiex jippromwovu l-EMRP u jkabbru l-impatt tiegħu. Dawn l-attivitajiet għandhom jinkludu, jekk ikun meħtieġ, iż-żamma u aġġornament tal-oqsma ta’ riċerka identifikati fl-EMRP permezz ta’ attivitajiet bħal workshops, kuntatti ma’ partijiet interessati oħra xierqa fl-Ewropa u lil hinn.

III.   IMPLIMENTAZZJONI TAL-ATTIVITAJIET

L-għażla tal-proġetti EMRP u l-għoti tal-għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi u għall-mobilità tar-riċerkaturi għandhom ikunu suġġetti għal sejħiet perjodiċi għall-proposti. Bħala kalendarju indikattiv, huwa previst li jitnedew sejħiet għall-proposti f’intervalli ta’ 12 sa 18-il xahar fuq perjodu massimu ta’ seba’ snin. L-għoti tal-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija għandu jkun suġġett għal sejħa permanenti.

A.   Proġetti EMRP

(a)

Sejħa għal suġġetti potenzjali ta’ riċerka tal-proġetti EMRP (Stadju 1):

Kull sejħa għall-proposti ta’ proġetti EMRP għandha tkun preċeduta mill-identifikazzjoni tas-suġġetti ta’ dik is-sejħa billi jiġu segwiti l-passi stabbiliti hawn isfel. L-ewwel nett, il-Kumitat tal-EMRP (Ara Anness II), f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jidentifika l-partijiet tal-attitivitajiet ta’ riċerka inklużi fil-EMRP li għandhom ikunu s-suġġett tas-sejħa għall-proposti. It-tieni, il-komunità tar-riċerkaturi – kwalunkwe individwu jew organizzazzjoni interessata – se jiġu mistiedna, permezz ta’ sejħa pubblika, biex jissuġġerixxu suġġetti potenzjali ta’ riċerka għal dik is-sejħa. It-tielet, il-Kumitat tal-EMRP għandu jaqbel fuq l-aħjar suġġetti potenzjali ta’ riċerka li jkun irċieva. Il-Kumitat tal-EMRP jista’ jemenda, jaqsam jew jgħaqqad is-suġġetti riċevuti jew jintroduċi oħrajn ġodda sabiex jottimizza s-sejħa għall-proposti fl-Istadju 2. Il-Kumitat tal-EMRP għandu jassigura li s-suġġetti finali tar-riċerka ma jkunux jistgħu jiġu intraċċati lura għall-proponenti inizjali ta’ dawn l-ideat u għaldaqstant ikunu anonimi.

(b)

Sejħa għall-proposti għal proġetti EMRP (Stadju 2):

Ladarba jkunu ntgħażlu s-suġġetti tar-riċerka, EURAMET e.V. għandha tippubblika s-sejħa għall-proposti u tistieden timijiet tar-riċerka minn NMI u DI tal-Istati parteċipanti sabiex jibnu konsorzji u jissottomettu proposti għall-proġetti.

Is-sejħa għall-proposti għandha tibqa’ miftuħa għal mill-anqas xahrejn.

EURAMET e.V. għandha tevalwa kull proposta li tirċievi bil-għajnuna ta’ mill-anqas tliet esperti indipendenti maħtura minnha fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru. L-esperti għandhom jistabbilixxu lista ta’ klassifikazzjoni li għandha tkun vinkolanti għall-allokazzjoni tal-finanzjament Komunitarju u tal-finanzjament nazzjonali.

Il-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni li ġejjin għandhom japplikaw għall-proġetti EMRP:

(i)

l-eċċellenza xjentifika u/jew teknoloġika;

(ii)

ir-rilevanza għall-għanijiet tal-EMRP;

(iii)

l-impatt potenzjali permezz tal-iżvilupp, id-disseminazzjoni u l-użu tar-riżultati tal-proġett;

(iv)

il-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni.

Is-sejħa għall-proposti għandha tikkonkretizza l-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni. Jistgħu jiddaħħlu kriterji addizzjonali bil-kundizzjoni li dawn jiġu ppubblikati fis-sejħa għall-proposti, ma jkunux diskriminatorji u ma jipprevalux fuq il-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni.

