11.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 151/36


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Ġunju 2008

li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jirratifikaw, jew jaderixxu ma’, fl-interess tal-Komunità Ewropea, Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal u li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli interni rilevanti tal-liġi Komunitarja

(2008/431/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61(ċ) u l-Artikolu 67(1) flimkien ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Komunità qed taħdem għall-istabbiliment ta’ spazju ġudizzjarju komuni bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji.

(2)

Il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Koperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal li ġiet konkluża fid-19 ta’ Ottubru 1996 fil-Konferenza ta’ l-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni”) tagħti kontribut prezzjuż lill-protezzjoni tat-tfal fil-livell internazzjonali. Għalhekk huwa mixtieq li d-dispożizzjonijiet tagħha jiġu applikati kemm jista’ jkun malajr.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/93/KE tad-19 ta’ Diċembru 2002 (2), awtorizzat lill-Istati Membri, biex jiffirmaw il-Konvenzjoni fl-interess tal-Komunità. Dawk l-Istati li kienu Stati Membri tal-Komunità f’dak iż-żmien iffirmaw il-Konvenzjoni fl-Aja fl-1 ta’ April 2003, bl-eċċezzjoni ta’ l-Olanda li kienet diġà ffirmat il-Konvenzjoni. Stati Membri oħrajn li ma kienux Stati Membri tal-Komunità fl-1 ta’ April 2003 ffirmaw il-Konvenzjoni wkoll.

(4)

Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2003/93/KE l-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li d-Deċiżjoni tiġi segwita minn proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri li jirratifikaw, jew jaderixxu mal-Konvenzjoni fl-interess tal-Komunità fil-ħin xieraq.

(5)

Xi Stati Membri diġà rratifikaw, jew aderixxew mal-Konvenzjoni.

(6)

Ċerti Artikoli tal-Konvenzjoni jaffettwaw il-leġislazzjoni sekondarja Komunitarja dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 rigward il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u l-materji tar-responsabbiltà tal-ġenituri (3). L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni li ma jaffettwawx il-liġi Komunitarja. B’hekk, il-Komunità u l-Istati Membri jikkondividu l-kompetenza biex jikkonkludu l-Konvenzjoni.

(7)

Skond il-Konvenzjoni, l-Istati sovrani biss jistgħu jagħmlu parti minnha. Għal dik ir-raġuni, il-Komunità ma tistax tirratifika, jew taderixxi mal-Konvenzjoni.

(8)

Għalhekk il-Kunsill għandu jawtorizza lill-Istati Membri, b’eċċezzjoni, biex jirratifikaw, jew jaderixxu mal-Konvenzjoni fl-interess tal-Komunità, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, madankollu mhux dawk l-Istati Membri li diġà rratifikaw, jew aderixxew l-Konvenzjoni.

(9)

Sabiex jissalvagwardja l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fil-Komunità, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/93/KE ħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu dikjarazzjoni fil-ħin ta’ l-iffirmar tal-Konvenzjoni.

(10)

L-Istati Membri li ffirmaw il-Konvenzjoni fl-1 ta’ April 2003 għamlu d-dikjarazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2003/93/KE f’dik l-okkażjoni. Stati Membri oħrajn li ma ffirmawx il-Konvenzjoni skond id-Deċiżjoni 2003/93/KE għamlu d-dikjarazzjoni ta’ hawn fuq wara l-adeżjoni tagħhom ma’ l-Unjoni Ewropea. Madankollu xi Stati Membri m’għamlux id-dikjarazzjoni u għalhekk issa għandhom jagħmlu d-dikjarazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

(11)

L-Istati Membri li huma awtorizzati jirratifikaw, jew jaderixxu mal-Konvenzjoni b’din id-Deċiżjoni, għandhom jagħmlu dan simultanjament. Dawk l-Istati Membri għandhom għalhekk jiskambjaw informazzjoni dwar l-istat tar-ratifika jew il-proċeduri ta’ l-adeżjoni sabiex jippreparaw id-depożitu simultanju ta’ l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, jew adeżjoni.

(12)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(13)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit biex jirratifikaw, jew jaderixxu mal-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Koperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni”), fl-interess tal-Komunità, suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4.

2.   It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-Bulgarija, Ċipru, il-Latvja, Malta, l-Olanda u l-Polonja li jagħmlu d-dikjarazzjoni li ġejja:

“L-Artikoli 23, 26 u 52 tal-Konvenzjoni jippermettu lill-Partijiet Kontraenti ċerta flessibbiltà sabiex japplikaw sistema sempliċi u rapida għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi. Ir-regoli Komunitarji jipprevedu sistema ta’ rikonoxximent u infurzar li hija favorevoli mill-inqas daqs ir-regoli stabbiliti fil-Konvenzjoni. Għaldaqstant, sentenza mogħtija minn Qorti ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta’ materja relatata mal-Konvenzjoni, għandha tiġi rikonoxxuta u infurzata fi … (4)bl-applikazzjoni tar-regoli interni rilevanti tal-liġi Komunitarja (5).

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw simultanjament l-istrumenti tar-ratifika jew adeżjoni tagħhom mal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta’ l-Olanda, jekk jista’ jkun qabel il-5 ta’ Ġunju 2010.

2.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiskambjaw l-informazzjoni mal-Kummissjoni fil-Kunsill, qabel il-5 ta’ Diċembru 2009, dwar id-data prospettiva ta’ meta jitlestew il-proċeduri parlamentari tagħhom meħtieġa għar-ratifika jew l-adeżjoni. Id-data u l-modalitajiet tad-depożitu simultanju għandhom jiġu determinati abbażi ta’ dan.

Artikolu 4

L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jinfurmaw lill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta’ l-Olanda bil-miktub meta l-proċeduri parlamentari tagħhom meħtieġa għar-ratifika jew adeżjoni jkunu twettqu filwaqt li jindikaw li l-istrumenti ta’ ratifika jew adeżjoni tagħhom ser jiġu depożitati fi stadju aktar tard skond din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Litwanja, l-Ungerija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

Magħmula fi Brussell, 5 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. MATE


(1)  ĠU C 82 E, 1.4.2004, p. 307.

(2)  ĠU L 48, 21.2.2003, p. 3.

(3)  ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2116/2004 (ĠU L 367, 14.12.2004, p. 1).


