29.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 169/6


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 735/2007

tal-11 ta’ Ġunju 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1784/2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 37(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-miżuri li jikkonċernaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali, kif adottati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1784/2003 (2), jinkludu fil-każ tas-suq intern sistema ta’ intervent, li l-għan prinċipali tagħha huwa li tistabbilizza s-swieq u tiżgura livell ġust ta’ l-għajxien għall-komunità agrikola f’dan is-settur.

(2)

L-applikazzjoni ta’ din is-sistema matul dawn l-aħħar sentejn tas-suq, 2004/2005 u 2005/2006, kellha l-effett li nħolqu ħażniet ta’ intervent sostanzjali ferm ta’ qamħ ir-rum li qed jirriżultaw partikolarment diffiċli sabiex jitneħħew fuq is-suq Komunitarju u dak internazzjonali, prinċipalment minħabba l-post fejn jinsabu. Barra minn hekk, il-qamħ ir-rum huwa ċereal li mhux faċli tippreservah u li aktar kemm idum maħżun, aktar isir diffiċli l-bejgħ tiegħu, minħabba l-bidla progressiva fil-kwalità tiegħu.

(3)

Matul l-2006 instab li, kif applikata s’issa, is-sistema ta’ intervent ma rnexxilhiex tikseb l-objettivi mixtieqa, prinċipalment fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-produtturi tal-qamħ ir-rum f’ċerti reġjuni tal-Komunità. Fil-fatt, f’dawk ir-reġjuni din is-sistema saret alternattiva għat-tneħħija diretta ta’ prodotti fuq is-suq, minkejja l-fatt li l-prezz fil-fatt riċevut minn dawn il-produtturi għall-qamħ ir-rum maħsud ta’ spiss kien aktar baxx mill-prezz ta’ intervent.

(4)

Taħt dawn il-kundizzjonijiet irriżulta invalidu r-rwol prekawzjonarju ta’ mezz ta’ rikors li għalih ġiet stabbilita s-sistema ta’ intervent fir-rigward tal-qamħ ir-rum, u konsegwentement ġiet ostakolata l-orjentazzjoni tal-produzzjoni lejn il-ħtiġijiet tas-suq.

(5)

Iż-żamma tas-sistema ta’ intervent f’dan l-istat tinvolvi saħansitra r-riskju li jiżdiedu aktar il-ħażniet ta’ intervent tal-qamħ ir-rum mingħajr ma jkun hemm l-ebda benefiċċju għall-produtturi kkonċernati.

(6)

Għalhekk jeħtieġ li jiġu adottati miżuri adatti sabiex ikun garantit il-funzjonament tajjeb tas-suq Komunitarju taċ-ċereali. Għal dan il-għan jidher li l-aktar miżura adatta hija li jiġu ffissati limiti tal-kwantitajiet eliġibbli għall-intervent għall-qamħ ir-rum għal kwantità globali massima għall-Komunità, iffissata rispettivament għal 1 500 000 tunnellata metrika u 700 000 tunnellata metrika għas-snin tas-suq 2007/2008 u 2008/2009 u li jsir tnaqqis ta’ din il-kwantità għal 0 mis-sena tas-suq 2009/2010, b’kont meħud tal-fatti kunsidrati hawn fuq u ta’ l-opportunitajiet ta’ bejgħ disponibbli għall-produtturi fis-suq intern u fis-suq internazzjonali.

(7)

Huwa meħtieġ konsegwentement li r-Regolament (KE) Nru 1784/2003 jiġi emendat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ma’ l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1784/2003 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel paragrafu, il-kwantitajiet ta’ qamħ ir-rum mixtrija mill-aġenziji ta’ intervent għandhom ikunu limitati għall-kwantitajiet massimi li ġejjin:

1 500 000 tunnellata metrika għas-sena tas-suq 2007/2008,

700 000 tunnellata metrika għas-sena tas-suq 2008/2009,

0 tunnellata metrika mis-sena tas-suq 2009/2010.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mis-sena tas-suq 2007/2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 11 ta’ Ġunju 2007

Għall-Kunsill

Il-President

H. SEEHOFER


(1)  Opinjoni mogħtija fl-24 ta’ Mejju 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 78. Ir-Regolament tal-Kummissjoni kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1154/2005 (ĠU L 187, 19.7.2005, p. 11).