19.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 156/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-6 ta’ April 2009

dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE

(2009/472/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ffirmat f’Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim AKP-KE”), u b’mod speċjali l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implementazzjoni tal-Ftehim AKP-KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

L-elementi essenzjali tal-Ftehim AKP-KE, imsemmija fl-Artikolu 9 tiegħu, inkisru.

(2)

Konformement mal-Artikolu 96 tal-Ftehim AKP-KE bdew konsultazzjonijiet fl-20 ta’ Ottubru 2008 mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja fejn ir-rappreżentanti tal-ġunta militari fil-poter ma ppreżentaw la proposti u lanqas impenji sodisfaċenti. Minkejja żmien adizzjonali ta’ xahar, ebda element ġdid ma kien innutat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-konsultazzjonijiet li bdew mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim AKP-KE huma b’dan magħluqa.

Artikolu 2

Il-miżuri stipulati fl-ittra li tinsab fl-Anness huma adottati bħala miżuri xierqa previsti fl-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim AKP-KE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi is-6 ta’ April 2011. Hi għandha tiġi eżaminata mill-ġdid regolarment tal-anqas kull 6 xhur fuq il-bażi tal-missjonijiet konġunti ta’ sorveljanza tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 6 ta’ April 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. POSPÍŠIL


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.


ANNESS

Sur Ġeneral,

L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lill-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ffirmat f’Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim AKP-KE” ), dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-Istat tad-dritt, li fuqhom hi bbażata is-sħubija AKP-KE.

Għalhekk, wara l-kolp ta’ Stat militari tas-6 ta’ Awwissu 2008, l-Unjoni Ewropea kkundanat minnufih il-kolp u, f’bosta okkażjonijiet, appellat għar-rispett tad-demokrazija u l-qafas istituzzjonali legali li ilu stabbilit mill-2007. Skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim AKP-KE, u b’kunsiderazzjoni li l-kolp ta’ Stat jikkostitwixxi ksur serju tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha fi djalogu politiku mar-reġim attwali li wassal għall-ftuħ ta’ konsultazzjonijiet sabiex tkun eżaminata s-sitwazzjoni kif ukoll is-soluzzjonijiet possibbli kunsenswali għal ritorn rapidu tal-ordni kostituzzjonali.

Wara l-laqgħa ta’ ftuħ ta’ dawn il-konsultazzjonijiet li saret f’Pariġi fl-20 ta’ Ottubru 2008, l-Unjoni Ewropea ma setgħetx tinnota proposti sodisfaċenti mill-Mawritanja. Fi spirtu ta’ ftuħ għad-djalogu u bil-konoxxenza tal-kumplessità tas-sitwazzjoni politika tal-Mawritanja, l-Unjoni Ewropea inizjalment ipproponiet li l-konsultazzjonijiet jibqgħu miftuħa matul perijodu ta’ xahar u indikat li l-preżentazzjoni tal-Mawritanja ta’ soluzzjoni potenzjalment sodisfaċenti tista’ tippermetti laqgħa ta’ konsultazzjoni oħra. Hi infurmat ukoll lill-AKP u lill-Parti Mawritana li fin-nuqqas ta’ elementi ġodda, il-konsultazzjonijiet ser jingħalqu u ser jiġu adottati miżuri xierqa.

F’sensiela ta’ laqgħat preseduti mill-Unjoni Afrikana, l-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-ħames organizzazzjonijiet internazzjonali li kienu jifformaw Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali dwar il-Mawritanja, identifikat b’mod ċar l-elementi essenzjali ta’ soluzzjoni politika kunsenswali għall-kriżi.

Il-Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali reġa’ ltaqa’ fit-28 ta’ Jannar 2009, lejliet l-implimentazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet individwali deċiżi mill-Unjoni Afrikana, u fl-20 ta’ Frar 2009 biex jikkostati l-eżistenza ta’ bosta proposti għall-ħruġ mill-kriżi fosthom dik tal-poter stabbilit li għadu meqjus insuffiċjenti. Il-Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali stieden lill-Partijiet Mawritani għal djalogu politiku nazzjonali inklużiv taħt l-awspiċi tal-President tal-Unjoni Afrikana sabiex jintlaħaq ritorn kunsenswali għall-ordni kostituzzjonali.

