29.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 24/39


EMENDI TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li rat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari, is-sitt subparagrafu ta’ l-Artikolu 223 tiegħu,

wara li rat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari, is-sitt subparagrafu ta’ l-Artikolu 139 tiegħu,

tikkunsidra dan li ġej:

(1)

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jistgħu jsiru lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-oqsma li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jirrigwardaw iż-żamma u l-iżvilupp ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, f’ċerti każijiet, ikunu jeħtieġu li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħtihom risposta malajr minħabba l-urġenza meħtieġa għas-soluzzjoni tal-kawża quddiem il-qorti nazzjonali;

(2)

Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari normali, kif stabbilita fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fid-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura, ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar id-domandi li jsirulha bil-ħeffa meħtieġa fil-każijiet imsemmija aktar ’il fuq. Il-proċedura mħaffa, prevista fl-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura, għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari tinvolvi l-istess stadji bħall-proċedura għal deċiżjoni preliminari normali, u tista’ tiġi applikata biss b’mod eċċezzjonali u l-ħeffa tinkiseb prinċipalment billi fl-istadji kollha tal-proċedura tingħata priorità lit-talba għal deċiżjoni preliminari kkonċernata fuq il-kawżi l-oħra kollha pendenti;

(3)

It-trattament bil-ħeffa, ta’ numru mhux żgħir ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari, huwa possibbli biss billi tiġi introdotta proċedura għal deċiżjoni preliminari b’urġenza li tillimita u tissemplifika l-istadji tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

Bl-approvazzjoni tal-Kunsill, mogħtija fl-20 ta’ Diċembru 2007.

TADOTTA L-EMENDI TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAGĦHA LI ĠEJJIN:

Artikolu 1

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej adottati fid-19 ta’ Ġunju 1991 (ĠU L 176, 4.7.1991, p. 7, b’corrigendum fil-ĠU L 383, 29.12.1992, p. 117), kif emendati fil-21 ta’ Frar 1995 (ĠU L 44, 28.2.1995, p. 61), fil-11 ta’ Marzu 1997 (ĠU L 103, 19.4.1997, p. 1, b’corrigendum fil-ĠU L 351, 23.12.1997, p. 72), fis-16 ta’ Mejju 2000 (ĠU L 122, 24.5.2000, p. 43), fit-28 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 322, 19.12.2000, p. 1), fit-3 ta’ April 2001 (ĠU L 119, 27.4.2001, p. 1), fis-17 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 272, 10.10.2002, p. 24, b’corrigendum fil-ĠU L 281, 19.10.2002, p. 24), fit-8 ta’ April 2003 (ĠU L 147, 14.6.2003, p. 17), fid-19 ta’ April 2004 (ĠU L 132, 29.4.2004, p. 2), fl-20 ta’ April 2004 (ĠU L 127, 29.4.2004, p. 107), fit-12 ta’ Lulju 2005 (ĠU L 203, 4.8.2005, p. 19), fit-18 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 288, 29.10.2005, p. 51) u fit-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 44) huma emendati kif ġej:

1.

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twaqqaf fi ħdanha Awli bi tliet u b’ħames Imħallfin, skond l-Artikolu 16 ta’ l-Istatut, u għandha tiddeċiedi liema Mħallfin għandhom jiġu assenjati lill-istess Awli.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħżel l-Awla jew l-Awli b’ħames Imħallfin li, għal perijodu ta’ sena, ikunu inkarigati mill-kawżi msemmija fl-Artikolu 104b.

L-assenjazzjoni ta’ l-Imħallfin lill-Awli u l-għażla ta’ l-Awla jew l-Awli inkarigati mill-kawżi msemmija fl-Artikolu 104b għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

(b)

Fil-paragrafu 2 għandhom jidħlu ż-żewġ subparagrafi li ġejjin:

“Għall-kawżi msemmija fl-Artikolu 104b, l-Imħallef Relatur għandu jinħatar minn fost l-Imħallfin ta’ l-Awla magħżula skond il-paragrafu 1, fuq proposta tal-President ta’ din l-Awla. Jekk l-Awla tiddeċiedi li l-kawża m’għandhiex tinstema’ skond il-proċedura b’urġenza, il-President tal-Qorti jista’ jassenja l-kawża mill-ġdid lil Imħallef Relatur li jifforma parti minn Awla oħra.

Il-President tal-Qorti għandu jieħu l-miżuri neċessarji fil-każ ta’ assenza jew impediment ta’ Mħallef Relatur.”

2.

Wara l-Artikolu 104a għandu jidħol dan li ġej:

“Artikolu 104b

1.   Rinviju għal deċiżjoni preliminari li jqajjem kwistjoni waħda jew aktar li jikkonċernaw l-oqsma msemmija fit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni jew fit-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE jista’, fuq talba tal-qorti nazzjonali jew, eċċezzjonalment, ex officio, jinstema’ skond proċedura b’urġenza li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

It-talba tal-qorti nazzjonali għandha tesponi ċ-ċirkustanzi ta’ dritt u ta’ fatt li jistabbilixxu l-urġenza u li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura derogatorja, u għandha tindika, safejn ikun possibbli, ir-risposta li hija tipproponi għad-domandi preliminari.

