15.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 155/20


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 659/2007

ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007

li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ barrin, baqar u erieħ minbarra dawk għall-qtil, ta’ ċerti razez ta’ l-Alpi u tal-muntanji

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tiegħu,

Billi,

(1)

Fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-Komunità impenjat ruħha li tiftaħ kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ barrin, baqar u erieħ minbarra dawk għall-qtil, ta’ ċerti razez ta’ l-Alpi u tal-muntanji.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġu stipulati regoli dettaljati għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta’ dawn il-kwoti tariffarji għall-importazzjoni għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.

(3)

Skond l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999, l-importazzjonijiet fil-Komunità għandhom ikunu soġġetti għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni. Madankollu, huwa xieraq li dawn il-kwoti tariffarji għall-importazzjoni jkunu amministrati billi d-drittijiet ta’ l-importazzjoni jkunu attribwiti bħala l-ewwel pass u l-ħruġ ta’ liċenzji ta’ importazzjoni bħala t-tieni pass, kif stabbilit fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi r-regoli komuni dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli mmexxija minn sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (2). B’dan il-mod, l-operaturi li kisbu d-drittijiet ta’ l-importazzjoni għandhom ikunu kapaċi jiddeċiedu matul il-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni, il-waqt meta jixtiequ japplikaw għal liċenzji ta’ importazzjoni, fid-dawl tal-flussi reali tagħhom tal-kummerċ. F’kull każ, ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jillimita l-perjodu tal-validità tal-liċenzji sa l-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni.

(4)

Għandhom jiġu stipulati regoli dwar is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet u l-informazzjoni li għandha tingħata fl-applikazzjonijiet u fil-liċenzji, fejn meħtieġ biż-żieda ta’ deroga jew permezz tagħha, minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1445/95 tas-26 ta’ Ġunju 1995 dwar regoli għall-applikazzjoni ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2377/80 (3) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni u ta’ l-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (4).

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jistabbilixxi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-applikazzjonijiet tad-drittijiet ta’ l-importazzjoni, l-istatus ta’ l-applikanti, u l-ħruġ ta’ liċenzji ta’ l-importazzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw, mill-1 ta’ Lulju 2007, għal dawk il-liċenzji ta’ l-importazzjoni maħruġa skond dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet addizzjonali stipulati f’dan ir-Regolament.

(6)

Sabiex tiġi evitata l-ispekulazzjoni, il-kwantitajiet disponibbli fi ħdan il-kwoti tariffarji għall-importazzjoni għandhom isiru aċċessibbli għall-operaturi sabiex dawn ikunu jistgħu juru li huma ġenwinament jimpurtaw kwantitajiet ta’ skala sinifikanti minn pajjiżi terzi. Għalhekk, sabiex tkun żgurata ġestjoni effiċjenti, il-kummerċjanti kkonċernati għandhom ikunu meħtieġa li jkunu impurtaw minimu ta’ 25 annimal matul kull wieħed miż-żewġ perjodi ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, sakemm konsenja ta’ 25 annimal tista’ titqies bħala konsenja vijabbli kummerċjalment. Minbarra dan, għal raġunijiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jitħallew jaċċettaw kopji ċċertifikati tad-dokumenti li jippruvaw l-eżistenza tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi.

(7)

Barra dan, għandha tiġi ffissata garanzija għad-drittijiet ta’ l-importazzjoni. Il-liċenzji ta’ l-importazzjoni m’għandhomx ikunu trasferibbli u l-liċenzji għandhom jinħarġu lill-kumerċjanti għal dawk il-kwantitajiet li għalihom kienu allokati drittijiet ta’ importazzjoni.

(8)

Sabiex l-operaturi jiġu obbligati japplikaw għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni għad-drittijiet ta’ l-importazzjoni kollha allokati, għandu jiġi stabbilit li l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal liċenzja għall-kwantitajiet allokati tikkostitwixxi, fir-rigward tal-garanzija fuq id-drittijiet ta’ l-importazzjoni, rekwiżit primarju fi ħdan it-tifsira tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 tat-22 ta’ Lulju 1985 li jistabbilixxi r-regoli komuni dettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli (5).

