22.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 279/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1033/2008

ta’ l-20 ta’ Ottubru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 802/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta’ l-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (Amalgamazzjonijiet)) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Konċentrazzjonijiet,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (2) jistabbilixxi regoli proċedurali għan-notifika u għall-eżami tal-konċentrazzjonijiet. Sabiex titqies l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tiġi aġġornata l-formola ta’ notifika użata għall-konċentrazzjonijiet li teħtieġ ċerta informazzjoni fuq il-bażi ta’ lista ta’ l-Istati Membri kollha.

(2)

B’relazzjoni għas-sottomissjoni ta’ dokumenti jew ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fil-proċedura, jidher li jkun aħjar jekk tiġi ċċarata l-proċedura li permezz tagħha tali dokumenti jew dikjarazzjonijiet jistgħu jitiqiesu bħala li mhumiex kunfidenzjali.

(3)

Fit-8 ta’ Ġunju 2004, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE adotta d-Deċiżjoni Nru 78/2004 u d-Deċiżjoni Nru 79/2004. Dawn id-deċiżjonijiet jinkorporaw lir-Regolament (KE) Nru 139/2004 fil-Ftehim ŻEE. Sabiex jitqiesu dawn id-deċiżjonijiet u għal raġunijiet ta’ ċarezza legali u ta’ trasparenza, jeħtieġ li jiġu introdotti xi adattazzjonijiet fil-formoli ta’ notifika, b’mod partikolari l-Formola RS li tittratta s-sottomissjonijiet raġunati, (Formola RS) li tittratta r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal referenzi ta’ notifika minn qabel taħt l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li twettaq valutazzjoni xierqa ta’ l-impenji offruti mill-partijiet li qed jippreżentaw in-notifika skond l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 bil-għan li jagħmlu konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni, il-partijiet li qed jippreżentaw in-notifika għandhom ikunu meħtieġa jissottomettu informazzjoni ddettaljata dwar l-impenji offruti u, b’mod partikolari, jissottomettu informazzjoni speċifika jekk l-impenji offruti jikkonsistu fil-bejgħ ta’ l-assi ta’ negozju.

(5)

Sabiex il-Kummissjoni tkun sodisfatta li l-impenji se jiġu implimentati fi żmien u b’mod adattati, jidher xieraq li jiġi ċċarat li l-impenji jistgħu jinkludu dettalji dwar il-mekkaniżmi xierqa proposti mill-partijiet, inkluża l-ħatra ta’ trustee biex jgħin lill-Kummissjoni ħalli tissuperviżjona l-konformità.

(6)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 802/2004 għandu jiġi emendat b’mod xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 802/2004 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 18, għandu jiġi miżjud il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Jekk persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jonqsu milli jkunu konformi mal-paragrafu 2 jew 3, il-Kummissjoni tista’ tassumi li d-dokumenti jew id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati ma fihom l-ebda informazzjoni kunfidenzjali.”

(2)

Fl-Artikolu 20, għandu jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Barra mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, l-impriżi kkonċernati għandhom fl-istess waqt li jkunu qegħdin joffru impenji skond l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, jissottomettu oriġinal wieħed u 10 kopji ta’ l-informazzjoni u tad-dokumenti preskritti fil-Formola RM u relatati mar-rimedji (Form RM) kif ġie stabbilit fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament. L-informazzjoni sottomessa għandha tkun korretta u kompluta.”

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 20a li ġej:

“Artikolu 20a

It-trustees

1.   L-impenji offruti mill-impriżi kkonċernati skond l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 jistgħu jinkludu, bl-ispejjeż jitħallsu mill-impriżi kkonċernati, il-ħatra ta’ trustee (jew ta’ trustees) indipendenti li jgħin lill-Kummissjoni tissuperviżjona l-konformità tal-partijiet ma’ l-impenji jew li jkollu mandat biex jimplimenta l-impenji. It-trustee jista’ jinħatar mill-partijiet, wara li l-Kummissjoni tkun approvat l-identità tiegħu, jew mill-Kummissjoni. It-trustee għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni tista’ torbot tali dispożizzjonijiet relatati mat-trustees ta’ l-impenji bħala kondizzjonijiet u obbligi skond l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.”

