27.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 312/56 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-25 ta’ Novembru 2009
li tistabbilixxi kwestjonarju għar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi
(notifikata bid-dokument numru C(2009) 9105)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/851/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 22(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2006/66/KE, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw regolarment permezz ta’ kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva. |
(2) |
Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv żejjed marbut mat-tħejjija ta’ dak ir-rapport, huwa xieraq li tkun limitata l-lista tal-informazzjoni meħtieġa għal dik id-dejta li hija l-iktar ta’ ħtieġa biex il-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal titjib fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/66/KE. |
(3) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri għandhom iħejju r-rapporti tagħhom dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/66/KE permezz tal-kwestjonarju fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2009.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.
(2) ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.
ANNESS
IL-KWESTJONARJU GĦAR-RAPPORT TAL-ISTATI MEMBRI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2006/66/KE
1. Traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali
Informazzjoni li għandha tingħata fl-ewwel rapport mill-Istati Membri:
(a) |
Jekk jogħġbok agħti referenza u link elettroniku, jekk disponibbli, għal-liġijiet nazzjonali tagħkom li jittrasponu d-Direttiva, kif ukoll għal kull emenda. |
(b) |
Kien hemm xi dispożizzjoni stabbilita fl-Artikoli 8,15 u 20, li ġiet trasposta permezz ta’ ftehimiet volontarji bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati? |
2. Prestazzjoni ambjentali
Liema passi, inkużi l-istrumenti ekonomiċi tal-Artikolu 9, ittieħdu biex tiżdied il-prestazzjoni ambjentali tal-batteriji u l-akkumulaturi f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva?
3. Skemi ta’ ġbir
Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor (massimu ta’ 100 kelma) kif l-Artikolu 8 ġie implimentat fil-prattika.
4. Miri ta’ ġbir
Jekk jogħġbok speċifika r-rati ta’ ġbir milħuqa f’kull sena kalendarja koperta b’dan ir-rapport, inklużi batteriji u akkumulaturi inkorporati f’tagħmir. L-ewwel rapport għandu jkopri biss is-sena 2011.
5. Trattament u riċiklaġġ
(a) |
X’miżuri ttieħdu sabiex ikun żgurat li l-batteriji u l-akkumulaturi kollha mormija li jinġabru jgħaddu minn trattament u riċiklaġġ xieraq f’konformità mal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/66/KE? |
(b) |
Sar użu mill-possibbiltà li wieħed jiddisponi minn batteriji jew akkumulaturi portabbli perikolużi miġbura kif speċifikat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1). Jekk iva, jekk jogħġbok agħti referenza ta’ kwalunkwe abbozz ta’ miżura notifikata lill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1). |
(c) |
X’livell ta’ riċiklaġġ intlaħaq f’kull sena kalendarja kkonċernata? Il-batteriji u l-akkumulaturi miġbura ntbagħtu kollha għar-riċiklaġġ f’konformità mal-Artikolu 12(1)? |
(d) |
X’livell ta’ effiċjenza ta’ riċiklaġġ intlaħaq f’kull sena kalendarja kkonċernata mis-26 ta’ Settembru 2011 u, jekk disponibbli, fis-sena ta’ qabel? |
6. Rimi
(a) |
X’miżuri ttieħdu biex ikun żgurat li l-batteriji u akkumulaturi industrijali u awtomotivi mormija ma jispiċċawx fil-miżbliet? |
(b) |
Ittieħdu xi miżuri oħrajn li jmorru lil hinn minn dawk tal-Artikolu 14 biex jitnaqqas ir-rimi ta’ batteriji u akkumulaturi fl-iskart muniċipali mħallat? |
7. Esportazzjonijiet
X’inhu l-ammont ta’ batteriji jew akkumulaturi mormija u miġbura li ġew esportati lejn pajjiżi terzi? Jekk jogħġbok speċifika lejn liema pajjiżi. U għal kemm minn dawn il-batteriji u akkumulaturi mormija u esportati ngħatat evidenza soda li l-operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ saru taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, f’konformità mal-Artikolu 15?
8. Finanzjament
(a) |
X’miżuri ttieħdu biex jiġi żgurat li l-ġbir, it-trattament u r-riċiklaġġ tal-batteriji u akkumulaturi mormija jkun iffinanzjat minn produtturi jew partijiet terzi f’isimhom? |
(b) |
X’miżuri ttieħdu biex ikun żgurat li l-produtturi ma jħallsux darbtejn meta l-batteriji u l-akkumulaturi jinġabru taħt skemi stabbiliti f’konformità mad-Direttiva 2000/53/KE tal-Paralment Ewropew u tal-Kunsill (1) jew id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/96/KE? (2) |
9. Rapporti ta’ implimentazzjoni nazzjonali
Jekk jogħġbok agħti informazzjoni dwar kwalunkwe miżuri meħuda skont il-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2006/66/KE (massimu ta’ 50 kelma għal kull miżura)
10. Spezzjonijiet u infurzar
(a) |
Jekk jogħġbok agħti dettalji dwar sistemi ta’ spezzjonijiet u monitoraġġ applikati fl-Istati Membri biex tkun żgurata l-konformità mad-Direttiva 2006/66/KE b’mod partikolari mal-Artikoli 4 u 21 tagħha. |
(b) |
Kemm il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 2006/66/KE instabu? Kien hemm xi batteriji u akkumulaturi mhux konformi u li ġew irtirati mis-suq nazzjonali? Jekk jogħġbok indika r-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta’ konformità u l-azzjonijiet li ttieħdu sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva. |
11. Tagħrif ieħor
(a) |
Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor id-diffikultajiet ewlenin li ltqajtu magħhom fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Kif kienu jew kif jistgħu jkunu indirizzati dawn il-problemi? |
(b) |
Jekk jogħġbok indika il-korp amministrattiv (isem, indirizz, indirizz elettroniku, dettalji oħra ta’ kuntatt) responsabbli mill-koordinazzjoni tat-tweġibiet għal dan il-kwestjonarju. |