16.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 320/1


RIŻOLUZZJONI TAL-KUNSILL

ta' l-21 ta' Novembru 2008

dwar strateġija Ewropea għall-multilingwiżmu

(2008/C 320/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

B'REFERENZA GĦAL:

1.

ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Frar 2002 dwar il-promozzjoni tad-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-lingwi (1), li saħqet li l-għarfien tal-lingwi hija waħda mill-ħiliet bażiċi li kull ċittadin jeħtieġ sabiex jieħu sehem b'mod effettiv fis-soċjetà tal-għarfien Ewropea u għalhekk jiffaċilita kemm l-integrazzjoni fis-soċjetà u kemm il-koeżjoni soċjali;

2.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Barċellona fil-15 u s-16 ta' Marzu 2002, li appellaw għal azzjoni ulterjuri biex tittejjeb il-kisba ta' ħiliet bażiċi, b'mod partikolari permezz tat-tagħlim ta' żewġ lingwi barranin għal kulħadd minn età bikrija ħafna (2);

3.

id-Deċiżjoni Nru 1983/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Diċembru 2006 dwar is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (2008) (3);

4.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2006 dwar l-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika (4), li affermaw mill-ġdid li l-ħiliet f'lingwi barranin, barra milli jgħinu biex jitrawwem intendiment reċiproku bejn il-popli, huma prerekwiżit għal forza tax-xogħol mobbli u jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea;

5.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2008-2010 (5), li jiġbdu l-attenzjoni għad-dimensjoni kulturali tal-multilingwiżmu u b'mod partikolari r-rwol tiegħu fl-aċċess għall-kultura u l-kontribut tagħha għall-kreattività;

6.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar il-Kompetenzi Interkulturali, li jirrikonoxxu r-rwol tat-tagħlim tal-lingwi u t-traduzzjoni għall-kisba ta' kompetenzi interkulturali;

7.

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar il-multilingwiżmu, li, fost l-oħrajn, jistiednu lill-Kummissjoni biex sa tmiem l-2008 tfassal proposti għal qafas ta' politika komprensiva fir-rigward tal-multilingwiżmu.

WAQT LI JILQA':

il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2008 bit-titlu “Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni (6).

WAQT LI JIEĦU NOTA TA':

il-Green Paper tal-Kummissjoni tat-3 ta' Lulju 2008 bit-titlu “Migrazzjoni u Mobilità: L-isfidi u l-opportunitajiet għas-sistemi ta' edukazzjoni tal-UE (7),

u fid-dawl tal-proċedimenti tal-konvenzjoni dwar il-multilingwiżmu li saret f'Pariġi fis-26 ta' Settembru 2008.

JIKKUNSIDRA LI:

id-diversità lingwistika u kulturali hija parti integrali mill-identità Ewropea; hija fl-istess ħin wirt kondiviż, rikkezza, sfida u assi għall-Ewropa,

il-multilingwiżmu huwa tema trasversali prinċipali li jinkludi l-isfera soċjali, kulturali, ekonomika u għaldaqstant dik edukattiva,

il-promozzjoni ta' lingwi Ewropej li huma inqas użati tirrappreżenta kontribut importanti għall-multilingwiżmu,

xorta jridu jsiru sforzi sinifikattivi għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u għall-għoti ta' valur lill-aspetti kulturali tad-diversità lingwistika f'kull livell ta' edukazzjoni u taħriġ, filwaqt li tiġi mtejba wkoll l-informazzjoni dwar il-varjetà tal-lingwi Ewropej u t-tixrid tagħhom mad-dinja kollha,

il-multilingwiżmu huwa wkoll ta' importanza partikolari għall-promozzjoni tad-diversità kulturali, inter alia fil-qasam tal-midja u l-kontenut online, u d-djalogu interkulturali ġewwa l-Ewropa u mar-reġjuni l-oħra tad-dinja; it-traduzzjoni, minħabba r-rabtiet li tistabbilixxi bejn il-lingwi u l-kulturi u l-aċċess wiesa' li tipprovdi għal xogħlijiet u ideat, għandha rwol speċjali f'dan il-proċess,

id-diversità lingwstika fl-Ewropa tikkostitwixxi valur miżjud għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kulturali bejn l-Unjoni Ewropea u l-bqija tad-dinja,

il-multinligwiżmu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kreattività billi jippermetti l-aċċess għal modi oħra ta' ħsieb, interpretazzjoni tad-dinja u espressjoni tal-immaġinazzjoni.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-QAFAS TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B'KONFORMITÀ SĦIĦA MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

1.   Jippromwovu l-multilingwiżmu bil-ħsieb li jsaħħu l-koeżjoni soċjali, id-djalogu interkulturali u l-bini tal-Ewropa

(a)

iżidu l-għarfien dwar il-benefiċċji tad-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-lingwi fost il-membri tal-pubbliku u b'mod partikolari ż-żgħażagħ li jkunu qed jagħmlu taħriġ inizjali kemm fl-edukazzjoni ġenerali kif ukoll fl-edukazzjoni vokazzjonali;

