30.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 201/58


DEĊIŻJONI Nru 743/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2008

dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programm ta’ riċerka u żvilupp mibdi minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jappoġġja lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp.

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 169 u 172, it-tieni paragrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007-2013) (3) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “is-Seba’ Programm Kwadru”) tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programmi ta’ riċerka u żvilupp mibdija minn diversi Stati Membri, inkluż il-parteċipazzjoni fl-istrutturi maħluqa għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-programmi, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 169 tat-Trattat.

(2)

Is-Seba’ Programm Kwadru iddefinixxa sensiela ta’ kriterji għall-identifikazzjoni ta’ oqsma għal tali inizjattivi fl-ambitu ta’ l-Artikolu 169: ir-rilevanza għall-għanijiet tal-Komunità, id-definizzjoni ċara ta’ l-għan li jrid jiġi segwit u r-rilevanza tiegħu ma’ l-għanijiet tas-Seba’ Programm Kwadru, il-preżenza ta’ bażi pre-eżistenti (programmi nazzjonali ta’ riċerka eżistenti jew maħsuba), il-valur miżjud Ewropew, massa kritika fir-rigward tad-daqs u l-għadd ta’ programmi involuti u x-xebh bejn l-attivitajiet li jkopru, u l-effiċjenza ta’ l-Artikolu 169 tat-Trattat bħala l-mezzi l-aktar xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/974/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku “Kapaċitajiet” li jimplimenta s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (2007 sa 2013) (4) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Il-Programm Speċifiku ‘Kapaċitajiet’”) tidentifika inizjattiva fl-ambitu ta’ l-Artikolu 169 fil-qasam ta’ l-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs) li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka, bħala wieħed mill-oqsma adattati għall-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-programmi nazzjonali ta’ riċerka implimentati b’mod konġunt fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 169 tat-Trattat.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ l-24 ta’ Settembru 2004, il-Kunsill irrikonoxxa r-rwol importanti tas-Seba Programm Kwadru fit-tisħiħ ta’ l-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), u f’dan il-kuntest enfasizza l-importanza li jissaħħu r-rabtiet bejn iż-ŻER u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi Ewropej, bħall-EUREKA.

(5)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 u s-26 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill enfasizza l-importanza ta’ l-SMEs għat-tkabbir u l-kompetittività Ewropej, u għalhekk il-bżonn li l-Istati Membri u l-Kummissjoni isaħħu l-effikaċja u l-komplementarjetà tal-programmi nazzjonali u Ewropej ta’ appoġġ għall-SMEs. Dan inkoraġġixxa lill-Kummissjoni sabiex tesplora l-iżvilupp possibbli ta’ skema minn isfel għal fuq għall-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka. Il-Kunsill fakkar l-importanza tal-koordinazzjoni ta’ programmi nazzjonali sabiex tiġi żviluppata ż-ŻER. Il-Kunsill stieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jikkoperaw mill-qrib sabiex jidentifikaw numru limitat ta’ oqsma ħalli jkun jista’ jiġi applikat aktar l-Artikolu 169 tat-Trattat. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa aktar il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Komunitajiet u l-attivitajiet imwettqa fil-qafas ta’ l-istrutturi intergovernattivi, partikolarment ma’ l-EUREKA, filwaqt li fakkar il-Konferenza Ministerjali ta’ l-EUREKA tat-18 ta’ Ġunju 2004.

(6)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-10 ta’ Marzu 2005 dwar ix-xjenza u t-teknoloġija – Linji Ġwida għall-Politika futura ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ appoġġ għar-Riċerka (5), il-Parlament Ewropew inkoraġġixxa lill-Istati Membri sabiex jadottaw inċentivi fiskali u oħrajn sabiex jippromwovu l-innovazzjoni industrijali, inkluż rabtiet ma’ l-EUREKA, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-SMEs, u enfasizza li ż-ŻER setgħet tkun possibbli biss jekk l-Unjoni talloka proporzjon akbar ta’ finanzjament għar-riċerka bil-għan li l-linji politiċi tar-riċerka Ewropej, nazzjonali u reġjonali jiġu koordinati aktar mill-qrib kemm fejn jirrigwarda s-sustanza tagħhom kif ukoll il-finanzjament tagħhom u, jekk dan il-finanzjament ikun addizzjonali għall-linja politika tar-riċerka fi u bejn l-Istati Membri. Il-Parlament Ewropew iddikjara li għandu jkun hemm użu aktar effiċjenti u koordinat minn mekkaniżmi ta’ finanzjament kif ukoll minn mekkaniżmi ta’ sostenn oħrajn sabiex jiġu appoġġjati r-riċerka u l-iżvilupp (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “R&D”) u l-innovazzjoni, fejn isemmi, fost oħrajn, lill-EUREKA. Huwa talab koperazzjoni msaħħa bejn il-programmi nazzjonali ta’ riċerka, u talab lill-Kummissjoni sabiex tieħu inizjattivi b’mod konformi ma’ l-Artikolu 169 tat-Trattat.

(7)

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-4 ta’ Ġunju 2003 ntitolata “Ninvestu fir-riċerka: pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa”, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-parteċipazzjoni ta’ l-SMEs f’miżuri diretti sabiex jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, li huwa ta’ importanza kbira sabiex tiżdied il-kapaċità innovattiva ta’ oqsma kbar ta’ l-ekonomija.

