24.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 136/3


DIRETTIVA 2008/52/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Mejju 2008

dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61(ċ) u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 67(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-Komunità stabbilixxiet għaliha stess l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Għal dak il-għan, il-Komunità għandha tadotta, inter alia, miżuri fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li huma meħtieġa għall-funzjonament korrett tas-suq intern.

(2)

Il-prinċipju ta’ aċċess għall-ġustizzja huwa fundamentali u, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat aċċess aħjar għall-ġustizzja, il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 appella għal proċeduri extra-ġudizzjarji alternattivi li għandhom jinħolqu mill-Istati Membri.

(3)

F’Mejju 2000, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar metodi alternattivi ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi taħt il-liġi ċivili u l-liġi kummerċjali fejn ġie ddikjarat li l-istabbiliment ta’ prinċipji bażiċi f’dan il-qasam huwa pass essenzjali li jippermetti l-iżvilupp adegwat u l-operazzjoni ta’ proċeduri extra-ġudizzjarji għar-riżoluzzjoni ta’ disputi f’materji ċivili u kummerċjali sabiex jiġi ssimplifikat u mtejjeb l-aċċess għall-ġustizzja.

(4)

F’April ta’ l-2002 il-Kummissjoni ppreżentat Green Paper dwar ir-riżoluzzjoni alternattiva ta’ disputi fil-liġi ċivili u kummerċjali, li fiha evalwat is-sitwazzjoni eżistenti fir-rigward ta’ metodi alternattivi ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi fl-Unjoni Ewropea u bdiet konsultazzjonijiet estensivi ma’ Stati Membri u partijiet interessati dwar miżuri possibbli għall-promozzjoni ta’ l-użu tal-medjazzjoni.

(5)

L-objettiv li jiġi żgurat aċċess aħjar għall-ġustizzja, bħala parti mill-politika ta’ l-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, għandu jinkludi l-aċċess kemm għal metodi ġudizzjarji kif ukoll għal metodi extra-ġudizzjarji ta’ riżoluzzjoni ta’ disputi. Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għall-funzjonament korrett tas-suq intern, b’mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà tas-servizzi ta’ medjazzjoni.

(6)

Il-medjazzjoni tista’ tipprovdi riżoluzzjoni kost-effettiva u extra-ġudizzjarja rapida ta’ disputi f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ proċessi mfassla skond il-ħtiġijiet tal-partijiet. Ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni għandu aktar probabbiltà li jiġi onorat volontarjament u għandu iżjed potenzjal li jippreżerva relazzjoni amikevoli u sostenibbli bejn il-partijiet. Dawn il-benefiċċji huma aktar evidenti f’sitwazzjonijiet li jimmanifestaw elementi transkonfinali.

(7)

Sabiex jiġi promoss iżjed l-użu tal-medjazzjoni u sabiex jiġi żgurat li l-partijiet li jirrikorru għall-medjazzjoni jkunu jistgħu jserrħu fuq qafas legali prevedibbli, jeħtieġ li tiġi introdotta leġislazzjoni kwadru, li tindirizza, partikolarment, l-aspetti ewlenin tal-proċedura ċivili.

(8)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għall-medjazzjoni f’disputi transkonfinali, iżda xejn m’għandu jimpedixxi lill-Istati Membri milli japplikaw dispożizzjonijiet bħal dawn għal proċessi ta’ medjazzjoni interni wkoll.

(9)

Din id-Direttiva m’għandha bl-ebda mod timpedixxi l-użu ta’ teknoloġiji moderni ta’ komunikazzjoni fil-proċess ta’ medjazzjoni.

(10)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal proċessi li permezz tagħhom żewġ partijiet jew aktar f’disputa transkonfinali jippruvaw bejniethom, fuq bażi volontarja, jilħqu ftehim amikevoli dwar ir-riżoluzzjoni tad-disputa tagħhom bl-assistenza ta’ medjatur. Għandha tapplika f’materji ċivili u kummerċjali. Madankollu, hi m’għandhiex tapplika għal drittijiet u obbligi li dwarhom il-partijiet mhumiex liberi jiddeċiedu huma stess taħt il-liġi applikabbli rilevanti. Drittijiet u obbligi bħal dawn huma partikolarment frekwenti fil-liġi tal-familja u fil-liġi dwar l-impjiegi.

