13.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 218/21


REGOLAMENT (KE) Nru 764/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Lulju 2008

li jistabbilixxi l-proċeduri relatati ma' l-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 37 u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Is-suq intern jikkonsisti f'żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-moviment liberu tal-merkanzija huwa assigurat taħt it-Trattat li jipprojbixxi miżuri b'effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet. Dik il-projbizzjoni tkopri kwalunkwe miżura nazzjonali li tkun kapaċi tfixkel, direttament jew indirettament, fattwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju ta' l-oġġetti.

(2)

L-ostakoli għall-moviment liberu ta' merkanzija bejn l-Istati Membri jistgħu jinħolqu illegalment mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri bl-applikazzjoni, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni, għall-prodotti li jkunu legalment kummerċjalizzati fi Stati Membri oħrajn, ta' regoli tekniċi li jistabbilixxu rekwiżiti li jridu jiġu sodisfatti minn dawk il-prodotti, inklużi dawk marbutin mad-denominazzjoni, il-forma, id-daqs, il-piż, il-kompożizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ. L-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli għal prodotti kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor jistgħu jkunu kuntrarju għall-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat tal-KE, anke jekk dawn japplikaw mingħajr distinzjoni għall-prodotti kollha.

(3)

Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li joħroġ mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, huwa wieħed mill-mezzi li jassigura l-moviment liberu ta' merkanzija fis-suq intern. Ir-rikonoxximent reċiproku japplika għal prodotti li mhumiex suġġetti għal-liġi Komunitarja ta' armonizzazzjoni fil-livell, jew għall-aspetti ta' prodotti li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' tali liġi. Skond dan il-prinċipju, Stat Membru ma jistax jipprojbixxi l-bejgħ fit-territorju tiegħu ta' prodotti kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor, anke fejn dawn il-prodotti kienu manifatturati skond regoli tekniċi differenti minn dawk li għalihom huma suġġetti prodotti domestiċi. L-uniċi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju huma r-restrizzjonijiet li huma ġġustifikati għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 30 tat-Trattat, jew abbażi ta' raġunijiet prevalenti oħra ta' interess pubbliku u li huma proporzjonati għall-għan segwit.

(4)

Għadhom jeżistu ħafna problemi fir-rigward ta' l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-minimizzazzjoni tal-possibbiltà li regoli tekniċi joħolqu ostakoli illegali għall-movement liberu ta' merkanzija bejn l-Istati Membri. In-nuqqas ta' tali proċeduri fl-Istati Membri joħloq ostakoli addizzjonali għall-moviment liberu ta' merkanzija, billi jiskoraġġixxi lill-intrapriżi milli jbigħu l-prodotti tagħhom, kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor, fit-territorju ta' l-Istat Membru li japplika regoli tekniċi. Sondaġġi urew li ħafna intrapriżi, u b'mod partikolari intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), jadattaw il-prodotti tagħhom sabiex jikkonformaw mar-regoli tekniċi ta' l-Istat Membru jew iżommu lura milli jikkummerċjalizzawhom f'dawk l-Istati Membri.

(5)

L-awtoritajiet kompetenti huma nieqsa wkoll minn proċeduri adegwati biex japplikaw ir-regoli tekniċi tagħhom għall-prodotti speċifiċi kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor. In-nuqqas ta' tali proċeduri jikkomprometti l-abbiltà tagħhom li jivvalutaw il-konformità tal-prodotti skond it-Trattat.

(6)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 1999 dwar ir-rikonoxximent reċiproku (3) innotat li l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini mhux dejjem għamlu użu sħiħ u tajjeb tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għaliex ma kinux suffiċjentement konxji dwar il-prinċipju u l-konsegwenzi operattivi tiegħu. Hija talbet lill-Istati Membri biex jiżviluppaw miżuri adegwati sabiex jipprovdu lill-operaturi ekonomiċi u liċ-ċittadini qafas effikaċi għar-rikonoxximent reċiproku, inter alia billi jittrattaw effikaċement it-talbiet mill-operaturi ekonomiċi u miċ-ċittadini u billi jwieġbu minnufih għal dawk it-talbiet.

(7)

Il-Kunsill Ewropew tat-8 u tad-9 ta' Marzu 2007 enfasizza l-importanza li jingħata impetu ġdid lis-suq intern ta' l-oġġetti bit-tisħiħ tar-rikonoxximent reċiproku, filwaqt li jiġi garantit livell għoli ta' sigurtà u protezzjoni tal-konsumatur. Il-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007 enfasizza li t-tisħiħ ulterjuri ta' l-erba' libertajiet tas-suq intern (il-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital) u t-titjib tal-funzjonament tiegħu jibqgħu ta' l-akbar importanza għall-iżvilupp ekonomiku, għall-kompetittività u għall-impjiegi.

(8)

Il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern ta' l-oġġetti jeħtieġ mezzi adegwati u trasparenti sabiex jiġu riżolti l-problemi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' regoli tekniċi ta' Stat Membru għall-prodotti speċifiċi kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor.

(9)

Dan ir-Regolament m'għandux jippreġudika l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli tekniċi, fejn ikun il-każ, bil-ħsieb tat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern.