Kwalunkwe konsorzju li jissottometti proposta għal proġett EMRP jista’ jinkludi kwalunkwe entità oħra Ewropea jew mhux Ewropea li ma tkunx eliġibbli għal finanzjament bil-kundizzjoni li din l-entità tkun tista’ realistikament tassigura li għandha r-riżorsi meħtieġa għall-parteċipazzjoni tagħha.

Konsorzju li jissottometti proposta għal proġett EMRP jista’ jinkludi diġà f’dan l-istadju fil-proposta tiegħu, proposta għal għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi bil-kundizzjoni li din iżżid valur xjentifiku neċessarju għall-proġett. F’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-proposta għall-għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi għandha tkun parti mill-evalwazzjoni globali tal-proġett. L-għażla tal-proġett għall-finanzjament għandha awtomatikament tfisser il-ħruġ ta’ tali għotja.

Il-Kunsill għar-Riċerka ta’ EURAMET e.V., imsemmi fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni, għandu jagħti l-opinjoni indipendenti tiegħu dwar ir-riżultati globali tal-evalwazzjoni ta’ sejħa għall-proposti għal proġetti EMRP (Stadji 1 u 2), iżda mhux fuq proġetti EMRP individwali. Din l-opinjoni għandha tiġi kkunsidrata kif dovut minn EURAMET e.V. fis-sejħiet suċċessivi għall-proposti.

B.   Sejħa għall-proposti għal għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi u għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi (Stadju 3):

Il-pubblikazzjoni tal-lista tal-proposti magħżula ta’ proġetti EMRP għandha tkun akkumpanjata minn sejħa lill-komunità aktar wiesgħa tar-riċerkaturi sabiex jissieħbu fi proġetti EMRP permezz tal-għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi u/jew l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi.

Kull konsorzju għal proġett EMRP se jkun mistieden (sakemm ma jkunx diġà daħħal proposta dwar għotjiet għar-riċerkaturi u għall-eċċellenza meta ssottometta proposta għal proġett EMRP kif deskritt fis-seba’ paragrafu tas-sezzjoni A.b)) sabiex iniedi, fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tal-kuntratt tal-proġett EMRP, sejħa għall-proposti biex jiġu identifikati benefiċjarji potenzjali u jkunu proposti lill-EURAMET e.V. sabiex jingħataw għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi u/ jew għall-mobilità tar-riċerkaturi. It-tqassim indikattiv tal-finanzjament tal-EMRP għandu jiġi kkalkulat sabiex bħala medja kull proġett EMRP jista’ jkun assoċjat ma’ tal-anqas għotja waħda għall-eċċellenza tar-riċerkaturi u/jew għall-mobilità tar-riċerkaturi. Madankollu, dan mhuwiex obbligu vinkolanti u dawn it-tip ta’ għotjiet jistgħu jiġu implimentati bl-aktar mod flessibbli.

Il-konsorzju għall-proġett EMRP għandu jippubblika s-sejħa għall-proposti f’mill-anqas ġurnal internazzjonali wieħed u fi tliet gazzetti nazzjonali differenti fi tliet Stati parteċipanti differenti. Huwa għandu jkun responsabbli wkoll biex jirreklama s-sejħa b’mod estensiv billi juża appoġġ speċifiku għall-informazzjoni, b’mod partikolari siti fuq l-Internet dwar is-Seba’ Programm Kwadru, l-istampa u l-fuljetti speċjalizzati u permezz tal-punti nazzjonali ta’ kuntatt stabbiliti mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni u r-reklamar tas-sejħa għall-proposti għandha tkun konformi ma’ kull struzzjoni u nota ta’ gwida stabbiliti mill-EURAMET e.V.. Il-konsorzju għandu jgħarraf lill-EURAMET e.V. bis-sejħa u lkontenut tagħha tal-anqas 30 jum qabel id-data prevista tal-pubblikazzjoni tagħha. EURAMET e.V. għandha teżamina l-konformità tas-sejħa mar-regoli, l-istruzzjonijiet u n-noti ta’ gwida rilevanti.

Is-sejħa għall-proposti għandha tibqa’ miftuħa għal mill-anqas ħames ġimgħat.

Il-konsorzju għall-proġett EMRP għandu jevalwa l-proposti riċevuti bil-għajnuna ta’ mill-anqas żewġ esperti indipendenti maħtura minnu fuq il-bażi tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fs-Seba’ Programm Kwadru.

