19.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 109/17


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/49/KE

tas-16 ta’ April 2008

li temenda l-Anness II għad-Direttiva 2004/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-kriterji għat-twettiq ta’ spezzjonijiet fir-rampa fuq ajruplani li jużaw l-ajruporti Komunitarji

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-sigurtà ta’ ajruplani ta’ pajjiżi terzi li jużaw ajruporti tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/36/KE tintroduċi metodu armonizzat għall-infurzar effettiv ta’ l-istandards internazzjonali tas-sigurtà fi ħdan il-Komunità bl-armonizzazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri għall-ispezzjonijiet (fir-rampa) ta’ l-ajruplani ta’ pajjiżi terzi f’ajruporti li jinsabu fl-Istati Membri. Din teħtieġ li l-Istati Membri jwettqu l-ispezzjonijiet fir-rampa fuq ajruplani ta’ pajjiżi terzi li jitniżżlu fi kwalunkwe wieħed mill-ajruporti tagħhom miftuħa għat-traffiku ta’ l-ajru internazzjonali skond proċedura armonizzata, u li jipparteċipaw fil-ġbir u fl-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar l-ispezzjonijiet fir-rampa mwettqa.

(2)

L-obbligi Komunitarji ta’ l-Istati Membri li ġejjin mid-Direttiva 2004/36/KE, sa ċertu punt, qabel setgħu ġew sodisfatti permezz tal-parteċipazzjoni volontarja tagħhom fil-programm ta’ l-Istima tas-Sigurtà ta’ Ajruplani Barranin (SSAB - Safety Assessment of Foreign Aircraft, SAFA) li nbeda fl-1996 mill-Konferenza Ewropea ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (ECAC - European Civil Aviation Conference), li l-ġestjoni tagħha kienet iddelegata lill-Awtoritajiet Konġunti ta’ l-Avjazzjoni (JAA - Joint Aviation Authorities).

(3)

Mill-1 ta’ Jannar 2007, il-Programm SSAB għadda esklussivament taħt il-kompetenza Komunitarja u issa huwa ġestit mill-Kummissjoni, mgħejjuna mill-Aġenzija tas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ewropea (AESA - European Aviation Safety Agency, EASA) kif inhu pprovdut mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 768/2006 tad-19 ta’ Mejju 2006 li jimplimenta d-Direttiva 2004/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-ġbir u l-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ l-ajruplani li jużaw ajruporti Komunitarji u l-ġestjoni tas-sistema ta’ informazzjoni (2).

(4)

Il-Programm SSAB għandu jiġi kkomplementat b’miżuri xierqa li jkollhom l-għan li jiżguraw standards komuni għat-twettiq ta’ l-ispezzjonijiet fir-rampa, bħal manwal għall-ispezzjonijiet fir-rampa.

(5)

L-Anness II għad-Direttiva 2004/36/KE jinkludi biss kriterji ferm ġenerali, peress li fi żmien l-adozzjoni tiegħu l-linji ta’ gwida u l-proċeduri tekniċi dettaljati kienu għadhom qed jiġu ppubblikati u aġġornati regolarment mill-JAA u sussegwentement kienu qed jiġu implimentati b’mod volontarju mill-Istati ta’ l-ECAC li jipparteċipaw fil-Programm SSAB.

(6)

Minħabba t-trasferiment tal-Programm SSAB f’idejn il-Komunità u minħabba ż-żieda fl-importanza li qed tingħata mill-Kummissjoni lir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet fir-rampa mwettqa skond il-Programm SSAB, meta tieħu d-deċiżjonijiet tagħha rigward l-inklużjoni tat-trasportaturi fil-lista Komunitarja tat-trasportaturi ta’ l-ajru pprojbiti li kienet stabbilita skond ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpaniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpanija ta’ l-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE, qed jitqies meħtieġ li jiġu speċifikati l-elementi ċentrali tal-manwal għat-twettiq ta’ l-ispezzjonijiet fir-rampa.

(7)

L-elementi ċentrali tal-manwal jikkostitwixxu l-istandards essenzjali għat-twettiq effettiv ta’ l-ispezzjonijiet fir-rampa u għalhekk għandhom jifformaw parti, fl-iqsar żmien possibbli, mill-Anness II għad-Direttiva 2004/36/KE li jistabbilixxi l-proċedura għat-twettiq ta’ l-ispezzjonijiet fir-rampa, partikolarment wara t-trasferiment tal-programm SSAB taħt il-kompetenza Komunitarja.

