18.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 332/27


DIRETTIVA 2007/65/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Diċembru 2007

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 47(2) u 55 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (4) tikkoordina ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet tax-xandir. Madankollu, teknoloġiji ġodda fit-trasmissjoni ta’ servizzi bil-media awdjoviżiva qed jirrikjedu li l-adattament tal-qafas regolatorju jqis l-impatt tal-bdil strutturali, il-firxa tat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (“TIK”) u l-iżviluppi teknoloġiċi fuq il-mudelli ta’ negozju, speċjalment il-finanzjament tax-xandir kummerċjali, u biex jiġu żgurati l-aħjar kondizzjonijiet ta’ kompetittività u ċertezza legali għat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni ta’ l-Ewropa u l-industriji u s-servizzi tax-xandir tagħha, kif ukoll ir-rispett tad-diversità kulturali u lingwistika.

(2)

Il-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri amministrattivi fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni huma diġà kkoordinati mid-Direttiva 89/552/KEE, filwaqt li r-regoli applikabbli għal attivitajiet bħas-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand fihom disparitajiet li x’ uħud minnhom jistgħu jxekklu l-moviment liberu ta’ dawn is-servizzi fil-Komunità Ewropea u jistgħu jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

(3)

Servizzi tal-media awdjoviżiva huma servizzi kulturali daqskemm huma ekonomiċi. L-importanza li qed tikber tagħhom għas-soċjetajiet, id-demokraziji - partikolarment billi jiżguraw libertà ta’ informazzjoni, diversità ta’ opinjoni u pluraliżmu tal-media - l-edukazzjoni u l-kultura tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi għal dawn is-servizzi.

(4)

L-Artikolu 151(4) tat-Trattat jirrikjedi li fl-azzjoni tagħha l-Komunità għandha tieħu kont ta’ l-aspetti kulturali skond dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, b’mod partikolari biex tiġi rrispettata u promossa d-diversità tal-kulturi tagħha.

(5)

Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005 (5) u l-4 ta’ April 2006 (6) dwar ir-Round ta’ Doha u dwar il-Konferenzi Ministerjali tad-WTO, il-Parlament Ewropew jappella sabiex is-servizzi pubbliċi bażiċi, bħas-servizzi awdjoviżivi, jiġu esklużi mil-liberalizzazzjoni taħt in-negozjati GATS. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2006 (7), il-Parlament Ewropew appoġġa l-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta’ l-Espressjonijiet Kulturali, li tgħid partikolarment li ‘l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi kulturali għandhom natura kemm ekonomika u kemm kulturali, minħabba li huma jwasslu identitajiet, valuri u tifsiriet, u għalhekk m’għandhomx jiġu ttrattati bħala li għandhom biss valur kummerċjali’. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta’ l-Espressjonijiet Kulturali (8) approvat il-Konvenzjoni tal-Unesco f’isem il-Komunità. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Marzu 2007. Din id-Direttiva tirrispetta l-prinċipji ta’ dik il-Konvenzjoni.

(6)

Is-servizzi tal-media awdjoviżiva tradizzjonali - bħat-televiżjoni - u s-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand emerġenti joffru opportunitajiet sinifikanti ta’ impjieg fil-Komunità, partikolarment fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u jistimulaw it-tkabbir ekonomiku u l-investiment. Filwaqt li jinżamm preżenti l-importanza ta’ parità u suq veru Ewropew għas-servizzi tal-media awdjoviżiva, il-prinċipji bażiċi tas-suq intern, bħall-kompetizzjoni libera u t-trattament ugwali, għandhom jiġu rrispettati sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-prevedibbiltà fis-swieq għas-servizzi tal-media awdjoviżiva u sabiex jinkisbu ostakli baxxi għad-dħul.

(7)

Jeżistu inċertezza legali u nuqqas ta’ parità għal kumpanniji Ewropej li joffru servizzi ta’ media awdjoviżiva fir-rigward tar-reġim legali li jirregola s-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand emerġenti, għalhekk jeħtieġ, sabiex tiġi evitatata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, titjieb iċ-ċertezza legali, tiġi megħjuna t-tkomplija tas-suq intern u ffaċilitata l-emerġenza ta’ żona unika ta’ informazzjoni, li ta’ l-inqas livell bażiku ta’ regoli kkoordinati jiġu applikati, għas-servizzi tal-media awdjoviżiva kollha, kemm xandir televiżiv (i.e. servizzi tal-media awdjoviżiva lineari) kif ukoll servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand (i.e. servizzi tal-media awdjoviżiva non-lineari). Il-prinċipji bażiċi tad-Direttiva 89/552/KEE, jiġifieri l-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini u standards minimi komuni, urew il-valur tagħhom u għalhekk għandhom jinżammu.