(8)

Bħalissa, numru ta’ programmi jew attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp mibdija mill-Istati Membri individwalment fuq livell nazzjonali sabiex jiġu appoġġjati attivitajiet ta’ R&D mwettqa mill-SMEs m’humiex qed jiġu kkoordinati biżżejjed fuq livell Ewropew u m’humiex jippermettu metodu koerenti fuq livell Ewropew għal programm effettiv ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku.

(9)

Billi jixtiequ li jkollhom metodu koerenti fuq livell Ewropew fil-qasam ta’ l-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D u li jaġixxu b’mod effettiv, diversi Stati Membri ħadu l-inizjattiva fi ħdan il-qafas ta’ l-EUREKA sabiex jistabbilixxu programm konġunt ta’ riċerka u żvilupp imsejjaħ “Eurostars” (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Programm Konġunt Eurostars”) għall-benefiċċju ta’ l-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D, sabiex jiksbu massa kritika f’termini ta’ riżorsi ġestjonarji u finanzjarji u l-kombinazzjoni ta’ kompetenzi u riżorsi addizzjonali li huma disponibbli f’diversi pajjiżi fl-Ewropa.

(10)

Il-Programm Konġunt Eurostars għandu l-għan li jappoġġja lill-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D billi jforni l-qafas legali u organizzattiv neċessarju għall-koperazzjoni Ewropea fuq skala kbira bejn l-Istati Membri fejn jikkonċerna r-riċerka applikata u l-innovazzjoni, fi kwalunkwe qasam teknoloġiku u industrijali, għall-benefiċċju ta’ dawn l-SMEs. Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakja, il-Finlandja, is-Slovenja, l-Iżvezja u r-Renju Unit (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Istati Membri parteċipanti”), u l-Iżlanda, l-Iżrael, in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-pajjiżi parteċipanti l-oħra”) ftiehmu li jikkoordinaw u jimplimentaw attivitajiet konġunti bil-għan li jikkontribwixxu għall-Programm Konġunt Eurostars. Il-valur ġenerali tal-parteċipazzjoni tagħhom huwa stmat li jlaħħaq mill-inqas is-somma ta’ EUR 300 miljun għall-perjodu propost ta’ sitt snin. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha tirrappreżenta massimu ta’ 25 % tal-kontribuzzjoni pubblika totali għall-Programm Konġunt Eurostars, li hija stmata li tlaħħaq is-somma ta’ EUR 400 miljun.

(11)

Sabiex jiżdied l-impatt tal-Programm Konġunt Eurostars, l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra ftiehmu dwar il-parteċipazzjoni Komunitarja fil-Programm Konġunt Eurostars. Il-Komunità għandha tipparteċipa billi tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja sa EUR 100 miljun għall-perjodu kollu tal-Programm Konġunt Eurostars. Billi l-Programm Konġunt Eurostars jilqa’ l-għanijiet xjentifiċi tas-Seba’ Programm Kwadru u billi l-qasam tal-Programm Konġunt Eurostars jaqa’ fi ħdan it-tema tar-“Riċerka għall-benefiċċju ta’ l-SMEs” tal-Programm Speċifiku Kapaċitajiet, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha tittieħed mill-approprijazzjoni allokata fil-baġit għal dik it-tema. Jistgħu jkunu disponibbli possibilitajiet finanzjarji oħra, inter alia, mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (BEI), b’mod partikolari permezz tal-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju żviluppata b’mod konġunt mal-BEI u l-Kummissjoni skond l-Anness III tad-Deċiżjoni 2006/974/KE.

(12)

L-appoġġ finanzjarju tal-Komunità għandu jingħata soġġett għad-definizzjoni ta’ pjan finanzjarju bbażat fuq impenji formali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-implimentazzjoni b’mod konġunt tal-programmi ta’ riċerka u żvilupp u attivitajiet mibdija fuq livell nazzjonali u għall-kontribuzzjoni tagħhom għall-finanzjament ta’ l-eżekuzzjoni konġunta tal-Programm Konġunt Eurostars.

(13)

L-implimentazzjoni konġunta tal-programmi nazzjonali ta’ riċerka tirrikjedi l-istabbiliment jew l-eżistenza ta’ struttura speċifika ta’ implimentazzjoni, kif ipprovdut fil-Programm Speċifiku “Kapaċitajiet”.

(14)

L-Istati Membri parteċipanti qablu fuq struttura speċifika ta’ implimentazzjoni bħal din għall-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars.

(15)

L-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandha tkun ir-riċevitur tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità u għandha tiżgura l-eżekuzzjoni effiċjenti tal-Programm Konġunt Eurostars.

(16)

Il-kontribuzzjoni Komunitarja għandha tkun soġġetta għall-impenn ta’ riżorsi mill-Istati Membri parteċipanti, u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra u għall-ħlas effettiv tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom.

(17)

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni Komunitarja għandha tkun soġġetta għall-konklużjoni ta’ ftehim ġenerali bejn il-Kummissjoni f’isem il-Komunità Ewropea u l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni, li fih hemm l-arranġamenti dettaljati għall-użu tal-kontribuzzjoni Komunitarja. Dan il-ftehim ġenerali għandu jinkludi d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Komunità jiġu protetti.

(18)

L-imgħax iġġenerat mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandu jitqies bħala dħul assenjat, skond l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”). Il-kontribut massimu Komunitarju indikat f’din id-Deċiżjoni jista’ jiżdied mill-Kummissjoni skond kif meħtieġ.