TRADUZZJONI

KONVENZJONI FUQ IL-ĠURISDIZZJONI, IL-LIĠI APPLIKABBLI, RIKONOXXIMENT, INFURZAR U KOOPERAZZJONI DWAR IR-RESPONSABBILTÀ TAL-ĠENITURI U MIŻURI GĦALL-PROTEZZJONI TAT-TFAL

(Konkluż fid-19 ta’ Ottubru 1996)

L-Istati firmatarji għal din il-Konvenzjoni,

Waqt li kkunsidraw il-bżonn li tittejjeb il-protezzjoni tat-tfal f’sitwazzjonijiet internazzjonali,

Waqt li jixtiequ jevitaw kunflitti dwar il-ġurisdizzjoni bejn is-sistemi legali tagħhom, il-liġi applikabbli, rikonoxximent u nfurzar ta’ miżuri għall-protezzjoni tat-tfal,

Waqt li jiftakkru l-importanza ta’ koperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal,

Waqt li jikkonfermaw li l-aħjar interessi tat-tifel għandhom ikunu konsiderazzjoni ewlenija,

Waqt li jinnutaw li l-Konvenzjoni tal-5 t’Ottubru 1961 dwar il-poteri ta’ awtoritajiet u l-liġi applikabbli fir-rigward għall-protezzjoni ta’ minuri għandha bżonn tiġi riveduta,

Waqt li jixtiequ jistabbilixxu dispożizzjonijiet komuni għal dan il-għan, b’kont meħud tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Maqgħuda fuq id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989,

Ftehmu fuq id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

KAPITOLU I

L-ISKOP TAL-KONVENZJONI

Artikolu 1

1.   L-ghanijiet ta’ din il-Konvenzjoni huma:

(a)

li tistabbilixxi l-Istat li l-awtoritajiet tiegħu għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu miżuri diretti lejn il-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tat-tifel;

(b)

li tistabilixxi liema liġi għandha tiġi applikata minn dawn l-awtoritajiet fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħhom;

(ċ)

li tistabbilixxi l-liġi applikabbli lir-reponsabbilità tal-ġenituri;

(d)

li tipprovdi għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ dawn il-miżuri ta’ protezzjoni fl-Istati Kontraenti kollha;

(e)

li tistabbilixxi l-kooperazzjoni kif tista’ tkun meħtieġa bejn l-awtoritajiet ta’ l-Istati Kontraenti sabiex jiġu miksubin l-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni, it-terminu “reponsabbilità tal-ġenituri” jinkludi s-setgħa tal-ġenituri, jew kwalunkwe relazzjoni ta’ awtorità analoga li tistabbilixxi d-drittijiet, poteri u responsabiltajiet ta’ ġenituri, gwardjani jew rapreżentanti legali oħra fir-rigward tal-persuna jew il-proprjetà tat-tifel.

Artikolu 2

Il-Konvenzjoni tapplika għat-tfal mit-twelid tagħhom sakemm jilħqu l-età ta’ 18-il sena.

Artikolu 3

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jkollhom x’jaqsmu partikolarment ma’:

(a)

l-attribuzzjoni, eżerċizzju, terminazzjoni jew restrizzjoni ta’ reponsabbilità tal-ġenituri, kif ukoll mad-delegazzjoni tiegħu;

(b)

drittijiet ta’ kustodja, inklużi drittijiet dwar il-kura tal-persuna tat-tifel u, partikolarment, id-dritt li tistabbilixxi l-post tar-residenza tat-tifel, kif ukoll id-drittijiet ta’ aċċess inkluż id-dritt li tieħu tifel għal perjodu limitat f’post minbarra dak li jikkostitwixxi r-residenza abitwali tat-tifel;

(ċ)

tutela, kuratela u istituzzjonijiet simili;

(d)

in-nomina u funzjonijiet ta’ kwalunkwe persuna jew korp li hija resposabbli għall-persuna jew proprjetà tat-tifel, li tirrapreżenta jew tassisti t-tifel;

(e)

it-tqegħid tat-tifel ġo familja foster jew f’kura istituzzjonali, jew l-proviżjoni ta’ kura minn “kafala” jew istituzzjoni simili;

(f)

is-superviżjoni minn awtorità pubblika tal-kura ta’ tifel minn kwalunkwe persuna li hija responsabbli għat-tifel;

(g)

l-amministrazzjoni, konservazzjoni jew aljenazzjoni tal-proprjetà tat-tifel.

Artikolu 4

Il-Konvenzjoni ma tapplikax għal:

(a)

stabbiliment jew kontestazzjoni ta’ relazzjoni bejn ġenitur u tifel;

(b)

deċiżjonijiet fuq l-adozzjoni, miżuri preparatorji għall-adozzjoni, jew l-annullament jew revoka ta’ adozzjoni;

(ċ)

l-isem tat-tifel;

(d)

emanċipazzjoni;

(e)

obligazzjonijiet tal-manteniment;

(f)

trusts jew suċċessjoni;

(g)

sigurtà soċjali;

(h)

miżuri pubbliċi ta’ natura ġenerali f’materji ta’ edukazzjoni jew saħħa;

(i)

miżuri li jirriżultaw minn offiżi penali mwettqin mit-tfal;

(j)

deċiżjonijiet fuq id-dritt ta’ l-ażil u fuq l-immigrazzjoni.

KAPITOLU II

ĠURISDIZZJONI

Artikolu 5

1.   L-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi ta’ l-Istat Kontraenti tar-residenza abitwali tat-tifel għandhom ġurisdizzjoni li jieħdu miżuri bil-għan li jipproteġu l-persuna jew il-proprjetà tat-tifel.

2.   Suġġett għall-Artikolu 7, f’każ ta’ tibdil fir-residenza abitwali tat-tifel għal Stat Kontraenti ieħor, l-awtoritajiet ta’ l-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandhom ġurisdizzjoni.

Artikolu 6

1.   Għat-tfal refuġjati u tfal li, minħabba inkwiet fil-pajjiż tagħhom, huma internazzjonalment spostati, l-awtoritatajiet ta’ l-Istat Kontraenti fuq it-territorju ta’ liema dawn it-tfal huma preżenti bħala riżultat ta’ l-ispostament tagħhom, għandhom il-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1).

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel dan japplikaw ukoll għal tfal li r-residneza abitwali tagħhom ma tistax tiġi stabbilita.

Artikolu 7

1.   F’każ ta’ tneħħija nġusta jew ritenzjoni tat-tifel, l-awtoritajiet ta’ l-Istat Kontraenti li fih it-tifel kien abitwalment jkun residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew ritenzjoni, jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom sakemm it-tifel ikun akkwista residenza abitwali fi Stat ieħor, u

(a)

kull persuna, istituzzjoni jew korp ieħor li għandu drittijiet ta’ kustodja kkunsenta fit-tneħħija jew ritenzjoni; jew

(b)

it-tifel għex f’dak l-Istat ieħor għal perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew korp ieħor li għandu drittijiet ta’ kustodja għandu jew missu kellu għarfien ta’ fejn hu t-tifel, l-ebda talba għar-ritorn li ġiet magħmula f’dak il-perjodu għadha pendenti, u t-tifel qed jgħix ħajja stabbli fl-ambjent ġdid tiegħu jew tagħha.

2.   It-tneħħija jew ir-ritenzjoni ta’ tifel għandha tiġi kkunsidrata inġusta fejn:

(a)

Tikser id-drittijiet ta’ kustodja attribwiti lil persuna, istituzzjoni jew korp ieħor, jew konġuntivament jew waħedha, taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn it-tifel kellu r-residenza abitwali immedjament qabel it-tneħħija jew ritenzjoni; u

(b)

fi żmien tat-tneħħija jew ritenzjoni dawk id-drittijiet kienu fil-fatt eżerċitati, jew konġuntivament jew waħedhom, jew kienu jkunu eżerċitati jekk mhux għat-tneħħija jew ritenzjoni.