(b)

jipprovdu t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti għall-migranti, speċjalment iż-żgħażagħ, bħala element essenzjali għall-integrazzjoni b'suċċess u impjegabbiltà, waqt li jiġu rrispettati l-lingwi tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

2.   Isaħħu t-tagħlim tal-lingwi tul il-ħajja

(a)

jaħdmu biex jipprovdu liż-żgħażagħ, mill-aktar età bikrija u sa wara l-edukazzjoni inizjali u waqt l-edukazzjoni vokazzjonali u dik ogħla, provvista varja u ta' kwalità għolja ta' possibbiltajiet lingwistiċi u kulturali li jippermettulhom jitgħallmu tajjeb mill-inqas żewġ lingwi barranin, li huwa fattur ta' integrazzjoni f'soċjetà bbażata fuq l-għarfien;

(b)

jagħmlu sforzi biex jippromwovu l-kisba u l-aġġornar regolari tal-kompetenzi lingwistiċi għal kulħadd, f'kuntesti formali, mhux formali u informali;

(c)

jaħdmu biex iwessgħu l-għażla tal-lingwi mgħallma f'livelli differenti tal-edukazzjoni — inklużi lingwi rikonoxxuti li huma użati anqas, sabiex jippermettu lill-istudenti jagħżlu abbażi ta' konsiderazzjonijiet bħall-interessi personali jew is-sitwazzjoni ġeografika;

(d)

jinkoraġġixxu t-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi Ewropej, permezz tal-użu ta' għodod innovativi bħal ma huma t-teknoloġija tal-komunikazzjoni diġitali u tat-tagħlim f'distanza u approċċi bħal ma huma dawk ibbażati fuq l-interkomprensjoni ta' lingwi relatati;

(e)

jippromwovu l-valutazzjoni ta' min ikun qed jitgħallem abbażi ta' għodod rikonoxxuti — bħall-Qafas Ewropew ta' Referenza Komuni għall-Ilsna tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Passaport tal-Lingwi Europass- u, fejn adatt, l-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza tal-Lingwi;

(f)

jagħtu attenzjoni partikolari lit-taħriġ ulterjuri tal-għalliema tal-lingwi u lit-titjib tal-kompetenzi lingwistiċi tal-għalliema inġenerali, sabiex ikun promoss it-tagħlim ta' suġġetti mhux lingwistiċi b'lingwi barranin (CLIL — Tagħlim Integrat tal-Kontenut u l-Lingwa);

(g)

irawmu l-mobbiltà u l-iskambji Ewropej fost l-għalliema tal-lingwi, bil-mira li jiġi żgurat li numru kbir kemm jista' jkun possibbli jkunu qattgħu perijodu ta' żmien f'pajjiż fejn hi mitkellma l-lingwa li jgħallmu;

(h)

jużaw il-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja u skemi nazzjonali relevanti biex jipprovdu lill-gruppi kollha ta' mira — b'mod partikolari liż-żgħażagħ li jkunu qed jirċievu taħriġ u lill-għalliema — b'opportunitajiet ta' mobbiltà li jistgħu jgħinuhom itejbu l-kompetenzi lingwistiċi tagħhom, u inizjattivi bħat-Tikketta Ewropea għal-Lingwi biex jiġi żviluppat materjal għat-tagħlim tal-lingwi.

3.   Jippromwovu aħjar il-multilingwiżmu bħala fattur fil-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u l-mobbiltà u l-impjegabbiltà tal-persuni

(a)

jappoġġaw il-provvista u t-tagħlim ta' firxa wiesgħa ta' lingwi, sabiex jgħinu lill-intrapriżi, speċjalment dawk żgħar u ta' daqs medju (SMEs), jwessgħu l-aċċess tagħhom għas-swieq — b'mod partikolari s-swieq emerġenti — mad-dinja kollha;

(b)

jinkoraġġixxu li tingħata importanza akbar lill-kompetenzi lingwistiċi fl-iżvilupp tal-karrieri tal-impjegati, b'mod partikolari dawk ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

(c)

jagħmlu użu mill-Fondi Strutturali Ewropej, fejn adatt, sabiex jipprovdu korsijiet lingwistiċi speċifiċi għall-impjieg fit-taħriġ vokazzjonali ulterjuri u l-edukazzjoni għall-adulti;

(d)

jagħtu valur u jagħmlu użu mill-kompetenzi lingwistiċi taċ-ċittadini bi sfond migratorju, bħala mezz ta' tisħiħ kemm tad-djalogu interkulturali u kemm tal-kompetittività ekonomika.