(19)

Il-Komunità għandu jkollha d-dritt li tnaqqas, iżżomm jew ittemm il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha jekk il-Programm Konġunt Eurostars jiġi implimentat b’mod inadegwat, parzjalment jew inkella tardiv, jew f’każ li l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra ma jikkontribwixxux, jikkontribwixxu parzjalment jew b’mod tardiv għall-finanzjament tal-Programm Konġunt Eurostars, f’konformità mat-termini stabbiliti bi ftehim li għandu jiġi konkluż bejn il-Komunità u l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni.

(20)

Sabiex il-Programm Konġunt Eurostars jiġi implimentat b’mod effiċjenti, l-appoġġ finanzjarju għandu jingħata lill-parteċipanti fil-proġetti tal-Programm Konġunt Eurostars (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “proġetti Eurostars”) li jintgħażlu fil-livell ċentrali wara sejħa għal proposti. Dan l-appoġġ finanzjarju u l-ħlas tiegħu għandhom ikunu trasparenti u effiċjenti. Il-ħlas għandu jsir fil-perjodu stabbilit fi ftehim bejn l-entitajiet ta’ appoġġ nazzjonali u l-istrutturi speċifiċi ta’ implimentazzjoni. L-istrutturi speċifiċi ta’ implimentazzjoni għandhom jinkoraġġixxu lill-Istati Membri parteċipanti u pajjiżi oħra parteċipanti biex iwettqu l-ħlas lill-parteċipanti fi proġetti Eurostars magħżula b’mod konvenjenti, inkluż - meta jkun xieraq - permezz ta’ finanzjament f’somma unika.

(21)

L-evalwazzjoni tal-proposti għandha titwettaq fil-livell ċentrali minn esperti indipendenti. Il-lista tal-klassifika, approvata fil-livell ċentrali, għandha tkun torbot għall-allokazzjoni tal-fondi mill-kontribuzzjoni Komunitarja u mill-baġits nazzjonali intenzjonati għall-proġetti ta’ l-Eurostars.

(22)

Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għandha tiġi ġestita fil-qafas ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta, skond ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (7) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni”).

(23)

Għal kull proġett ta’ Eurostars magħżul, l-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D għandhom jikkontribwixxu b’mod kollettiv il-parti l-kbira ta’ l-ispejjeż totali relatati ma’ l-attivitajiet ta’ R&D tal-parteċipanti kollha.

(24)

Kwalunkwe Stat Membru jista’ jieħu sehem fil-Programm Konġunt Eurostars.

(25)

F’konformità ma’ l-għanijiet tas-Seba’ Programm Kwadru, il-parteċipazzjoni fil-Programm Konġunt Eurostars tal-pajjiżi assoċjati fis-Seba’ Programm Kwadru jew tal-pajjiżi l-oħra għandha tkun possibbli kemm-il darba din il-parteċipazzjoni tkun prevista bil-ftehim internazzjonali rilevanti u kemm-il darba il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi l-oħra parteċipanti jkunu jaqblu magħha.

(26)

F’konformità mas-Seba’ Programm Kwadru, il-Komunità għandu jkollha d-dritt li tiftiehem il-kundizzjonijiet relatati mal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha lill-Programm Konġunt Eurostars li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni fih ta’ kwalunkwe pajjiż assoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru jew, fejn ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars, ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li jingħaqad mal-Programm matul l-implimentazzjoni tiegħu, skond ir-regoli u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(27)

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u l-passi neċessarji għall-irkupru ta’ fondi mitlufa jew imħallsin jew użati ħażin, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (8), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (9) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (10).

(28)

Huwa essenzjali li l-attivitajiet ta’ riċerka li jitwettqu taħt il-Programm Konġunt Eurostars jikkonformaw mal-prinċipji bażi ta’ etika, inkluż dawk riflessi fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, u jsegwu l-prinċipji ta’ mainstreaming u ta’ ugwaljanza bejn is-sessi.

(29)

Il-Kummissjoni għandha tmexxi valutazzjoni interim, li tivvaluta b’mod partikolari l-kapaċità ta’ l-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D għall-aċċess fil-Programm Konġunt Eurostars u l-kwalità u l-effiċjenza ta’ l-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars u l-progress li sar f’dak li huma għanijiet stabbiliti, kif ukoll valutazzjoni.

(30)

Il-monitoraġġ ta’ l-eżekuzzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars għandu jkun effiċjenti u m’għandux jimponi piż mhux neċessarju fuq il-parteċipanti fil-programm, b’mod partikolari l-SMEs.

(31)

L-istruttura speċifika għall-implimentazzjoni għandha tħeġġeġ lill-parteċipanti fil-proġetti Eurostars magħżula biex jikkomunikaw u jaqsmu r-riżultati tagħhom u biex jippubblikaw din l-informazzjoni.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Fl-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru il-Komunità għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja lill-Programm Konġunt Eurostars mibdi b’mod konġunt mill-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit (l-Istati Membri parteċipanti), u l-Iżlanda, l-Iżrael, in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija (il-pajjiżi parteċipanti l-oħra).