Il-kriterji bażiċi segwenti ta’ valutazzjoni għandhom japplikaw għall-evalwazzjoni tal-proposti:

(i)

l-eċċellenza xjentifika u/jew teknoloġika;

(ii)

ir-rilevanza għall-għanijiet tal-proġett EMRP;

(iii)

il-kwalità u l-kapaċità ta’ implimentazzjoni tal-applikant u l-potenzjal tiegħu/tagħha għal aktar progress;

(iv)

il-kwalità tal-attività proposta fit-taħriġ xjentifiku u/jew it-trasferiment tal-għerf.

Is-sejħa għall-proposti għandha tikkonkretizza l-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni. Jistgħu jiddaħħlu kriterji addizzjonali bil-kundizzjoni li dawn jiġu ppubblikati fis-sejħa għall-proposti, ma jkunux diskriminatorji u ma jipprevalux fuq il-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni.

Il-konsorzju għall-proġett EMRP għandu jipproponi lil EURAMET e.V. sabiex tagħti l-għotja lil benefiċjarju u jirrapporta lilha dwar kif saret is-sejħa għall-proposti, inklużi l-mod tal-pubblikazzjoni u l-ismijiet u l-affiljazzjoni tal-esperti involuti fl-evalwazzjoni. Fi żmien 45 ġurnata minn meta tirċievi din il-proposta, EURAMET e.V. għandha jew toħroġ l-għotja jew tirrifjutaha jekk l-għażla ma tkunx konformi mar-regoli, l-istruzzjonijiet u n-noti ta’ gwida rilevanti.

EURAMET e.V. għandha tistieden lill-pajjiżi Ewropej li ma għandhom ebda kapaċità jew kapaċitajiet limitati biss fir-riċerka dwar il-metroloġija sabiex iħeġġu lill-istituti tar-riċerka jew l-universitajiet tagħhom biex japplikaw għal għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi bħala mezz sabiex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom fir-riċerka dwar il-metroloġija.

C.   Għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija

EURAMET e.V. għandha tniedi sejħa għall-offerti miftuħa b’mod permanenti għal għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija u tippubblikaha f’mill-anqas ġurnal internazzjonali wieħed u fi tliet gazzetti nazzjonali differenti fi tliet Stati parteċipanti differenti. Hija għandha tkun responsabbli wkoll biex tirreklama s-sejħa għall-proposti billi tuża appoġġ speċifiku għall-informazzjoni, speċjalment siti fuq l-Internet dwar is-Seba’ Programm Kwadru, l-istampa u fuljetti speċjalizzati u permezz tal-punti nazzjonali ta’ kuntatt stabbiliti mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru.

Il-proposti għandhom jiġu sottomessi mir-riċerkatur u mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jirċievu (NMI, DI jew organizzazzjoni oħra li tipparteċipa fi proġett EMRP). It-tqassim indikattiv tal-finanzjament huwa kkalkulat sabiex bħala medja kull proġett EMRP ikun jista’ jiġi assoċjat ma’ tal-anqas għotja waħda għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija. Madankollu, dan mhuwiex obbligu vinkolanti u dawn it-tip ta’ għotjiet jistgħu jiġu implimentati bl-aktar mod flessibbli. EURAMET e.V. għandha tevalwa l-proposti li tirċievi.

Għandhom japplikaw il-kriterji bażiċi segwenti ta’ valutazzjoni:

(i)

l-eċċellenza xjentifika u/jew teknoloġika;

(ii)

ir-rilevanza għall-għanijiet tal-proġett EMRP;

(iii)

il-kwalità u l-kapaċità ta’ implimentazzjoni tal-applikant u l-potenzjal tiegħu/tagħha għal aktar progress;

(iv)

il-kwalità tal-attività proposta fit-taħriġ xjentifiku u/jew it-trasferiment tal-għerf.

Is-sejħa għall-proposti għandha tikkonkretizza l-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni. Jistgħu jiddaħħlu kriterji addizzjonali bil-kundizzjoni li dawn jiġu ppubblikati fis-sejħa għall-proposti, ma jkunux diskriminatorji u ma jipprevalux fuq il-kriterji bażiċi ta’ valutazzjoni.