Jekk il-qorti nazzjonali ma tkunx ippreżentat talba għall-proċedura b’urġenza, il-President tal-Qorti jista’, jekk l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura tidher prima facie neċessarja, jitlob lill-Awla hawn taħt imsemmija sabiex teżamina l-bżonn li r-rinviju jinstema’ skond l-imsemmija proċedura.

Id-deċiżjoni li rinviju jinstema’ skond il-proċedura b’urġenza għandha tittieħed mill-Awla magħżula, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali. Il-kompożizzjoni ta’ l-Awla għandha tiġi ddeterminata skond l-Artikolu 11ċ fil-jum li fih tiġi assenjata l-kawża lill-Imħallef Relatur jekk l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza tintalab mill-qorti nazzjonali jew, jekk l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura tiġi eżaminata fuq talba tal-President tal-Qorti, fil-jum li fih tiġi ppreżentata din it-talba.

2.   Rinviju preliminari msemmi fil-paragrafu preċedenti għandu, meta l-qorti nazzjonali titlob l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza jew meta l-President jitlob lill-Awla magħżula teżamina l-bżonn li r-rinviju jinstema’ skond din il-proċedura, jiġi immedjatament innotifikat mir-Reġistratur lill-partijiet fil-kawża quddiem il-qorti nazzjonali, lill-Istat Membru minn fejn toriġina din il-qorti u lill-istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut, taħt il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

Id-deċiżjoni dwar jekk ir-rinviju preliminari jinstemax jew le skond il-proċedura b’urġenza għandha tiġi nnotifikata immedjatament lill-qorti nazzjonali u lill-partijiet, lill-Istat Membru u lill-istituzzjonijiet imsemmija fis-subparagrafu preċedenti. Id-deċiżjoni li r-rinviju jinstema’ skond il-proċedura b’urġenza għandha tistabbilixxi t-terminu li fih dawn ta’ l-aħħar jistgħu jippreżentaw in-noti jew l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub. Id-deċiżjoni tista’ tippreċiża l-punti ta’ dritt li għandhom jiġu ttrattati f’dawn in-noti jew osservazzjonijiet bil-miktub u tista’ tiffissa t-tul massimu ta’ dawn in-noti jew osservazzjonijiet.

Hekk kif issir in-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, ir-rinviju preliminari għandu wkoll jiġi kkomunikat lill-partijiet l-oħra interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut oltre d-destinatarji ta’ l-imsemmija notifika, u d-deċiżjoni dwar jekk ir-rinviju preliminari jinstemax jew le skond il-proċedura b’urġenza tiġi kkomunikata lil dawn l-istess partijiet interessati hekk kif issir in-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu.

Il-partijiet u dawk l-oħra interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut għandhom jiġu informati malajr kemm jista’ jkun bid-data prevista għas-seduta.

Meta r-rinviju ma jinstemax skond il-proċedura b’urġenza, il-proċedura għandha tkompli skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut u d-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ dawn ir-regoli.

3.   Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li jinstema’ skond proċedura b’urġenza kif ukoll in-noti jew l-osservazzjonijiet bil-miktub li jiġu ppreżentati għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut barra mill-partijiet u l-partijiet l-oħra interessati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu preċedenti. Mar-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jkun hemm traduzzjoni, u jekk ikun il-każ, sunt, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 104(1).

In-noti jew l-osservazzjonijiet bil-miktub għandhom ukoll jiġu nnotifikati lill-partijiet u lill-partijiet l-oħra interessati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu preċedenti.

Id-data tas-seduta għandha tiġi kkomunikata lill-partijiet u lill-partijiet l-oħra interessati flimkien man-notifiki msemmija fis-subparagrafi preċedenti.

4.   Fil-każ ta’ urġenza estrema, l-Awla tista’ tiddeċiedi li teskludi l-fażi bil-miktub tal-proċedura, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

5.   L-Awla magħżula għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali.

Hija tista’ tiddeċiedi li toqgħod bi tliet Imħallfin. F’dan il-każ, hija tkun komposta mill-President ta’ l-Awla, l-Imħallef Relatur u l-ewwel jew, jekk ikun il-każ, l-ewwel żewġ Imħallfin magħżula mil-lista msemmija fl-Artikolu 11ċ(2), meta tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni ta’ l-Awla magħżula skond ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Hija tista’ tiddeċiedi wkoll li tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti sabiex din tiġi assenjata lil kulleġġ ġudikanti ikbar. Il-proċedura b’urġenza għandha ssir quddiem il-kulleġġ ġudikanti ġdid, jekk ikun il-każ, wara li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali.

6.   L-atti tal-proċedura previsti f’dan l-Artikolu għandhom jitqiesu li ġew ippreżentati malli jkunu ġew trażmessi lir-Reġistru, permezz ta’ faks jew kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni li għandha l-Qorti, ta’ kopja ta’ l-oriġinali ffirmata u ta’ atti u dokumenti invokati in sostenn ta’ l-att, flimkien man-nota msemmija fl-Artikolu 37(4). L-oriġinali ta’ l-att u l-annessi msemmija aktar ’il fuq għandhom jintbagħtu lir-Reġistru tal-Qorti.

In-notifiki u l-komunikazzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu jistgħu jsiru billi tintbagħat kopja tad-dokument permezz ta’ faks jew kwalunkwe mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni li għandhom il-Qorti u d-destinatarju.”

Artikolu 2

Dawn l-emendi tar-Regoli tal-Proċedura, awtentiċi fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

Magħmula fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Jannar 2008.