2.   Il-Komunità għandha tħallas kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal massimu ta’ terz tal-kontribuzzjonijiet effettivi ta’ l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra sa limitu ta’ EUR 100 miljun għall-perjodu kemm idum is-Seba’ Programm Kwadru, skond il-prinċipji stabbiliti fl-Anness I.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha titħallas mill-approprijazzjoni fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea allokata fil-baġit għall-parti “Riċerka għall-benefiċċju ta’ l-SMEs” tal-Programm Speċifiku “Kapaċitajiet”.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità tkun soġġetta għal:

(a)

dimostrazzjoni mill-Istati Membri parteċipanti u mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra li l-Programm Konġunt Eurostars kif deskritt fl-Anness jiġi stabbilit b’mod effiċjenti;

(b)

l-istabbiliment formali jew il-ħatra mill-Istati Membri parteċipanti u mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra, ta’ struttura speċifika ta’ implimentazzjoni b’personalità legali, li tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars u għar-riċeviment, l-allokazzjoni u s-sorveljanza tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fil-qafas tal-ġestjoni ċentralizzata indiretta skond l-Artikoli 54(2)(c) u 56 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 35, 38(2) u 41 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni;

(c)

l-istabbiliment tal-mudell ta’ tmexxija xieraq u effiċjenti għall-Programm Konġunt Eurostars f’konformità ma’ l-Anness II;

(d)

it-twettiq effiċjenti ta’ l-attivitajiet taħt il-Programm Konġunt Eurostars deskritti fl-Anness I permezz ta’ l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni, li tirrikjedi t-tnedija ta’ sejħiet għal proposti għall-konċessjoni tal-għotjiet;

(e)

l-impenji ta’ l-Istati Membri parteċipanti u tal-pajjiżi parteċipanti l-oħra sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-Programm Konġunt Eurostars u l-ħlas effettiv tal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom, b’mod partikolari l-finanzjament tal-parteċipanti fil-proġetti Eurostars magħżulin wara s-sejħiet għall-proposti mibdija taħt il-Programm Konġunt Eurostars;

(f)

konformità mar-regoli Komunitarji għall-għajnuna ta’ l-Istat, u b’mod partikolari r-regoli stabbiliti fil-Qafas Komunitarju għall-Għajnuna ta’ l-Istat għal Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni (11);

(g)

l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ eċċellenza xjentifika u ta’ osservanza ta’ prinċipji etiċi skond il-prinċipji ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru, ta’ mainstreaming u ta’ ugwaljanza bejn is-sessi, u ta’ żvilupp sostenibbli, u

(h)

il-formulazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-attivitajiet li twettqu taħt il-Programm Konġunt Eurostars u l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tal-programmi ta’ R&D u attivitajiet mibdija fuq livell nazzjonali mill-Istati Membri parteċipanti u mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra b’tali mod li jimmiraw għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ tali għarfien u għall-appoġġ għal-użu wiesgħa u disseminazzjoni ta’ l-għarfien maħluq.

Artikolu 3

Fl-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars, l-għoti ta’ sostenn finanzjarju lil parteċipanti fi proġetti Eurostars magħżula fil-livell ċentrali skond l-Anness II, wara sejħiet għal proposti għall-konċessjoni ta’ l-għotjiet, għandhom ikunu soġġetti għal trattament ugwali u trasparenza. Is-sostenn finanzjarju għandu jingħata fuq il-bażi ta’ eċċellenza xjentifika, u meta tiġi kkunsidrata n-natura speċifika tal-grupp fil-mira tal-SMEs l-impatt soċjo-ekonomiku fil-livell Ewropew u r-rilevanza għall-objettivi ġenerali tal-programm, u skond il-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 4

L-arranġamenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità u r-regoli li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbiltà finanzjarja u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll ir-regoli dettaljati għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju mill-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni lil partijiet terzi għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ ftehim ġenerali li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni, għan-nom tal-Komunità, u ta’ l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni, u tal-ftehim finanzjarju annwali.

Artikolu 5

Skond l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Finanzjarju, l-imgħax iġġenerat mill-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja allokata lill-Programm Konġunt Eurostars għandha titqies bħala dħul assenjat. Il-kontribuzzjoni Komunitarja massima indikata fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni tista’ tiżdied mill-Kummissjoni skond kif meħtieġ.

Artikolu 6

Jekk il-Programm Konġunt Eurostars ma jiġix implimentat jew jiġi implimentat b’mod inadegwat, parzjalment jew b’mof tardiv, jew jekk l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra ma jikkontribwixxux, jew jikkontribwixxu parzjalment jew b’mod tardiv għall-finanzjament tal-Programm Konġunt Eurostars, il-Komunità tista’ tnaqqas, iżżomm jew ittemm il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha skond l-implimentazzjoni attwali tal-Programm Konġunt Eurostars u l-ammont ta’ fondi pubbliċi allokati lill-Istati Membri parteċipanti u lill-pajjiżi parteċipanti l-oħra għall-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars, skond it-termini stabbiliti fil-ftehim li għandi jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 7

Fl-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars, l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità. B’mod partikolari, l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-irkupru sħiħ ta’ kwalunkwe ammonti dovuti lill-Komunità skond l-Artikolu 54(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 38(2) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri jistgħu, permezz ta’ l-uffiċjali jew l-aġenti tagħhom, iwettqu l-verifiki u l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiżguraw it-tmexxija xierqa tal-fondi tal-Komunità u jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra l-frodi jew irregolarità oħra. Għall-finijiet ta’ dan, l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra u l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandhom, fi żmien xieraq, jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri d-dokumenti kollha rilevanti.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti ta’ l-Awdituri. L-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra huma mistiedna jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni, kwalunkwe tagħrif addizzjonali meħtieġ mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Qorti ta’ l-Awdituri li jikkonċerna l-ġestjoni finanzjarja ta’ l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 10

Kull Stat Membru jista’ jissieħeb fil-Programm Konġunt Eurostars skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(e) sa (h).