(10)

L-ostakoli għall-kummerċ jistgħu wkoll jirriżultaw minn tipi oħrajn ta' miżuri li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 28 u 30 tat-Trattat. Dawk il-miżuri jistgħu, per eżempju, jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi mfasslin għall-proċeduri ta' l-akkwist pubbliku jew obbligi li jintużaw lingwi uffiċjali fl-Istati Membri. Iżda, miżuri bħal dawn m' għandhomx jiffurmaw regoli tekniċi fis-sens ta' dan ir-Regolament u għalhekk m' għandhomx jaqgħu fl-ambitu tiegħu.

(11)

Ir-regoli tekniċi fis-sens ta' dan ir-Regolament huma xi drabi applikati matul u permezz ta' proċeduri obbligatorji ta' awtorizzazzjoni minn qabel, stabbiliti bil-liġi ta' Stat Membru li taħtha, qabel il-prodott jew it-tip ta' prodott ikun jista' jitqiegħed fis-suq ta' dak l-Istat Membru jew f'parti minnu, l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru għandha tagħti l-approvazzjoni formali tagħha għal applikazzjoni li tkun saret. L-eżistenza ta' tali proċedura minnha stess tirrestrinġi l-moviment liberu ta' merċi. Għalhekk, sabiex tkun ġustifikata fir-rigward tal-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu ta' merkanzija fis-suq intern, proċedura obbligatorja ta' awtorizzazzjoni minn qabel għandha ssegwi għan ta' interess pubbliku rikonoxxut bil-liġi Komunitarja, u għandha tkun non-diskriminatorja u proporzjonata; jiġifieri, għandha tkun adatta sabiex tassigura l-kisba ta' l-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan. Il-konformità ta' tali proċedura mal-prinċipju ta' proporzjonalità għandha tiġi valutata fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet stabbiliti fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(12)

Ir-rekwiżit li t-tqegħid ta' prodott fis-suq ikun suġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel m' għandux jikkostitwixxi, fih innifsu, regola teknika fis-sens ta' dan ir-Regolament, sabiex deċiżjoni li teskludi jew tneħħi prodott mis-suq esklussivament għar-raġunijiet li m'għandux awtorizzazzjoni valida minn qabel m' għandhiex tikkostitwixxi deċiżjoni li għaliha japplika dan ir-Regolament. Madankollu, meta ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni obbligatorja minn qabel għal prodott, kwalunkwe deċiżjoni maħsuba biex tiġi rifjutata l-applikazzjoni abbażi ta' regola teknika għandha tittieħed skond dan ir-Regolament, sabiex l-applikant ikun jista' jibbenefika mill-protezzjoni proċedurali li jipprevedi dan ir-Regolament.

(13)

Id-deċiżjonijiet tal-qrati jew tribunali nazzjonali li jeżaminaw il-legalità ta' każijiet fejn, minħabba l-applikazzjoni ta' regola teknika, prodotti kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ma jingħatawx aċċess għas-suq ta' Stat Membru ieħor, jew fejn jiġu applikati penalitajiet, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(14)

L-armi huma prodotti li jistgħu jikkostitwixxu riskju gravi għas-saħħa u s-sigurtà ta' persuni u għas-sigurtà pubblika ta' l-Istati Membri. Minħabba l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta' persuni u l-prevenzjoni tal-kriminalità, diversi tipi ta' armi speċifiċi kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor jistgħu jkunu suġġetti għall-miżuri restrittivi fi Stat Membru ieħor. Miżuri bħal dawn jistgħu jikkonsistu f'kontrolli u awtorizzazzjonijiet speċifiċi qabel ma' l-armi legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor jitqiegħdu fis-suq ta' Stat Membru ieħor. Għalhekk, huwa meħtieġ li jkun permess għall-Istati Membri li jimpedixxu li l-armi jitqiegħdu fis-swieq nazzjonali tagħhom sa meta jitwettqu kompletament ir-rekwiżiti proċedurali nazzjonali tagħhom.

(15)

Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (4) tispeċifika li prodotti sikuri biss jistgħu jitpoġġew fis-suq u tistabbilixxi l-obbligi tal-produtturi u d-distributuri fir-rigward tas-sigurtà tal-prodotti. Hija tagħti dritt lill-awtoritajiet li jipprojbixxu kwalunkwe prodott perikoluż b'effett immedjat jew, għall-perijodu meħtieġ għad-diversi valutazzjonijiet u kontrolli tas-sigurtà, jipprojbixxu temporanjament prodott li jista' jkun perikoluż. Hija tagħti wkoll dritt lill-awtoritajiet li jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex japplikaw minnufih miżuri adegwati bħal dawk imsemmijin fl-Artikolu 8(1)(b) sa (f), fil-każ ta' prodotti b'riskju serju. Għalhekk, il-miżuri meħudin mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri skond l-implimentazzjoni tagħhom ta' l-Artikolu 8(1)(d) sa (f) u l-Artikolu 8(3) ta' dik id-Direttiva għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (5), jistabbilixxi inter alia sistema rapida ta' twissija għan-notifika ta' xi riskju dirett jew indirett għas-saħħa tal-bniedem li tkun ġejja minn xi ikel jew għalf. Huwa jobbliga l-Istati Membri biex immedjatament jinnotifikaw lill-Kummissjoni taħt is-sistema rapida ta' allert bi kwalunkwe miżura li huma jadottaw li tkun immirata li tirrestrinġi t-tqegħid fis-suq jew li timponi l-irtirar mis-suq jew it-teħid lura ta' ikel jew għalf biex jiġu protetti s-saħħa umana, u li tkun teħtieġ azzjoni malajr. Il-miżuri meħudin mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 50(3)(a) u l-Artikolu 54 ta' dak ir-Regolament għandhom għalhekk jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(17)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi assigurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta' l-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa ta' l-annimali u l-welfare ta' l-annimali (6) jistabbilixxi regoli ġenerali għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli mmirati, b'mod partikolari, lejn il-prevenzjoni, l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis għal livelli ta' riskji aċċettabbli għall-bniedem u għall-annimali, jew direttament jew permezz ta' l-ambjent, u li jiggarantixxu prattika ġusta fil-kummerċ ta' l-ikel u ta' l-għalf u li jipproteġu l-interessi tal-konsumatur, inklużi t-tikkettar ta' ikel u għalf u għamliet oħra ta' informazzjoni għall-konsumatur. Huwa jistabbilixxi proċedura speċifika biex jiġi assigurat li l-operatur ekonomiku jirrimedja sitwazzjoni ta' non-konformità mal-liġi dwar l-ikel u l-għalf, u ma' regoli dwar is-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali. Il-miżuri meħudin mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 54 ta' dak ir-Regolament għandhom għalhekk jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Iżda, il-miżuri meħuda jew maħsuba sabiex jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-bażi tar-regoli tekniċi nazzjonali, sa fejn ma jikkonċernawx l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, għandhom ikunu suġġetti għal dan ir-Regolament.

(18)

Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (Direttiva għas-Sikurezza tal-Linji Ferrovjarji) (7) tipprovdi għal proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi ferrovjarji eżistenti, u tagħti l-possibbiltà ta' l-applikazzjoni ta' ċerti regoli nazzjonali. Il-miżuri li jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti skond l-Artikolu 14 ta' dik id-Direttiva għandhom għalhekk ikunu esklużi mill-ambitu ta' dan ir-Regolament.

(19)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE tat-23 ta' Lulju 1996 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta' veloċità għolja (8), u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (9), jipprevedu armonizzazzjoni gradwali ta' sistemi u ta' operazzjonijiet permezz ta' l-adozzjoni progressiva ta' l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabilità. Is-sistemi u kostitwenti ta' l-interoperabbiltà li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk id-Direttivi għandhom għalhekk jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(20)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti (10) jistabbilixxi sistema ta' akkreditazzjoni li tassigura li jkun aċċettat b'mod reċiproku l-livell ta' kompetenza ta' korpi ta' valutazzjoni ta' konformità. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri m'għandhomx aktar jirrifjutaw rapporti ta' testijiet u ċertifikati maħruġin minn korp akkreditat ta' valutazzjoni ta' konformità għal raġunijiet tan-nuqqas ta' kompetenza ta' tali korp. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu wkoll jaċċettaw rapporti ta' testijiet u ċertifikati maħruġin minn korpi oħrajn ta' valutazzjoni ta' konformità, skond il-liġi Komunitarja.

(21)

Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi u ta' regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni (11) tobbliga lill-Istati Membri biex jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn kwalunkwe abbozz ta' regolament tekniku rigward kwalunkwe prodott, inklużi prodotti agrikoli u tal-ħut, u dikjarazzjoni tar-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-approvazzjoni ta' tali regolament tekniku. Madankollu huwa meħtieġ li jiġi assigurat li, wara l-adozzjoni ta' tali Regolament tekniku, il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku jiġi applikat b'mod korrett f'każijiet individwali għal prodotti speċifiċi. Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku f'każijiet individwali, permezz ta' l-obbligu għall-awtorità kompetenti biex tindika fuq liema raġunijiet tekniċi jew xjentifiċi l-prodott speċifiku fil-forma attwali tiegħu ma jistax jiġi kkummerċjalizzat f'dak l-Istat Membru, skond l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat. Fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, l-evidenza ma għandhiex tinftihem bħala prova legali. L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri m'humiex obbligati, fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, biex jiġġustifikaw ir-regola teknika stess. Madankollu, għandhom jiġġustifikaw, kif stabbilit f'dan ir-Regolament, l-applikazzjoni possibbli tar-regola teknika għal prodott legalment kumerċjalizzat fi Stat Membru ieħor.

(22)

Skond il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, il-proċedura stabbilita f'dan ir-Regolament għandha tipprovdi sabiex l-awtoritajiet kompetenti jikkomunikaw f'kull każ lill-operatur ekonomiku, abbażi ta' l-elementi tekniċi jew xjentifiċi rilevanti disponibbli, li hemm raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku biex jiġu imposti regoli nazzjonali tekniċi fuq il-prodott jew tip ta' prodott in kwistjoni u li ma jistgħux jintużaw miżuri inqas restrittivi. In-notifika bil-miktub għandha tippermetti lill-operatur ekonomiku biex jikkummenta dwar l-aspetti rilevanti kollha tad-deċiżjoni intiża li tirrestrinġi l-aċċess għas-suq. Xejn ma jżomm lura lill-awtorità kompetenti li tieħu azzjoni wara l-iskadenza mogħtija għar-riċezzjoni ta' dawk il-kummenti fin-nuqqas ta' tweġiba mill-operatur ekonomiku.