(9)

L-Artikolu 82 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (6) jipprovdi għal sorveljanza tad-dwana fuq merkanzija rilaxxata għal moviment ħieles b’rata ta’ dazju ridotta skond l-użu aħħari tagħha. L-annimali impurtati skond il-kwoti tariffarji għall-importazzjoni li jipprovdi għalihom dan ir-Regolament għandhom ikunu monitorjati għal ċertu perjodu sabiex jiġi żgurat li ma jinqatlux matul dak il-perjodu.

(10)

Għal dan il-għan, għandha tkun iddepożitata garanzija, li l-ammont tagħha għandu jkopri d-differenza bejn id-dazju tat-Tariffa Komuni tad-Dwana (CCT) u d-dazju mnaqqas li jkun japplika fid-data tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ l-annimali kkonċernati.

(11)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1081/1999 tas-26 ta’ Mejju 1999 jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi għal importazzjonijiet ta’ barrin, baqar u erieħ ta’ ċerti razez ta’ l-Alpi u tal-muntanji li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1012/98 u jimmodifika r-Regolament (KE) Nru 1143/98 (7) minbarra dawk għall-qtil, gћandu gћalhekk jiġi abrogat u ssostitwit b’Regolament ġdid mill-1 ta’ Lulju 2007.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni taċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwoti ta’ tariffi għal importazzjonijiet ta’ barrin, baqar u erieħ ta’ ċerti razez ta’ l-Alpi u tal-muntanji minbarra dawk għall-qtil imsemmija fl-Anness I b’dan huma miftuħa kull sena għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara (‘il-perjodi ta’ kwoti ta’ tariffi għal importazzjonijiet’)

Il-kwoti tariffarji għandhom ikollhom in-numru ta’ l-ordni 09.4196 u 09.4197.

Artikolu 2

1.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-annimali kif hemm imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom minbarra dawk għall-qtil, meta ma jinqatlux fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ ħruġ għal ċirkolazzjoni ħielsa.

Jistgħu jingħataw derogi f’każijiet li għalihom tkun ingħatat prova xierqa ta’ force majeure.

2.   Sabiex jikkwalifikaw għall-kwota ta’ tariffa għal importazzjoni koperta bin-numru ta’ l-ordni 09.4197, għandhom jiġu ppreżentati dawn id-dokumenti li ġejjin:

(a)

għal barrin: ċertifikat ta’ razza pura,

(b)

għall-baqar u l-erieħ: ċertifkat ta’ razza pura jew ċertifkat ta’ reġistrazzjoni f’reġistru tar-razza li jiċċertifika l-purità tar-razza.

Artikolu 3

1.   Il-kwoti tariffarji għall-importazzjoni msemmija fl-Anness I għandhom ikunu amministrati billi d-drittjiet ta’ l-importazzjoni jkunu attribwiti bħala l-ewwel pass u l-ħruġ tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni bħala t-tieni pass.

2.   Għandhom japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 1445/95, (KE) Nru 1291/2000 u (KE) Nru 1301/2006, għajr meta pprovdut xorta oħra f’dan ir-Regolament.

Artikolu 4

1.   Għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikanti għandhom juru li impurtaw ta’ l-anqas 25 annimal koperti mill-kodiċi NM 0102 90 matul kull wieħed miż-żewġ perjodi ta’ referenza msemmija f’dak l-Artikolu.

L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw bħala evidenza tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi kopji tad-dokumenti msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, iċċertifikat kif xieraq mill-awtorità kompetenti għall-ħruġ.

2.   Kumpanija ffurmata mill-għaqda ta’ kumpaniji kull waħda b’importazzjoni ta’ referenza konformi mal-kwantità minima msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tista’ tuża dawk l-importazzjonijiet ta’ referenza bħala evidenza ta’ kummerċ.

Artikolu 5

1.   L-applikazzjonijiet għal drittijiet ta’ l-importazzjoni għandhom jiġu ippreżentati mhux iktar tard mis-13:00, ħin ta’ Brussell, fl-20 ta’ Ġunju ta’ qabel il-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni.

2.   Garanzija ta’ EUR 3 għal kull ras relatata mad-drittijiet ta’ l-importazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità kompetenti flimkien ma’ l-applikazzjoni għad-drittijiet ta’ l-importazzjoni.

3.   Sa mhux aktar tard mill-16:00, ħin ta’ Brussell, fil-ħames jum ta’ ħidma wara tmiem il-perjodu għas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet imsemmija f’paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet totali li saret applikazzjoni għalihom għal kull numru ta’ ordni.