Artikolu 11

Kull pajjiż terz jista’ jissieħeb fil-Programm Konġunt Eurostars skond il-kriterji stabbilit fl-Artikolu 2(e) sa (h), sakemm tali parteċipazzjoni tkun koperta bil-ftehim internazzjonali rilevanti u sakemm sew il-Kummissjoni u sew l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra jaqblu ma’ dan.

Artikolu 12

Il-kundizzjonijiet relatati mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni, fil-Programm Konġunt Eurostars, ta’ kwalunkwe pajjiż assoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru jew, fejn ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars, ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor, jista’ jiġi miftiehem mal-Komunità fuq il-bażi tar-regoli stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u ta’ kwalunkwe regoli ta’ implimentazzjoni u arranġamenti.

Artikolu 13

1.   Ir-rapport annwali tas-Seba’ Programm Kwadru ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità ma’ l-Artikolu 173 tat-Trattat għandu jinkludi taqsira ta’ l-attivitajiet tal-Programm Konġunt Eurostars ibbażata fuq ir-rapport annwali li għandu jiġi ppreżentat mill-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

2.   Għandha ssir valutazzjoni interim tal-Programm Konġunt Eurostars mill-Kummissjoni sentejn wara l-bidu tal-Programm Konġunt Eurostars u għandha tkopri l-progress lejn l-għanijiet imsemmija fl-Anness I. Il-valutazzjoni għandha tinkludi wkoll ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-mezzi l-aktar xierqa sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni xjentifika, maniġerjali u finanzjarja u tiġi valutata l-abilita’ b’mod partikolari ta’ SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D li jkollhom aċċess għall-Programm Konġunt Eurostars u l-kwalita’ u l-effiċjenza ta’ l-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet ta’ dan, flimkien ma’ l-osservazzjonijiet tagħha u, fejn xieraq, proposti biex din id-Deċiżjoni tiġi emendata, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Fi tmiem il-Programm Konġunt Eurostars, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi valutazzjoni finali tal-Programm. Għandhom jiġu ppreżentati r-riżultati tal-valutazzjoni finali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 14

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 9 ta’ Lulju 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  Opinjoni tad-29 ta’ Mejju 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-10 ta’ April 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2008.

(3)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 299. Verżjoni korretta fil-ĠU L 54, 22.2.2007, p. 101.

(5)  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 259.

(6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

(7)  ĠU J L 357, 31.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007 (ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13).

(8)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1233/2007 (ĠU L 279, 23.10.2007, p. 10).

(9)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(10)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(11)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS I

DESKRIZZJONI TA’ L-GĦANIJIET U L-ATTIVITAJIET TAL-PROGRAMM KONĠUNT EUROSTARS

I.   L-Għanijiet

L-għan ta’ din l-inizjattiva mressqa mill-Pajjiżi Membri ta’ l-EUREKA huwa li jiġi stabbilit il-Programm Konġunt Eurostars li jkollu fil-mira tiegħu lill-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (R&D). Dawn l-SMEs, kumpaniji intensivi fl-għarfien u bbażati fuq it-teknoloġija/l-innovazzjoni, għandhom rwol importanti ħafna fil-proċess ta’ l-innovazzjoni. Dawn huma kkaratterizzati b’orjentazzjoni qawwija lejn il-klijent jew is-suq, bil-mira li jiksbu pożizzjoni internazzjonali b’saħħitha billi jmexxu ‘l quddiem proġetti innovattivi ħafna u orjentati lejn is-suq. Ibbażati fuq il-kapaċità tal-R&D tagħhom stess, dawn għandhom il-ħila li jiżviluppaw prodotti, proċessi jew servizzi li jkollhom vantaġġ innovattiv jew teknoloġiku ċar. Il-kumpaniji jistgħu jvarjaw fid-daqs u fl-ambitu ta’ l-attivitajiet, billi pereżempju jkunu negozji stabbiliti bi storja konsistenti ta’ attivitajiet avvanzati ta’ R&D orjentati lejn l-applikazzjoni, jew start-ups b’potenzjal għoli. L-R&D jikkostitwixxi element importanti fl-istrateġija imprenditorjali u fil-pjani ta’ negozju tagħhom. Dawn il-kumpaniji għandhom ikunu SMEs fit-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (1), u li għandhom jiddedikaw parti notevoli mill-attività tagħhom għar-R&D. Il-limiti dettaljati ta’ din l-attività għandhom jiġu kkjarifikati skond l-Anness II.

Il-Programm Konġunt Eurostars għandu fil-mira l-appoġġ ta’ tali SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D billi:

1.

joħloq mekkaniżmu ta’ sostenn faċilment aċċessibbli u sostenibbli Ewropew ta’ R&D għalihom;

2.

jinkoraġġihom joħolqu attivitajiet ekonomiċi ġodda bbażati fuq ir-riżultati ta’ R&D u jġibu fis-suq prodotti, proċessi u servizzi ġodda aktar malajr milli jista’ jkun;

3.

jippromwovi l-iżvilupp teknoloġiku u kummerċjali, u l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom.

Il-Programm Konġunt Eurostars għandu jikkumplimenta l-programmi eżistenti nazzjonali u ta’ l-Unjoni Ewropea li huma mmirati sabiex jappoġġjaw lill-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D fil-proċess ta’ l-innovazzjoni tagħhom.