Miżuri adatti ta’ akkumpanjament għal ritorn għall-ordni kostituzzjonali

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li ttemm il-perijodu ta’ konsultazzjonijiet u li tiddeċiedi, skont l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim AKP-KE, li tadotta l-miżuri adatti deskritti hawn taħt. Fid-dawl tas-sitwazzjoni insodisfaċenti attwali u mill-iffriżar li diġà hemm ta’ parti kbira tal-kooperazzjoni, dawn il-miżuri adatti jimmiraw li progressivament jiftħu mill-ġdid il-kooperazzjoni bi tweġiba għall-passi li jmiss lejn ritorn kunsenswali għall-ordni kostituzzjonali:

1.

Sitwazzjoni attwali u miżuri immedjati.

2.

Soluzzjoni kunsenswali għall-kriżi tkun f’konformità mal-elementi essenzjali proposti mill-Komunità internazzjonali u b’mod partikolari l-istabbiliment, fil-qafas ta’ djalogu politiku inklużiv u miftuħ, ta’ qafas elettorali li jippermetti t-twettiq ta’ elezzjonijiet presidenzjali liberi, trasparenti u rappreżentattivi, organizzati minn istituzzjonijiet kredibbli, taħt l-awspiċi ta’ gvern newtrali.

3.

L-implimentazzjoni reali u irriversibbli tas-soluzzjoni għall-kriżi msemmija hawn fuq.

4.

Ritorn komplet tal-Mawritanja għall-ordni kostituzzjonali. Din is-sitwazzjoni tiġi ddikjarata meta fil-poter ikun hemm kap ta’ Stat leġittimu u l-kostituzzjoni tkun fis-seħħ u rrispettata.

1.   Sitwazzjoni attwali u miżuri immedjati

Il-miżuri deskritti hawn taħt ġew adottati. Il-miżuri restrittivi tal-kooperazzjoni mhux ser jaffettwaw l-għajnuna umanitarja, lanqas l-appoġġ dirett għall-popolazzjonijiet u s-soċjetà civili tal-Mawritanja.

Id-djalogu politiku previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim AKP-KE, ser jinżamm mal-Partijiet Mawritani kollha f’parallel mal-miżuri adatti kif imsemmi fl-Artikolu 2(5) tal-Anness VII tal-Ftehim AKP-KE. Dan id-djalogu ser isir f’koordinazzjoni mal-Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali dwar il-Mawritanja u jista’ jkun intensifikat hekk kif tiġi aċċettata soluzzjoni kunsenswali għal ritorn għall-ordni kostituzzjonali.

A.

L-implimentazzjoni tal-proġetti li għaddejjin u tal-programm indikattiv tal-Għaxar FEŻ, flimkien mal-eċċezzjonijiet u l-modifiki msemmija hawn fuq, tibqa’ sospiża għal irkupru eventwali gradwali tal-kooperazzjoni abbażi tal-kondizzjonijiet stipulati.

B.

Il-Kummissjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li tissokta immedjatament d-dmirijiet ta’ Uffiċjal Nazzjonali tal-FEŻ.

C.

Safejn is-sorveljanza tal-iżviluppi u d-deċiżjonijiet tal-politiki settorjali implimentati mill-awtoritajiet fil-poter, de facto iżda mhux de iure, jaffettwaw il-kooperazzjoni li għaddejja bħalissa, u bit-tama ta’ rkupru eventwali tal-kooperazzjoni wara soluzzjoni għall-kriżi aċċetabbli mill-Komunità internazzjonali, is-servizzi tal-Kummissjoni ser jibqgħu jipparteċipaw fid-djalogu, immexxi fuq livell tekniku, dwar il-politika settorjali fil-Mawritanja mingħajr ma dan id-djalogu jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala rikonoxxenza tal-legalità tal-poter stabbilit wara l-Kolp ta’ Stat tas-6 ta’ Awwissu 2008.

D.

Il-ħlasijiet relatati mal-kuntratti li diġà għaddejjin ser ikunu onorati skont id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament rilevanti. Dan jinkludi dawn il-proġetti:

It-toroq Rosso–Boghé u Kaedi–Gouaraye kif ukoll l-assistenza teknika għall-Ministeru tat-Trasport.

Il-Proġett “Rijabilitazzjoni tal-Oażi ta’ Adrar” (l-għeluq tal-impenji li għaddejjin).

Faċilità tal-Ilma: kontinwazzjoni ta’ tliet kuntratti li għaddejjin.

Faċilità tal-Enerġija: kontinwazzjoni ta’ kuntratti li għaddejjin.

Programm ta’ appoġġ għall-Uffiċjal Nazzjonali: miżuri meħtieġa għall-għeluq tal-programm.

