13.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 38/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 123/2008

tat-12 ta’ Frar 2008

li jemenda u jikkoreġi l-Anness VI tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel

IL-KUMMISSJONI TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2092/91 ta’ l-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 5(8) tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91, il-listi limitattivi tas-sustanzi u prodotti referuti fil-paragrafu 3(c) u (d) ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu stabbiliti fit-Taqsimiet A u B ta’ l-Anness VI ta’ dan ir-Regolament. Il-kondizzjonijiet għall-użu ta’ dawn l-ingredjenti u sustanzi jistagħu jiġu speċifikati.

(2)

Minbarra l-inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi użati fl-ipproċessar ta’ prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem li jkollhom ingredjenti li joriġinaw mill-annimali permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 780/2006 ta’ l-24 ta’ Mejju 2006 li jemenda l-Anness VI tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel (2), in-nitrit tas-sodju u n-nitrat tal-potassju bħala addittivi kellhom jerġgħu jiġu eżaminati sal-31 ta’ Diċembru 2007, bl-għan li l-użu tagħhom jiġi limitat jew eliminat. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2007 (3), bord ta’ esperti indipendenti (minn hawn ‘il quddiem, “il-bord”) irrakkomanda li fi żmien raġonevoli, in-nitrit tas-sodju u n-nitrat tal-potassju jiġu eliminati mill-prodotti tal-laħam organiċi. Il-bord irrakkomanda wkoll li biex jitneħħew dawn is-sustanzi, ikun meħtieġ it-teħid ta’ ċerti prekawzjonijiet. Għaldaqstant, l-użu tan-nitrit tas-sodju u tan-nitrat tal-potassju għandu jibqa’ permess sal-31 ta’ Diċembru 2010, biex ikun hemm żmien biżżejjed għall-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet tat-tneħħija tagħhom. Din l-evalwazzjoni għandha tikkunsidra kemm l-Istati Membri jkun irnexxielhom isibu alternattivi sikuri għan-nitriti/nitrati, u l-progress li jkunu kisbu fit-twaqqif ta’ programmi edukattivi dwar l-ipproċessar alternattiv.

(3)

Mill-1 ta’ Diċembru 2007, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 780/2006, id-dijossidu tal-kubrit (sulphur dioxide) u l-metabisulfit tal-potassju (potassium metabisulphite) ser ikunu jistgħu jintużaw fl-ipproċessar ta’ l-inbejjed tal-frott, li jsiru minn frott ieħor li mhux għeneb, kif ukoll fl-ipproċessar tas-sidru, perry u mead. Skond il-bord imsemmi hawn fuq, sakemm jinstabu sustanzi jew teknoloġiji alternattivi, l-użu tagħhom għandu jibqa' permess. Il-Kummissjoni tipproponi li dan il-parir jiġi segwit. Peress li huwa mistenni li tiġi ppubblikata dejta ġdida li tinkiseb mir-riċerka, sal-31 ta’ Diċembru 2010 għandu jerġa’ jiġi eżaminat l-użu tad-dijossidu tal-kubrit u l-metabisulfit tal-potassju fi prodotti organiċi.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li ċerti sustanzi li jgħinu l-ipproċessar ta’ l-ikel (talc, bentonite, u kaolin) elenkati ma jkunx fihom sustanzi li mhux awtorizzati, il-bord issuġġerixxa li dawn għandhom jintużaw biss meta jissodisfaw l-istandards ta’ purità speċifikati għal dawn l-addittivi ta’ l-ikel fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

(5)

Waqt il-proċess ta’ manifattura tal-ġobon tal-ħalib qares, il-karbonat tas-sodju E 500 jiġi miżjud mal-ħalib pasturizzat biex jillimita l-aċidità kkawżata mill-aċidu lattiku għal valur pH xieraq, u b’hekk jinħolqu l-kondizzjonijiet ta’ tkabbir meħtieġa għall-maturazzjoni. Skond il-bord, l-użu tal-karbonat tas-sodju għall-ipproċessar tal-ġobon tal-ħalib qares organiku għandu, għalhekk, jiġi permess. Il-Kummissjoni tipproponi li dan il-parir jiġi segwit.

(6)

Skond il-bord, biex wieħed ikun jista’ jissostitwixxi, wara perjodu ta’ żmien definit, il-ġelatina mmanifatturata mill-ġilda jew għadam ta’ annimali mhux organiċi b'ġelatina mmanifatturata mill-ġilda tal-majjal organika bħala ingredjent fi prodotti organiċi, għandhom jiġu miżjuda mal-lista għadd ta’ sustanzi li jgħinu l-ipproċessar ta’ l-ikel. Il-Kummissjoni tipproponi li dan il-parir jiġi segwit.