Dan għandu jikkontribwixxi għall-kompetittività Ewropea, għall-innovazzjoni, għall-impjiegi, għall-bidla ekonomika, għal żvilupp sostenibbli u għall-protezzjoni ambjentali, u għandu jgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ Lisbona u ta’ Barċellona. Dan għandu jappoġġja, permezz ta’ metodu minn isfel għal fuq, attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp u ta’ dimostrazzjoni attwati minn konsorzji transnazzjonali mmexxija minn SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D u jikkopera, fejn xieraq, ma’ organizzazzjonijiet tar-riċerka u/jew ma’ intrapriżi kbar.

Il-Programm Konġunt Eurostars huwa mmirat li jallinja u jissinkronizza l-programmi nazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni rilevanti sabiex jiġi stabbilit programm konġunt, li jikkaratterizza l-integrazzjoni xjentifika, ġestjonarja u finanzjarja, waqt li jkun ta’ kontribuzzjoni importanti lejn l-eżekuzzjoni taż-ŻER. L-integrazzjoni xjentifika tinkiseb bid-definizzjoni komuni u bl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet taħt il-Programm Konġunt Eurostars. L-integrazzjoni ġestjonarja tinkiseb bl-użu tas-Segretarjat ta’ l-EUREKA bħala l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni. Ir-rwol tiegħu huwa li jmexxi l-Programm Konġunt Eurostars u li jissorvelja l-eżekuzzjoni tiegħu, kif spjegat f’aktar dettal fl-Anness II. L-integrazzjoni finanzjarja timplika li l-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-finanzjament tal-Programm Konġunt Eurostars, li jinvolvi b’mod partikolari l-impenn li jiġu ffinanzjati l-parteċipanti tal-proġetti ta’ l-Eurostars li jiġu magħżula mill-baġits nazzjonali allokati għall-Programm Konġunt Eurostars.

Fuq perjodu twil, din l-inizjattiva għandha taħdem sabiex tiżviluppa forom aktar stretti ta’ integrazzjoni xjentifika, ġestjonarja u finanzjarja. L-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra għandhom isaħħu aktar tali ntegrazzjoni u jneħħu l-ostakli legali u amministrattivi nazzjonali eżistenti għall-koperazzjoni internazzjonali bħala parti mill-inizjattiva.

II.   L-Attivitajiet

L-attività ewlenija fil-Programm Konġunt Eurostars tikkonsisti f’attivitajiet ta’ R&D li jitmexxew minn SME jew minn SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti jew fil-pajjiżi parteċipanti l-oħra. Organizzazzjonijiet ta’ riċerka, universitajiet, SMEs oħra u kumpaniji kbar ukoll jistgħu jipparteċipaw fil-Programm. L-attivitajiet ta’ R&D jistgħu jsiru fil-qasam kollu tax-xjenza u t-teknoloġija u jiġu:

1.

implimentati permezz ta’ proġetti transnazzjonali b’diversi msieħba liema proġetti jkunu jinvolvu mill-inqas żewġ parteċipanti indipendenti mill-Istati Membri parteċipanti jew mil-pajjiżi parteċipanti l-oħra parteċipanti differenti li jindirizzaw attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku, ta’ dimostrazzjoni, ta’ taħriġ, u ta’ disseminazzjoni;

2.

eżegwiti fil-maġġor parti tagħhom minn SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D. Għal kull proġett ta’ l-Eurostars magħżul, l-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D għandhom jikkontribwixxu b’mod kollettiv għall-parti l-kbira ta’ l-ispejjeż totali relatati ma’ l-attivitajiet tar-R&D tal-parteċipanti kollha. Subappaltar minuri jista’ jiġi permess, jekk dan ikun meħtieġ għall-proġett.

3.

mmirati lejn R&D li jkunu orjentati lejn is-suq, u għandhom ikunu ta’ perjodu qasir jew medju u jindirizzaw xogħol ta’ R&D li jkun impenjattiv; l-SMEs għandhom juru l-kapaċità li jisfruttaw ir-riżultati tal-proġett f’qafas ta’ żmien realistiku;

4.

ġestiti u kkoordinati minn SMEs parteċipanti li jwettqu attivitajiet ta’ R&D, l-hekk imsejħa “l-SME ewlenija”.

Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ senserija, ta’ promozzjoni ta’ programmi u ta’ networking għandhom ikunu appoġġjati sa ċertu limitu sabiex jiġi promoss il-Programm Konġunt Eurostars u jissaħħaħ l-impatt tiegħu. Dawn għandhom jinkludu l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ ħidma u l-istabbiliment ta’ kuntatti mal-partijiet interessati l-oħra, bħall-investituri u l-fornituri tal-ġestjoni ta’ l-għarfien.

III.   Ir-riżultati mistennija mill-implimentazzjoni tal-Programm

Ir-riżultat prinċipali tal-Programm Konġunt Eurostars huwa programm ġdid Ewropew ta’ riċerka u żvilupp għall-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D, li huwa minn isfel għal fuq, ibbażat fuq l-EUREKA u li jiġi ko-finanzjat mill-programmi nazzjonali kontributuri ta’ R&D u mill-Komunità.