(4)

L-Annessi ġew emendati skond l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS

L-Annessi għar-Regolament (KE) ru 802/2004 għandhom jiġu emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-Punt 1.1., l-ewwel paragrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Din il-Formola tispeċifika l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-partijiet li qed jippreżentaw in-notifika meta jissottomettu notifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar amalgamazzjoni, akkwist jew konċentrazzjoni oħra proposta. Is-sistema ta’ kontroll ta’ l-amalgamazzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea ġiet stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ‘ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet [Amalgamazzjonijiet]’), u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ‘ir-Regolament li Jimplimenta’), li magħhom hija annessa din il-Formola CO (*). It-test ta’ dawn ir-regolamenti, kif ukoll dokumenti rilevanti oħrajn, jistgħu jinstabu fuq il-paġna tal-Kompetizzjoni tas-sit web Europa tal-Kummissjoni. Nixtieq niġbidlek l-attenzjoni anki għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ‘il-Ftehim ŻEE’) (**)

(*)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta’ l-20 ta’ Jannar 2004 (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1)."

(**)  Ara b’mod partikolari l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE, il-punt 1 ta’ l-Anness XIV għall-Ftehim ŻEE, il-Protokolli 21 u 24 għall-Ftehim ŻEE, kif ukoll il-Protokoll 4 għall-Ftehim bejn l-Istati EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzija (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ‘il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti’). Kwalunkwe referenza għall-Istati EFTA għandha tinftiehem bħala li tfisser dawk l-Istati EFTA li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE. Sa mill-1 ta’ Mejju 2004, dawn l-Istati huma l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.”"

(b)

Fil-punt 1.1., l-aħħar sentenza tat-tieni paragrafu għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“L-amalgamazzjonijiet li ma jilħqux il-limiti tal-fatturat jistgħu jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri u/jew ta’ l-Istati EFTA fit-tibdil tal-kontroll ta’ l-amalgamazzjonijiet.”

(ċ)

In-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 li tissemma fis-Subtaqsima 3.5, għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“(1)

Ara l-Artiku 57 tal-Ftehim ŻEE u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll 24 għall-Ftehim ŻEE. Każ jikkwalifika bħala każ ta’ kooperazzjoni jekk il-fatturat ikkombinat ta’ l-impriżi kkonċernati fit-territorju ta’ l-Istati EFTA jkun daqs 25 % jew aktar tal-fatturat totali tagħhom fit-territorju kopert mill-Ftehim ŻEE; jew kull waħda minn għallinqas żewġ impriżi kkonċernati jkollha fatturat li jeċċedi l-EUR 250 miljun fit-territorju ta’ l-Istati EFTA; jew il-konċentrazzjoni tista’ xxekkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fit-territorji ta’ l-Istati EFTA jew f’parti sostanzjali minnhom, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.”

(d)

Fit-Taqsima 10, il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

Jekk ir-risposta għal (a) tkun pożittiva u fil-fehma tiegħek il-ħolqien ta’ l-impriża konġunta ma jwassalx għal koordinazzjoni bejn impriżi indipendenti li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE, u, fejn ikun applikabbli, tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim ŻEE (***), agħti r-raġunijiet tiegħek.

(***)  Ara l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.”"

(e)

Fit-Taqsima 10, id-diċitura introduttiva tal-punt (c) għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għar-risposti għal (a) u (b) u sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel valutazzjoni kompluta tal-każ, jekk jogħġbok spjega kif japplikaw il-kriterji ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE u, fejn ikun applikabbli, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim ŻEE (****). Taħt l-Artikolu 81(3), jista’ jiġi ddikjarat li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) ma jkunux applikabbli jekk l-operazzjoni:

(****)  Ara l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE.”"

(2)

L-Anness II għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-Punt 1.1, it-tieni paragrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Meta timla din il-Formola, nixtieq niġbidlek l-attenzjoni għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ‘ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet [Amalgamazzjonijiet]’), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ‘ir-Regolament li Jimplimenta’), li magħhom hija annessa din il-Formola (*****). It-test ta’ dawn ir-regolamenti, kif ukoll dokumenti rilevanti oħrajn, jistgħu jinstabu fuq il-paġna tal-Kompetizzjoni tas-sit web Europa tal-Kummissjoni. Nixtieq niġbidlek l-attenzjoni anki għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ‘il-Ftehim ŻEE’) (******).

(*****)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta’ l-20 ta’ Jannar 2004 (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1)."