Artikolu 6

1.   Id-drittijiet ta’ l-importazzjoni għandhom jingħataw mis-seba’ u mhux aktar tard mis-sittax-il ġurnata ta’ ħidma wara tmiem il-perjodu għan-notifiki msemmija fl-Artikolu 5(3).

2.   Jekk l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ l-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 tirriżulta f’inqas drittijiet ta’ l-importazzjoni għall-allokazzjoni milli tressqu applikazzjonijiet għalihom, il-garanzija ppreżentata skond l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament, għandha tkun irrilaxxata proporzjonalment mingħajr dewmien.

Artikolu 7

1.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-kwantitajiet mogħtija skond il-kwoti msemmija fl-Anness I huma soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ liċenzja ta’ l-importazzjoni.

2.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni għandhom ikopru l-kwantità totali allokata. Dan l-obbligu għandu jikkostitwixxi rekwiżit primarju skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85.

Artikolu 8

1.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni għandhom jiġu ppreżentati biss ma’ l-Istat Membru fejn l-applikant applika u kiseb drittijiet ta’ l-importazzjoni li jaqgħu taħt il-kwoti msemmija fl-Anness I.

Kull ħruġ tal-liċenzja ta’ importazzjoni għandu jirriżulta fi tnaqqis li jikkorrispondi mad-drittijiet ta’ l-importazzjoni li nkisbu u l-garanzija ppreżentata skond l-Artikolu 5(2) għandha tkun rilaxxata b’mod proporzjonali mingħajr dewmien.

2.   Il-liċenzji ta’ l-importazzjoni għandhom jinħarġu f’isem l-operatur li jkun kiseb id-drittijiet ta’ l-importazzjoni.

3.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ importazzjoni u l-liċenzji ta’ importazzjoni għandu jkun fihom:

(a)

f’kaxxa 8, il-pajjiż ta’ l-oriġini;

(b)

fil-kaxxa 16, wieħed jew diversi kodiċijiet NM mogħtija fl-Anness I;

(c)

f’kaxxa 20, in-numru ta’ l-ordni tal-kwota u waħda mill-annotazzjonijiet elenkati fl-Anness II.

Artikolu 9

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, id-drittijiet derivati mil-liċenzji ta’ importazzjoni maħruġa skond dan ir-Regolament m’għandhomx ikunu trasferibbli.

Artikolu 10

1.   L-annimali importati għandhom ikunu mmonitorjati skond l-Artikolu 82 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 sabiex jiġi żgurat li ma jkunux maqtula fi żmien erba’ xhur mill-ħruġ tagħhom għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa.

2.   Sabiex ikun żgurat li l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 li ma jinqatlux annimali importati jkun osservat u li dazji mhux imħallsa jkunu miġbura meta ma jkunx hemm konformità ma’ l-obbligu, l-importaturi għandhom jiddepożitaw garanzija ma’ l-awtoritajiet tad-dwana kompetenti. Il-garanzija għandha tkun daqs id-differenza bejn id-dazji tad-dwana preskritti fit-Tariffa Doganali Komuni u d-dazji msemmija fl-Anness I applikabbli fid-data tal-ħruġ tagħhom għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ l-annimali in kwistjoni.

3.   Il-garanziji stipulati fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rrilaxxati minnufih fejn tiġi ppreżentata prova lill-awtoritajiet tad-dwana konċernati li l-annimali:

(a)

ma nqatlux fi żmien l-erba’ xhur ta’ wara d-data tal-ħruġ tagħhom għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, jew

(b)

inqatlu f’dak il-perjodu għal raġunijiet ta’ force majeure jew għal raġunijiet ta’ saħħa jew li mietu minħabba mard jew minħabba inċident.

Artikolu 11

Ir-Regolament (KE) Nru 1081/1999 huwa rrevokat.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 11 għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 289/2007 (ĠU L 78, 17.3.2007, p. 17).

(3)  ĠU L 143, 27.6.1995, p. 35. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 586/2007 (ĠU L 139, 31.5.2007, p. 5).

(4)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 52).

(5)  ĠU L 205, 3.8.1985, p. 5. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006.

(6)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(7)  ĠU L 131, 27.5.1999, p. 15. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1965/2006 (ĠU L 408, 30.12.2006, p. 26, ikkoreġut bil-ĠU L 47, 16.2.2007, p. 21).