Programm Reġjonali Solari: kontinwazzjoni tal-kuntratti li għaddejjin fil-Mawritanja.

Programm ta’ Appoġġ għas-Soċjetà ċivili: kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet relatati mal-governanza fil-qafas ta’ sejħiet għal proposti mmexxija direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Programm ta’ appoġġ għall-istabbiliment nazzjonali tal-manteniment tat-toroq (ENER): kontinwazzjoni limitata tal-impenji kuntrattwali li għaddejjin.

Kuntratt ta’ għotja fil-qafas tal-pakkett B reġjonali għar-rijabilitazzjoni ta’ żoni mgħargħra fiż-żona tax-xmara Senegal.

Apoġġ lill-awtoritajiet lokali (mhux FEŻ): Proġett ta’ titjib tal-ġestjoni komunali tal-ilma ta’ Nouakchott u s-Sħubija għall-appoġġ għas-sistema tal-iskola tal-Komun ta’ Boustilla.

Proġett ta’ sanità ta’ Zazou (mhux FEŻ, Kofinanzjament għall-NGOs).

E.

Jistgħu jiġu ffirmati kuntratti ġodda, f’konformità mal-konvenzjonijiet ta’ finanzjament, għall-programmi li ġejjin:

Tnedija ta’ sejħiet lokali għal proposti fil-qasam “Atturi mhux statali u Demokrazija u drittijiet tal-bniedem” (mhux FEŻ). Is-sejħiet għal proposti favur l-awtoritajiet lokali ser jibqgħu sospiżi.

Implimentazzjoni tal-Proġett ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni dwar il-fondi reġjonali AKP 9 FEŻ.

Implimentazzjoni tal-proġett “Appoġġ għar-ritorn tar-refuġjati” f’koordinazzjoni u armonizzazzjoni mal-Uffiċċju ta’ Għajnuna Umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea (ECHO), sa fejn, min-naħa, din l-implimentazzjoni tkun permissibbli fil-kondizzjonijiet tal-Mawritanja, u min-naħa l-oħra, jiġu rispettati l-kondizzjonijiet kuntrattwali previsti.

F.

Jistgħu jiġu mfassla proġetti ġodda fl-oqsma li ġejjin:

Fil-qafas tar-rispons għall-kriżi tal-ikel propost permezz tal-mobilizzazzjoni tal-pakkett B reġjonali tal-Għaxar FEŻ, jista’ jiġi pprogrammat intervent immirat lejn il-popolazzjoni għal ammont ta’ EUR 2 080 000 li jrid ikun esegwit minn organizzazzjoni internazzjonali u/jew NĠO, mingħajr ma l-attività tkun tinkludi appoġġi diretti għall-amministrazzjoni jew għall-Istat jew l-aġenziji tiegħu.

Programmar tal-pakkett allokat lill-Mawritanja fil-qafas tal-“Faċilità tal-Ikel” ġdida u tal-linja tematika “Sigurtà tal-Ikel”, permezz tal-proġetti ta’ appoġġ għall-agrikoltura li jistgħu jiġu implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Il-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Għaxar FEŻ jipprevedi ammont indikattiv ta’ EUR 40 miljun għal appoġġ baġitarju. Dan il-proġett ma jistax jiġi mfassal qabel irkupru komplet tal-ordni kostituzzjonali kif deskritt fil-punt (4), suġġett għar-rispett tal-kondizzjonijiet ġenerali ta’ eliġibbiltà meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan it-tip ta’ programm.

Mil-lum ’il quddiem, l-ammont indikattiv ta’ dan il-programm hu madankollu mnaqqas għal EUR 25 miljun. Mill-EUR 15-il miljun impenjati, EUR 10 miljun ser jinżammu riżervati għal appoġġ eventwali għall-elezzjonijiet fil-qafas ta’ soluzzjoni kostituzzjonali għall-kriżi f’konformità mat-talbiet tal-Komunità internazzjonali. L-EUR 5 miljuni l-oħra ser jinżammu riżervati, fost l-oħrajn, għal każijiet ta’ kriżi umanitarji possibbli b’konsegwenza tal-kriżi pprovokata mill-kolp ta’ Stat tas-6 ta’ Awwissu 2008.

Il-programm ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni, previst mill-Programm Indikattiv Nazzjonali għal ammont ta’ EUR 8 miljuni, ser jiġi mfassal fuq bażi eċċezzjonali qabel irkupru eventwali tal-kooperazzjoni fuq il-bażi ta’ objettivi u prijoritajiet li għad iridu jiġu definiti.