(******)  Ara b’mod partikolari l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE, il-punt 1 ta’ l-Anness XIV għall-Ftehim ŻEE, il-Protokolli 21 u 24 għall-Ftehim ŻEE, kif ukoll il-Protokoll 4 għall-Ftehim bejn l-Istati EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzija (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ‘il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti’). Kwalunkwe referenza għall-Istati EFTA għandha tinftiehem bħala li tfisser dawk l-Istati EFTA li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE. Sa mill-1 ta’ Mejju 2004, dawn l-Istati huma l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.”"

(b)

Fil-Punt 1.2, ir-raba’ inċiż tat-tieni paragrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“—

Stat Membru jew Stat EFTA jesprimi tħassib sostanzjat dwar il-kompetizzjoni rigward il-konċentrazzjoni nnotifikata fi żmien 15-il jum ta’ xogħol minn meta jirċievi kopja tan-notifika; jew”

(ċ)

In-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 imsemmija fis-Subtaqsima 3.5 għanda tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“(3)

Ara l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll 24 għall-Ftehim ŻEE. Każ jikkwalifika biex jiġi ttrattat bħala każ ta’ kooperazzjoni jekk il-fatturat ikkombinat ta’ l-impriżi kkonċernati fit-territorju ta’ l-Istati EFTA jkun daqs 25 % jew aktar tal-fatturat totali tagħhom fit-territorju kopert mill-Ftehim ŻEE; jew kull waħda minn għallinqas żewġ impriżi kkonċernati jkollha fatturat li jeċċedi l-EUR 250 miljun fit-territorju ta’ l-Istati EFTA; jew il-konċentrazzjoni tista’ xxekkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fit-territorji ta’ l-Istati EFTA jew f’parti sostanzjali minnhom, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.”

(d)

Fit-Taqsima 8, il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

Jekk ir-risposta għal (a) tkun pożittiva u fil-fehma tiegħek il-ħolqien ta’ l-impriża konġunta ma jwassalx għal koordinazzjoni bejn impriżi indipendenti li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE, u, fejn ikun applikabbli, tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim ŻEE (*******), agħti r-raġunijiet tiegħek.

(*******)  Ara l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.”"

(e)

Fit-Taqsima 8, id-diċitura introduttiva tal-punt (c) għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għar-risposti għal (a) u (b) u sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel valutazzjoni kompluta tal-każ, jekk jogħġbok spjega kif japplikaw il-kriterji ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat KE u, fejn ikun applikabbli, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim ŻEE (********). Taħt l-Artikolu 81(3), jista’ jiġi ddikjarat li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) ma jkunux applikabbli jekk l-operazzjoni:

(********)  Ara l-Artikolu 53(3) tal-Ftehim ŻEE.”"

(3)

L-Anness III għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

It-Taqsima A ta’ l-Introduzzjoni għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“A.   L-iskop ta’ din il-Formola

Din il-Formola tispeċifika l-informazzjoni li l-partijiet li qed jagħmlu t-talba għandhom jipprovdu meta jagħmlu sottomissjoni raġunata għal referenza ta’ qabel in-notifika taħt l-Artikolu 4(4) jew (5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ‘ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet [Amalgamazzjonijiet]’) (*********).

Nixtieq niġbidlek l-attenzjoni għar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet [Amalgamazzjonijiet] u għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ‘ir-Regolament tal-KE li Jimplimenta l-Għaqdiet [Amalgamazzjonijiet]’), li magħhom hija annessa din il-Formola RS. It-test ta’ dawn ir-regolamenti, kif ukoll dokumenti rilevanti oħrajn, jistgħu jinstabu fuq il-paġna tal-Kompetizzjoni tas-sit web Europa tal-Kummissjoni. Nixtieq niġbidlek l-attenzjoni anki għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (li minn hawn ‘il quddiem se jissejjaħ ‘il-Ftehim ŻEE’) (**********).

L-esperjenza wriet li l-kuntatti minn qabel huma ferm ta’ siwi kemm għall-partijiet kif ukoll għall-awtoritajiet rilevanti biex jiġu ddeterminati l-ammont u t-tip preċiżi ta’ l-informazzjoni meħtieġa. Għalhekk, il partijiet qed jiġu mħeġġa jikkonsultaw lill-Kummissjoni u lill-Istat(i) Membru(i) jew lill-Istat(i) EFTA rilevanti dwar l-adegwatezza ta’ l-ambitu u tat-tip ta’ informazzjoni li fuqhom biħsiebhom jibbażaw is-sottomissjoni raġunata tagħhom.