Id-drittijiet ta’ kustodja msemmija hawn fuq fis-subaragrafu (a), jistgħu jqumu partikolarment b’operazzjoni tal-liġi jew minħabba deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew minħabba ftehim li għandu effetti legali taħt il-liġi ta’ dak l-Istat.

3.   Sakemm l-awtoritajiet imsemmijin għall-ewwel darba fil-paragrafu 1 iżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Kontraenti għal liema t-tifel kien spostat jew f’liema hu jew hi kien ritenut jistgħu jieħdu biss dawk il-mizuri urġenti taħt l-Artikolu 11 kif huma neċessarji għall-protezzjoni tal-persuna jew il-proprjetà tat-tifel.

Artikolu 8

1.   B’eċċezzjoni, l-awtorità ta’ Stat Kontraenti li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6, jekk tikkusidra li l-awtorità ta’ Stat Kontraenti ieħor kienet tkun, fil-każ partikolari, aħjar biex tagħmel stima ta’ l-aħjar interessi tat-tifel, tista’ jew:

titlob dik l-awtorità l-oħra, direttament jew bl-assistenza ta’ l-Awtorità Ċentrali ta’ l-Istat tagħha, tassumi l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu dawk il-mizuri ta’ protezzjoni li tikkunsidra li huma neċessarji, jew

tissospendi l-konsiderazzjoni tal-każ u tistieden il-partijiet biex jintroduċu din it-talba qabel l-awtorità ta’ dak l-Istat ieħor.

2.   L-Istati Kontraenti li l-awtoritajiet tagħhom jistgħu jiġu ndirizzati kif previst fil-paragrafu ta’ qabel dan huma:

(a)

Stat ta’ liema t-tifel huwa ċittadin;

(b)

Stat li fih tinstab proprjetà tat-tifel;

(ċ)

Stat l-awtoritajiet ta’ liema għandhom applikazzjoni għad-divorzju jew separazzjoni legali tal-ġenituri tat-tifel, jew għall-annullament taż-żwieġ tagħhom;

(d)

Stat li miegħu t-tifel għandu konnessjoni sostanzjali.

3.   L-awtoritajiet involuti jistgħu jipproċedu għal skambju ta’ fehmiet.

4.   L-awtorità ndirizzata kif previst fil-paragrafu 1 tista’ tassumi ġurisdizzjoni, fil-post ta’ l-awtorità li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6, jekk tikkunsidra li dan huwa fl-aqwa interessi tat-tifel.

Artikolu 9

1.   Jekk l-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti msemmijin fl-Artikolu 8(2), jikkunsidraw li fil-każ partikolari huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jagħmlu stima ta’ l-aħjar interessi tat-tifel, jistgħu jew:

jitlobu lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Kontraenti tar-residenza abitwali tat-tifel, direttament jew bl-assistenza ta’ l-Awtorita’ Ċentrali ta’ dak l-Istat, li jkunu awtorizzati biex jeżerċitaw ġurisdizzjoni biex jieħdu l-miżuri ta’ protezzjoni li jikkunsidraw neċessarji, jew,

jistiednu l-partijiet sabiex jintroduċu din it-talba qabel l-awtorità ta’ l-Istat Konraent tar-residenza abitwali tat-tifel.

2.   L-awtoritajiet involuti jistgħu jipproċedu għal skambju ta’ fehmiet.

3.   L-awtorità li tibda t-talba tista’ teżerċita ġurisdizzjoni minflok l-awtorità ta’ l-Istat Kontraent tar-residenza abitwali tat-tifel biss jekk l-awtorità ta’ l-aħħar aċċetat it-talba.

Artikolu 10

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 9, l-awtoritajiet ta’ Stat Kontraent li jeżerċitaw ġurisdizzjoni li jiddeċiedu applikazzjoni għad-divorzju jew separazzjoni legali tal-ġenituri ta’ tifel li abitwalment jkun residenti fi Stat Kontraenti ieħor, jew għall-annullament taż-żwieġ tagħhom, jistgħu, jekk il-liġi ta’ l-Istat tagħhom hekk tipprovdi, jieħdu miżuri bil-għan li jipproteġu l-persuna jew il-proprjetà ta’ dan it-tifel jekk:

(a)

fil-ħin tal-bidu tal-proċeduri, wieħed mill-ġenituri tiegħu jew tagħha abitwalment jkun residenti f’dak l-Istat u wieħed minnhom għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tat-tifel, u

(b)

il-ġurisdizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet biex jieħdu dawn il-miżuri hi aċċettata mill-ġenituri, kif ukoll minn kwalunkwe persuna oħra li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tat-tifel, u hi fl-aħjar interessi tat-tifel.

2.   Il-ġurisdizzjoni prevista mill-paragrafu 1 biex jittieħdu miżuri għall-protezzjoni tat-tifel tieqaf malli d-deċiżjoni li taċċetta jew tirrifjuta l-applikazzjoni għad-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ tkun saret res judicata, jew il-proċeduri ngħalqu għal raġuni oħra.

Artikolu 11

1.   F’kull każ ta’ urġenza, l-awtoritajiet ta’ kwalunkwe Stat Kontraenti, fit-territorju ta’ liema huwa preżenti t-tifel jew proprjetà tat-tifel, għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu kwalunkwe miżuri ta’ protezzjoni neċessarji.

2.   L-effetti tal-miżuri meħudin taħt il-paragrafu ta’ qabel dan b’rigward tifel li abitwalment jkun residenti f’Stat Kontraenti għandhom jieqfu malli l-awtoritajiet li għandhom ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 ħadu l-miżuri meħtieġa mis-sitwazzjoni.

3.   L-effetti ta’ miżuri meħudin taħt paragrafu 1 fir-rigward tat-tifel li abitwalment jkun residenti f’Stat mhux Kontraenti għandhom jieqfu f’kull Stat Kontraenti malli miżuri meħtieġa mis-sitwazzjoni u meħudin mill-awtoritajiet ta’ Stat ieħor huma rikonoxxuti fl-Istati Kontraenti in kwistjoni.

Artikolu 12

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 7, l-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti, fit-territorju ta’ liema hu preżenti t-tifel jew proprjetà tat-tifel, għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu miżuri ta’ natura proviżorja għall-protezzjoni tal-persuna jew proprjetà tat-tifel li għandhom effett territorjali limitat għall-Istat in kwistjoni, sakemm dawn il-miżuri mhumiex inkompatibli ma’ miżuri li jkunu ttieħdu minn awtoritajiet li għandhom ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10.

2.   Il-miżuri meħudin taħt il-paragrafu ta’ qabel fir-rigward tat-tifel li abitwalment jkun residenti fi Stat Kontraenti għandhom jispiċċaw malli l-awtoritajiet li għandhom ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 jkunu ħadu deċiżjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jkunu meħtieġa mis-sitwazzjoni.