(8)

L-EASA ressqet proposta għall-emenda ta’ l-Anness II għad-Direttiva 2004/36/KE kif inhu pprovdut skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 768/2006.

(9)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2004/36/KE għandha tiġi emendata skond dan.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (3),

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-emenda għad-Direttiva 2004/36/KE

L-Anness II tad-Direttiva 2004/36/KE għandu jiġi sostitwit mit-test fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Il-materjal ta’ gwida

Meta l-Aġenzija tas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ewropea tiżviluppa l-materjal ta’ gwida li għandu jiġi applikat mill-Istati Membri li jissemma fl-Anness għal din id-Direttiva, għandha tistabbilixxi proċedura trasparenti biex tikkonsulta lill-Istati Membri, tagħmel użu mill-kompetenza disponibbli fl-awtoritajiet regolatorji ta’ l-avjazzjoni ta’ l-Istati Membri, u tinvolvi, kulmeta jkun meħtieġ, lil esperti xierqa mill-partijiet interessati rilevanti. Għal dan il-għan, tista’ toħloq grupp ta’ ħidma.

Artikolu 3

It-traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 4

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 16 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President


(1)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 76. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 (ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15).

(2)  ĠU L 134, 20.5.2006, p. 16.

(3)  ĠU L 373, 31.12.1991, p. 4. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).


ANNESS

ANNESS II

Manwal tal-Proċeduri tal-KE għall-Ispezzjonijiet SSAB (fir-Rampa) – L-Elementi Ċentrali

1.   ISTRUZZJONIJIET ĠENERALI

1.1.   L-ispezzjonijiet SSAB (Stima tas-Sigurtà ta’ Ajruplani Barranin — Safety Assessment of Foreign Aircraft, SAFA) fir-rampa għandhom jitwettqu minn spetturi li jkollhom l-għarfien meħtieġ rilevanti għall-qasam ta’ l-ispezzjoni, fejn l-għarfien tekniku, l-għarfien dwar kemm l-ajruplan jkun tajjeb għall-ajru u l-għarfien operattiv irid ikun rappreżentat f’każ li l-punti kollha tal-lista ta’ kontroll qed jiġu vverifikati. Meta spezzjoni fir-rampa titwettaq minn 2 spetturi jew aktar, l-elementi ewlenin ta’ l-ispezzjoni – l-ispezzjoni viżwali tal-parti esterna ta’ l-ajruplan, l-ispezzjoni fil-gverta tat-titjir u l-ispezzjoni tal-kabina tal-passiġġieri u/jew tal-kompartimenti tal-merkanzija – jistgħu jiġu diviżi bejn l-ispetturi.

1.2.   L-ispetturi jridu jidentifikaw lilhom infushom lill-pilota fil-kmand ta’ l-ajruplan, jew fl-assenza tiegħu, lil membru ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira jew lill-aktar rappreżentant anzjan ta’ l-operatur qabel ma jibdew il-parti t’abbord ta’ l-ispezzjoni fir-rampa tagħhom. Meta ma jkunx possibbli li jinformaw lill-ebda rappreżentant ta’ l-operatur jew meta ma jkunx hemm tali rappreżentat preżenti fl-ajruplan jew qribu, il-prinċipju ġenerali se jkun li ma titwettaqx l-ispezzjoni SSAB fir-rampa. F’ċirkostanzi speċjali, jista’ jiġi deċiż li titwettaq l-ispezzjoni SSAB fir-rampa imma din għandha tkun limitata għal kontroll viżwali tal-parti esterna ta’ l-ajruplan.

1.3.   L-ispezzjoni għandha tkun kemm jista’ jkun komprensiva fiż-żmien u bir-riżorsi disponibbli. Dan ifisser li jekk ikun disponibbli ammont limitat ta’ ħin jew ta’ riżorsi biss, jistgħu ma jiġux ivverifikati l-punti ta’ spezzjoni kollha imma numru mnaqqas. Skond il-ħin u r-riżorsi disponibbli għal spezzjoni SSAB fir-rampa, il-punti li se jiġu spezzjonati għandhom jintgħażlu b’mod xieraq skond l-għanijiet tal-Programm SSAB tal-KE.