(*********)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta’ l-20 ta’ Jannar 2004 (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.)"

(**********)  Ara b’mod partikolari l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE, il-punt 1 ta’ l-Anness XIV għall-Ftehim ŻEE, il-Protokolli 21 u 24 għall-Ftehim ŻEE, kif ukoll il-Protokoll 4 għall-Ftehim bejn l-Istati EFTA dwar it-twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (li minn hawn ’il quddiem se jissejjaħ ‘il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti’). Kwalunkwe referenza għall-Istati EFTA għandha tinftiehem bħala li tfisser dawk l-Istati EFTA li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE. Sa mill-1 ta’ Mejju 2004, dawn l-Istati huma l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.”"

(b)

Fit-Taqsima B ta’ l-Introduzzjoni, l-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Fl-aħħarnett, il-partijiet għandhom ikunu konxji wkoll li, jekk issir referenza fuq il-bażi ta’ informazzjoni inkorretta, li tqarraq jew li mhix kompluta inkluża fil-Formola RS, il-Kummissjoni u/jew l-Istati Membri u l-Istati EFTA jistgħu iqisu li jagħmlu referenza ta’ wara n-notifika li tirrettifika kwalunkwe referenza magħmula fl-istadju ta’ qabel in-notifika.”

(ċ)

Fit-Taqsima B ta’ l-Introduzzjoni, l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-punt (a) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Skond l-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet [Amalgamazzjonijiet], il-Kummissjoni hija obbligata tittrażmetti mingħajr dewmien sottomissjonijiet irraġunati lill-Istati Membri u lill-Istati EFTA. Il-limiti ta’ żmien biex titqies sottomissjoni raġunata se jibdew malli l-Istat(i) Membru(i) jew l-Istat(i) EFTA rilevanti jirċievu s-sottomissjoni.”

(d)

Fit-Taqsima B ta’ l-Introduzzjoni, l-aħħar sentenza tal-punt (d) għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Fejn ikun possibbli, għandhom jiġu pprovduti anki indikazzjonijiet dwar fejn kwalunkwe informazzjoni mitluba li ma tkunx disponibbli għalik tista’ tinkiseb mill-Kummissjoni jew mill-Istat(i) Membru(i) jew mill-Istat(i) EFTA rilevanti.”

(e)

Fit-Taqsima B ta’ l-Introduzzjoni, il-punt (e) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

Tista’ titlob li l-Kummissjoni taċċetta li s-sottomissjoni raġunata tkun kompluta minkejja li ma tipprovdix xi informazzjoni mitluba minn din il-Formola, jekk tqis li kwalunkwe informazzjoni partikolari mitluba minn din il-Formola tista’ ma tkunx meħtieġa għall-eżami tal-każ min-naħa tal-Kummissjoni jew ta’ l-Istat(i) Membru(i) jew ta’ l-Istat(i) EFTA rilevanti.

Il-Kummissjoni se tqis talba bħal din, sakemm inti tagħti raġunijiet adegwati għaliex dik l-informazzjoni ma tkunx rilevanti u meħtieġa biex tiġi ttrattata t-talba tiegħek għal referenza ta’ qabel in-notifika. Inti għandek tispjega dan matul il-kuntatti preċedenti mal-Kummissjoni u ma’ l-Istat(i) Membru(i) jew ma’ l-Istat(i) EFTA rilevanti, u għandek tissottometti talba bil-miktub għal rinunzja fejn titlob li l-Kummissjoni twarrab l-obbligu li tipprovdi dik l-informazzjoni, skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-KE li Jimplimenta l-Għaqdiet [Amalgamazzjonijiet]. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-awtorità jew lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru jew ta’ l-Istat EFTA rilevanti qabel ma tiddeċiedi jekk tilqax talba bħal din.”

(f)

Fit-Taqsima D ta’ l-Introduzzjoni, it-tieni paragrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex ikun iffaċilitat it-trattament tal-Formola RS mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru u ta’ l-Istat EFTA, il-partijiet qed jiġu ferm imħeġġa biex jipprovdu lill-Kummissjoni bi traduzzjoni tas-sottomissjoni raġunata tagħhom f’lingwa jew lingwi li se tinftiehem (jinftiehmu) mid-destinatarji kollha ta’ l-informazzjoni. Dwar it-talbiet għal referenza lil Stat(i) Membru(i) jew Stat(i) EFTA, il-partijiet li qed jagħmlu t-talba qed jiġu ferm imħeġġa biex jinkludu kopja tat-talba fil-lingwa(i) ta’ l-Istat(i) Membru(i) u ta’ l-Istat(i) EFTA li mingħandhom qed tintalab referenza.”