L-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandha tippreżenta rapport annwali, li għandu jagħti ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tal-Programm (il-valutazzjoni u l-proċess ta’ l-għażla, l-istatistiki dwar il-kompożizzjoni tal-grupp li jagħmel il-valutazzjoni, l-għadd ta’ proġetti sottomessi u magħżula għall-finanzjament, l-użu tal-finanzjament Komunitarju, id-distribuzzjoni tal-fondi nazzjonali, it-tip ta’ parteċipanti, l-istatistiki tal-pajjiż, l-avvenimenti ta’ senserija u attivitajiet ta’ disseminazzjoni, eċċ.) u lejn il-progess li jkun sar sabiex ikun hemm aktar integrazzjoni. Fi tmiem il-Programm Konġunt Eurostars l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandha tagħmel valutazzjoni ta’ l-impatt ex-post tal-Programm.

IV.   L-implimentazzjoni tal-programm

Il-Programm Konġunt Eurostars għandu jiġi ġestit minn struttura speċifika ta’ implimentazzjoni. Il-proposti jiġu sottomessi mill-applikanti direttament lill-istruttura speċifika (punt tad-dħul uniku), wara sejħa għall-proposti ċentrali u komuni li ssir kull sena, b’diversi dati ta’ twaqqif. Il-proposti għall-proġetti għandhom jiġu valutati u magħżula fuq livell ċentrali fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà trasparenti u komuni, wara proċedura maqsuma f’żewġ partijiet. Fl-ewwel fażi, il-proposti għandhom jiġu valutati mill-inqas minn żewġ esperti indipendenti, li għandhom janalizzaw l-aspetti tekniċi kif ukoll dawk tas-suq tal-proposta. Dawn l-esperti jistgħu jaġixxu mill-bogħod. Il-klassifikazzjoni tal-proposti ssir fit-tieni fażi, minn panel internazzjonali ta’ valutazzjoni, magħmul minn esperti indipendenti. L-elenku tal-klassifika, approvat fuq livell ċentrali, għandu jkun jorbot għall-allokazzjoni tal-fondi mill-kontribuzzjoni Komunitarja u mill-baġits nazzjonali allokati għall-proġetti ta’ l-Eurostars. L-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandha tkun responsabbli għas-sorveljanza tal-proġetti, u għall-proċeduri operattivi komuni sabiex jiġi ġestit iċ-ċiklu kollu tal-proġett. L-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tinkoraġġixxi r-rikonoxximent tal-kontribuzzjoni Komunitarja għall-Programm Konġunt Eurostars, kemm għall-Programm innifsu u għal proġetti individwali. Għandha tippromwovi viżibilità xierqa għal din il-kontribuzzjoni permezz ta’ l-użu tal-logo Komunitarju fil-materjal ippubblikat kollu, inklużi pubblikazzjonijiet stampati u elettroniċi, li jkunu relatati mal-Programm Konġunt Eurostars. Il-parteċipanti tal-proġett fil-proġetti magħżula ta’ l-Eurostars għandhom jiġu ġestiti amministrattivament mill-programmi nazzjonali rispettivi tagħhom.

V.   Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament

Il-Programm Konġunt Eurostars huwa ko-finanzjat mill- Istati Membri parteċipanti, mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra u mill-Komunità. L-Istati Membri parteċipanti u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra jiddefinixxu pjan finanzjarju multi-annwali sabiex jipparteċipaw fil-Programm Konġunt Eurostars u sabiex jikkontribwixxu għal ko-finanzjament ta’ l-attivitajiet tiegħu. Il-kontribuzzjonijiet nazzjonali jistgħu jiġu minn programmi nazzjonali eżistenti jew minn oħrajn ġodda, sakemm dawn ikunu konformi mal-karattru minn isfel għal fuq tal-Programm Konġunt Eurostars. Kwalunkwe Stat Membru parteċipanti jew pajjiż ieħor parteċipanti huwa liberu li jżid il-finanzjament nazzjonali allokat tiegħu għall-Programm Konġunt Eurostars, fi kwalunkwe żmien matul il-Programm.

Il-finanzjament fuq livell ta’ Programm

Il-kontribuzzjoni Komunitarja għall-Programm Konġunt Eurostars, li għandha tkun ġestita mill-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni, tiġi kkalkulata bħala massimu ta’ terz tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji effettivi mill- Istati Membri parteċipanti u mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra, b’limitu ta’ EUR 100 miljun.

Massimu ta’ 4,5 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandu jintuża mill-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż operattivi globali tal-Programm Konġunt Eurostars.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-proġetti magħżula ta’ l-Eurostars għandha tiġi trasferita mill-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni lill-entitajiet għall-finanzjament nazzjonali li jiġu maħtura mill-Istati parteċipanti, abbażi ta’ ftehim bejn l-entitajiet għall-finanzjament nazzjonali u l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni. Il-korpi ta’ finanzjament nazzjonali għandhom jiffinanzjaw lill-parteċipanti nazzjonali li l-proposti tagħhom jintgħażlu fil-livell ċentrali u għandhom ukoll imexxu l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja mill-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni.

Il-finanzjament tal-proġetti Eurostars

L-allokazzjoni tal-fondi mill-kontribuzzjoni Komunitarja u mill-baġits nazzjonali allokati għall-proġetti magħżula ta’ l-Eurostars għandha ssegwi l-ordni ta’ l-elenku tal-klassifikazzjoni. Il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-parteċipanti f’dawn il-proġetti tiġi kkalkulata skond ir-regoli tal-finanzjament tal-programmi nazzjonali parteċipanti.

Fil-każ ta’ self, għandha tapplika kalkulazzjoni bażika għall-ekwivalenza ta’ l-għotja gross, waqt li għandhom jiġu kkunsidrati l-intensità tas-sussidju ta’ l-interessi kif ukoll ir-rata ta’ nuqqas medja tal-programm nazzjonali sottostanti.