ANNESS I

Kwoti tariffarji għall-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1

Nru ta’ l-Ordni

Il-kodiċi NM

Il-kodiċijiet Taric

Id-deskrizzjoni

Il-volum tal-kwota

(ras tal-baqar)

Id-dazju doganal

09.4196

ex 0102 90 05

01029005*20

*40

Il-baqar u l-erieħ, minbarra dawk għall-qtil, tar-razez tal-muntanji li ġejjin: Ir-razez Simmental griżi, kannella, sofor u dawk b’irqajja’ ta’ lwien differenti u r-razza Pinzgau

710

6  %

ex 0102 90 29

01029029*20

*40

ex 0102 90 49

01029049*20

*40

ex 0102 90 59

01029059*11

*19

*31

*39

ex 0102 90 69

01029069*10

*30

09.4197

ex 0102 90 05

01029005*30

*40

*50

Il-barrin, il-baqar u l-erieħ minbarra dawk għall-qtil tar-razez li ġejjin: ir–razza Simmental li għandha rqajja’ ta’ lwien differenti u r-razez Schwyz u Fribourg

711

4  %

ex 0102 90 29

01029029*30

*40

*50

ex 0102 90 49

01029049*30

*40

*50

ex 0102 90 59

01029059*21

*29

*31

*39

ex 0102 90 69

01029069*20

*30

ex 0102 90 79

01029079*21

*29


ANNESS II

L-annotazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(3)(ċ)

:

Bil-Bulgaru

:

Алпийски и планински породи (Регламент (ЕО) № 659/2007) Година на внос: …

:

Bl-Ispanjol

:

Razas alpinas y de montaña [Reglamento (CE) no 659/2007], año de importación: …

:

Biċ-Ċek

:

alpská a horská plemena (nařízení (ES) č. 659/2007), rok dovozu: …

:

Bid-Daniż

:

Alpine racer og bjergracer (forordning (EF) nr. 659/2007), importår: …

:

Bil-Ġermaniż

:

Höhenrassen (Verordnung (EG) Nr. 659/2007), Einfuhrjahr: …

:

Bl-Estonjan

:

Alpi tõugu ja mägitõugu (määrus (EÜ) nr 659/2007), impordi aasta: …

:

Bil-Grieg

:

Αλπικές και ορεσίβιες φυλές [κανονισμός (ΕΚ) αριθ. 659/2007], έτος εισαγωγής: …

:

Bl-Ingliż

:

Alpine and mountain breeds (Regulation (EC) No 659/2007), Year of import: …

:

Bil-Franċiż

:

Races alpines et de montagne [règlement (CE) no 659/2007], année d'importation: …

:

Bit-Taljan

:

Razze alpine e di montagna [regolamento (CE) n. 659/2007], anno d'importazione: …

:

Bil-Latvjan

:

Alpīno un kalnu šķirņu dzīvnieki (Regula (EK) Nr. 659/2007), importa gads: …

:

Bil-Litwan

:

Aukštikalnių ir kalnų veislės (Reglamentas (EB) Nr. 659/2007), importo metai: …

:

Bl-Ungeriż

:

alpesi és hegyi fajtájú (659/2007/EK rendelet), behozatal éve: …

:

Bil-Malti

:

Razez Alpini u tal-muntanja (Ir-Regolament (KE) Nru 659/2007), is-Sena ta' l-importazzjoni: …

:

Bl-Olandiż

:

Bergrassen (Verordening (EG) nr. 659/2007), invoerjaar: …

:

Bil-Pollakk

:

Rasy alpejskie i górskie (rozporządzenie (WE) nr 659/2007), rok przywozu: …

:

Bil-Portugiż

:

Raças alpinas e de montanha [Regulamento (CE) n.o 659/2007], ano de importação: …

:

Bir-Rumen

:

Rase alpine și montane [Regulamentul (CE) nr. 659/2007], anul de import: …

:

Bis-Slovakk

:

Alpské a horské plemená [nariadenie (ES) č. 659/2007], Rok vývozu: …

:

Bis-Sloven

:

Alpske in gorske pasme (Uredba (ES) št. 659/2007), leto uvoza: …

:

Bil-Finlandiż

:

Alppi- ja vuoristorotuja (Asetus (EY) N:o 659/2007), tuontivuosi: …

:

Bl-Iżvediż

:

Alp- och bergraser (förordning (EG) nr 659/2007), importår: …