3.   Il-miżuri meħudin taħt paragrafu 1 b’rigward ta’ tifel li abitwalment jkun residenti fi Stat mhux Kontraenti għandom jispiċċaw fl-Istat Kontraenti fejn il-miżuri kienu meħudin malli miżuri meħtieġa mis-sitwazzjoni u meħudin mill-awtoritajiet ta’ Stat ieħor jiġu rikonoxxuti fl-Istat Kontraenti in kwistjoni.

Artikolu 13

1.   L-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti li għandhom ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 li jieħdu miżuri għall-protezzjoni tal-persuna jew proprjetà tat-tifel għandhom jastjenu milli jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni jekk, fil-ħin tal-bidu tal-proċeduri, miżuri korrispondenti kienu mitlubin mill-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti ieħor li għandu ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 fil-ħin tat-talba u għadhom taħt konsiderazzjoni.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel dan m’għandhomx jgħoddu jekk l-awtoritajiet quddiem liema t-talba għal miżuri kienet inizjalment introdotta ma aċċettawx il-ġurisdizzjoni.

Artikolu 14

Il-miżuri meħudin skond l-Artikoli 5 sa 10 jibqgħu fis-seħħ skond it-termini tagħhom, anki jekk bidla fiċ-ċirkostanzi eliminat il-bażi fuq liema kienet mibnija l-ġurisdizzjoni, sakemm l-awtoritajiet li għandhom ġurisdizzjoni taħt il-Konvenzjoni ma mmodifikawx, bidlu jew waqqfu dawn il-miżuri.

KAPITOLU III

LIĠI APPLIKABBLI

Artikolu 15

1.   Fl-eżerċizju tal-ġurisdizzjoni tagħhom taħt id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II, l-awtoritajiet ta’ l-Istati Kontraenti għandhom japplikaw il-liġi tagħhom.

2.   Madankollu, sa fejn il-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tat-tifel jeħtieġ, jistgħu eċċezzjonalment japplikaw jew jieħdu in konsiderazzjoni il-liġi ta’ Stat ieħor ma’ liema s-sitwazzjoni għandha konnessjoni sostanzjali.

3.   Jekk ir-residenza abitwali tat-tifel tinbidel għal Stat Kontraenti ieħor, il-liġi ta’ dak l-Istat ieħor tibda tirregola, mill-ħin tal-bidla, il-kondizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri meħudin fl-Istat tar-residenza abitwali ta’ qabel.

Artikolu 16

1.   L-attribuzzjoni jew estinzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri b’operazzjoni tal-liġi, mingħajr intervenzjoni ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel.

2.   L-attribuzzjoni jew l-estinzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri permezz ta’ ftehim jew att unilaterali, mingħajr l-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel fiż-żmien meta l-ftehim jew att unlilaterali jieħu effett.

3.   Ir-responsabbiltà tal-ġenituri li teżisti taħt il-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel tkompli wara bidla ta’ dik ir-residenza abitwali għal Stat ieħor.

4.   Jekk ir-residenza abitwali tat-tifel tinbidel, l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri permezz ta’ l-operazzjoni tal-liġi lil persuna li m’għandhiex diġà din ir-responsabbiltà hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali ġdida.

Artikolu 17

L-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel. Jekk ir-residenza abitwali tat-tifel tinbidel, hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat tar-residenza abitwali ġdida.

Artikolu 18

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri msemmija fl-Artikolu 16 tista’ tiġi tterminata, jew il-kondizzjonijiet ta’ l-eżerċizzju tagħha mmodifikati, minn miżuri meħudin taħt din il-Konvenzjoni.

Artikolu 19

1.   Il-validità ta ’transazzjoni magħmula bejn parti terza u persuna oħra li tkun intitolata li taġġixxi bħala r-rappreżentant legali tat-tifel taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn it-transazzjoni kienet saret ma tistax tiġi kkontestata, u l-parti terza ma tistax tinsab ħatja, fuq il-bażi tar-raġuni unika li l-persuna l-oħra ma kenitx intitolata taġġixxi bħala r-rappreżentant legali taħt il-liġi indikata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, sakemm il-parti terza kienet taf jew jew kellha tkun taf li r-responsabbiltà tal-ġenituri kienet irregolata mil-liġi ta’ l-aħħar.

2.   Il-paragrafu ta’ qabel dan jgħodd biss jekk it-transazzjoni kienet magħmula bejn persuni preżenti fuq it-teritorju ta’ l-istess Stat.

Artikolu 20

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jgħoddu anki jekk il-liġi indikata minnhom hija l-liġi ta’ Stat li mhux Kontraenti.

Artikolu 21

1.   F’dan il-Kapitolu t-terminu “liġi” jfisser il-liġi fis-seħħ fi Stat minbarra r-regoli tiegħu dwar l-għażla tal-liġi (choice of law rules).

2.   Madankollu, jekk il-liġi applikabbli skond l- Artikolu 16 hi dik ta’ Stat li mhuwiex Kontraenti u jekk ir-regoli dwar l-għażla tal-ligi (choice of law rules) ta’ dak l-Istat jinnominaw il-liġi ta’ Stat mhux Kontraenti ieħor li kien japplika l-liġi tiegħu, il-liġi ta’ l-Istat ta’ l-aħħar japplika. Jekk dak l-Istat mhux Kontraenti ieħor ma kienx japplika l-liġi proprja, il-liġi applikabbli hi dik indikata fl-Artikolu 16.

Artikolu 22

L-appliakazzjoni tal-ligi indikata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu tista’ tiġi rrifjutata biss jekk din l-applikazzjoni kienet tkun tmur manifestament kontra l-ordni pubbliku, b’kont meħud ta’ l-aħjar interessi tat-tifel.

KAPITOLU IV

RIKONOXXIMENT U INFURZAR

Artikolu 23

1.   Il-miżuri meħudin mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Kontraenti għandhom jiġu rikonoxxuti skond l-operazzjoni tal-liġi fl-Istati Kontraenti oħra kollha.

2.   Rikonoxximent jista’ madankollu jiġi rrifjutat:

(a)

jekk il-miżura ttieħdet minn awtorità l-ġurisdizzjoni ta’ liema ma kenitx ibbazata fuq waħda mir-raġunijiet previsti fil-Kapitolu II;

(b)

jekk il-miżura ttieħdet, ħlief f’każ t’urġenza, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi, mingħajr ma tkun ingħatat opportunità lit-tifel biex jinstema, bi ksur tal-prinċipji fundamentali tal-proċedura ta’ l-Istat rikjest;

(ċ)

fuq it-talba ta’ kwalunkwe persuna li tippretendi li l-miżura tikser ir-responsabbiltà tal-ġenitur tiegħu jew tagħha, jekk din il-miżura kienet meħuda, ħlief f’każ t’urġenza, mingħajr ma din il-persuna tkun ingħatat opportunità biex tinstema;

(d)

jekk dan ir-rikonoxximent jmur manifestament kontra għall-ordni pubbliku ta’ l-Istat rikjest, b’kont meħud ta’ l-aħjar interessi tat-tifel;

(e)

jekk il-miżura hi inkompatibbli ma’ miżura meħuda aktar tard fl-Istat mhux Kontraenti tar-residenza abitwali tat-tifel, fejn din il-miżura meħuda aktar tard taderixxi mar-rekwiżiti għar-rikonoxximent fl-Istat rikjest;

(f)

jekk il-proċedura prevista fl-Artikolu 33 ma kenitx segwita.