VI.   L-arranġamenti dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

L-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni għandha tadotta l-politika dwar il-proprjetà intellettwali tal-Programm Konġunt Eurostars, skond ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu ta’ din id-Deċiżjoni. L-għan tal-politika dwar il-proprjetà intellettwali tal-Programm Konġunt Eurostars huwa li jippromwovi l-ħolqien ta’ l-għafien, flimkien ma’ l-isfruttament u t-tixrid tar-riżultati tal-proġett favur il-grupp fil-mira tal-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D. F’dan il-kuntest, il-metodu previst fir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (2) għandu jservi bħala mudell.


(1)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(2)  ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS II

GOVERNANZA TAL-PROGRAMM KONĠUNT EUROSTARS

Is-sistema tat-tmexxija tal-Programm Konġunt Eurostars tinvolvi erba‘ entitajiet ewlenin:

1.

Il-“Grupp ta’ Livell Għoli ta’ l-EUREKA” (HLG EUREKA), li huwa magħmul minn persuni maħtura mill-Istati Membri ta’ l-EUREKA bħala Rappreżentanti ta’ Livell Għoli, u rappreżentant mill-Kummissjoni. Dan huwa responsabbli mid-dħul ta’ Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi oħra mhux parteċipanti fil-Programm Konġunt Eurostars, skond il-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 10 u 11 ta’ din id-Deċiżjoni.

2.

Il-“Grupp ta’ Livell Għoli ta’ l-Eurostars” (HLG Eurostars), li huwa magħmul mir-Rappreżentanti ta’ Livell Għoli ta’ l-EUREKA ta’ l-Istati Membri jew pajjiżi oħra parteċipanti fil-Programm Konġunt Eurostars. Il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri li mhux parteċipanti fil-Programm Konġunt Eurostars iżommu d-dritt li jibagħtu rappreżentanti għal-laqgħat tiegħu bħala osservaturi. Dan għandu l-awtorità li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars, u b’mod partikolari: il-ħatra tal-membri tal-Grupp Konsultattiv ta’ l-Eurostars, l-approvazzjoni tal-proċeduri operattivi sabiex jitmexxa l-Programm Konġunt Eurostars, l-approvazzjoni ta’ l-ippjanar għas-sejħa u tal-baġit għas-sejħa, u l-approvazzjoni ta’ l-elenku tal-klassifikazzjoni tal-proġetti Eurostars li se jiġu ffinanzjati.

3.

Il-“Grupp Konsultattiv ta’ l-Eurostars”, li huwa magħmul mill-Koordinaturi Nazzjonali tal-Proġett ta’ l-EUREKA, li ġejjin mill-Istati Membri parteċipanti u pajjiżi parteċipanti oħra, u li jitmexxa mill-Kap tas-Segretarjat ta’ l-EUREKA (hawn imsejjaħ “ESE”). Il-Grupp Konsultattiv ta’ l-Eurostars għandu jagħti parir lill-ESE fl-eżekuzzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars u għandu jagħti pariri dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tiegħu, bħalma huma l-proċeduri tal-finanzjament, il-valutazzjoni u l-proċess ta’ l-għażla, is-sinkronizzazzjoni bejn il-proċeduri ċentrali u nazzjonali, u s-sorveljanza tal-proġetti. Dan għandu jagħti pariri dwar l-ippjanar għad-dati tat-twaqqif tas-sejħiet annwali għall-proposti. Dan għandu jagħti parir ukoll dwar il-progress fl-eżekuzzjoni tal-programm konġunt, inkluż il-progress lejn aktar integrazzjoni.

4.

L-ESE għandu jaġixxi bħala l-istruttura speċifika ta’ implimentazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars. Il-Kap ta’ l-ESE għandu jaġixxi bħala r-rappreżentant legali tal-Programm Eurostars. L-ESE huwa responsabbli sabiex jeżegwixxi l-Programm Konġunt Eurostars, u huwa responsabbli b’mod partikolari għal:

l-istabbiliment tal-baġit annwali għas-sejħa, l-organizzazzjoni ċentrali tas-sejħat komuni għall-proposti u r-riċeviment tal-proposti għall-proġett (punt tad-dħul uniku);

l-organizzazzjoni ċentrali ta’ l-eliġibbiltà u tal-valutazzjoni tal-proposti għall-proġett, skond kriterji ta’ eliġibbilità u valutazzjoni komuni, l-organizzazzjoni ċentrali ta’ l-għażla tal-proposti għall-proġett li jrid jiġi ffinanzjat, u s-sorveljanza u l-issuktar tal-proġett;

ir-riċeviment, l-allokazzjoni u s-sorveljanza tal-kontribuzzjoni Komunitarja;

il-ġbir tal-kontijiet rigward id-distribuzzjoni tal-fondi mill-entitajiet għall-finanzjament fl-Istati Membri parteċipanti u fil-pajjiżi parteċipanti l-oħra lill-parteċipanti tal-proġetti Eurostars;

il-promozzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars;

ir-rappurtar lill-HLG ta’ l-EUREKA, lill-HLG ta’ l-Eurostars u lill-Kummissjoni dwar il-Programm Konġunt Eurostars, inkluż dwar il-progress lejn aktar integrazzjoni.

l-infurmar tan-netwerk EUREKA dwar l-attivitajiet tal-Programm Konġunt Eurostars.