26.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 83/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Frar 2008

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen

(2008/261/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 62, 63 punti 3 a) u b), l-Artikoli 66 u 95 flimkien mat-tieni sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Frar 2006, il-Kunsill awtorizza n-negozjati mal-Prinċipat tal-Liechtenstein u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar Protokoll dwar l-adeżjoni tal-Liechtenstein mal-Ftehim tas-26 ta' Ottubru 2004 bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (hawn aktar il-quddiem imsemmija “il-Protokoll” u “il-Ftehim” respettivament). Dawk in-negozjati ġew finalizzati, u l-Protokoll ġie inizjalat fi Brussell fil-21 ta' Ġunju 2006;

(2)

Soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard, huwa mixtieq li l-ftehim jiġi ffirmat;

(3)

Il-protokoll jipprevedi għall-applikazzjoni provviżorja ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati fuq bażi temporanja sakemm il-Protokoll jidħol fis-seħħ.

(4)

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, li jaqa' taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, huwa xieraq li, ma' l-iffirmar tal-Protokoll, id-Deċiżjoni 1999/437/KE (1) issir applikabbli, mutatis mutandis, għar-relazzjonijiet mal-Priċipat tal-Liechtenstein;

(5)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax il-pożizzjoni tar-Renju Unit, taħt il-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u d-deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq sabiex jipparteċipaw f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (2).

(6)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax il-pożizzjoni ta’ l-Irlanda, taħt il-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta’ l-Irlanda sabiex tipparteċipa f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (3).

(7)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax il-pożizzjoni tad-Danimarka, taħt il-protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Soġġett għall-konklużjoni tiegħu aktar tard, il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar persuna(i) bis-setgħa li tiffirma, f’isem il-Komunita' Ewropea, il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen u dokumenti relatati.

It-testi tal-Protokoll u d-dokumenti relatati huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni (4).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika fl-oqsma koperti mid-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikoli 2 (1) u (2) tal-Protokoll u għall-iżvilupp tagħhom safejn dawk id-dispożizzjonijiet għandhom bażi legali fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jew safejn ikun ġie stabbilit taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/436/KE (5), li huma jkollhom din il-bażi.

Artikolu 3

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-assoċjazzjoni tal-Liechtenstein ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, li jaqa' taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Artikolu 4

Skond l-Artikolu 9 (2) tal-Protokoll, l-Artikoli 1, 4 u 5 (2) (a) l-ewwel sentenza tal-Protokoll u d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3 punti (1) sa (4), l-Artikoli 4, 5, u 6 tal-Ftehim għandhom ikunu applikati fuq bażi provviżorja fiż-żmien ta' l-iffirmar ta' dan il-Protokoll, sakemm jidħol fis-seħħ.

Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. MATE


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(2)  ĠU L 131,1.6.2000, p. 43.

(3)  ĠU L 64, 7.03.2002, p. 20.

(4)  Id-Dokument tal-Kunsill 16462/06; aċċesibbli fuq: http://register.consilium.europa.eu

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 17.