4.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 258/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1152/2007

tas-26 ta’ Settembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1255/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 (2) jistabbilixxi r-rekwiżit minimu għall-kontenut ta’ proteina fit-trab tal-ħalib xkumat miġjub għall-intervent f’35,6 % ta’ l-estratt niexef mhux xaħmi. Wara li fil-Komunità ġiet permessa standardizzazzjoni għal 34 % ta’ ċertu ħalib ippriservat disidratat, huwa xieraq għall-ġestjoni tajba ta’ ħażniet ta’ intervent li jkun previst li l-kwalità ta’ intervent tkun fissa f’dak il-livell. Il-prezz ta’ intervent tat-trab tal-ħalib xkumat, stabbilit fl-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament għandu jkun emendat biex jieħu kont ta’ l-istandard ġdid għall-kontenut ta’ proteina.

(2)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 jipprevedi għax-xiri ta’ butir mill-aġenziji ta’ intervent meta l-prezzijiet tas-suq tal-butir matul ġimagħtejn huma anqas minn 92 % tal-prezzijiet ta’ intervent. It-tħaddim ta’ tali arranġament huwa ta’ piż amministrattiv. Fid-dawl ta’ l-emendi l-aktar reċenti tas-sistema ta’ intervent u bil-għan li tkun issimplifikata dik is-sistema, l-arranġament ta’ skattament għandu jitneħħa.

(3)

L-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 jipprevedi li l-għajnuna għall-ħżin privat ta’ butir tista’ tingħata biss għal butir ikklassifikat skond il-gradi ta’ kwalità nazzjonali. L-applikazzjoni ta’ gradi differenti ta’ kwalità fl-Istati Membri twassal għal trattament differenti rigward l-għajnuna. Sabiex ikun pprovdut trattament ugwali u tkun issimplifikata l-amministrazzjoni għall-għajnuna għall-ħżin privat, il-kriterji nazzjonali ta’ kwalità għandhom jinbidlu bi kriterji Komunitarji użati għal appoġġ ieħor għas-suq.

(4)

Skond l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, l-għajnuna għall-ħżin privat ta’ krema għandha tingħata bħala miżura ta’ appoġġ għas-suq. Bl-istess mod, skond l-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament tista’ tingħata għajnuna għall-ħżin privat ta’ trab tal-ħalib xkumat. Fil-prattika, dawn iż-żewġ miżuri ta’ appoġġ ilhom inattivi għal żmien twil, anki meta kien hemm żbilanċ serju tas-swieq tax-xaħam tal-ħalib u tal-proteini tal-ħalib. Għalhekk huma jistgħu jitqiesu obsoleti u għandhom jitneħħew.

(5)

L-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 jipprevedi għall-possibbiltà li l-forzi militari jixtru butir bi prezzijiet imnaqqsa. Madankollu, dik id-dispożizzjoni ilha ma tkun applikata mill-1989 u tali skema ta’ appoġġ hija meqjusa mhux neċessarja.

(6)

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 jistabbilixxi l-livell ta’ għajnuna għall-ħalib mogħti lill-istudenti fi stabbilimenti edukattivi u jipprevedi għall-adattament tal-livell ta’ għajnuna għal prodotti eliġibbli oħrajn. Bil-ħsieb li tkun issimplifikata l-iskema tal-ħalib fl-iskejjel, fil-waqt li twieġeb għat-tendenzi nutrittivi u tas-saħħa tal-lum, għandha tkun stabbilita għajnuna b’rata fissa għall-kategoriji kollha tal-ħalib.

(7)

L-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 jipprevedi għall-użu obbligatorju ta’ liċenzja ta’ importazzjoni għall-importazzjonijiet kollha tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tiegħu. Issa huma disponibbli sistemi oħra ta’ monitoraġġ diversi mis-sistema ta’ liċenzjar li jipprovdu informazzjoni aktar preċiża, aġġornata u trasparenti. Fejn xieraq, tali sistemi għandhom ikunu applikati ugwalment għall-importazzjoni ta’ prodotti tal-ħalib. Għaldaqstant it-talba għal liċenzja ta’ importazzjoni m’għandhiex tkun obbligatorja, filwaqt li l-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tintroduċi sistema ta’ liċenzjar meta meħtieġ.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 1255/1999 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1255/1999 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Il-punt (b) ta’ l-Artikolu 4(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

għat-trab tal-ħalib xkumat: 169,80.”

(2)

L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-aġenziji ta’ intervent għandhom jixtru l-butir kif indikat fil-paragrafu 2 b’90 % tal-prezz ta’ intervent matul il-perjodu mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Awwissu ta’ kwalunkwe sena, abbażi ta’ speċifikazzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti.