(7)

Jidher li għandu jintuża l-aċidu idrokloriku bħala sustanza li tgħin fil-proċess biex waqt il-produzzjoni ta’ ċertu ġobon tal-qoxra iebsa partikolari (ġobon Gouda, Edam u Maasadammer, Boerenkaas, Friese, u Leidse Nagelkaas) jirregola l-pH tal-banju tas-salmura mingħajr ma jikkawża rwejjaħ ħżiena. Madankollu, sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-użu ta’ l-aċidu idrokloriku fil-produzzjoni ta’ dan il-ġobon tal-qoxra iebsa partikolari għandu jerġa’ jiġi evalwat.

(8)

L-Anness VI tar-Regolament (KEE) 2092/91, kif emendat mir-Regolament (KE) 780/2006, jippermetti l-użu ta’ l-addittiv ta’ l-ikel E 160b (Annatto, Bixin, u Norbixin) fiċ-“Cheddar Skoċċiż.” Peress li dan ma huwiex terminu ġeneriku għaċ-Cheddar ikkulurit, ir-reġistrazzjoni fl-Anness VI għandha tiġi mmodifikata biex tkopri l-ġobon Cheddar kollu. Għalhekk, l-użu ta’ Annatto, Bixin, Norbixin, E 160b, għandu jkun permess għall-ġobon Cheddar kollu.

(9)

Ir-reġistrazzjoni tal-“Preparazzjonijiet ta’ mikro organiżmi u enżimi” fl-Anness VI, it-Taqsima B tar-Regolament (KEE) 2092/91, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 780/2006, tniżżlet bi żball fin-nota tal-qiegħ. Din ir-reġistrazzjoni għandha tiġi mitbugħa f’tipa normali u miżjuda bħala reġistrazzjoni separata. Għalhekk, l-Anness VI għandu jiġi kkoreġut f'dan is-sens, b'effett mid-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 780/2006.

(10)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness VI tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 huwa emendat skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-15 ta’ Frar 2008.

Madankollu, il-punt (3)(f) ta’ l-Anness għandu japplika b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1517/2007 (ĠU L 335, 20.12.2007, p. 13).

(2)  ĠU L 137, 25.5.2006, p. 9.

(3)  Konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti Indipendenti dwar “Addittivi ta’ l-Ikel u Sustanzi li Jgħinu l-Ipproċessar ta’ l-Ikel permessi fl-ipproċessar ta’ Ikel organiku li joriġina mill-Pjanti u l-Annimali” http://ec.europa.eu/agriculture/qual/organic/foodadd/expert/05072007.pdf


ANNESS

L-Anness VI tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 huwa emendat kif ġej:

(1)

Ir-raba' paragrafu ta’ taħt l-intestatura “PRINĊIPJI ĠENERALI” huwa mibdul b'li ġej:

“L-użu ta’ dawn is-sustanzi għandu jerġa’ jiġi eżaminat sal-31 ta’ Diċembru 2010:

In-nitrit tas-sodju u n-nitrat tal-potassju fis-Sub-taqsima A.1, bl-għan li dawn l-addittivi jiġu eliminati;

Id-dijossidu tal-kubrit u l-metabisulfit tal-potassju fis-Sub-taqsima A.1;

L-aċidu idrokloriku fis-Sub-taqsima B għall-ipproċessar tal-ġobon Gouda, Edam u Maasdammer, Boerenkaas, Friese u Leidse Nagelkaas.

L-eżaminazzjoni mill-ġdid msemmija fl-ewwel inċiż għandha tqis l-isforzi li saru mill-Istati Membri biex isibu alternattivi sikuri għan-nitriti/nitrati u biex jistabbilixxu programmi edukattivi dwar l-ipproċessar alternattiv u iġjene għall-proċessuri/manifatturi tal-laħam organiku.”

(2)

It-Taqsima A hija emendata kif ġej:

(a)

Fis-subtaqsima A.1, ir-reġistrazzjoni ta’ l-E 160b tinbidel għal kif ġej:

Kodiċi

Isem

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-pjanti

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-annimali

Kondizzjonijiet speċifiċi

“E 160b

Annatto, Bixin, Norbixin

 

X

Ġobon Red Leicester

Ġobon Double Gloucester

Cheddar

Ġobon Mimolette

(b)

Fis-subtaqsima A.1, ir-reġistrazzjoni ta’ l-E 500 tinbidel għal kif ġej:

Kodiċi

Isem

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-pjanti

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-annimali

Kondizzjonijiet speċifiċi

“E 500

Karbonati tas-sodju

X

X

Dulce de leche (*) Krema tal-butir qarsa u ġobon tal-ħalib qares (1)