(11)

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal negozjati pre-kuntrattwali, lanqas għal proċessi ta’ natura aġġudikatorja bħal ċerti skemi ġudizzjarji ta’ konċiljazzjoni, skemi ta’ tressiq ta’ ilmenti konsumeristiċi, għall-arbitraġġ u għal determinazzjoni minn esperti jew għal proċessi amministrati minn persuni jew korpi li jemettu rakkomandazzjoni formali, kemm jekk tkun torbot legalment kif ukoll jekk le fir-rigward tar-riżoluzzjoni tad-disputa.

(12)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal każijiet fejn qorti tirriferi l-partijiet għal medjazzjoni jew fejn liġi nazzjonali tippreskrivi medjazzjoni. Barra minn hekk, safejn imħallef ikun jista’ jaġixxi bħala medjatur taħt il-liġi nazzjonali, din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal medjazzjoni mwettqa minn imħallef li ma jkunx responsabbli għal kwalunkwe proċediment ġuridiku relatat mal-materja jew materji disputati. Madankollu, din id-Direttiva m’għandhiex testendi għal tentattivi magħmula mill-qorti jew l-imħallef invokati biex isolvu disputa fil-kuntest ta’ proċedimenti ġudizzjarji rigward id-disputa konċernata jew għal każijiet li fihom il-qorti jew l-imħallef invokati jitolbu assistenza jew parir minn persuna kompetenti.

(13)

Il-medjazzjoni prevista f’din id-Direttiva għandha tkun proċess volontarju fis-sens li l-partijiet stess ikunu responsabbli għall-proċess u jistgħu jorganizzawh kif jixtiequ u jtemmuh fi kwalunkwe ħin. Madankollu, għandu jkun possibbli taħt il-liġijiet nazzjonali li l-qrati jistabbilixxu limiti ta’ żmien għal proċess ta’ medjazzjoni. Flimkien ma’ dan, il-qrati għandhom ikunu jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-partijiet għall-possibbiltà ta’ medjazzjoni kull meta dan ikun opportun.

(14)

Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jippreġudika l-leġislazzjoni nazzjonali li tagħmel użu ta’ medjazzjoni obbligatorja jew suġġetta għal inċentivi jew sanzjonijiet, sakemm tali leġislazzjoni ma timpedixxix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja. Lanqas m’għandha din id-Direttiva tippreġudika sistemi awto-regolatorji eżistenti ta’ medjazzjoni sa fejn dawn jittrattaw aspetti li mhumiex koperti minn din id-Direttiva.

(15)

Sabiex tipprovdi ċertezza legali, huwa meħtieġ li din id-Direttiva tindika liema data għandha tkun rilevanti għad-determinazzjoni jekk id-disputa li l-partijiet qed jippruvaw isolvu permezz ta’ medjazzjoni hijiex jew le disputa transkonfinali. Fl-assenza ta’ ftehim bil-miktub, il-partijiet għandhom jitqiesu li jaqblu li jużaw il-medjazzjoni fiż-żmien meta huma jieħdu azzjoni speċifika biex jibdew il-proċess ta’ medjazzjoni.

(16)

Sabiex tkun żgurata l-fiduċja reċiproka meħtieġa fir-rigward tal-kunfidenzjalità, l-effett fuq il-perijodi ta’ limitazzjoni u ta’ preskrizzjoni, u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ kull ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu, bi kwalunkwe mezz li huma jikkunsidraw xieraq, it-taħriġ ta’ medjaturi u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi effikaċi għall-kontroll tal-kwalità rigward il-forniment ta’ servizzi ta’ medjazzjoni.

(17)

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu tali mekkaniżmi, li jistgħu jinkludu r-rikors għal soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq, u m’għandux ikun mistenni minnhom li jipprovdu xi finanzjament f’dak ir-rigward. Il-mekkaniżmi għandhom jimmiraw li jippreżervaw il-flessibbiltà tal-proċess ta’ medjazzjoni u l-awtonomija tal-partijiet u li jiżguraw li l-medjazzjoni titmexxa b’mod effettiv, imparzjali u kompetenti. Il-medjaturi għandhom ikunu konxji dwar l-eżistenza tal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew għall-Medjaturi, li għandu jsir ukoll disponibbli għall-pubbliku ġenerali fuq l-Internet.

(18)

Fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni (3) li tistabbilixxi kriterji minimi ta’ kwalità li għandhom jiġu offruti minn korpi extra-ġudizzjarji involuti fir-riżoluzzjoni kunsenswali ta’ disputi konsumeristiċi lill-utenti tagħhom. Kwalunkwe medjatur jew organizzazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni għandhom ikunu mħeġġa jirrispettaw il-prinċipji tagħha. Sabiex tiffaċilita d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar tali korpi, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi database ta’ skemi extra-ġudizzjarji li l-Istati Membri jqisu bħala skemi li jirrispettaw il-prinċipji ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni.