(23)

Il-kunċett ta' raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku li għalih hemm referenza f'ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament huwa kunċett evoluttiv żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każistika tagħha marbuta ma' l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat. Dan il-kunċett ikopri inter alia l-effikaċja tas-sorveljanza fiskali, it-transazzjonijiet kummerċjali li jsiru b'mod ġust, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-protezzjoni ta' l-ambjent, il-manteniment tad-diversità ta' l-istampa u r-riskju li l-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali jiġi imminat serjament. Tali raġunijiet prevalenti jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' regoli tekniċi mill-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, l-ebda applikazzjoni bħal din m'għandha tikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-prinċipju ta' proporzjonalità għandu dejjem jiġi rrispettat b'kont meħud jekk l-awtorità kompetenti fil-fatt għamlitx użu mill-miżura l-inqas restrittiva.

(24)

Filwaqt li tiġi applikata l-proċedura stabbilita f'dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru m'għandhiex tirtira jew tirrestrinġi t-tqegħid fis-suq tiegħu ta' prodott jew tip ta' prodott kummerċjalizzat legalment fi Stat Membru ieħor. Madankollu, huwa xieraq li l-awtorita' kompetenti tista' taddotta miżuri provviżorji fejn ikun meħtieġ intervent rapidu sabiex jimpedixxi li ssir ħsara lis-sigurtà u s-saħħa ta' l-utenti. Tali miżuri provviżorji jistgħu jiġu wkoll adottati mill-awtorita' kompetenti biex jiġi impedit it-tqegħid fis-suq ta' prodott li jkun suġġett għal projbizzjoni ġenerali, għal raġunijiet ta' moralità pubblika jew sigurtà pubblika, inkluża l-prevenzjoni tal-kriminalità. Għalhekk, l-Istati Membri għandom ikunu jistgħu, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura stabbilita f'dan ir-Regolament, biex temporanjament jissospendu l-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħhom ta' prodott jew tip ta' prodott taħt dawk iċ-ċirkostanzi.

(25)

Kwalunkwe deċiżjoni li għaliha japplika dan ir-Regolament għandha tispeċifika r-rimedji disponibbli sabiex operatur ekonomiku jkun jista' jistitwixxi kawża quddiem il-qorti jew it-tribunal nazzjonali kompetenti.

(26)

Huwa xieraq li l-operatur ekonomiku jkun infurmat ukoll bid-disponibbiltà ta' mekkaniżmi mhux ġudizzjarji għar-riżoluzzjoni tal-problemi, bħas-sistema SOLVIT, sabiex jiġu evitati l-inċertezza legali u spejjeż legali.

(27)

Ladarba awtorità kompetenti tkun ħadet deċiżjoni biex jiġi eskluż prodott abbażi ta' regola teknika skond ir-rekwiżiti proċedurali ta' dan ir-Regolament, l-ebda azzjoni ulterjuri meħuda fir-rigward ta' dak il-prodott, li tkun ibbażata fuq dik id-deċiżjoni u fuq l-istess regola teknika, m'għandha tkun suġġetta għar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

(28)

Huwa importanti għas-suq intern ta' l-oġġetti biex tiġi assigurata l-aċċessibbiltà ta' regoli tekniċi nazzjonali, sabiex l-intrapriżi, u b'mod partikolari SMEs, jkunu jistgħu jiġbru informazzjoni affidabbli u preċiża dwar il-liġi fis-seħħ.

(29)

Huwa għalhekk meħtieġ li l-prinċipji ta' simplifikazzjoni amministrattiva jiġu implimentati, inter alia permezz ta' l-istabbiliment ta' sistema ta' Punti ta' Kuntatt tal-Prodott. Din għandha tkun imfassla biex tassigura li l-intrapriżi jista' jkollhom aċċess għall-informazzjoni b'mod trasparenti u korrett, sabiex id-dewmien, l-ispejjeż u l-effetti disważivi li jirriżultaw minn regoli tekniċi nazzjonali jistgħu jiġu impediti.

(30)

Sabiex ikun faċilitat il-moviment liberu ta' prodotti, il-Punti ta' Kuntattt tal-Prodott għandhom jipprovdu, mingħajr ħlas, informazzjoni dwar ir-regoli tekniċi nazzjonali tagħhom u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta' prodotti. Il-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott għandu jkollhom it-tagħmir u r-riżorsi adegwati, u jiġu mħeġġa wkoll jagħmlu l-informazzjoni disponibbli permezz ta' website u f'lingwi Komunitarji oħrajn. Il-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott għandhom ukoll ikollhom l-opportunità li jipprovdu lill-operatur ekonomiku l-informazzjoni jew osservazzjonijiet addizzjonali matul il-proċedura stabbilita f'dan ir-Regolament. Għal informazzjoni oħra, il-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott jistgħu jistabbilixxu miżati li jkunu proporzjonati għall-ispejjeż ta' l-informazzjoni.