Fejn il-kwantitajiet offruti għall-intervent matul il-perjodu msemmi hawn fuq jaqbżu t-30 000 tunnellata fl-2008 u ’l quddiem, il-Kummissjoni tista’ tissospendi x-xiri b’ intervent.

F’tali każijiet, ix-xiri mill-aġenziji ta’ intervent jista’ jitwettaq permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti stabbilita abbażi ta’ speċifikazzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti.”;

(b)

it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jitħassar;

(ċ)

il-paragrafu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-għajnuna għall-ħżin privat għandha tingħata għal:

butir bla melħ magħmul mill-krema jew ħalib f’impriża approvata tal-Komunità b’kontenut ta’ xaħam tal-butir minimu, bl-użin, ta’ 82 %, kontenut massimu ta’ solidi tal-ħalib li mhumiex xaħam, bl-użin, ta’ 2 % u kontenut massimu ta’ ilma, bl-użin, ta’ 16 %,

butir bil-melħ magħmul mill-krema jew ħalib f’impriża approvata tal-Komunità b’kontenut ta’ xaħam tal-butir minimu, bl-użin, ta’ 80 %, kontenut massimu ta’ solidi tal-ħalib li mhumiex xaħam, bl-użin, ta’ 2 % u kontenut massimu ta’ ilma, bl-użin, ta’ 16 % u kontenut massimu ta’ melħ, bl-użin, ta’ 2 %.”;

(ii)

it-tieni subparagrafu għandu jitħassar;

(iii)

fir-raba’ u l-ħames subparagrafi, il-kliem “krema jew” għandhom jitħassru.

(3)

L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-aġenzija ta’ intervent nominata minn kull wieħed mill-Istati Membri għandha, taħt kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti, tixtri bil-prezz ta’ intervent trab tal-ħalib xkumat ta’ l-ogħla kwalità magħmul f’impriża approvata fil-Komunità permezz tal-proċess ta’ spray u miksub minn ħalib tal-baqra prodott fil-Komunità, li jkun offrut lilha matul il-perjodu mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Awwissu u li:

jilħaq kontenut minimu ta’ proteina ta’ 34,0 % bl-użin ta’ materjal niexef bla xaħam,

jilħaq il-ħtiġiet ta’ preservazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti,

jilħaq il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tal-kwantità minima u l-ippakkjar.

Il-prezz ta’ intervent għandu jkun dak fis-seħħ fil-jum ta’ manifattura tat-trab tal-ħalib xkumat u għandu japplika għat-trab tal-ħalib xkumat ikkunsinjat lill-maħżen nominat mill-aġenzija ta’ intervent. L-ispejjeż ta’ trasport b’rata fissa għandhom jitħallsu, taħt kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti, mill-aġenzija ta’ intervent jekk it-trab tal-ħalib xkumat jiġi kkunsinjat lil maħżen li jkun jinsab aktar ’il bogħod minn distanza li għandha tkun determinata mill-post fejn it-trab tal-ħalib xkumat kien maħżun.

It-trab tal-ħalib xkumat jista’ jinħażen biss f’imħażen li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti.”;

(b)

il-paragrafi 3 u 5 għandhom jitħassru.

(4)

Il-punt (a) ta’ l-Artikolu 10 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu;”.

(5)

Il-punt (b) ta’ l-Artikolu 13(1) għandu jitħassar.

(6)

L-Artikolu 14(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-għajnuna Komunitarja għandha tkun:

EUR 18,15/100 kg tal-ħalib kollu.

L-ammonti ta’ għajnuna għal prodotti tal-ħalib eliġibbli oħrajn għandhom jiġu stabbiliti b’kont meħud tal-komponenti tal-ħalib tal-prodott konċernat.”

(7)

L-Artikolu 26 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-importazzjonijiet fil-Komunità u l-esportazzjonijiet mill-Komunità ta’ wieħed jew aktar mill-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 jistgħu jkunu soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja ta’ importazzjoni jew esportazzjoni.”

(b)

Il-punt (a) tal-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-lista’ ta’ prodotti li fir-rigward tagħhom huma meħtieġa liċenzji ta’ esportazzjoni u l-proċeduri ta’ importazzjoni li fir-rigward tagħhom mhumiex meħtieġa liċenzji ta’ importazzjoni;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008. Madankollu, il-punti 1 u 3 ta’ l-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Settembru 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Settembru 2007

Għall-Kunsill

Il-President

J. SILVA


(1)  Opinjoni tal-5 ta’ Settembru 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 48. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).