25.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 133/12


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 566/2007

ta’ l-24 ta’ Mejju 2007

li jneħħi lir-Repubblika taċ-Ċilì mil-lista ta' pajjiżi benefikanti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Repubblika taċ-Ċilì hija inkluża fil-lista ta' pajjiżi benefikanti ta' l-iskema Komunitarja ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati, stipolata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 980/2005.

(2)

L-inkorporazzjoni, fil-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra, tal-preferenzi tariffarji kollha mogħtija liċ-Ċilì skond l-iskema Komunitarja tal-preferenzi tariffarji ġeneralizzati tlestiet bil-konsolidazzjoni li nġiebet fis-seħħ mid-Deċiżjoni Nru 2/2006 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni ta' l-UE-Iċ-Ċilì tas-16 ta’ Ottubru 2006 dwar l-emendament ta' l-Anness I tal-Ftehim (2).

(3)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 jipprevedi għat-tneħħija ta' pajjiż minn fuq lista ta' pajjiżi benefikanti fl-Anness I tiegħu, meta dan jibbenefika minn ftehim kummerċjali potenzjali mal-Komunità li jkopri ta' l-anqas waħda mill-preferenzi previsti minn dik l-iskema għal dak il-pajjiż.

(4)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Preferenzi Ġeneralizzati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Repubblika taċ-Ċilì hija eskluża mil-lista ta' pajjiżi benefikanti ta' l-iskema Komunitarja ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati, stipolata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 980/2005.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 322, 22.11.2006, p. 5. Deċiżjoni 2006/792/KE.