(g)

Fit-Taqsima E ta’ l-Introduzzjoni, l-ewwel paragrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-Artikolu 287 tat-Trattat u l-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet [Amalgamazzjonijiet], kif ukoll id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim ŻEE( (***********) jeħtieġu li l-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA u l-Istati EFTA, l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tagħhom ma jiżvelawx informazzjoni li jkunu kisbu permezz ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali. L-istess prinċipju jrid japplika wkoll biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità bejn il-partijiet li qed jippreżentaw in-notifika.

(***********)  Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 122 tal-Ftehim ŻEE, l-Artikolu 9 tal-Protokoll 24 għall-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 17(2) tal-Kapitolu XIII tal-Protokoll 4 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.”"

(h)

Fit-Taqsima 2, għandha tiġi miżjuda s-Subtaqsima 2.4.2. li ġejja:

“2.4.2.

Ipprovdi tqassim tal-fatturat ma’ l-EFTA kollha miksub mil-impriżi kkonċernati, u indika, fejn ikun applikabbli, l-Istat EFTA, jekk ikun hemm, fejn inkiseb aktar minn żewġ terzi ta’ dan il-fatturat.”

(i)

Fit-Taqsima 4, id-diċitura introduttiva tat-Taqsima III għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ l-informazzjoni meħtieġa f’din il-Formola, is-swieq affettwati jikkonsistu fis-swieq tal-prodotti rilevanti fejn, fit-territorju ŻEE, fil-Komunita’, fit-territorju ta’ l-Istati EFTA, u fi kwalunkwe Stat Membru jew kwalunkwe Stat EFTA:”

(j)

Fit-Taqsima 4, is-Subtaqsima 4.1. għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“4.1.

Identifika kull suq affettwat fit-tifsira tat-Taqsima III:

(a)

fuq il-livell taż-ŻEE, tal-Komunità jew ta’ l-EFTA;

(b)

fil-każ ta’ talba għal referenza skond l-Artikolu 4(4), fuq il-livell ta’ kull Stat Membru jew Stat EFTA individwali;

(ċ)

fil-każ ta’ talba għal referenza skond l-Artikolu 4(5), fuq il-livell ta’ kull Stat Membru jew kull Stat EFTA li ġie identifikat fit-Taqsima 6.3.1 ta’ din il-Formola bħala li jkun kapaċi jistħarreġ il-konċentrazzjoni.”

(k)

Fl-ewwel paragrafu tat-Taqsima 5, id-diċitura introduttiva u l-punti (a), (b) u (c) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Għal kull suq ta’ prodotti rilevanti affettwat, għall-aħħar sena finanzjarja,

(a)

għat-territorju ŻEE, għall-Komunità kollha u għall-Istati EFTA kollha;

(b)

fil-każ ta’ talba għal referenza skond l-Artikolu 4(4), individwalment għal kull Stat Membru/Stat EFTA fejn il-partijiet għall-konċentrazzjoni jagħmlu n-negozju; u

(ċ)

fil-każ ta’ talba għal referenza skond l-Artikolu 4(5), individwalment għal kull Stat Membru/Stat EFTA li ġie identifikat fit-Taqsima 6.3.1 ta’ din il Formola bħala li jkun kapaċi jistħarreġ il-konċentrazzjoni fejn il-partijiet għall-konċentrazzjoni jagħmlu n-negozju; u”.

(l)

Fit-Taqsima 6, is-Subtaqsima 6.2.1 għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“6.2.1.

Identifika l-Istat(i) Membru(i) jew l-Istat(i) EFTA li, skond l Artikolu 4(4), qed tissottometti li għandu(hom) jeżamina(w) il-konċentrazzjoni, fejn tindika jekk għamiltx kuntatt informali ma’ dan(dawn) l-Istat(i) Membru(i) u/jew l-Istat(i) EFTA jew le.”

(m)

Fit-Taqsima 6, it-tielet paragrafu tas-Subtaqsima 6.2.2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Jekk qed titlob referenza tal-każ kollu, trid tikkonferma li m’hemm l-ebda suq affettwat barra mit-territorju ta’ l-Istat(i) Membru(i) u ta’ l-Istat(i) EFTA li qed titlobhom li ssir ir-referenza.”