(19)

Il-medjazzjoni m’għandhiex tiġi meqjusa bħala alternattiva inferjuri għall-proċedimenti ġudizzjarji fis-sens li l-konformità ma’ ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni ikun jiddependi mir-rieda tajba tal-partijiet. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li l-partijiet għal ftehim bil-miktub li jirriżulta minn medjazzjoni jistgħu ikollhom il-kontenut tal-ftehim tagħhom magħmul inforzabbli. Għandu jkun biss possibbli għal Stat Membru li jirrifjuta li jagħmel ftehim inforzabbli jekk il-kontenut ikun kuntrarju għal-liġi tiegħu, inkluża l-liġi internazzjonali privata tiegħu, jew jekk il-liġi tiegħu ma tipprevedix għall-inforzabbiltà tal-kontenut tal-ftehim speċifiku. Dan jista’ jkun il-każ jekk l-obbligu speċifikat fil-ftehim kien minn natura tiegħu irrinforzabbli.

(20)

Il-kontenut ta’ ftehim, li jirriżulta minn medjazzjoni, li jkun sar inforzabbli fi Stat Membru għandu jiġi rikonoxxut u ddikjarat inforzabbli fl-Istati Membri l-oħra skond il-liġi Komunitarja jew il-liġi nazzjonali applikabbli. Dan jista’ jkun, per eżempju, abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (4) jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (5).

(21)

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 jipprevedi speċifikament li, sabiex ikun inforzabbli fi Stat Membru ieħor, ftehim bejn il-partijiet għandu jkun inforzabbli fl-Istat Membru li fih ġie konkluż. Konsegwentement, jekk il-kontenut ta’ ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni f’materja tal-liġi tal-familja ma jkunx inforzabbli fl-Istat Membru fejn il-ftehim ġie konkluż u fejn saret it-talba għal inforzabbiltà, din id-Direttiva m’għandhiex tinkoraġġixxi lill-partijiet jevadu l-liġi ta’ dak l-Istat Membru billi jaġixxu sabiex il-ftehim tagħhom isir inforzabbli fi Stat Membru ieħor.

(22)

Din id-Direttiva m’għandhiex tinċidi fuq ir-regoli fl-Istati Membri li jikkonċernaw infurzar ta’ ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni.

(23)

Il-kunfidenzjalità fil-proċess ta’ medjazzjoni hija importanti u din id-Direttiva għandha għalhekk tipprovdi għal grad minimu ta’ kompatibbiltà ta’ regoli proċedurali ċivili fir-rigward ta’ kif għandha tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-medjazzjoni fi kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jew arbitraġġ ċivili u kummerċjali sussegwenti.

(24)

Sabiex il-partijiet ikunu mħeġġa jużaw il-medjazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli tagħhom dwar il-perjodu ta’ limitazzjoni u preskrizzjoni ma jimpedixxux lill-partijiet milli jirrikorru għall-qorti jew għall-arbitraġġ jekk it-tentattiv tagħhom ta’ medjazzjoni ifalli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan ir-riżultat jinkiseb anke jekk din id-Direttiva ma tarmonizzax ir-regoli nazzjonali dwar perijodi ta’ limitazzjoni u preskrizzjoni. Id-dispożizzjonijiet dwar il-perjodi ta’ limitazzjoni u preskrizzjoni fi ftehim internazzjonali kif implimentati fl-Istati Membri, per eżempju fil-qasam tal-liġi tat-trasport, m’għandhomx jiġu milquta minn din id-Direttiva.

(25)

L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-forniment ta’ informazzjoni lill-pubbliku ġenerali dwar kif jikkuntattjaw medjaturi u organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni. Huma għandhom ukoll iħeġġu lil prattikanti legali biex jinfurmaw lill-klijenti tagħhom dwar il-possibbiltà ta’ medjazzjoni.

(26)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (6), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom stess u fl-interessi tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li jillustraw, sa fejn possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi.

(27)

Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi d-drittijiet fundamentali u tieħu kont tal-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fudamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(28)

Ladarba l-objettiv ta’ din id-Direttiva ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala jew l-effetti tad-Direttiva, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(29)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda innotifikaw li jixtiequ jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(30)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tiffaċilita l-aċċess għar-riżoluzzjoni alternattiva ta’ disputi u li tippromwovi r-riżoluzzjoni amikevoli ta’ disputi billi tinkoraġġixxi l-użu ta’ medjazzjoni u billi tiżgura relazzjoni bilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika, f’disputi transkonfinali, għal materji ċivili u kummerċjali ħlief fir-rigward ta’ tali drittijiet u obbligi li mhumiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet taħt il-liġi applikabbli rilevanti. Hija m’għandhiex testendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (“acta iure imperii”).