Artikolu 24

Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 23(1), kwalunkwe persuna interessata tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Kontraenti li jiddeċiedu fuq ir-rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ miżura meħuda fi Stat Kontraenti ieħor. Il-proċedura hi rregolata mil-liġi ta’ l-Istat rikjest.

Artikolu 25

L-awtorità ta’ l-Istat rikjest hi marbuta konklużjonijiet ta’ fatt fuq liema l-awtorità ta’ l-Istat fejn ittieħdet il-miżura bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

Artikolu 26

1.   Jekk miżuri meħudin fi Stat Kontraenti wieħed u nfurzabbli hemm jeħtieġu nfurzar fi Stat Kontraenti ieħor, għandhom, fuq talba minn parti interessata, jiġu ddikjarati infurzabbli jew reġistrati għall-għan ta’ infurzar f’dak l-Istat ieħor skond il-proċedura prevista fil-liġi ta’ l-Istat ta’ l-aħħar.

2.   Kull Stat Kontraenti għandu japplika proċedura sempliċi u rapida fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ infurzabblità jew reġistrazzjoni.

3.   Id-dikjarazzjoni ta’ infurzabblità jew reġistrazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 27

Mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni kif hi neċcessarja fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli ta’ qabel dan, m’għandux ikun hemm reviżjoni tal-merti tal-miżura meħuda.

Artikolu 28

Miżuri meħudin fi Stat Kontraenti wieħed u ddikjarati infurzabbli, jew reġistrati għall-infurzar, fi Stat Kontraenti ieħor għandhom jiġu nfurzati fl-Istat ta’ l-aħħar bhallikieku kienu meħudin mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat. L-infurzar jseħħ skond il-liġi ta’ l-Istat rikjest sal-punt previst minn din il-liġi, b’kont tenut ta’ l-aħjar interessi tat-tifel

KAPITOLU V

KOPERAZZJONI

Artikolu 29

1.   Stat Kontraenti għandu jinnomina Awtorità Ċentrali biex twettaq id-doveri li kienu imposti mill-Konvenzjoni fuq dawn l-awtoritajiet.

2.   Stati Federali, Stati b’iżjed minn sistema waħda ta’ liġi jew Stati li għandhom unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jaħtru iżjed minn Awtorità Ċentrali waħda u li jispeċifikaw il-limitu territorjali jew personali tal-funzjonijiet tagħhom. Fejn Stat ħatar iżjed minn Awtorità Ċentrali waħda, għandu jinnomina l-Awtorità Ċentrali lil liema kwalunkwe komunikazzjoni tista’ tiġi indirizzata għat-trażmissjoni lill-Awtorità Ċentrali xierqa f'dak l-Istat.

Artikolu 30

1.   L-Awtoritajiet Ċentrali għandhom jikooperaw ma’ xulxin u jipporomovu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati tagħhom sabiex jilħqu l-għanijiet tal-Konvenzjoni.

2.   Dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, huma għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jipprovdu informazzjoni dwar il-liġijiet ta’, u s-servizzi disponibbli fl-Istati tagħhom li jirrigwardaw il-protezzjoni tat-tfal.

Artikolu 31

L-Awtorità Ċentrali ta’ l-Istat Kontraenti, direttament jew permezz ta’ awtoritajiet pubbliċi jew organi oħra, għandha tieħu l-passi xierqa kollha biex:

(a)

tiffaċilita l-komunikazzjonijiet u toffri l-assistenza prevista fl-Artikoli 8 u 9 u f’dan il-Kapitolu;

(b)

tiffaċilita, permezz ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew mezzi simili, soluzzjonijiet miftehmin għall-protezzjoni tal-persuna jew proprjetà tat-tifel f’sitwazzjonijet fejn tapplika l-Konvenzjoni;

(ċ)

tipprovdi, fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Kontraenti ieħor, assistenza fl-iskopertà ta’ fejn jinstab it-tifel fejn jidher li t-tifel jista’ jkun preżenti u fi bżonn ta’ protezzjoni ġewwa t-territorju ta’ l-Istat rikjest.

Artikolu 32

Fuq talba magħmula b’raġunijiet li jsostnuha mill-Awtorità ċentrali jew awtorità kompetenti oħra ta’ kwalunkwe Stat Kontraenti ma’ liema t-tifel għandu konnessjoni sostanzjali, l-Awtorità ċentrali ta’ l-Istat Kontraenti fejn it-tifel abitwalment jkun residenti u preżenti tista’, direttament jew permezz ta’ awtoritajiet pubbliċi jew organi oħra:

(a)

tipprovdi rapport fuq is-sitwazzjoni tat-tifel;

(b)

titlob lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat tagħha biex tikkunsidra l-bżonn li tieħu miżuri għall-protezzjoni tal-persuna jew proprjetà tat-tifel.

Artikolu 33

1.   Jekk awtorità li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 tikkontempla t-tqegħid tat-tifel ġo familja foster jew kura istituzzjonjonali, jew l-proviżjoni ta’ kura minn “kafala” jew istituzzjoni analoga, u jekk dan it-tqegħid jew din il-proviżjoni ta’ kura għandha sseħħ fi Stat Kontraenti ieħor, għandha l-ewwel tikkonsulta ma’ l-Awtorità Ċentrali jew awtorità kompetenti oħra ta’ l-Istat Kontraenti ta’ l-aħħar. Għal dak il-għan tittrażmetti rapport fuq it-tifel flimkien mar-raġunijiet għat-tqegħid propost jew proviżjoni ta’ kura.

2.   Id-deċiżjoni fuq it- tqegħid jew proviżjoni ta’ kura tista’ tiġi magħmula fl-Istat rikjest biss jekk l-Awtorità Ċentrali jew awtorità kompetenti oħra ta’ l-Istat rikjest ikkonsentit għat-tqegħid jew provizjoni ta’ kura, b’kont meħud ta’ l-aħjar interessi tat-tifel.

Artikolu 34

1.   Fejn miżura ta’ protezzjoni hi kkontemplata, l-awtoritajiet kompetenti taħt il-Konvenzjoni, jekk is-sitwazzjoni tat-tifel hekk jeħtieġ, jistgħu jitolbu kwalunkwe awtorità ta’ Stat Kontraenti ieħor li għandha informazzjoni rilevanti għall-protezzjoni tat-tifel li tikkomunika din l-informazzjoni.

2.   Stat Kontraenti jista’ jiddikjara li talbiet taħt il-paragrafu 1 għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet tiegħu biss permezz ta’ l-Awtorità Ċentrali tiegħu.

Artikolu 35

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Kontraenti jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti ieħor biex jassistu fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni meħudin taħt din il-Konvenzjoni, speċjalment fl-assigurazzjoni ta’ l-eżerċizzju effettiv ta’ drittijiet t’aċċess kif ukoll id-dritt li jżommu kuntatti diretti fuq bażi regolari.