(31)

Ladarba l-ħolqien tal-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott m'għandhomx ifixklu fl-allokazzjoni ta' funzjonijiet fost l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan is-sistemi regolatorji ta' l-Istati Membri, għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jistabbilixxu Punti ta' Kuntatt tal-Prodott skond il-kompetenzi reġjonali jew lokali. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jafdaw ir-rwol ta' Punti ta' Kuntatt tal-Prodott f'idejn punti ta' kuntatt eżistenti konformement ma' strumenti Komunitarji oħrajn, sabiex tiġi impedita l-proliferazzjoni mhux meħtieġa ta' punti ta' kuntatt u jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jafdaw ir-rwol ta' Punt ta' Kuntatt tal-Prodott, mhux biss f'idejn servizzi eżistenti fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, iżda wkoll f'idejn ċentri nazzjonali SOLVIT, il-kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet professjonali u korpi privati, sabiex ma jiżdidux l-ispejjeż amministrattivi għall-intrapriżi u għall-awtoritajiet kompetenti.

(32)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiġu mħeġġa jaħdmu flimkien mill-qrib biex jiġi ffaċilitat it-taħriġ tal-persunal impjegat fil-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott.

(33)

Bil-ħsieb ta' l-iżvilupp u l-istabbiliment ta' servizz pan-Ewropew ta' gvern elettroniku u n-networks telematiċi interoperabbli sottostanti, għandha tkun prevista l-possibbiltà li tkun stabbilita sistema elettronika għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott, konformement mad-Deċiżjoni 2004/387/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar it-twassil interoperabbli ta' servizzi ta' e-Government pan-Ewropej lill-amministrazzjonijiet publiċi, negozji u ċittadini (IDABC) (12).

(34)

Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi affidabbli u effiċjenti ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni sabiex tingħata informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament biex titjieb il-konoxxenza fir-rigward tal-funzjonament tas-suq intern ta' l-oġġetti f'setturi mhux armonizzati u biex jiġi assigurat li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiġi applikat korrettament mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. Tali mekkaniżmi m'għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-obbjettivi.

(35)

Dan ir-Regolament japplika biss għall-prodotti jew karatteristiċi partikolari ta' prodotti li ma jkunux suġġetti għall-miżuri Komunitarji ta' armonizzazzjoni maħsuba biex jeliminaw l-ostakoli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri li jirriżultaw mill-eżistenza ta' regoli tekniċi diverġenti nazzjonali. Id-dispożizzjonijiet ta' tali miżuri ta' armonizzazzjoni spiss ikollhom karattru eżawrjenti, f'liema każ l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu l-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħhom ta' prodotti li jikkonformaw ma' dawk il-miżuri. Madankollu, xi leġislazzjoni ta' armonizzazzjoni Komunitarja tippermetti lill-Istati Membri li jimponu kondizzjonijiet tekniċi addizzjonali fit-territorju tagħhom fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta' prodott. Kondizzjonijiet addizzjonali bħal dawn għandhom ikunu suġġetti għall-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat u għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Huwa għalhekk xieraq li, bil-ħsieb ta' l-implimentazzjoni effiċjenti ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tistabbilixxi lista indikattiva non-eżawrjenti ta' prodotti li ma jkunux suġġetti għall-armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju.

(36)

L-iskema ta' monitoraġġ stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1995 li tistabbilixxi proċedura għall-iskambju ta' informazzjoni dwar miżuri nazzjonali li jidderogaw mill-prinċipju tal-moviment liberu ta' merkanzija fi ħdan il-Komunità (13) ġeneralment ma kellhiex suċċess billi l-implimentazzjoni tagħha ma pprovdietx informazzjoni suffiċjenti lill-Kummissjoni biex jiġu identifikati s-setturi fejn l-armonizzazzjoni tista' tkun meħtieġa. Din lanqas ma ġabet xi soluzzjoni rapida għal ċerti problemi dwar il-moviment liberu. Id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE għandha għalhekk tiġi mħassra.

(37)

Huwa meħtieġ li jiġi introdott perijodu ta' tranżizzjoni għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, biex l-awtortajiet kompetenti jkunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti stabbiliti fih.

(38)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-eliminazzjoni ta' l-ostakoli tekniċi għall-moviment liberu ta' merkanzija bejn l-Istati Membri, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dak l-għan.

(39)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (14),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

SUĠĠETT U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett

1.   L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jissaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern billi jittejjeb il-moviment liberu ta' merkanzija.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru meta jieħdu, jew jaħsbu sabiex jieħdu, deċiżjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), li tostakola l-moviment liberu ta' prodott legalment kummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor u suġġett għall-Artikolu 28 tat-Trattat.