EURAMET e.V. għandha timmira għal żewġ dati ta’ għeluq fis-sena meta toħroġ dawn l-għotjiet bi proċedura ssimplifikata bbażata fuq l-opinjoni ta’ mill-anqas żewġ esperti indipendenti għal kull proposta li jkunu ddiskutew u kklassifikaw li proposti kollha.

D.   Tabella ta’ Rikapitulazzjoni

Tipi ta’ finanzjament

Organizzazzjonijiet Eliġibbli (1)

Pajjiżi Eliġibbli

Kriterji ta’ Valutazzjoni

A.

Proġett EMRP (konsorzju)

NMI u DI

L-Istati li qegħdin jipparteċipaw fl-EMRP

Artikolu 15(1)(a) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru

B1.

Għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi

 

Minn:

(1)

Kwalunkwe organizzazzjoni ħlief NMI jew DI

(2)

riċerkatur individwali

 

Lil:

proġett ta’ EMRP f’NMI jew f’DI

L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru

Artikolu 15(1)(b) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru

B2.

Għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi

 

Minn:

(1)

NMI u DI

(2)

organizzazzjoni li tibbenefika minn għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi

(3)

riċerkaturi minn Pajjiżi Membri tal-EURAMET li ma jkunux qegħdin jipparteċipaw fl-EMRP, li attwalment ma jkollhom l-ebda kapaċità ta’ riċerka dwar il-metroloġija jew kapaċità limitata

 

Lil:

(1)

NMI u DI

(2)

organizzazzjoni li tibbenefika minn għotja għall-eċċellenza tar-riċerkaturi

L-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru

Artikolu 15(1)(b) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru

B3.

Għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija

 

Minn:

NMI u DI

 

Lil:

(1)

NMI u DI

(2)

organizzazzjonijiet oħra li qegħdin jipparteċipaw fil-proġett EMRP (konsorzju)

L-Istati li qegħdin jipparteċipaw fl-EMRP

Artikolu 15(1)(b) tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru

IV.   MEKKANIŻMI TA’ FINANZJAMENT

A.   Finanzjament fil-Livell tal-Programm

L-EMRP għandu jkun iffinanzjat mill-Istati parteċipanti u mill-Komunità.

L-Istati parteċipanti għandhom jiddefinixxu pjan ta’ finanzjament multiannwali biex jipparteċipaw fl-EMRP u jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-attivitajiet tiegħu. Il-kontribuzzjoni nazzjonali tista’ tiġi minn programmi eżistenti jew ġodda, sakemm ikunu konformi man-natura essenzjali tal-metroloġija ta’ livell għoli ffinanzjata b’mod pubbliku. Kull Stat parteċipanti għandu, minbarra r-rekwiżit prinċipali tal-finanzjament (baġit allokat għall-EMRP), jidentifika kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva ugwali għal 50 % ta’ dak ir-rekwiżit sabiex jassigura l-flessibbiltà fl-operat tal-EMRP matul il-ħajja tiegħu kollha u r-rispett tal-lista ta’ klassifikazzjoni. Il-finanzjament tal-EMRP għandu jinvolvi b’mod partikolari l-impenn ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-parteċipanti fil-proġetti EMRP magħżula mill-baġits nazzjonali allokati għall-EMRP, u tiġi pprovduta kontribuzzjoni “fi flus”, bi kwoti proporzjonali għall-baġits tal-EMRP allokati, għal fond komuni biex jiġu ffinanzjati l-għotjiet għar-riċerkaturi, minbarra li jiġu ffinanzjati b’mod sħiħ l-ispejjeż operattivi tal-EMRP.

Il-kontribuzzjoni Komunitarja totali finanzjarja għall-EMRP hija kkalkulata daqs il-kontribuzzjoni finanzjarja attwali mill-Istati parteċipanti (esklużi spejjeż operattivi li jaqbżu EUR 16-il miljun u l-kapaċità ta’ fondi ta’ riżerva), b’limitu massimu ta’ EUR 200 miljun. Billi l-ispejjeż operattivi huma inklużi fil-kalkulazzjoni tal-kontribuzzjoni korrispondenti, dawn iridu jiġu ġġustifikati mill-EURAMET e.V.

L-ebda kontribuzzjoni Komunitarja finanzjarja ma għandha tintuża biex tkopri l-ispejjeż operattivi tal-EURAMET e.V.

