22.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 304/5


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1356/2007

tad-19 ta' Novembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1425/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fit-Tajlandja, u li jtemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li joriġinaw fil-Malażja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/1996 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1),

Wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 (2),

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA TA’ QABEL

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 1425/2006 il-Kunsill impona dazju anti-dumping definttiv fuq importazzjonijiet lejn il-Komunità ta’ ċerti xkejjer u boroż tal-plastik li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3923 21 00 (kodiċi TARIC 3923210020), ex 3923 29 10 (kodiċi TARIC 3923291020) u ex 3923 29 90 (kodiċi TARIC 3923299020), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) u t-Tajlandja. Minħabba l-għadd kbir ta’ partijiet li kkooperaw, intgħażel kampjun ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi u Tajlandiżi u ġew imposti rati ta’ dazju individwali b’medda bejn 4.8 % sa 14.3 % fuq il-kumpaniji inklużi fil-kampjun, filwaqt li l-kumpaniji l-oħra li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun ingħataw rata ta’ dazju ta’ 8.4 % għal-RPĊ u ta’ 7.9 % għat-Tajlandja. Ġew imposti rati ta’ dazju ta’ 28.8 % għall-RPĊ u 14.3 % għat-Tajlandja fuq kumpaniji li jew ma ddikjarawx ruħhom inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(2)

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006 jistipula li fejn xi produttur esportatur ġdid fl-RPĊ jew it-Tajlandja jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li

(i)

ma esportax lejn il-Komunità l-prodotti deskritti fl-Artikolu (1)(1) ta’ dak ir-Regolament matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (1 ta’ April 2004 sa l-31 ta’ Marzu 2005) (l-ewwel kriterju);

(ii)

mhux relatat ma’ xi wieħed mill-esportaturi jew produtturi fl-RPĊ jew it-Tajlandja li huma suġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti minn dan ir-Regolament (it-tieni kriterju); u

(iii)

fil-fatt esporta lejn il-Komunità l-prodotti kkonċernati wara l-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bażati l-miżuri, jew li daħal f’obbligazzjoni kontrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn il-Komunità (it-tielet kriterju).

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi tingħata lill-produttur esportatur ġdid ir-rata ta’ dazju applikabbli lill-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri 8.4 % għall-kumpaniji Ċiniżi u 7.9 % għall-kumpaniji Tajlandiżi.

B.   TALBIET TAL-PRODUTTURI ESPORTATURI ĠODDA

(3)

Disa’ kumpaniji (sitta Ċiniżi u tlieta Tajlandiżi) applikaw biex jingħataw l-istess trattament bħall-kumpaniji li kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali li ma kinux inklużi fil-kampjun (“trattament lil produttur esportatur ġdid”).

(4)

Sar eżami biex jiġi stabbilit jekk l-applikanti jissodisfawx il-kriterji biex jingħataw trattament ta’ produttur esportatur ġdid kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006, billi ġie vverifikat li:

ma esportawx lejn il-Komunità l-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (l-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005);

mhumiex relatati ma’ xi wieħed mill-esportaturi jew produtturi fl-RPĊ jew it-Tajlandja li huma suġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti minn dan ir-Regolament; u

li fil-fatt esportaw il-prodotti kkonċernati lejn il-Komunità wara l-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bażati l-miżuri, jew li daħlu f’obbligazzjoni kontrattwali irrevokabbli biex jesportaw kwantità sinifikanti lejn il-Komunità.

(5)

Intbagħtet formola ta’ applikazzjoni lid-disa’ applikanti kollha kemm huma li ntalbu wkoll jipprovdu evidenza biex juru li jissodisfaw it-tliet kriterji msemmija hawn fuq.

(6)

Il-kumpaniji li jissodisfaw dawn it-tliet kriterji jistgħu jingħataw ir-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li jikkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri 8.4 % għall-kumpaniji Ċiniżi u 7.9 % għall-kumpaniji Tajlandiżi, bl-emenda ta’ l-Annessi 1 u 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006.

(7)

Erba’ kumpaniji (tnejn Ċiniżi u tnejn Tajlandiżi) li talbu trattament ta’ produttur esportatur ġdid ma wieġbux għall-formola ta’ applikazzjoni mibgħuta. Għalhekk ma kienx possibbli li jiġi vverfikat jekk dawn il-kumpaniji jissodisfawx il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006, u t-talba tagħhom kellha tiġi rrifjutata.

(8)

Żewġ kumpaniji bagħtu lura tagħrif li nstab li kien mhux komplut. Għalhekk ma kienx possibbli li jiġi vverfikat jekk dawn il-kumpaniji jissodisfawx il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006, u t-talba tagħhom kellha tiġi rrifjutata.

(9)

Kumpanija Ċiniża nstabet li kienet relatata ma’ kumpanija li hija suġġetta għall-miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament (KE) Nru 1425/2006 u l-applikazzjoni tagħha għal trattament ta’ produttur esportatur ġiet għalhekk miċħuda peress li ma kinitx konformi ma wieħed mill-kriterji fil-lista ta’ hawn fuq.

(10)

L-applikazzjoni ta’ kumpanija Ċiniża oħra ġiet rifjutata għaliex m’ghandiex il-faċilità tagħha stess ta’ produzzjoni u għalhekk ma setatx tiġi kkunsidrata bħala produttur esportatur.

(11)

L-evidenza pprovduta mill-produttur esportatur li fadal (kumpanija Tajlandiża) hija kkunsidrata suffiċjenti biex dan jingħata rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li jikkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun (jiġifieri 7.9 % għall-kumpaniji Tajlandiżi) u konsegwentement jiġi elenkat fil-lista ta’ produtturi esportaturi fl-Anness II (l-“Anness”) tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006.

(12)

L-applikanti li kkooperaw u l-industrija tal-Komunità ġew mgħarrfa bis-sejbiet ta’ l-eżaminazzjoni u kellhom l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom.

(13)

L-argumenti u s-sottomissjonijiet kollha magħmula mill-partijiet interessati ġew analizzati u tqiesu sew fejn kien jixraq.

Ċ.   KLARIFIKAZZJONI U KORREZZJONI

(14)

Wasal għall-attenzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni li t-terminoloġija “ħxuna ta’ borża” tista’ twassal għall-konfużjoni matul il-proċess tar-rilaxx doganali. Għalhekk ġie deċiż li jintuża dan ir-Regolament biex tiġi ċċarata din il-kwistjoni, kif ukoll biex tiġi korretta referenza ħażina fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1425/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

(i)

l-Artikolu 1(1) għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Huma b’dan imposti dazji anti-dumping definttivi fuq importazzjonijiet ta’ xkejjer u boroż tal-plastik, li jikkontjenu għall-inqas 20 %, bħala piż, il-politelene u foljatura ta’ ħxuna li ma teċċedix 100 mikrometri (μm), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) u t-Tajlandja; u li jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM ex 3923 21 00, ex 3923 29 10 u ex 3923 29 90 (kodiċijiet TARIC 3923210020, 3923291020 u 3923299020).”;

(ii)

fl-Artikolu 2, il-frażi “jista’ jemenda l-Artikolu 1(3)”

għandha tiġi sostitwita minn “jista’ jemenda l-Artikolu 1(2)”;

(iii)

fl-Anness II, il-kumpanija li ġejja għandha tiżdied mal-lista ta’ produtturi mit-Tajlandja wara “K. INTERNATIONAL PACKAGING CO., LTD”:

Kumpanija

Belt

POLY PLAST (THAILAND) CO., LTD

Samutsakorn

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Gurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AMADO


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 4.