2.   Soluzzjoni kunsenswali aċċettata

Din is-sitwazzjoni timplika li jeżisti ftehim effettiv mal-Partijiet Mawritani kif deskritt fl-introduzzjoni fil-punt 2.

G.

Il-proġetti li ġejjin ser jissoktaw:

Il-Port tal-Minerali ta’ Nouadhibou. In-negozjar u l-iffirmar tal-kuntratt għat-tiġdid tal-port sakemm ir-Regolament fis-seħħ u r-riżultati tas-sejħa għal offerta jippermettu dan. Minħabba li l-iskadenza mingħajr possibbiltà ta’ estensjoni, tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett hija ffissata għall-31 ta’ Diċembru 2011, hemm riskju reali li l-finanzjament tal-proġett (EUR 45 miljun) jintilef. Il-Kummissjoni ser teżamina l-possibbiltajiet kollha biex jiġi mminimizzat dan ir-riskju li, madankollu, qed jikber maż-żmien.

Programmar mill-ġdid ta’ proġett ta’ tneħħija ta’ tifrik tal-port ta’ Nouadhibou wara t-trasferiment, mill-31 ta’ Diċembru 2008 lejn l-Għaxar FEŻ, tal-fondi STABEX previsti għal dan l-għan (EUR 23 miljun). Fin-nuqqas tal-kolp ta’ Stat kellu jiġi ffirmat kuntratt għal din l-azzjoni qabel it-tmiem tal-2008. Il-proċeduri ta’ programmar mill-ġdid u tfassil ta’ proġett ġdid ser jibdew immedjatament sabiex wieħed ikun jista’ jgħaddi kemm jista’ jkun malajr għall-fażi ta’ implimentazzjoni hekk kif is-sitwazzjoni politika tippermetti dan (soluzzjoni kunsenswali aċċettata).

It-tnedija tal-sejħiet lokali għal proposti favur l-awtoritajiet lokali li preċedentement kienu sospiżi.

3.   Implimentazzjoni tas-soluzzjoni għall-kriżi

Din is-sitwazzjoni timplika l-implimentazzjoni irriversibbli tas-soluzzjoni kunsenswali għall-kriżi kif deskritt fl-introduzzjoni fil-punt 3.

H.

Ser ikun hemm kontinwazzjoni komplimentarja tal-kooperazzjoni Dan ser ikun jista’ jinkludi:

l-appoġġ eventwali u l-osservazzjoni eventwali ta’ elezzjonijiet ġodda,

il-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ għall-ġustizzja,

l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew ta’ tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-kollettivitajiet lokali u tas-servizzi tagħhom,

l-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti kollha ffirmati jew previsti taħt it-Tmien u d-Disa’ FEŻ iżda li għadhom mhumiex kuntrattwali.

4.   Ritorn komplet għall-ordni kostituzzjonali

I.

Ir-ritorn komplet tal-Mawritanja għall-ordni kostituzzjonali ser jippermetti t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha elenkati hawn fuq f’konformità mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 96(2)(a) tal-Ftehim AKP-KE. Dan ser jipppermetti b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-integralità tal-programm indikattiv tal-Għaxar FEŻ (EUR 156 miljun), b’kont meħud ta’ ħtiġijiet eventwali ta’ reviżjoni ta’ dan il-programm minħabba impatti negattivi soċjali, ekonomiċi u politiċi kkawżati mill-kolp ta’ Stat tas-6 ta’ Awwissu 2008.

Monitoraġġ tal-miżuri adatti

L-Unjoni Ewropea ser tkompli ssegwi mill-qrib l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-Mawritanja u ser tkun tista’ ssostni, fejn hu xieraq, l-istabbiliment ta’ soluzzjoni politika kunsenswali għall-kriżi, meta din is-soluzzjoni ser tkun ibbażata fuq l-elementi essenzjali msemmija hawn fuq, skont it-talbiet tal-Komunità internazzjonali. Għal dan il-fini ser jiġu organizzati missjonijiet regolari ta’ monitoraġġ.

L-Unjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li teżamina u tirrivedi l-miżuri msemmija hawn fuq sabiex tieħu kont ta’ żviluppi eventwali tas-sitwazzjoni fil-Mawritanja.

Dejjem tiegħek,

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Għall-Kunsill

J. POSPÍŠIL