2.   L-awtoritajiet ta’ Stat Kontraenti li fih it-tifel ma jkunx abitwalment residenti jistgħu, fuq it-talba ta’ ġenitur li jgħix f'dak l-Istat li qed ifittex li jikseb jew li jżomm aċċess għat-tifel, jiġbru informazzjoni jew prova u jistgħu jirrelataw dwar l-adattezza ta’ dak il-ġenitur sabiex jeżerċita aċċess u dwar il-kondizzjonijiet taħt liema l-aċċess għandu jiġi eżerċitat. Awtorità li teżerċita ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 biex tistabbilixxi applikazzjoni dwar aċċess għat-tifel, għandha taċċetta u tikkunsidra dik l-informazzjoni, prova u riżultati qabel ma tilħaq id-deċiżjoni tagħha.

3.   Awtorità li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 li tiddeċiedi fuq l-aċċess tista’ taġġorna proċedura pendenti r-riżultat ta’ talba magħmula taħt il-paragrafu 2, partikolarment, meta qed tikkunsidra applikazzjoni biex tirrestrinġi jew ittemm drittijiet t’aċċess mogħtija fl-Istat tar-residenza abitwali tat-tifel ta’ qabel.

4.   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jipprevjeni awtorità li għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 milli tieħu miżuri temporanji pendenti r-riżultat tat-talba magħmula taħt il-paragrafu 2.

Artikolu 36

Fi kwalunkwe każ fejn it-tifel hu espost għal periklu serju, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Kontraenti fejn miżuri għall-protezzjoni tat-tifel ittieħdu jew qegħdin taħt kusiderazzjoni, jekk huma infurmati li r-residenza tat-tifel nbiddlet għal, jew li t-tifel hu preżenti fi Stat ieħor, għandhom jinfurmaw l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat ieħor dwar il-periklu involut u l-miżuri meħudin jew taħt kunsiderazzjoni.

Artikolu 37

Awtorità m’għandhiex titlob jew titrasmetti kwlaunkwe informazzjoni taħt dan il-Kapitolu jekk dan, fl-opinjoni tagħha, x’aktarx ipoġġi l-persuna jew il-proprjetà tat-tifel in periklu, jew jikkostitwixxi thedida serja lil-libertà jew ħajja ta’ membru tal-familja tat-tifel.

Artikolu 38

1.   Mingħajr preġudizzju għall-possibiltà li jimponu ħlasijiet raġonevoli għall-proviżjoni ta’ servizzi, Awtoritajiet Ċentrali u awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ Stati Kontraenti għandhom iġorru l-ispejjeż tagħhom fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

2.   Kwalunkwe Stat Kontraenti jista’ jidħol fi ftehimiet ma’ wieħed jew iżjed Stati Kontraenti oħra dwar l-allokazzjoni ta’ ħlasijiet.

Artikolu 39

Kwalunkwe Stat Kontraenti jista’ jidħol fi ftehimiet ma’ wieħed jew aktar Stati Kontraenti oħra bil-għan li tittejjeb l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom. L-Istati li kkonkludew ftehim bħal dan għandhom jittrażmettu kopja lid-depożitarju tal-Konvenzjoni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 40

1.   L-awtoritajiet ta’ l-Istat Kontraenti tar-residenza abitwali tat-tifel, jew ta’ l-Istat Kontraenti fejn ittieħdet miżura ta’ protezzjoni, tista’ tagħti lill-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri jew lill-persuna li għandha l-protezzjoni tal-persuna jew tal-proprjetà tat-tifel, fuq it-talba tiegħu jew tagħha, ċertifikat li jindika l-kapaċità li biha l-persuna hi intitolata li taġixxi u l-poteri mogħtija lilu jew lilha.

2.   Il-kapacitajiet u poteri indikati fiċ-ċertifikat huma meqjusin li jappartienu lil dik il-persuna, fl-assenza ta’ prova kontrarja.

3.   Kull Stat Kontraenti għandu jinnomina l-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu ċ-ċerifikat.

Artikolu 41

Id-data personali miġbura jew trażmessa taħt il-Konvenzjoni għandha tiġi użata biss għall-għanijiet għal liema kienu miġburin jew trażmessi.

Artikolu 42

L-awtoritajiet lil liema informazzjoni hi trasmessa għandhom jassiguraw il-konfidenzjalità tagħha, skond il-liġi ta’ l-Istat tagħhom.

Artikolu 43

Id-dokumenti kollha mgħoddija jew ikkunsinjati taħt din il-Konvenzjoni għandhom ikunu eżenti mil-legiżlazzjoni jew kwalunkwe formalità simili.

Artikolu 44

Kull Stat Kontraenti jista’ jinnomina l-awtoritajiet lil liema talbiet taħt l- Artikoli 8, 9 u 33 għandhom ikunu indirizzati.

Artikolu 45

1.   Id-deskrizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 29 u 44 għandhom ikunu komunikati lil Bureau Permanenti tal-Konferenza ta’ l-Aja fuq id-Dritt Internazzjonali Privat.

2.   Id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 34(2), għandha tiġi magħmula lid-depożitarju tal-Konvenzjoni.

Artikolu 46

Stat Kontraenti li fih sistemi ta’ liġi jew settijiet ta’ regoli tal-liġi differenti japplikaw għall-protezzjoni tat-tifel u l-proprjetà tiegħu jew tagħha m’għandhomx ikunu marbutin li japplikaw ir-regoli ta’ din il-Konvenzjoni lill-kunflitti unikament bejn dawn is-sistemi ta’ liġi jew settijiet ta’ regoli tal-liġi differenti.

Artikolu 47

Fir-rigward ta’ Stat li fih tnejn jew aktar sistemi ta’ liġi jew settijiet ta’ regoli tal-liġi fir-rigward ta’ kwalunkwe ħaġa li titratta din il-Konvenzjoni japplikaw f’unitajiet territorjali differenti:

1.

kwalunkwe riferenza għar-residenza abitwali f’dak l-Istat għandu jittieħed bħala r-residenza abitwali f’unità territorjali;

2.

kwalunkwe riferenza għall-presenza tat-tifel f’dak l-Istat għandu jiġi jittieħed bħala riferenza għall-preżenza f’unità territorjali;

3.

kwalunkwe riferenza għal-lokalità ta’ proprjetà tat-tifel f’dak l-Istat għandha tiġi meħuda bħala riferenza għal-lokalità ta’ proprjetà tat-tifel f’unità territorjali;

4.

kwalunkwe riferenza għall-Istat ta’ liema t-tifel huwa ċittadin għandha tittieħed bħala riferenza għall-unità territorjali nnominata mil-liġi ta’ dak l-Istat jew, fl-assenza ta’ regoli rilevanti, għall-unità territorjali ma’ liema t-tifel għandu l-konnessjoni l-aktar viċina;

5.