(n)

Fit-Taqsima 6, is-Subtaqsima 6.2.3. għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“6.2.3.

Spjega b’liema mod kull wieħed mis-swieq affettwati fl-Istat(i) Membru(i) u fl-Istat(i) EFTA li qed titlobhom referenza jippreżenta l-karatteristiċi kollha ta’ suq distint fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(4).”

(o)

Fit-Taqsima 6, is-Subtaqsima 6.2.5. għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“6.2.5.

Fil-każ li Stat(i) Membru(i) u/jew Stat(i) EFTA jsiru kompetenti biex jistħarrġu l-każ kollu jew parti minnu wara referenza skond l-Artikolu 4(4), inti tagħti l-kunsens tiegħek biex l-informazzjoni inkluża f’din il-Formola tiġi invokata mill-Istat(i) Membru(i) u/jew mill-Istat(i) EFTA in kwistjoni għall-iskop tal-proċeduri nazzjonali tiegħu(tagħhom) relatati ma’ dak il-każ jew ma’ parti minnu? IVA jew LE ”

(p)

Fit-Taqsima 6, is-Subtaqsima 6.3.1 għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“6.3.1.

Għal kull Stat Membru/Stat EFTA, speċifika jekk il-konċentrazzjoni tistax tiġi mistħarrġa jew le taħt il-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni tiegħu. Trid tittikkja kaxxa waħda għal kull Stat Membru/Stat EFTA.

Il-konċentrazzjoni tista’ tiġi mistħarrġa taħt il-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ kull wieħed mill-Istati Membri/mill-Istati EFTA li ġejjin? Trid tagħti risposta għal kull Stat Membru/Stat EFTA. Indika biss IVA jew LE għal kull Stat Membru/Stat EFTA. Jekk ma tindikax IVA jew LE għal kwalunkwe Stat Membru/Stat EFTA jitqies bħallikieku indikajt IVA għal dak l-Istat Membru/l-Istat EFTA.

Il-Belġju:

IVA

LE

Il-Bulgarija:

IVA

LE

Ir-Repubblika Ċeka:

IVA

LE

Id-Danimarka:

IVA

LE

Il-Ġermanja:

IVA

LE

L-Estonja:

IVA

LE

L-Irlanda:

IVA

LE

Il-Greċja:

IVA

LE

Spanja:

IVA

LE

Franza:

IVA

LE

L-Italja:

IVA

LE

Ċipru:

IVA

LE

Il-Latvja:

IVA

LE

Il-Litwanja:

IVA

LE

Il-Lussemburgu:

IVA

LE

L-Ungerija:

IVA

LE

Malta:

IVA

LE

L-Olanda:

IVA

LE

L-Awstrija:

IVA

LE

Il-Polonja:

IVA

LE

Il-Portugall:

IVA

LE

Ir-Rumanija:

IVA

LE

Is-Slovenja:

IVA

LE

Is-Slovakkja:

IVA

LE

Il-Finlandja:

IVA

LE

L-Iżvezja:

IVA

LE

Ir-Renju Unit:

IVA

LE

L-Iżlanda:

IVA

LE

In-Norveġja:

IVA

LE

Il-Liechtenstein:

IVA

LE”

(q)

Fit-Taqsima 6, is-Subtaqsima 6.3.2. għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“6.3.2.

Għal kull Stat Membru/Stat EFTA, ipprovdi biżżejjed data finanzjarja jew ta’ xort’oħra biex turi li l-konċentrazzjoni tilħaq jew ma tilħaqx il-kriterji ġurisdizzjonali rilevanti taħt il-liġi nazzjonali applikabbli.”

(r)

Fit-Taqsima 6, għandha tiġi miżjuda s-Subtaqsima 6.3.3. li ġejja:

“6.3.3.

Spjega għaliex il-każ għandu jiġi eżaminat mill-Kummissjoni. Spjega b’mod partikolari jekk il-konċentrazzjoni tistax taffettwa l-kompetizzjoni lilhinn mit-territorju ta’ Stat Membru/Stat EFTA wieħed.”

(s)

Fit-Taqsima 6, is-Subtaqsima 6.3.4 għandha titħassar.