1.4.   Spezzjoni fir-rampa m’għandiex tikkawża dewmien irraġonevoli fit-tluq ta’ l-ajruplan spezzjonat. Il-kawżi possibbli għal dewmien jistgħu jkunu, imma mhumiex limitati għal, dubji rigward il-korrettezza tal-preparazzjoni tat-titjira, kemm l-ajruplan jkun tajjeb biex itir jew kwalunkwe kwistjoni direttament relatata mas-sigurtà ta’ l-ajruplan u ta’ l-okkupanti tiegħu.

2.   IL-KWALIFIKA TA’ L-ISPETTURI

2.1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, l-ispezzjonijiet SSAB kollha fir-rampa mwettqa fit-territorju tagħhom jitwettqu minn spetturi kkwalifikati.

2.2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-ispetturi tagħhom jissodisfaw il-kriterji ta’ kwalifika kif inhu provdut hawn taħt.

2.3.   Il-kriterji ta’ kwalifika

2.3.1.   Il-Kriterji ta’ l-Eliġibbiltà

Bħala prerekwiżit għall-eliġibbiltà għall-kwalifika, l-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-kandidati għall-kwalifika bħala spetturi SSAB jkollhom l-edukazzjoni u/jew l-għarfien prattiku dwar l-aeronawtika meħtieġa rilevanti għall-qasam/oqsma ta’ spezzjoni tagħhom, jiġifieri:

(a)

it-tħaddim ta’ l-ajruplan;

(b)

il-liċenzji tal-persunal;

(ċ)

kemm l-ajruplan jkun tajjeb biex itir;

(d)

merkanzija perikoluża.

2.3.2.   Ir-Rekwiżiti tat-Taħriġ

Qabel il-kwalifika, il-kandidati jridu jkunu kkompletaw b’suċċess taħriġ li jikkonsisti minn:

taħriġ teoretiku fil-klassi li għandu jingħata minn organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB kif ġiet iddefinita fil-paragrafu 2.4;

taħriġ prattiku li għandu jingħata minn organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB kif ġiet iddefinit fil-paragrafu 2.4 jew minn spettur anzjan maħtur minn Stat Membru kif inhu provdut fil-paragrafu 2.5 li jaġixxi indipendentement minn organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB;

taħriġ fuq ix-xogħol: li għandu jingħata tul sensiela ta’ spezzjonijiet minn spettur anzjan maħtur minn Stat Membru kif inhu provdut fil-paragrafu 2.5.

2.3.3.   Ir-Rekwiżiti biex Tinżamm il-Validità tal-Kwalifika

L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li ladarba jkunu kkwalifikati, l-ispetturi jżommu l-validità tal-kwalifika tagħhom billi:

(a)

jgħaddu minn taħriġ rikorrenti – li għandu jikkonsisti minn taħriġ teoretiku fil-klassi li għandu jingħata minn organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB kif ġiet iddefinita fil-paragrafu 2.4;

(b)

iwettqu numru minimu ta’ spezzjonijiet fir-rampa f’kull perjodu ta’ 12-il xahar mill-aħħar darba li jkunu għaddew minn taħriġ SSAB ħlief jekk l-ispettur ikun ukoll spettur ikkwalifikat rigward l-operazzjonijiet tat-titjiriet jew rigward kemm l-ajruplan jkun tajjeb biex itir ta’ l-awtorità nazzjonali ta’ l-avjazzjoni ta’ Stat Membru u jkun regolarment involut fit-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq ajruplani ta’ operaturi domestiċi.

2.3.4.   Il-Materjal ta’ Gwida

Mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2008, l-EASA (l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni, AESA), għandha tiżviluppa u tippubblika materal ta’ gwida detaljat sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 2.3.1, 2.3.2 u 2.3.3.

2.4.   L-Organizzazzjonijiet tat-Taħriġ SSAB

2.4.1.   Organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB tista’ tkun parti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew minn organizzazzjoni ta’ parti terza.

Organizzazzjoni ta’ parti terza tista’ tkun:

parti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor;

entità indipendenti.

2.4.2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-korsijiet ta’ taħriġ li jissemmew fil-paragrafi 2.3.2 u 2.3.3 (a) imwettqa mill-awtorità nazzjonali tagħhom, jitmexxew, mill-inqas, skond is-sillabi rilevanti stabbiliti u ppubblikati mill-EASA.

