20.9.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 245/3 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1073/2007
tad-19 ta’ Settembru 2007
li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd għat-tonn minn bastimenti Komunitarji fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-Lonġitudni 45° Punent, u fil-Baħar Mediterran
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(4) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika komuni tas-sajd (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 21(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 41/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi għall-2007 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti ħażniet (stokkijiet) ta' ħut u gruppi ta' ħażniet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għal bastimenti Komunitarji, f'ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta' qbid (3), jiffissa l-ammont ta' tonn li jista' jinqabad minn bastimenti Komunitarji matul l-2007 fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° Punent, u fil-Baħar Mediterran. |
(2) |
Il-Politika Komuni tas-Sajd hija mfassla b'tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd permezz ta' l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi ta' l-approċċ prekawzjonali. |
(3) |
Id-dejta li għandha l-Kummissjoni, kif ukoll l-informazzjoni miksuba mill-ispetturi tal-Kummissjoni matul il-missjonijiet tagħhom fl-Istati Membri kkonċernati, juru li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° Punent, u fil-Baħar Mediterran, allokati lill-Komunità għall-2007, jitqiesu li huma eżawriti. |
(4) |
Għalhekk huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tiffissa, fuq l-inizjattiva tagħha stess, id-data li fiha l-kwota tas-sajd għall-Komunità titqies bħala eżawrita u li tipprojbixxi s-sajd għal dak l-istokk minn dik id-data. Huwa meħtieġ ukoll li jkunu pprojbiti ż-żamma abbord, it-trasbord u l-ħatt l-art ta' dak l-istokk mill-bastimenti Komunitarji minn dik id-data. |
(5) |
Is-sajd għat-tonn, kif ukoll iż-żamma tiegħu abbord, it-trasbord u l-ħatt l-art minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' l-Italja u Franza, inkella rreġistrati fl-Italja jew Franza, diġà ġie pprojbit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 999/2007 tat-28 ta’ Awwissu 2007 li jistabbilixxi projbizzjoni fuq is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° Punent, u l-Mediterran, min-naħa ta' bastimenti li jtajru l-bandiera ta' l-Italja (4) u r-Regolament (KE) Nru 1048/2007 tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi projbizzjoni fuq is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° Punent, u l-Mediterran, min-naħa ta' bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Franza (5). |
(6) |
Fid-dawl tad-dejta li kisbet il-Kummissjoni dwar l-eżawriment ta' l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° Punent u l-Baħar Mediterran, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Eżawriment tal-kwota
Il-qabdiet tat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° Punent u l-Baħar Mediterran minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' l-Istati Membri jitqiesu li eżawrew il-kwota allokata lill-Komunità mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Projbizzjonijiet
Is-sajd għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45° Punent u l-Baħar Mediterran minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Ċipru, il-Greċja, Spanja, Malta jew il-Portugall, inkella rreġistrati f'dawn il-pajjiżi għandu jkun ipprojbit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2007.
Għandu jkun ipprojbit ukoll li dan l-istokk jinżamm fuq il-bastimenti, jiġi ttrasbordat jew jinħatt l-art matul dak il-perjodu.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Settembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Joe BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).
(2) ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11), ikkorreġut bil-ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6.
(3) ĠU L 15, 20.1.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 898/2007 tal-Kummissjoni (ĠU L 196, 28.7.2007, p. 22).
(4) ĠU L 226, 30.8.2007, p. 5.
(5) ĠU L 240, 13.9.2007, p. 3.