kwalunkwe riferenza għall-Istat l-awtoritajiet ta’ liema għandhom applikazzjoni għad-divorzju jew separazzjoni legali tal-ġenituri tat-tifel, jew għall-annullament taż-żwieġ tagħhom, għandha tittieħed bħala riferenza għall-unità territorjali l-awtoritajiet ta’ liema għandhom din l-applikazzjoni;

6.

kwalunkwe riferenza għall-Istat ma’ liema t-tifel għandu konnessjoni sostanzjali għandha tiġi meħuda bħala riferenza għall-unità territorjali ma’ liema t-tifel għandu din il-konnessjoni;

7.

kwalunkwe riferenza għall-Istat minn fejn tneħħa it-tifel jew fejn qed qiegħda jinżamm/tinżamm għandha tittieħed bħala riferenza lill-unità territorjali lil liema t-tifel ġie mneħħi jew ġo liema hu jew hi ġie ritenut;

8.

kwalunkwe riferenza lill-awtoritajiet jew korpijiet ta’ dak l-Istat, barra l-Awtoritajiet ċentrali, għandha tiġi meħuda bħala riferenza għal dawk awtorizzati li jaġixxu fl-unità territorjali rilevanti;

9.

kwalunkwe riferenza għal-liġi jew proċedura jew awtorità ta’ l-Istat ġo liema l-miżura ttieħdet għandha tiġi meħuda bħala riferenza għal-liġi jew proċedura jew awtorità ta’ l-unità territorjali ġo liema din il-miżura ttieħdet;

10.

kwalunkwe riferenza għal-liġi jew proċedura jew awtorità ta’ l-Istat rikjest għandha tiġi meħuda bħala riferenza għal-liġi jew il-proċedura jew l-awtorità ta’ l-unità territorjali ġo liema rikonoxximent jew infurzar hu mfittex.

Artikolu 48

Għall-iskop ta’ l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli taħt il-Kapitolu III, fir-rigward ta’ Stat li jikkomprendi tnejn jew aktar unitajiet territorjali li kull waħda minnhom għandha s-sistema ta’ liġi proprja jew settijiet ta’ regoli tal-liġi rigwardanti kwistjonijiet koperti minn din il-Konvenzjoni, ir-regoli li ġejjin japplikaw:

(a)

jekk hemm regoli fis-seħħ f’dan l-Istat li jiddentifikaw il-liġi ta’ liema unità territorjali hija applikabbli, il-liġi ta’ dik l-unità tapplika;

(b)

fl-assenza ta’ dawn ir-regoli, il-liġi ta’ l-unità territorjali rilevanti kif definita fl- Artikolu 47 tapplika.

Artikolu 49

Għall-iskop ta’ l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli taħt il-Kapitolu III, fir-rigward ta’ Stat li għandu tnejn jew aktar sistemi ta’ liġi jew settijiet ta’ regoli tal-liġi applikabbi għal kategoriji differenti ta’ persuni rigward kwistjonijiet koperti minn din il-Konvenzjoni, ir-regoli li ġejjin japplikaw:

(a)

jekk hemm regoli fis-seħħ f’dan l-Istat li jiddentikikaw liema fost dawn il-liġijiet tapplika, dik il-liġi tapplika;

(b)

fl-assenza ta’ dawn ir-regoli, il-liġi tas-sistema jew tas-settijiet ta’regoli tal-liġi ma liema t-tifel għandu l-konessjoni l-aktar viċina tapplika.

Artikolu 50

Din il-Konvenzjoni m’għandhiex taffetwa l-Konvenzjoni tal-25 t’Ottubru 1980 fuq l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal, kif bejn Partijiet għaż-żewġ Konvenzjonijiet. Xejn, madankollu, ma jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni milli jiġu nvokati għall-iskopijiet tal-ksubija tar-ritorn ta’ tifel li kien tneħħa jew irritenut inġustament jew ta’ organizazzjoni ta’ drittijiet ta’aċċess.

Artikolu 51

F’relazzjonijiet bejn l-Istati Kontraenti, din il-Konvenzjoni tieħu l-post tal-Konvenzjoni tal-5 t’Ottubru 1961 dwar il-poteri ta’awtoritajiet u l-liġi applikabbli fir-rigward għall-protezzjoni ta’ minuri, u l-Konvenzjoni li tirregola t-tutela ta’ minuri, iffirmata fl-Aja it-12 ta’ Ġunju 1902, mingħajr preġudizzju għar-rikonoxximnet ta’ miżuri meħudin taħt il-Konvenzjoni tal-5 t’Ottubru 1961 imsemmija hawn fuq.

Artikolu 52

1.   Din il-Konvenzjoni ma taffetwa l-ebda strument internazzjonali għal liema Stati Kontraenti huma Partijiet u li jinsabu ġo fiha dispożizzjonijiet fuq materiji irregolati mill-Konvenzjoni, sakemm ma ssirx dikjarazzjoni kontrarja mill-Istati, Partijiet għal dan l-istrument.

2.   Din il-Konvenzjoni ma taffetwax il-possibiltà għal wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti li jikkonkludu ftehimiet li jkunu jinsabu fihom, fir-rigward ta’ tfal li abitwalment jkunu residenti fi kwalunkwe mill-Istati, Partijiet għal dawn il-ftehimiet, dispożizzjonijiet fuq materji irregolati minn din il-Konvenzjoni.

3.   Ftehimiet li għandhom jiġu konklużi minn wieħed jew aktar mill-Istati Kontraenti fuq materji fl-iskop ta’ din il-Konvenzjoni ma jaffetwawx, fir-relazzjoni ta’ dawn l-Istati ma’ Stati Kontraenti oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

4.   Il-paragrafi ta’ qabel dan japplikaw ukoll lil-liġijiet uniformi bbażati fuq rbit speċjali ta’ natura reġjonali jew oħra bejn l-Istati in kwistjoni.

Artikolu 53

1.   Il-Konvenzjoni għandha tgħodd għall-miżuri biss jekk huma meħudin fi Stat wara l-Konvenzjoni ġiet fis-seħħ għal dak l-Istat.

2.   Il-Konvenzjoni għandha tgħodd għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ miżuri meħudin wara d-dħul fis-seħħ bejn l-Istat fejn il-miżuri ġew meħudin u l-Istat rikjest.

Artikolu 54

1.   Kwalunkwe komunikazzjoni mibgħuta lill-Awtorità Ċentral jew lill-awtorità oħra ta’ Stat Kontraenti għandu jkun fil-lingwa oriġinali, u għandha tkun akkumpanjati b’traduzzjoni għal-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ieħor jew, fejn dan mhux possibbli, traduzzjoni għall-Franċiż jew l-Ingliż.

2.   Madankollu, Stat Kontraenti jista’, billi jagħmel riżerva skond l-Artikolu 60, jagħmel oġġezzjoni għall-użu jew tal-Franċiż jew l-Ingliż, imma mhux għat-tnejn.