3.   F’din id-Direttiva, it-terminu “Stat Membru” għandu jfisser l-Istati Membri ħlief id-Danimarka.

Artikolu 2

Disputi transkonfinali

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, disputa transkonfinali għandha tkun waħda li fiha almenu wieħed mill-partijiet ikun domiċiljat jew resident abitwali fi Stat Membru li m’huwiex dak ta’ kwalunkwe parti oħra fid-data li fiha:

(a)

il-partijiet jaqblu li jużaw il-medjazzjoni wara li tirriżulta d-disputa,

(b)

il-medjazzjoni tiġi ordnata minn qorti,

(ċ)

jirriżulta obbligu biex tintuża l-medjazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, jew

(d)

għall-finijiet ta’ l-Artikolu 5, issir stedina lill-partijiet.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, għall-finijiet ta’ l-Artikoli 7 u 8, disputa transkonfinali għandha tkun ukoll waħda li fiha proċedimenti ġudizzjarji jew arbitraġġ wara medjazzjoni bejn il-partijiet jinbdew fi Stat Membru li m’huwiex dak li fih il-partijiet kienu domiċiljati jew residenti abitwalment fid-data msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, id-domiċilju għandu jiġi determinat skond l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Medjazzjoni” tfisser proċess strutturat, irrispettivament minn kif inhu msemmi jew minn kif issir referenza għalih, li permezz tiegħu żewġ partijiet jew aktar f’disputa jippruvaw, bejniethom fuq bażi volontarja jilħqu ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tad-disputa tagħhom bl-assistenza ta’ medjatur. Dan il-proċess jista’ jinbeda mill-partijiet jew jiġi suġġerit jew ordnat minn qorti jew ikun preskritt mil-liġi ta’ Stat Membru.

Din tinkludi medjazzjoni magħmula minn imħallef li ma jkunx responsabbli għal kwalunkwe proċediment ġuridiku rigward id-disputa konċernata. Hija teskludi tentattivi magħmula mill-qorti jew l-imħallef invokati biex jiddeċiedu disputa fil-kors tal-proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tad-disputa konċernata.

(b)

“Medjatur” tfisser kwalunkwe persuna terza li tiġi mitluba tagħmel medjazzjoni b’mod effettiv, imparzjali u kompetenti, irrispettivament mid-denominazzjoni jew professjoni ta’ dik il-parti terza fl-Istat Membru konċernat u mill-mod kif il-parti terza tkun ġiet maħtura jew mitluba tagħmel il-medjazzjoni.

Artikolu 4

L-assigurazzjoni tal-kwalità tal-medjazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu, bi kwalunkwe mezz li huma jikkunsidraw adegwat, l-iżvilupp ta’, u l-adeżjoni ma’, kodiċijiet ta’ kondotta volontarji minn medjaturi u organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni, kif ukoll mekkaniżmi effettivi oħra għall-kontroll tal-kwalità li jikkonċernaw il-forniment ta’ servizzi ta’ medjazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu t-taħriġ inizjali u ulterjuri ta’ medjaturi sabiex jiżguraw li l-medjazzjoni tiġi kondotta b’mod effikaċi, imparzjali u kompetenti fir-rigward tal-partijiet.

Artikolu 5

Rikors għal medjazzjoni

1.   Qorti li quddiemha titressaq azzjoni tista’, meta jkun xieraq u b’kont meħud taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, tistieden lill-partijiet biex jużaw il-medjazzjoni sabiex isolvu d-disputa. Il-qorti tista’ tistieden ukoll lill-partijiet biex jattendu għal sessjoni ta’ informazzjoni dwar l-użu tal-medjazzjoni jekk tali sessjonijiet isiru u jkunu faċilment disponibbli.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tagħmel l-użu tal-medjazzjoni obbligatorja jew suġġetta għal inċentivi jew sanzjonijiet, kemm jekk qabel kif ukoll jekk wara li jkunu bdew proċedimenti ġudizzjarji, sakemm tali liġi ma timpedixxix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja.