(4)

Għandu jiġi miżjud l-Anness IV li ġej:

“ANNESS IV

Il-formola rm relatata ma’ l-informazzjoni dwar l-impenji sottomessi skond l-artikolu 6(2) u l-artikolu 8(2) tar-regolament (KE) Nru 139/2004

FORMOLA RM RELATATA MAR-RIMEDJI

INTRODUZZJONI

Din il-formola tispeċifika l-informazzjoni u d-dokumenti li għandhom jiġu sottomessi mill-impriżi kkonċernati fl-istess ħin li joffru l-impenji skond l-Artikolu 6(2) jew l Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. L-informazzjoni mitluba hija meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina jekk l-impenji jistgħux jagħmlu l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni billi se jipprevjenu ostaklu sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva. Il-Kummissjoni tista’ twarrab l-obbligu li tipprovdi kwalunkwe informazzjoni partikolari fir-rigward ta’ l-impenji offruti, inklużi dokumenti, jew kwalunkwe rekwiżit ieħor stabbilit f’din il-formola fejn tqis li l-konformità ma’ dawk l-obbligi jew ma’ dawk ir-rekwiżiti mhijiex meħtieġa biex jiġu eżaminati l-impenji offruti. Il-livell ta’ informazzjoni meħtieġ se jvarja skond it-tip u l-istruttura tar-rimedju propost. Pereżempju, ir-rimedji ta’ tqassim (carve-out) tipikament se jeħtieġu informazzjoni aktar dettaljata mill-bejgħ ta’ l-assi ta’ negozji awtonomi (stand-alone). Il-Kummissjoni hija disponibbli biex tiddiskuti l-ambitu ta’ l-informazzjoni meħtieġa mal-partijiet bil-quddiem. Jekk tqis li kwalunkwe informazzjoni partikolari mitluba minn din il-Formola tista’ ma tkunx meħtieġa għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni, tista’ tavviċina lill-Kummissjoni u titlobha twarrab ċerti rekwiżiti, filwaqt li tagħti raġunijiet adegwati għaliex dik l-informazzjoni ma tkunx rilevanti.

TAQSIMA 1

Deskrizzjoni ta’ l-impenn

1.1.   Ipprovdi informazzjoni dettaljata dwar

(i)

l-għan ta’ l-impenji offruti, u

(ii)

il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom.

1.2.   F’każ li l-impenji offruti jikkonsistu fil-bejgħ ta’ l-assi ta’ negozju, it-Taqsima 5 tipprovdi għall-informazzjoni speċifika meħtieġa.

TAQSIMA 2

L-idoneità biex jitneħħa t-tħassib tal-kompetizzjoni

2.   Ipprovdi informazzjoni li turi l-idoneità ta’ l-impenji offruti biex jitneħħa l-ostaklu sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva li ġie identifikat mill-Kummissjoni.

TAQSIMA 3

Devjazzjoni mit-Testi Mudell

3.   Identifika kwalunkwe devjazzjoni ta’ l-impenji offruti mit-testi ta’ l-Impenji Mudell pertinenti li ġew ippubblikati mis-servizzi tal-Kummissjoni, kif ikunu riveduti minn żmien għal żmien, u spjega r-raġunijiet għad-devjazzjonijiet.

TAQSIMA 4

Sommarju ta’ l-impenji

4.   Ipprovdi sommarju mhux kunfidenzjali tan-natura u ta’ l-ambitu ta’ l-impenji offruti u għaliex, fil-fehma tiegħek, dawn huma adattati biex ineħħu kwalunkwe ostaklu sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva. Il-Kummissjoni tista’ tuża dan is-sommarju għat-test tas-suq ta’ l-impenji offruti ma’ partijiet terzi.

TAQSIMA 5

Informazzjoni dwar negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu

5.   F’każ li l-impenji offruti jikkonsistu fil-bejgħ ta’ l-assi ta’ negozju, ipprovdi l-informazzjoni u d-dokumenti li ġejjin.

Informazzjoni ġenerali dwar in-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu

Għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni li ġejja rigward il-ħidma kurrenti tan-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu u t-tibdiliet li diġà ġew ippjanati għall futur:

5.1.   Iddeskrivi n-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu b’mod ġenerali, inklużi l-entitajiet li jappartjenuh, is-sede prinċipali u l-post ta’ ġestjoni tagħhom, postijiet oħrajn għall-produzzjoni jew għall-provvista tas-servizzi, l-istruttura organizzattiva ġenerali, eċċ.