Artikolu 55

1.   Stat Kontraenti jista’, skond l-Artikolu 60:

(a)

jirriżerva l-ġurisdizzjoni ta’ l-awtoritajiet tiegħu li jieħdu miżuri diretti lejn il-protezzjoni ta’ prorjetà ta’ tifel li jinsab fuq it-territorju tiegħu;

(b)

jirriserva d-dritt li ma jirrikonoxxix kwalunkwe responsabbiltà tal-ġenituri jew miżura sal-punt li mhuwiex kompatibbli ma’ kwalunkwe miżura meħuda mill-awtoritajiet tiegħu fir-rigward ta’ dik il-proprjetà.

2.   Ir-riserva tista’ tiġi ristretta għal ċerti kategoriji ta’ proprjetà.

Artikolu 56

Is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza ta’ l-Aja fuq id-Dritt Internazzjonali Privat għandu f’intervalli regolari jsejjaħ Kummissjoni Speċjali sabiex tirrevedi l-operazzjoni prattika tal-Konvenzjoni.

KAPITOLU VII

KLAWŻOLI FINALI

Artikolu 57

1.   Il-Konvenzjoni għandha tinfetaħ għall-iffirmar mill-Istati li kienu Membri tal-Konferenza ta’ l-Aja fuq id-Dritt Internazzjonali Privat fi żmien it-Tmintax-il Sessjoni tagħha.

2.   Għandha tkun irratifikata, aċċettata jew approvata u l-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta’ l-Olanda, depożitarju tal-Konvenzjoni.

Artikolu 58

1.   Kwalunkwe Stat ieħor jista’ jagħmel adeżjoni għall-Konvenzjoni wara li tkun daħlet fis-seħħ skond l-Artikolu 61, paragrafu 1.

2.   L-istrument ta’ adeżjoni għandu jiġi ddepożitat mall-depożitarju.

3.   Din l-adeżjoni għandha jkollha effett biss għar-rigward ir-relazzjonijiet bejn l-Istat li għamel adeżjoni u dawk l-Istati Kontraenti li ma għamlux oġġezzjoni għall-adeżjoni tagħha fis-sitt xhur wara l-irċevuta tan-notifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 63(b). Oġġezzjoni bħal din tista’ ukoll tiġi mqajma minn Stati fil-ħin li jirratifikaw, jaċċettaw jew japprovaw il-Konvenzjoni wara adeżjoni. Kwalunkwe oġġezzjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata lid-depożitarju.

Artikolu 59

1.   Jekk Stat għandu tnejn jew aktar unitajiet territorjali ġo liema sistemi ta’ liġi differenti huma applikabbli fir-rigward ta’ kwistjonijiet ittrattati f’din il-Konvenzjoni, tista’ fil-ħin ta’ l-iffirmar, ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni tiddikjara li l-Konvenzjoni għandha testendi għall-unitajiet territorjaili kollha tagħha jew biss għal waħda jew aktar minnhom u tista’ timmodifika din id-dikjarazzjoni billi tagħti dikjarazzjoni oħra fi kwalunkwe ħin.

2.   Kwalunkwe dikjarazzjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata lid-depożitarju u għandha tgħid espressament l-unitajiet territorjali għal liema tapplika l-Konvenzjoni.

3.   Jekk Stat ma jagħmilx dikjarazzjoni taħt dan l-Artikolu, il-Konvenzjoni għandha tiġi estiża lill-unitajiet territorjali kollha ta’ dak l-Istat.

Artikolu 60

1.   Kwlaunkwe Stat jista’, mhux aktar tard mill-ħin tar-ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, jew fil-ħin li jagħmel dikjarazzjoni skond it-termini ta’ l-Artikolu 59, jagħmel waħda jew iż-żewġ riżervi previsti fl-Artikolu 54(2), u l-Artikolu 55. L-ebda riżerva oħra għandha tiġi permessa.

2.   Kwalunkwe Stat jista’ fi kwalunkwe ħin jirtira riserva li huwa għamel. Din l-irtira għandha tiġi nnotifikata lid-depożitarju.

3.   Ir-riżerva għandha tieqaf milli jkollha effett fl-ewwel ġurnata tat-tielet xahar fil-kalendarju wara n-notifikazzjoni msemmija fil-paragrafu ta’ qabel dan.

Artikolu 61

1.   Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara t-tmiem tat-tlett xhur ta’ wara d-depożitu tat-tielet istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni msemmi fl-Artikolu 57.

2.   Wara dan il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ:

(a)

għal kull Stat li jirratifikaha, jaċċettaha jew japprovaha sussegwentement, fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara t-tmiem tat-tlett xhur ta’ wara d-depożitu ta’ l-istrument tiegħu tar-ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni;

(b)

għal kull Stat li jagħmel adeżjoni, fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara t-tmiem ta’ tliet xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 58(3);

(ċ)

għal unità territorjali lil liema l-Konvenzjoni ġiet estiża skond l-Artikolu 59, fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara t-tmiem ta’ tliet xhur wara n-notifikazzjoni msemmija f’dak l-Artikolu.

Artikolu 62

1.   Parti Stat għall-Konvenzjoni jista’ jiddenunzja għalih permezz ta’ notifikazzjoni miktuba indirizzata lid-depożitarju. Id-denunzja tista’ tkun limitata għal ċerti unitajiet territorjali lil liema tapplika l-Konvenzjoni.

2.   Id-denunzja tieħu effett fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara t-tmiem ta’ tnax-il xahar wara li n-notifikazzjoni hi rċevuta mid-depożitarju. Fejn perjodu aktar twil biex id-denunzja tieħu effett hi speċifikata fin-notifikazzjoni, id-denunzja tieħu effett mat-tmiem ta’ dan il-perjodu aktar twil.

Artikolu 63

Id-depożitarju għandu jinnotifika l-Istati Membri tal-Konferenza ta’ l-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u l-Istati li għamlu adeżjoni skond l-Artikolu 58 ta’ dak li ġej:

(a)

il-firem, ir-ratifiki, l-aċċettazzjonijiet u l-approvazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 57;

(b)

l-adeżjonijiet u l-oġġezzjonijiet magħmula lill-adeżjoni msemmijin fl-Artikolu 58;

(ċ)

id-data meta l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ skond l-Artikolu 61;

(d)

id-dikjarazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 34(2), u l-Artikolu 59;

(e)

il-ftehimiet msemmijin fl-Artikolu 39;

(f)

ir-riżervi msemmijin fl-Artikolu 54(2), u l-Artikolu 55 u r-ritirati msemmijin fl- Artikolu 60(2);

(ġ)

id-denunzji msemmijin fl-Artikolu 62.

B’xiehda ta’ dan l’hawn taħt iffirmati, debitament awtorizzati għal dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

Magħmula fl-Aja, 19 ta’ Ottubru 1996, fil-lingwi Franċiża u Ingliża, it-testi ugwalment awtentiċi, f’kopja singola li għandhom ikunu ddepożitati fl-arkivji tal-Gvern tar-Renju ta’ l-Olanda, u li kopja ċċertifikata għandha tintbagħat, permezz ta’ kanali diplomatiċi, lil kull wieħed mill-Istati Memberi tal-Konferenza ta’ l-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fid-data tat-Tmintax-il Sessjoni tagħha.