Artikolu 6

L-inforzabbiltà ta’ ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli għall-partijiet, jew għal wieħed minnhom bil-kunsens espliċitu ta’ l-oħrajn, biex jitolbu li l-kontenut ta’ ftehim bil-miktub li jirriżulta minn medjazzjoni isir inforzabbli. Il-kontenut ta’ tali ftehim għandu jsir inforzabbli sakemm, fil-każ in kwistjoni, il-kontenut ta’ dak il-ftehim ma jkunx kuntrarju għal-liġi ta’ l-Istat Membru fejn issir it-talba jew il-liġi ta’ dak l-Istat Membru ma tipprovdix għall-inforzabbiltà tiegħu.

2.   Il-kontenut tal-ftehim jista’ jsir inforzabbli minn qorti jew awtorità kompetenti oħra f’sentenza jew deċiżjoni, jew permezz ta’ strument awtentiku skond il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn issir it-talba.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-qrati jew l-awtoritajiet oħra kompetenti biex jirċievu talbiet skond il-paragrafi 1 u 2.

4.   Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jinċidi fuq ir-regoli applikabbli għar-rikonoxximent u l-infurzar fi Stat Membru ieħor ta’ ftehim li sar inforzabbli skond il-paragrafu 1.

Artikolu 7

Kunfidenzjalità tal-medjazzjoni

1.   Billi l-medjazzjoni hija maħsuba li ssir b’mod li jirrispetta l-kunfidenzjalità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sakemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor, la l-medjaturi u lanqas dawk involuti fl-amministrazzjoni tal-proċess ta’ medjazzjoni m’għandhom ikunu mġegħlin jagħtu xhieda fi proċedimenti ġudizzjarji jew arbitraġġ ċivili u kummerċjali fir-rigward ta’ informazzjoni li toħroġ minn, jew li jkollha rabta ma’, proċess ta’ medjazzjoni ħlief:

(a)

fejn dan ikun meħtieġ għal konsiderazzjonijiet prevalenti ta’ politika pubblika ta’ l-Istat Membru konċernat, b’mod partikolari meta jkun meħtieġ li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ l-aħjar interessi tat-tfal jew għall-prevenzjoni ta’ dannu għall-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna; jew

(b)

fejn l-iżvelar tal-kontenut tal-ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni jew għall-infurzar ta’ dak il-ftehim.

2.   Xejn fil-paragrafu 1 m’għandu jipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri aktar stretti biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-medjazzjoni.

Artikolu 8

L-effett tal-medjazzjoni fuq il-perijodi ta’ limitazzjoni u ta’ preskrizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet li jagħżlu l-medjazzjoni biex jippruvaw isolvu disputa ma jiġux sussegwentement impediti milli jibdew proċedimenti ġudizzjarji jew arbitraġġ fir-rigward ta’ dik id-disputa minħabba l-iskadenza tal-perijodi ta’ limitazzjoni jew ta’ preskrizzjoni matul il-proċess ta’ medjazzjoni.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar perijodi ta’ limitazzjoni jew ta’ preskrizzjoni fi ftehim internazzjonali li għalihom l-Istati Membri ikunu parti.

Artikolu 9

Informazzjoni għall-pubbliku ġenerali

L-Istati Membri għandhom iħeġġu, bi kwalunkwe mezz li jqisu xieraq, li l-informazzjoni dwar kif jiġu kkuntattjati medjaturi u organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali, b’mod partikolari fuq l-Internet.

Artikolu 10

Informazzjoni dwar qrati u awtoritajiet kompetenti

Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli pubblikament, bi kwalunkwe mezz adegwat, l-informazzjoni, dwar il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti, komunikata mill-Istati Membri skond l-Artikolu 6(3).

Artikolu 11

Reviżjoni

Mhux aktar tard mill-21 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jikkunsidra l-iżvilupp tal-medjazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha u l-impatt ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għall-adattament ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel il-21 ta’ Mejju 2011, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 8, li għalih id-data ta’ konformità għandha tkun sa mhux aktar tard mill-21 ta’ Novembru 2010. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta jiġu adotatti mill-Istati Membri, dawn il-miżuri għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 21 ta’ Mejju 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  ĠU C 286, 17.11.2005, p. 1.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Marzu 2007 (ĠU C 27E, 31.1.2008, p. 129), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/310/KE ta’ l-4 ta’ April 2001 dwar il-prinċipji applikabbli għal korpi extra-ġudizzjarji fir-riżoluzzjoni kunsenswali ta’ disputi konsumeristiċi (ĠU L 109, 19.4.2001, p. 56).

(4)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(5)  ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2116/2004 (ĠU L 367, 14.12.2004, p. 1).

(6)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.