3.   Dan ir-Regolament jipprevedi wkoll l-istabbiliment ta' Punti ta' Kuntatt tal-Prodott fl-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-kisba ta' l-għan ta' dan ir-Regolament kif stabbilit fil-paragrafu 1.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal deċiżjonijiet amministrattivi indirizzati lill-operaturi ekonomiċi, kemm jekk meħuda kif ukoll jekk maħsuba li jittieħdu, abbażi ta' regola teknika kif definit fil-paragrafu 2, fir-rigward ta' kwalunkwe prodott, inklużi prodotti agrikoli u tal-ħut, legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor, fejn l-effett dirett jew indirett ta' dik id-deċiżjoni ikun kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta' dak il-prodott jew tip ta' prodott;

(b)

il-modifika jew l-ittestjar addizzjonali ta' dak il-prodott jew tip ta' prodott qabel dan ikun jista' jitqiegħed jew jinżamm fis-suq;

(ċ)

l-irtirar mis-suq ta' dak il-prodott jew tip ta' prodott.

Għall-finijiet tal-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu, il-modifika tal-prodott jew tip ta' prodott għandha tfisser kwalunkwe modifika ta' waħda jew aktar mill-karatteristiċi ta' prodott jew ta' tip ta' prodott kif elenkati fil-punt (b)(i) tal-paragrafu 2.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, regola teknika hija kwalunkwe dispożizzjoni ta' liġi jew regolament, jew dispożizzjoni amministrattiva oħra, ta' Stat Membru:

(a)

li ma tkunx suġġetta għall-armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju; u

(b)

li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott jew tip ta' prodott fit-territorju ta' Stat Membru jew li l-konformità magħha tkun obbligatorja meta xi prodott jew tip ta' prodott jiġi kummerċjalizzat fit-territorji ta' dak l-Istat Membru, u li tistabbilixxi jew:

(i)

il-karatteristiċi meħtieġa ta' dak il-prodott jew tip ta' prodott, bħal livelli ta' kwalità, prestazzjoni, jew sigurtà, jew dimensjonijiet, inklużi r-rekwiżiti applikabbli għall-prodott jew it-tip ta' prodott fir-rigward ta' l-isem li taħtu jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-ittestjar u l-metodi tat-test, l-imballaġġ, il-markatura jew it-tikkettar jew

(ii)

kull rekwiżit ieħor impost fuq il-prodott jew tip ta' prodott għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi jew ta' l-ambjent, u li jinċidi fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott wara li jkun tqiegħed fis-suq, bħall-kondizzjonijiet ta' użu, riċiklaġġ, użu mill-ġdid jew rimi, fejn tali kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b'mod sinifikanti l-kompożizzjoni, in-natura jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tat-tip ta' prodott.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

deċiżjonjiet ta' natura ġudizzjarja mogħtija mill-qrati jew tribunali nazzjonali;

(b)

deċiżjonijiet ta' natura ġudizzjarja li jkunu ttieħdu minn awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi waqt investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali li jirrigwardaw it-termonoloġija, simboli jew kwalunkwe referenza materjali għal organizzazzjonijiet mhux kostituzzjonali jew kriminali, jew reati ta' natura razzista jew ksenofobika.

Artikolu 3

Relazzjoni ma' dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja

1.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal sistemi jew għal kostitwenti ta' interoperabbiltà li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttivi 96/48/KE u d-Direttiva 2001/16/KE.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax fil-każ ta' miżuri li jittieħdu mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri skond:

(a)

l-Artikolu 8(1) (d) sa (f) u l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/95/KE;

(b)

l-Artikolu 50(3) (a) u l-Artikolu 54 tar-Regolament (EK) Nru 178/2002;

(ċ)

l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;

(d)

l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/49/KE.

KAPITOLU 2

PROĊEDURA GĦALL-APPLIKAZZJONI TA' REGOLA TEKNIKA

Artikolu 4

Informazzjoni dwar il-prodott

Fejn awtorità kompetenti tippreżenta prodott jew tip ta' prodott għall-valutazzjoni sabiex jiġi determinat jekk tiġix jew le adottata deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), hija tista' tesiġi mill-operatur ekonomiku identifikat skond l-Artikolu 8, b'kont meħud tal-prinċipju tal-proporzjonalità, b'mod partikolari dan li ġej:

(a)

l-informazzjoni rilevanti dwar il-karatteristiċi tal-prodott jew tat-tip ta' prodott in kwistjoni;

(b)

l-informazzjoni rilevanti u faċilment disponibbli dwar il-kummerċjalizzazzjoni legali tal-prodott fi Stat Membru ieħor.

Artikolu 5

Rikonoxximent reċiproku tal-livell ta' kompetenza ta' korpi akkreditati ta' valutazzjoni ta' konformità

L-Istati Membri m'għandhomx jirrifjutaw ċertifikati u rapporti ta' testijiet li jkunu maħruġa minn korp ta' valutazzjoni ta' konformità, li jkun akkreditat għall-qasam pertinenti ta' valutazzjoni ta' konformità skond ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għal raġunijiet relatati mal-kompetenzi ta' dak il-korp.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-ħtieġa ta' applikazzjoni ta' regola teknika

1.   Fejn awtorità kompetenti jkollha l-ħsieb li tadotta xi deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), din għandha tibgħat notifika bil-miktub ta' l-intenzjoni tagħha lill-operatur ekonomiku identifikat skond l-Artikolu 8, fejn tispeċifika r-regola teknika li fuqha se tiġi bbażata d-deċiżjoni u tesponi l-evidenza teknika u xejntifika sabiex:

(a)

id-deċiżjoni maħsuba tiġi ġustifikata abbażi ta' waħda mir-raġunijiet fl-interess pubbliku stabbiliti fl-Artikolu 30 tat-Trattat jew b'referenza għal xi raġuni oħra prevalenti ta' interess pubbliku, u

(b)

id-deċiżjoni maħsuba tkun adegwata biex tassigura l-kisba ta' l-għan segwit u ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

Id-deċiżjoni maħsuba għandha tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi tal-prodott jew tip ta' prodott rilevanti.