2.4.3.   L-Istati Membri li jużaw organizzazzjoni ta’ parti terza għall-fini ta’ taħriġ relatat mas-SSAB għandhom jistabbilixxu sistema sabiex jevalwaw tali organizzazzjoni. Is-sistema għandha tkun sempliċi, trasparenti u proporzjonata u għandha tqis kwalunkwe materjal rilevanti ta’ gwida stabbilit u ppubblikat mill-EASA. Sistema bħal din tista’ tqis l-evalwazzjonijiet imwettqa minn Stati Membri oħra.

2.4.4.   Organizzazzjoni ta’ taħriġ ta’ parti terza tista’ tintuża biss jekk l-evalwazzjoni turi li t-taħriġ se jkun ipprovdut skond is-sillabi rilevanti stabbiliti u ppubblikati mill-EASA.

2.4.5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-programmi ta’ taħriġ ta’ l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u/jew is-sistemi għall-evalwazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ taħriġ ta’ partijiet terzi tagħhom jiġu emendati b’mod xieraq sabiex jirriflettu kwalunkwe rakkomandazzjoni li tiġi mill-verifiki ta’ l-istandardizzazzjoni mwettqa mill-EASA skond il-metodi ta’ ħidma pprovduti skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2006 (1).

2.4.6.   Stat Membru jista’ jitlob lill-EASA biex tevalwa l-organizzazzjoni tat-taħriġ u tagħti parir li l-Istat Membru jista’ jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuqu.

2.4.7.   Mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2008, l-EASA għandha tiżviluppa u tippubblika materjal ta’ gwida dettaljat sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

2.5.   L-Ispetturi Anzjani

2.5.1.   Stat Membru jista’ jaħtar spetturi anzjani sakemm dawn jissodisfaw il-kriterji ta’ kwalifika rilevanti li għandhom jiġu stabbiliti minn dak l-Istat Membru;

2.5.2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2.5.1 jinkludu, mill-inqas, ir-rekwiżiti li ġejjin, fejn il-persuna maħtura:

kienet spettur SSAB kwalifikat tul it-3 snin qabel il-ħatra;

wettqet minimu ta’ 36 spezzjoni SSAB matul it-3 snin qabel il-ħatra.

2.5.3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw irwieħhom li t-taħriġ prattiku u/jew it-taħriġ fuq ix-xogħol mogħti mill-ispetturi anzjani tagħhom huwa bbażat fuq is-sillabi rilevanti stabbiliti u ppubblikati mill-EASA.

2.5.4.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jassenjaw lill-ispetturi anzjani tagħhom biex jagħtu taħriġ prattiku u/jew taħriġ fuq ix-xogħol lil persuni li jkunu qed jitħarrġu fi Stati Membri oħra.

Mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2008, l-EASA għandha tiżviluppa u tippubblika materjal ta’ gwida dettaljat sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

2.6.   Il-Miżuri Tranżitorji

2.6.1.   L-ispetturi SSAB li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà li jissemmew fil-paragrafu 2.3.1, kif ukoll il-kriterji ta’ l-esperjenza reċenti li jissemmew fil-paragrafu 2.3.3 (b) fid-data stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-kummissjoni 2008/49/KE għandhom jitqiesu bħala li jikkwalifikaw bħala spetturi skond ir-rekwiżiti stabbilit f’dan il-kapitolu.

2.6.2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.3.3 (a), l-ispetturi li jitqiesu li huma kkwalifikati skond il-paragrafu 2.6.1 għandhom jgħaddu minn taħriġ rikorrenti li għandu jingħata progressivament minn organizzazzjoni tat-taħriġ SSAB mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2010 u sussegwentement kif inhu provdut fil-paragrafu 2.3.3 (a).

3.   L-ISTANDARDS

3.1.   L-Istandards ta’ l-ICAO u l-Proċeduri Reġjonali Supplimentari Ewropej ta’ l-ICAO huma l-linja bażi li skond tagħha l-ajruplan u l-operatur qed jiġu spezzjonati skond il-Programm SSAB tal-KE. Barra minn hekk, meta tiġi spezzjonata l-kundizzjoni teknika ta’ ajruplan, għandu jiġi kkontrollat skond l-istandards tal-manifattur ta’ l-ajruplan.

4.   IL-PROĊESS TA’ SPEZZJONI

Il-Punti tal-Lista ta’ Kontroll

4.1.   Il-punti li għandhom jiġu spezzjonati se jintgħażlu minn dawk li ssemmew fil-lista ta’ kontroll fir-Rapport ta’ l-Ispezzjoni SSAB fir-Rampa li jinkludi total ta’ 54 puntu (ara l-Appendiċi 1).