B.   Tqassim Indikattiv tal-Finanzjament

Total Komplessiv: EUR 400 miljun (+ EUR 100 miljun kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva)

Tip ta’ Attività

Komunità

EUR 200 miljun

Stati parteċipanti

EUR 200 miljun

Total

EUR 400 miljun

 

%

EUR miljuni

%

EUR miljuni

%

EUR miljuni

Proposti għal Proġetti EMRP - Modulu (Parti A)

82  %

164

90  %

180

86  %

344

Proposti ta’ Għotjiet għar-Riċerkaturi Modulu (Parti B) finanzjament sa 100 %

18  %

36

2  %

4

10  %

40

B1.

Għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi

 

 

 

 

7,5  %

30

B2.

Għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi

 

 

 

 

1,5  %

6

B3.

Għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija

 

 

 

 

1,0  %

4

Spejjeż Operattivi (Parti C)

8  %

16  (2)

4  %

16

Total

100  %

200

100  %

200

100  %

400

C.   Finanzjament ta’ Proġetti EMRP u Għotjiet għar-Riċerkaturi

L-allokazzjoni tal-fondi mill-baġits allokati għall-EMRP u mill-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-proġetti EMRP għandha ssegwi l-ordni tal-lista ta’ klassifikazzjoni approvata tal-evalwazzjoni.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja għall-parteċipanti f’dawn il-proġetti EMRP għandha tiġi kkalkulata skont l-ispejjeż eliġibbli kif definit fir-Regoli għall-Parteċipazzjoni fis-Seba’ Programm Kwadru. Jekk il-baġit allokat għall-EMRP jispiċċa minħabba r-rata għolja ta’ suċċess ta’ NMI u DI minn Stat parteċipanti partikolari, dan l-Istat parteċipanti għandu juża l-kapaċità ta’ finanzjament ta’ riżerva ta’ 50 % tal-baġit allokat tiegħu għall-EMRP allokat għal aktar proposti magħżula billi jsegwi l-lista ta’ klassifikazzjoni.

Il-kontribuzzjoni Komunitarja għall-proġetti EMRP għandha tiġi stabbilita għal kull sejħa għall-proposti bħala perċentwali tal-ispejjeż eliġibbli anqas minn 50 %. Din għandha tiġi ttrasferita direttament mill-EURAMET e.V. għall-parteċipanti tal-proġetti EMRP.

Il-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-proġetti tal-EMRP għandhom jiġu pprovduti billi jintużaw il-mekkaniżmi nazzjonali rispettivi ta’ finanzjament.

Il-kontribuzzjonijiet fi flus mill-Komunità u nazzjonali li jintużaw biex jiffinanzjaw l-għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi, l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi u l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija għandhom jiġu ttrasferiti lill-EURAMET e.V. u minnha lill-benefiċjarji tal-għotjiet.

Il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, u b’mod partikolari l-eżistenza tal-kontribuzzjoni nazzjonali, il-ħlas attwali tagħha, l-użu xieraq tal-finanzjament mill-Komunità u l-eliġibilità tal-ispejjeż mitluba għandhom jiġu assigurati taħt ir-responsabilità tal-EURAMET e.V., u jiġu stabbiliti b’verifika finanzjarja indipendenti tal-proġetti EMRP skont prinċipji li jaqblu ma’ dawk tas-Seba’ Programm Kwadru.

L-għotjiet għall-eċċellenza tar-riċerkaturi, l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi u l-għotjiet għall-mobilità tar-riċerkaturi fil-fażi bikrija għandhom ikunu għotjiet fissi mogħtija skont skali definiti minn qabel; l-infiq dettaljat sottostanti ma għandux ikun suġġett għal verifika. Il-kategoriji ta’ spejjeż koperti minn kwalunkwe għotja bħal din ma għandhomx ikunu eliġibbli bħala spejjeż ta’ proġett EMRP. Huwa biss il-ħlas attwali sħiħ tal-ammont definit lill-benefiċjarju finali li għandu jiġi sostnut b’evidenza formali. Il-ħlasijiet fi flus mhumiex ikkunsidrati bħala ppruvati sewwa u mhumiex eliġibbli. EURAMET e.V. se jkollha l-għażla li titlob fondi korrispondenti minn riċevituri ta’ għotjiet ta’ eċċellenza ta’ riċerka li huma entitajiet legali aktar milli individwi.