L-operatur ekonomiku konċernat għandu, wara li jirċievi tali notifika, jingħata mill-inqas għoxrin jum ta' xogħol li fihom ikun jista' jippreżenta l-kummenti tiegħu. Din in-notifika għandha tispeċifika l-limitu ta' żmien li fih għandhom jintbagħtu l-kummenti.

2.   Kwalunkwe deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) għandha tittieħed u tiġi notifikata lill-operatur ekonomiku konċernat, u lill-Kummissjoni, fi żmien perijodu ta' għoxrin jum ta' xogħol wara l-iskadenza taż-żmien għar-riċezzjoni tal-kummenti mill-operatur ekonomiku, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Għandu jittieħed kont debitu ta' dawn il-kummenti u għandhom jiġu ddikjarati r-raġunijiet li fuqhom hija tkun ibbażata, inklużi r-raġunijiet għar-rifjut ta' l-argumenti, jekk ikunu tressqu, preżentati mill-operatur, u l-evidenza teknika jew xjentifika kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Fejn ikun debitament ġustifikat mill-kumplessità tal-kwistjoni, l-awtorità kompetenti tista' testendi darba l-perjodu ta' żmien speċifikat fl-ewwel subparagrafu u b'mhux aktar minn għoxrin jum ta' xogħol. Tali estensjoni għandha tiġi debitament motivata u għandha tiġi notifikata lill-operatur ekonomiku qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali.

Kwalunkwe deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) għandha tispeċifika wkoll ir-rimedji disponibbli taħt il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat u l-limiti ta' żmien li jkunu japplikaw għal tali rimedji. Tali deċiżjoni tista' tiġi kontestata quddiem il-qrati jew tribunali jew kompetenzi oħra nazzjonali ta' appell.

3.   Fejn, wara li tingħata notifika bil-miktub konformement mal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma tadottax deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(1), hija għandha tinforma minnufih lill-operatur ekonomiku konċernat skond il-każ.

4.   Fejn l-awtorità kompetenti tonqos li tinnotifika deċiżjoni lill-operatur ekonomiku kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) fil-perijodu speċifikat fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-prodott għandu jitqies bħala legalment kummerċjalizzat f'dak l-Istat Membru sa fejn tkun konċernata l-applikazzjoni tar-regola teknika tiegħu kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Sospensjoni temporanja tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott

1.   L-awtorità kompetenti m'għandhiex tissospendi temporanjament il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tat-tip ta' prodott in kwistjoni, waqt il-proċedura stabbilita f'dan il-Kapitolu, ħlief fejn:

(a)

il-prodott jew it-tip ta' prodott in kwistjoni, taħt kondizzjonijiet ta' użu normali jew raġonevolment previdibbli, ikun ta' riskju gravi għas-sigurtà u s-saħħa ta' l-utent; jew

(b)

il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tat-tip ta' prodott tkun ġeneralment projbita fi Stat Membru għal raġunijiet ta' moralità pubblika jew ta' sigurtà pubblika.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf immedjatament lill-operatur ekonomiku identifikat skond l-Artikolu 8 u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe sospensjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1(a) ta' dan l-Artikolu, dik in-notifika għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni teknika jew xjentifika.

3.   Kwalunkwe sospensjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott skond dan l-Artikolu tista' tiġi kontestata quddiem il-qrati jew tribunali jew kompetenzi nazzjonali oħra ta' appell.

Artikolu 8

Informazzjoni lill-operatur ekonomiku

Referenzi għall-operaturi ekonomiċi msemmijin fl-Artikoli 4, 6, u 7 huma kkunsidrati bħala referenzi:

(a)

għall-manifattur tal-prodott, jekk stabbilit fil-Komunità, jew il-persuna li qiegħdet il-prodott fis-suq jew li titlob lill-awtorità kompetenti biex il-prodott jitqiegħed fis-suq;

(b)

fejn l-awtorità kompetenti ma tistax tistabbilixxi l-identità u d-dettalji ta' kuntatt ta' kwalunkwe wieħed mill-operaturi ekonomiċi msemmijin fil-punt (a), għar-rappreżentant tal-manifattur, meta l-manifattur ma jkunx stabbilit fil-Komunità jew, jekk ma jkunx hemm rappreżentant stabbilit fil-Komunità, għall-importatur tal-prodott;

(c)

fejn l-awtorità kompetenti ma tistax tistabbilixxi l-identità u d-dettalji ta' kuntatt ta' kwalunkwe wieħed mill-operaturi ekonomiċi msemmijin fil-punti (a) u (b), għal kwalunkwe professjonist ieħor fil-katina ta' provvista li l-attività tiegħu tista' tinċidi fuq kwalunkwe karatteristika tal-prodott regolat mir-regola teknika applikata għalih;

(d)

fejn l-awtorità kompetenti ma tistax tistabbilixxi l-identità u d-dettalji ta' kuntatt ta' kwalunkwè wieħed mill-operaturi ekonomiċi msemmijin fil-punti (a), (b) u (c), għal kwalunkwe professjonist fil-katina ta' provvista li l-attività tiegħu ma tinċidi fuq l-ebda karatteristika tal-prodott regolat mir-regola teknika applikata għalih.