4.2.   L-ispezzjoni u s-sejbiet li jirriżultaw, jekk ikun hemm, iridu jiġu riflessi fir-Rapport ta’ l-ispezzjoni SSAB fir-rampa wara li l-ispezzjoni tkun ġiet ikkompletata.

Il-Gwida SSAB Dettaljata

4.3.   Għal kull punt ta’ spezzjoni tal-lista ta’ kontroll fir-Rapport ta’ l-l-Ispezzjoni SSAB fir-Rampa, se tkun stabbilita deskrizzjoni dettaljata li tispeċifika l-ambitu u l-metodu ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, se ssir referenza għar-rekwiżiti rilevanti fl-Annessi ta’ l-ICAO. Dan se jkun żviluppat u ppubblikat bħala materjal ta’ gwida dettaljat mill-EASA u se jiġi emendat, kif ikun meħtieġ, sabiex jirrifletti l-aktar standards applikabbli reċenti.

L-Inklużjoni tar-Rapporti fid-Database SSAB Ċentralizzata

4.4.   Rapport ta’ l-ispezzjoni għandu jiddaħħal fid-database SSAB ċentralizzata mill-aktar fis possibbli u, ikun xi jkun il-każ, mhux aktar tard minn 15-il jum ta’ ħidma wara d-data ta’ l-ispezzjoni, anki jekk ma tkun identifikata l-ebda sejba.

5.   IL-KLASSIFIKAZZJONI TAS-SEJBIET

5.1.   Għal kull punt ta’ spezzjoni, jiġu ddefiniti bħala sejbiet tliet kategoriji ta’ devjazzjonijiet possibbli mill-istandards rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 3.1. Tali sejbiet se jkunu kklassifikati kif ġej:

sejba tal-kategorija 1 titqies bħala li jkollha influwenza minuri fuq is-sigurtà,

sejba tal-kategorija 2 jista’ jkollha influwenza sinifikanti fuq is-sigurtà, u

sejba tal-kategorija 3 jista’ jkollha influwenza kbira fuq is-sigurtà.

5.2.   L-istruzzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni tas-sejbiet se jkunu żviluppati u ppubblikati bħala materjal ta’ gwida dettaljat mill-EASA u se jiġu emendati, kif ikun meħtieġ, sabiex jirriflettu l-progress xjentifiku u tekniku rilevanti.

6.   L-AZZJONIJIET TA’ SEGWITU LI GĦANDHOM JITTIEĦDU

6.1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1.2, trid timtela prova ta’ spezzjoni li fiha mill-inqas l-elementi stabbiliti fl-Appendiċi 2 u kopja trid tingħata lill-pilota fil-kmand ta’ l-ajruplan, jew fin-nuqqas tiegħu, lil membru ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira jew lill-aktar rappreżentant anzjan ta’ l-operatur preżenti fl-ajruplan jew qribu meta tiġi kkompletata l-ispezzjoni SSAB. Rikonoxximent iffirmat talli ġiet riċevuta l-prova ta’ l-ispezzjoni għandu jintalab mingħand ir-riċevent u għandu jinżamm mill-ispettur. Ir-rifjut min-naħa tar-riċevent li jiffirma għandu jkun irreġistrat fid-dokument. L-istruzzjonijiet dettaljati rilevanti se jkunu żviluppati u ppubblikati mill-EASA bħala materjal ta’ gwida dettaljat.

6.2.   Fuq il-bażi ta’ kif ġew ikklassifikati s-sejbiet, ġew iddefiniti ċerti azzjonijiet ta’ segwitu. Ir-relazzjonijiet bejn il-kategorija tas-sejbiet u l-azzjonijiet li jirriżultaw li għandhom jittieħu ġew ippreżentati fil-klassi ta’ l-azzjonijiet u se jkunu żviluppati u ppubblikati mill-EASA bħala materjal ta’ gwida dettaljat.

6.3.   Azzjoni tal-klassi 1: Din l-azzjoni tikkonsisti fil-provvista ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati ta’ l-ispezzjoni SSAB fir-rampa lill-pilota ta’ l-ajruplan fil-kmand jew fl-assenza tiegħu, lil membru ieħor ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira jew lill-aktar rappreżentant anzjan ta’ l-operatur preżenti. L-azzjoni tikkonsti minn spjegazzjoni verbali u mill-konsenja tal-prova ta’ l-ispezzjoni. Wara kull spezzjoni għandha tittieħed azzjoni tal-klassi 1, irrispettivament minn jekk ġewx identifikati sejbiet jew le.