(3)

It-Taqsima B hija emendata kif ġej:

(a)

Ir-reġistrazzjoni ta’ l-“aċidu ċitriku” tinbidel b’dawn ir-reġistrazzjonijiet li ġejjin:

Isem

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-pjanti

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-annimali

Kondizzjonijiet speċifiċi

“Aċidu lattiku

 

X

Għar-regolazzjoni tal-pH fil-banju tas-salmura waqt il-produzzjoni tal-ġobon (2)

Aċidu Ċitriku

X

X

Għar-regolazzjoni tal-pH fil-banju tas-salmura waqt il-produzzjoni tal-ġobon (2)

Il-produzzjoni taż-żejt u l-idrolisi tal-lamtu (3)

(b)

Ir-reġistrazzjoni ta’ l-“aċidu sulfuriku” tinbidel b’dawn ir-reġistrazzjonijiet li ġejjin:

Isem

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-pjanti

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-annimali

Kondizzjonijiet speċifiċi

“Aċidu sulfuriku

X

X

Produzzjoni tal-ġelatina (4)

Produzzjoni taz-zokkor (5)

Aċidu idrokloriku

 

X

Produzzjoni tal-ġelatina

Għar-regolazzjoni tal-pH fil-banju tas-salmura waqt l-ipproċessar tal-ġobon Gouda, Edam u Maasdammer, Boerenkaas, Friese u Leidse Nagelkaas

Idrossidu ta' l-ammonja

 

X

Produzzjoni tal-ġelatina

Perossidu ta’ l-idroġenu

 

X

Produzzjoni tal-ġelatina

(c)

Ir-reġistrazzjonijiet ta’ “Talc”, “Bentonite” u “Kaolin” jinbidlu għal kif ġej:

Isem

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-pjanti

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-annimali

Kondizzjonijiet speċifiċi

“Talc

X

 

B’konformità mal-kriterji speċifiċi ta’ purità għall-addittiv ta’ l-ikel E 533b

Bentonite

X

X

Sticking agent għall-mead  (6)

B’konformità mal-kriterji speċifiċi ta’ purità għall-addittiv ta’ l-ikel E 558

Kaolin

X

X

Propolis (6)

B’konformità mal-kriterji speċifiċi ta’ purità għall-addittiv ta’ l-ikel E 559

(d)

Wara r-reġistrazzjoni tal-“Kaolin” tiddaħħal din ir-reġistrazzjoni:

Isem

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-pjanti

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-annimali

Kondizzjonijiet speċifiċi

“Ċelluloża

X

X

Produzzjoni tal-ġelatina (7)

(e)

Ir-reġistrazzjonijiet ta’ “Diatomaceous earth” u “Perlite” jinbidlu għal kif ġej:

Isem

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-pjanti

Tħejjija ta’ oġġetti ta’ l-ikel li joriġinaw mill-annimali

Kondizzjonijiet speċifiċi

“Diatomaceous earth

X

X

Produzzjoni tal-ġelatina (8)

Perlite

X

X

Produzzjoni tal-ġelatina (8)

(f)

Ir-reġistrazzjoni ta’ “Preparazzjonijiet ta’ mikro organiżmi u enżimi” tinbidel għal kif ġej:

“Preparazzjonijiet ta' mikro organiżmi u enżimi:

Kwalunkwe preparazzjonijiet ta’ mikro organiżmi u enżimi li jintużaw normalment biex jgħinu fl-ipproċessar ta’ l-ikel, għajr għall-mikro organiżmi mmodifikati ġenetikament u għajr għall-enżimi derivati minn ‘organiżmi mmodifikati ġenetikament’ fit-tifsira tad-Direttiva 2001/18/KE (*).”


(*)  ‘Dulce de leche’ jew ‘Confiture de lait’ tirreferi għal krema ratba, delizzjuża u kannella li ssir mill-ħalib ħelu u kremuż

(1)  Ir-restrizzjoni tikkonċerna prodotti derivati mill-annimali biss.”

(2)  Ir-restrizzjoni tikkonċerna prodotti derivati mill-annimali biss.

(3)  Ir-restrizzjoni tikkonċerna prodotti derivati mill-pjanti biss.”

(4)  Ir-restrizzjoni tikkonċerna prodotti derivati mill-annimali biss.

(5)  Ir-restrizzjoni tikkonċerna prodotti derivati mill-pjanti biss.”

(6)  Ir-restrizzjoni tikkonċerna prodotti derivati mill-annimali biss.”

(7)  Ir-restrizzjoni tikkonċerna prodotti derivati mill-annimali biss.”

(8)  Ir-restrizzjoni tikkonċerna prodotti derivati mill-annimali biss.”