V.   ARRANĠAMENTI DWAR ID-DRITTIJIET TA’ PROPRJETA’ INTELLETTWALI

EURAMET e.V. għandha tadotta politika dwar il-proprjetà intellettwali tal-EMRP skont l-Artikolu 2(h) ta’ din id-Deċiżjoni.


(1)  Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandu jiġi trattat bħall-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija.

(2)  B’differenza miċ-ċifri l-oħrajn, dan l-ammont huwa limitu massimu vinkolanti fil-kalkolu tal-fondi korrispondenti tal-Istati parteċipanti.


ANNESS II

Tmexxija u Implimentazzjoni tal-Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija (EMRP)

I.   DAĦLA

L-istruttura ddedikata għall-implimentazzjoni tal-EMRP għandha tkun EURAMET e.V.. EURAMET e.V. giet stabbilita fl-2007 taħt il-liġi Ġermaniża bħala assoċjazzjoni mhux bi skop ta’ qligħ. Hija l-assoċjazzjoni reġjonali Ewropea dwar il-metroloġija. Is-sħubija fl-EURAMET e.V. hi miftuħa għall-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija (NMI), bħala Membri, u għall-Istituti Nominati (DI), bħala Assoċjati, mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, u minn Stati Ewropej oħra. L-Istitut għall-Materjali u l-Miżuri ta’ Referenza tal-Kummissjoni Ewropea jista’ jkun ukoll Assoċjat. Fil-preżent, hemm Membri minn 32 pajjiż, li minnhom 22 huma wkoll Stati parteċipanti tal-EMRP.

II.   TMEXXIJA TAL-EMRP FI ĦDAN L-EURAMET E.V.

L-korpi u l-istrutturi interni li ġejjin tal-EURAMET e.V. għandhom jassumu rwoli fl-implimentazzjoni tal-EMRP:

(1)

Il-President tal-EMRP u d-deputat tiegħu/tagħha huma eletti mill-Kumitat tal-EMRP. Il-President tal-EMRP huwa awtomatikament wieħed miż-żewġ Viċi Presidenti tal-EURAMET e.V.. Huwa/hija jirrappreżentaw legalment lill-EURAMET e.V. fil-kwistjonijiet tal-EMRP.

(2)

Il-Kumitat tal-EMRP huwa ffurmat minn Membri tal-EURAMET (jiġifieri NMI) li l-pajjiżi tagħhom huma Stati parteċipanti. Il-Kumitat tal-EMRP huwa l-organu li jieħu d-deċiżjonijiet tal-EMRP u huwa responsabbli għall-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-EMRP, fosthom id-deċiżjonijiet dwar id-definizzjoni u l-aġġornament tal-programm, dwar l-ippjanar tas-sejħiet għall-proposti, dwar il-profil tal-baġit, dwar l-eliġibilità u l-kriterji tal-għażla, dwar il-grupp tal-evalwaturi, dwar l-approvazzjoni tal-lista ta’ klassifikazzjoni tal-proġetti EMRP li għandhom jiġu ffinanzjati, dwar il-monitoraġġ tal-progress tal-proġetti EMRP iffinanzjati u dwar is-superviżjoni tal-ħidma adegwata u organizzata tas-Segretarjat fir-rigward tal-EMRP. Il-Kumitat tal-EMRP jeleġġi President tal-EMRP (li huwa/hija awtomatikament “Viċi-President (EMRP)” tal-EURAMET) u deputat.

(3)

Il-Kunsill għar-Riċerka huwa ffurmat minn kontinġent ibbilanċjat ta’ esperti ta’ livell għoli ġejjin mill-industrija, ir-riċerka u l-qasam akkademiku u minn organizzazzjonijiet internazzjonali tal-partijiet interessati. Dan jipprovdi pariri strateġiċi indipendenti dwar il-materji tal-EMRP u jirrapporta jew jikkummenta lill-Kumitat tal-EMRP meta jkun meħtieġ u meta jintalab, iżda bħala minimu huwa jagħti opinjoni dwar kull sejħa għall-proposti u ċiklu tal-għażla.

(4)

Is-Segretarjat huwa kompost minn persuni impjegati minn, jew issekondati, lil EURAMET e.V.. L-istruttura u l-kompiti tiegħu huma rregolati mir-regoli ta’ proċedura tal-EURAMET e.V.. Parti mis-Segretarjat responsabbli għall-implimentazzjoni tal-EMRP hija ospitata mil-Laboratorju Fiżiku Nazzjonali, il-Membru mill-UE tal-EURAMET e.V. (“lill-Membru ospitanti”).