6.4.   Azzjoni tal-klassi 2: Din l-azzjoni tikkonsisti minn

(1)

komunikazzjoni bil-miktub ma’ l-operatur ikkonċernat u għandha tinkludi talba għal evidenza ta’ azzjonijiet korrettivi, u

(2)

komunikazzjoni bil-miktub ma’ l-Istat responsabbli (l-Istat ta’ l-operatur u/jew tar-reġistru) li tindirizza r-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet mwettqa fuq inġenju ta’ l-ajra mħaddem taħt is-superviżjoni ta’ sigurtà ta’ l-Istat rispettiv. Il-komunikazzjoni għandha tinkludi, fejn ikun xieraq, talba għal konferma li huma sodisfatti bl-azzjonijiet korrettivi meħuda taħt il-punt (1).

L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ l-EASA rapport ta’ kull xahar dwar l-istatus ta’ l-azzjonijiet ta’ segwitu li ttieħdu skond l-ispezzjonijiet fir-rampa.

Azzjoni tal-klassi 2 għandha tittieħed wara spezzjonijiet fejn ġew identifikati sejbiet tal-kategorija 2 jew 3.

L-istruzzjonijiet dettaljati rilevanti se jiġu żviluppati u ppubblikati mill-EASA bħala materjal ta’ gwida rilevanti.

6.5.   Azzjonijiet tal-klassi 3: Azzjoni tal-klassi 3 għandha tittieħed wara spezzjoni fejn ġiet identifikata sejba tal-kategorija 3. Minħabba l-importanza tas-sejbiet tal-kategorija 3 rigward l-influwenza potenzjali tagħhom fuq is-sigurtà ta’ l-ajruplan u l-okkupanti tiegħu, ġew identifikati s-sottoklassijiet li ġejjin:

(1)

Klassi 3a – Restrizzjoni fuq l-operazzjoni tat-titjiriet ta’ l-ajruplan: L-awtorità kompetenti li twettaq l-ispezzjoni fir-rampa tikkonkludi li minħabba d-defiċjenzi li ġew identifikati waqt l-ispezzjoni, l-ajruplan jista’ jitlaq biss b’ċerti restrizzjonijiet.

(2)

Klassi 3b – L-azzjonijiet korrettivi qabel it-titjira: L-ispezzjoni fir-rampa tidentifika defiċjenzi li jeħtieġu azzjoni(jiet) korrettiva(i) qabel ma ssir it-titjira ppjanata.

(3)

Klassi 3c – L-ajruplan jinżamm milli jtir mill-awtorità nazzjonali ta’ l-avjazzjoni li qed tagħmel l-ispezzjoni: Ajruplan jinżamm milli jtir f’sitwazzjoni fejn wara l-identifikazzjoni ta’ sejbiet (kbar) tal-kategorija 3, l-awtorità kompetenti li qed twettaq l-ispezzjoni fir-rampa ma tkunx sodisfatta li l-operatur ta’ l-ajruplan se jieħu miżuri korrettivi sabiex jirrettifika għad-defiċjenzi qabel it-tluq tat-titjira, biex b’hekk ikun hemm perikolu immedjat għas-sigurtà ta’ l-ajruplan u ta’ l-okkupanti tiegħu. F’każi bħal dawn, l-awtorità nazzjonali ta’ l-avjazzjoni li twettaq l-ispezzjoni fir-rampa għandha żżomm lill-ajruplan milli jitlaq sakemm jitneħħa l-periklu u għandha immedjatament tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-operatur ikkonċernat u ta’ l-Istat ta’ reġistrazzjoni ta’ l-ajruplan.

L-azzjonijiet meħuda skond il-paragrafi 2 u 3 jistgħu jinkludu positioning flight bla ħlas lill-bażi tal-manutenzjoni.

(4)

Klassi 3d – Projbizzjoni operattiva immedjata: Stat membru jista’ jirreaġixxi għal periklu ovvju u immedjat għas-sigurtà billi jimponi projbizzjoni operattiva kif inhu provdut fil-liġi nazzjonali u Komunitarja applikabbli.

Appendiċi 1

Ir-Rapport ta’ l-Ispezzjoni SSAB fir-Rampa

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Appendiċi 2

Prova ta’ l-Ispezzjoni

Image

Test ta 'immaġni

(1)  ĠU L 129, 17.5.2006, p. 10.