4.   Jippromwovu d-diversità lingwistika u d-djalogu interkulturali billi jżidu l-assistenza għat-traduzzjoni, sabiex jinkoraġġixxu ċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet u t-tixrid ta' ideat u għarfien fl-Ewropa u mad-dinja kollha:

A.

Fil-qafas tal-politiki u l-programmi eżistenti:

(a)

jinfurmaw aħjar lill-pubbliku, u b'mod partikolari lill-professjonisti Ewropej, dwar skemi nazzjonali u Ewropej ta' assistenza għat-traduzzjoni ta' testi letterarji, xjentifiċi jew tekniċi inkluż il-konenut online kulturali u kreattiv, surtitli ta' xogħlijiet ta' spettakli live u sottotitli ta' xogħlijiet awdjoviżivi u films;

(b)

jikkoordinaw u jżidu l-assistenza pprovduta, fil-qafas tal-programmi Ewropej eżistenti, għall-miżuri b'appoġġ għat-traduzzjoni;

(c)

jiżviluppaw il-possibbiltajiet u l-kwalità tat-taħriġ fit-traduzzjoni u jtejbu l-informazzjoni dwar il-karrieri u l-korsijiet fit-traduzzjoni mogħtija lill-gruppi rilevanti ta' mira (studenti tal-iskola, studenti universitarji, intrapriżi, eċċ.);

(d)

jappoġġaw l-innetwerkjar ta' bażijiet tad-data ta' terminoloġija multilingwistika biex jiffaċilitaw ix-xogħol tat-tradutturi u l-interpreti;

(e)

jinkoraġġixxu l-iżvilupp tat-teknoloġiji lingwistiċi, b'mod partikolari fil-qasam tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, l-ewwel nett permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali, il-korpi ta' riċerka u l-industrija, u t-tieni billi jiżguraw konverġenza bejn il-programmi ta' riċerka, l-identifikazzjoni tal-oqsma ta' applikazzjoni u l-iskjerament tat-teknoloġiji fil-lingwi kollha tal-UE.

B.

Jibdew diskussjoni dwar ir-relevanza u l-fattibbiltà, fil-perijodu fit-tul, ta' programm speċifiku ta' assistenza għat-traduzzjoni li jkun kapaċi jirribatti l-isfidi kulturali, teknoloġiċi u professjonali involuti.

5.   Jippromwovu l-lingwi tal-UE mad-dinja kollha

(a)

isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-istituzzjonijiet kulturali tagħhom jew korpi rappreżentattivi oħrajn f'pajjiżi terzi, u jippromwovu sħubiji lingwistiċi u djalogu interkulturali ma' pajjiżi terzi;

(b)

jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tal-lingwi Ewropej għall-iżvilupp ta' djalogu kulturali u ekonomiku mal-bqija tad-dinja u għat-tisħiħ tal-irwol tal-UE fix-xena internazzjonali;

(c)

itejbu l-kooperazzjoni ma' kemm l-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, b'mod partikolari fill-Kunsill tal-Ewropa u l-Unesco, li jaħdmu fil-qasam tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika u kulturali.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.

tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jilħqu l-objettivi mniżżla f'din ir-Riżoluzzjoni, billi jużaw il-potenzjal sħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni, il-kultura u oqsma ta' politika oħrajn rilevanti;

2.

fil-kuntest tal-qafas ta' politika komprensiv ġdid dwar il-multilingwiżmu u fil-limiti tal-kompetenza tagħha, tadotta miżuri mmirati biex jittieħed kont debitu tal-ħtiġijiet lingwistiċi taċ-ċittadini u tal-istituzzjonijiet, b'attenzjoni partikolari;

għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-pubbliku;

għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u istituzzjonijiet nazzjonali, u b'attenzjoni partikolari sabiex tiġi pprovduta informazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha u sabiex jiġi promoss il-multilingwiżmu fis-siti elettroniċi tal-Kummissjoni;

3.

tirrapporta, sa nofs l-2011, dwar l-implimentazzjoni ta' din ir-Riżoluzzjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u billi tpoġġi enfasi speċjali fuq eżempji ta' prattika tajba;

4.

tirrevedi perjodikament is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kompetenzi lingwistiċi fl-Ewropa, b'mod partikolari abbażi ta' kwalunkwe riċerka eżistenti mwettqa mill-Istati Membri, il-Qafas Ewropew ta' Referenza Komuni għall-Ilsna u, fejn adatt, l-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza tal-Lingwi.


(1)  ĠU C 50, 23.2.2002.

(2)  SN 100/02, punt 44, p.19.

(3)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 44.

(4)  ĠU C 172, 25.7.2006, p. 1.

(5)  ĠU C 143, 10.6.2008.

(6)  13253/08 + ADD 1 + ADD 2 + ADD 3.

(7)  11631/08 + ADD 1 (COM (2008) 423 finali).