(5)

Il-Maniġer tal-Programm EMRP għandu jkun maniġer anzjan u, bħala soluzzjoni proviżorja, huwa/hija jistgħu jiġu ssekondati mill-Membru ospitanti. Il-Maniġer tal-Programm EMRP għandu jaġixxi biss taħt l-awtorità diretta ta’ EURAMET e.V. fuq kwalunkwe kwistjoni li tirrigwarda l-EMRP u jirrapporta lill-korpi tiegħu. EURAMET e.V. għandha tistabbilixxi proċeduri effettivi li jiżguraw li ma jkun hemm ebda kunflitti tal-interessi bejn il-Maniġer tal-Programm EMRP u xi applikanti, parteċipanti jew benefiċjarji.

III.   RESPONSABBILTAJIET ESKLUŻIVI U SOTTOKUNTRATTAR TA’ KOMPITI AMMINISTRATTIVI U LOĠISTIĊI LILL-MEMBRU OSPITANTI FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-EMRP.

EURAMET e.V. għandha tkun esklużivament responsabbli għall-implimentazzjoni tal-EMRP. Hija għandha tamministra l-kontribuzzjoni Komunitarja għall-EMRP. Barra minn hekk hija għandha tassumi wkoll responsabbiltajiet b’mod partikolari sabiex:

(i)

taġġorna l-EMRP;

(ii)

tiddefinixxi s-sejħiet għall-proposti;

(iii)

tippubblika s-sejħiet għall-proposti;

(iv)

tirċievi l-proposti għall-Istadju 1 u għall-Istadju 2 u proposti għal għotjiet għall-mobilità tar- riċerkaturi fil-fażi bikrija;

(v)

tagħżel l-esperti indipendenti għall-evalwazzjoni;

(vi)

tirċievi l-valutazzjonijiet individwali tal-esperti indipendenti u tippresjedi l-bordijiet tal-evalwazzjoni;

(vii)

tieħu d-deċiżjonijiet finali tal-għażla;

(viii)

tibda negozjati dwar kuntratti u tikkonkludi l-kuntratti mal-konsorzji magħżula għall-proġett EMRP u benefiċjarji oħra;

(ix)

tirċievi u twieġeb għall-ilmenti kollha dwar is-sejħiet;

(x)

tirċievi u talloka l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja u tissorvelja l-użu tagħha;

(xi)

tagħmel il-ħlasijiet lill-parteċipanti fil-proġetti ffinanzjati tal-ERMP u lir-reċipjenti tal-għotjiet;

(xii)

tirrispondi għar-rekwiżiti tar-rappurtar fil-konfront tal-Kummissjoni.

Filwaqt li r-responsabbiltajiet u t-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ hawn fuq dwar l-EMRP jibqgħu esklużivament f’idejn l-EURAMET e.V., ċerti kompiti amministrattivi u loġistiċi fl-implimentazzjoni tal-EMRP jistgħu jiġu sottokuntrattati, bl-ispejjeż, lill-Membru ospitanti.

Dan is-sostenn amministrattiv u loġistiku għandu jikkonsisti minn dan li ġej:

(i)

provvediment ta’ amministrazzjoni u loġistika biex jiġu implimentati l-proċeduri tas-sejħiet għall-proposti, fosthom il-provvediment ta’ help line ddedikata;

(ii)

provvediment ta’ appoġġ għat-tfassil lil EURAMET e.V. għall-iżvilupp ta’ linji gwida u dokumentazzjoni oħra;

(iii)

provvediment tal-kapaċità ddedikata fuq l-Internet;

(iv)

provvediment ta’ għajnuna għall-preparazzjoni tal-kuntratti, il-monitoraġġ tal-proġett u l-insegwiment tal-proġetti EMRP u l-għotjiet għar-riċerkaturi;

(v)

appoġġ lill-Kumitat tal-EMRP u lill-President tal-EMRP kif meħtieġ.

Bi qbil mal-Kummissjoni, jistgħu jiġu sottokuntrattati kompiti addizzjonali lill-Membru ospitanti waqt li EURAMET e.V. tiżviluppa l-kapaċità tas-Segretarjat permanenti tagħha.