5.2.   Iddikjara jekk hemmx u ddeskrivi kwalunkwe ostaklu legali għat-trasferiment tan-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu jew l-assi, inklużi d-drittijiet ta’ partijiet terzi u l-approvazzjonijiet amministrattivi meħtieġa.

5.3.   Elenka u ddeskrivi l-prodotti manifatturati jew is-servizzi pprovduti, b’mod partikolari l-karatteristiċi tekniċi u ta’ xort’oħra tagħhom, il-marki (brands) involuti, il-fatturat iġġenerat b’kull wieħed minn dawn il-prodotti jew minn dawn is-servizzi, u kwalunkwe innovazzjoni jew prodott jew servizz ġdid ippjanat.

5.4.   Iddeskrivi l-livell li fuqu l-funzjonijiet essenzjali tan-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu jitħaddmu jekk ma jitħaddmux fuq il-livell tan-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu stess, inklużi tali funzjonijiet bħar-riċerka u l-iżvilupp (R&D), il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ, il-loġistika, ir-relazzjonijiet mal-klijenti, ir-relazzjonijiet mal-fornituri, is-sistemi ta’ l-IT, eċċ. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi r-rwol imwettaq minn dawk il-livell l-oħra, ir-relazzjonijiet man-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu u r-riżorsi (persunal, assi, riżorsi finanzjarji, eċċ.) involuti fil-funzjoni.

5.5.   Iddeskrivi fid-dettall il-konnessjonijiet bejn in-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu u impriżi oħrajn ikkontrollati mill-partijiet li qed jippreżentaw in-notifika (irrispettivament mid-direzzjoni tal-konnessjoni), bħal

Kuntratti ta’ fornitura, ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni, ta’ servizz jew oħrajn;

Assi tanġibbli jew intanġibbli kondiviżi;

Persunal kondiviż jew issekondat;

Sistemi kondiviżi ta’ l-IT jew sistemi kondiviżi oħrajn; u

Klijenti kondiviżi.

5.6.   Iddeskrivi f’termini ġenerali l-assi tanġibbli u intanġibbli rilevanti kollha li jintużaw minn u/jew li huma proprjetà tan-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu, li jinkludu, fi kwalunkwe każ, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-marki (brands).

5.7.   Issottometti ċart organizzattiva li tidentifika n-numru ta’ persunal li bħalissa qed jaħdem f’kull waħda mill-funzjonijiet tan-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu u lista ta’ dawk l-impjegati li huma indispensabbli għal ħidmet in-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu, fejn tiddeskrivi l-funzjonijiet tagħhom.

5.8.   Iddeskrivi l-klijenti tan-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu, fejn tinkludi lista ta’ klijenti, deskrizzjoni tar-rekords korrispondenti disponibbli u ipprovdi t-turnover totali maħluq min-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu ma' kull wieħed minn dawn il-klijenti (f'EUR u bħala persentaġġ tat-turnover totali tan-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu).

5.9.   Ipprovdi data finanzjarja għan-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu, inklużi l-fatturat u l-EBITDA (qligħ qabel l-imgħax, it-taxxi, id-deprezzament u l-amortizzament) miksuba fl-aħħar sentejn, u t-tbassir għas-sentejn li jmiss.

5.10.   Identifika u ddeskrivi kwalunkwe tibdil, li sar fl-aħħar sentejn, fl-organizzazzjoni tan-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu jew fil-konnessjonijiet ma’ impriżi oħrajn ikkontrollati mill-partijiet li qed jippreżentaw in-notifika.

5.11.   Identifika u ddeskrivi kwalunkwe tibdil, ippjanat għas-sentejn li jmiss, fl-organizzazzjoni tan-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu jew fil-konnessjonijiet ma’ impriżi oħrajn ikkontrollati mill-partijiet li qed jippreżentaw in-notifika.

Informazzjoni ġenerali dwar in-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu kif ġie deskritt fl-impenji

5.12.   Iddeskrivi kwalunkwe qasam fejn in-negozju li se jinbiegħu l-assi tiegħu kif ġie stabbilit fl-impenji offruti huwa differenti min-natura u mill-ambitu tan-negozju kif qed jaħdem bħalissa.

L-akkwist minn xerrej xieraq

5.13.   Spjega r-raġunijiet għaliex, fil-fehma tiegħek, in-negozju se jiġi akkwistat minn xerrej xieraq fil-perjodu ta’ żmien propost fl-impenji offruti.”