KAPITOLU 3

PUNTI TA' KUNTATT TAL-PRODOTT

Artikolu 9

Stabbiliment ta' Punti ta' Kuntatt tal-Prodott

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw Punti ta' Kuntatt tal-Prodott fit-territorji tagħhom u għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-kuntatt tagħhom lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tfassal u regolarment taġġorna lista tal-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott u tippubblikaha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli permezz ta' website.

Artikolu 10

Kompiti

1.   Il-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott meta jintalbu minn, inter alia, operatur ekonomiku jew minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor, għandhom jagħtu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-regoli tekniċi applikabbli għal tip speċifiku ta' prodott fit-territorju fejn ikunu stabbiliti dawk il-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott u informazzjoni dwar jekk dak il-prodott huwiex suġġett għal rekwiżit ta' awtorizzazzjoni minn qabel taħt il-liġijiet ta' l-Istat Membru tagħhom, flimkien ma' informazzjoni fir-rigward tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fit-territorju ta' dak l-Istat Membru;

(b)

id-dettalji ta' kuntatt ta' l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tagħhom permezz ta' liema ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati direttament, inklużi l-partikolaritajiet ta' l-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni ta' l-implimentazzjoni tar-regoli tekniċi in kwistjoni fit-territorju ta' dak l-Istat Membru;

(ċ)

ir-rimedji ġeneralment disponibbli fit-territorju ta' dak l-Istat Membru fil-każ ta' kunflitt bejn l-awtoritajiet kompetenti u operatur ekonomiku.

2.   Il-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott għandhom iwieġbu fi żmien ħmistax-il jum ta' xogħol mir-riċezzjoni ta' kwalunkwe talba kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   Il-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott fl-Istat Membru fejn l-operatur ekonomiku konċernat ikkummerċjalizza legalment il-prodott in kwistjoni jistgħu' jipprovdu kwalunkwe informazzjoni jew osservazzjonijiet rilevanti lill-operatur ekonomiku jew lill-awtorità kompetenti kif imsemmi fl-Artikolu 6.

4.   Il-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott m'għandhom jitolbu l-ebda ħlas għall-għoti ta' informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

Network Telematiku

Il-Kummissjoni tista', konformement mal-proċedura ta' konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(2), tistabbilixxi network telematiku għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott u/jew l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Obbligi ta' rappurtar

1.   Kull Stat Membru għandu jibagħt lill-Kummissjoni rapport kull sena dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jinkludi għall-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-għadd ta' notifiki bil-miktub mibgħuta skond l-Artikolu 6(1) u t-tip tal-prodotti konċernati;

(b)

informazzjoni suffiċjenti li tikkonċerna kwalunkwe deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 6(2), inklużi r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata tali deċiżjoni u t-tip ta' prodotti konċernati; u

(ċ)

l-għadd ta' deċiżjonijiet meħudin skond l-Artikolu 6(3) u t-tip ta' prodotti konċernati.

2.   Fid-dawl ta' l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tanalizza d-deċiżjonijiet meħudin skond l-Artikolu 6(2) u r-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

3.   Il-Kummissjoni għandha, sat-13 ta' Mejju 2012 u kull ħames snin wara, tagħmel reviżjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwarha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni tista', jekk ikun il-każ, tipprovdi proposti mar-rapport bil-għan li jittejjeb il-moviment liberu ta' merkanzija.

4.   Il-Kummissjoni għandha tfassal, tippubblika u regolarment taġġorna lista non-eżawrjenti ta' prodotti li ma jkunux suġġetti għal-leġislazzjoni Komunitarja ta' armonizzazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik il-lista aċċessibbli permezz ta' website.

Artikolu 13

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandha tapplika l-proċedura konsultattiva stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skond l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 14

Tħassir

Id-Deċiżjoni 3052/95/KE hija b'dan imħassra b'effett mit-13 ta' Mejju 2009.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-13 ta' Mejju 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 9 ta' Lulju 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 1.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2008.

(3)  ĠU C 141, 19.5.2000, p. 5.

(4)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(5)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 202/2008 (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 17).

(6)  ĠU L 165, 30.4.2004; verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(7)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44; verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 16.

(8)  ĠU L 235, 17.9.1996, p. 6. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni (KE) Nru 2007/32/KE (ĠU L 141, 2.6.2007, p. 63).

(9)  ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/32/KE.

(10)  Ara paġna 30 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(11)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill (KE) 2006/96/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 81).

(12)  ĠU L 144, 30.4.2004; verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 181, 18.5.2004, p. 25.

(13)  ĠU L 321, 30.12.1995, p. 1.

(14)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).