(8)

Fil-15 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-futur tal-politika Ewropea dwar regolamentazzjoni awdjoviżiva, fejn hija enfassizzat li l-politika regolatorja fis-settur għandha tissalvagwardja ċertu interessi pubbliċi, bħad-diversità kulturali, id-dritt għall-informazzjoni, il-pluraliżmu fil-media, il-protezzjoni tal-minuri u l-protezzjoni tal-konsumatur u żżid fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-litteriżmu fil-media, issa u fil-futur.

(9)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet u l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 1999 dwar ix-xandir tas-servizz pubbliku (9) rriaffermat li t-twettiq tal-missjoni tas-servizz tax-xandir pubbliku jeħtieġ li dan jibqa’ jibbenefika mill-progress teknoloġiku. Il-koeżistenza ta’ fornituri privati u pubbliċi ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva hija karatteristika li tiddistingwi s-suq tal-media awdjoviżiva Ewropew.

(10)

Il-Kummissjoni adottat l-inizjattiva “i2010: Is-Soċjetà Ewropea ta’ l-Informazzjoni” biex jitrawmu t-tkabbir u l-impjiegi fl-industriji tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni u tal-media. Din hija strateġija komprensiva maħsuba biex tinkoraġġixxi l-produzzjoni ta’ kontenut Ewropew, l-iżvilupp ta’ l-ekonomija diġitali u l-użu tat-TIK, fuq l-isfond tal-konverġenza ta’ servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni u s-servizzi, in-netwerks u d-dispożittivi tal-media, permezz ta’ l-immodernizzar u l-użu sħiħ ta’ l-istrumenti tal-politika ta’ l-UE: strumenti regolatorji, riċerka u sħubija ma’ l-industrija. Il-Kummissjoni impenjat lilha nnifisha għall-ħolqien ta’ qafas konsistenti għas-suq intern għal servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni u bdiet bi proposta tal-Kummissjoni fl-2005 biex tiġi mmodernizzata d-Direttiva dwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri u tinbidel f’Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva. L-għan ta’ l-inizjattiva i2010 ser jinkiseb prinċipalment billi l-industriji jitħallew jikbru bir-regolamentazzjoni meħtieġa biss, u billi negozji żgħar tal-bidu, li huma l-ħallieqa ta’ għana u impjiegi futuri, jitħallew, jifjorixxu, jiġġeddu u joħolqu impjiegi f’suq liberu.

(11)

Fl-4 ta’ Settembru 2003 (10), fit-22 ta’ April 2004 (11) u fis-6 ta’ Settembru 2005 (12) il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li talbet għall-adattament tad-Direttiva 89/552/KEE sabiex tirrifletti l-bidliet strutturali u l-iżviluppi teknoloġiċi filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-prinċipji sottostanti tagħha, li jibqgħu validi. Flimkien ma’ dan, fil-prinċipju hija tappoġġa l-approċċ ġenerali ta’ regoli bażiċi għas-servizzi kollha tal-media awdjoviżiva u regoli addizzjonali għax-xandir televiżiv.

(12)

Din id-Direttiva ttejjeb il-konformità mad-drittijiet fundamentali u tkompli bis-sħiħ mal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem ta’ l-Unjoni Ewropea (13), partikolarment l-Artikolu 11 tagħha. F’dan ir-rigward, din id-Direttiva m’għandhiex iżżomm bl-ebda mod lill-Istati Membri milli japplikaw ir-regoli kostituzzjonali tagħhom relatati mal-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni fil-media.

(13)

Din id-Direttiva m’għandiex taffetwa l-obbligi ta’ l-Istati Membri ġejjin mill-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni (14). Għaldaqstant, l-abbozz tal-miżuri nazzjonali applikabbli għas-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand li jkunu aktar stretti jew aktar dettaljati minn dawk meħtieġa biex sempliċiment jittrasponu d-Direttiva preżenti għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi proċedurali stabbiliti taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE.

(14)

Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (15) skond l-Artikolu 1(3) tagħha hija mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda fil-livell Komunitarju jew nazzjonali, biex jitwettqu objettivi ta’ interess ġenerali, partikolarment relatati mar-regolamentazzjoni tal-kontenut u mal-politika awdjoviżiva.

(15)

L-ebda dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandha tirrikjedi minn jew tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimponu sistemi ġodda ta’ liċenzjar jew ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva fuq xi tip ta’ servizz tal-media awdjoviżiva.

(16)

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva għandha tkopri biss is-servizzi tal-media awdjoviżiva, kemm jekk xandir televiżiv kif ukoll jekk on-demand, li huma media tal-massa, jiġifieri, li huma maħsuba għal riċezzjoni minn, u li jista’ jkollhom impatt ċar fuq, proporzjon sinifikattiv tal-pubbliku ġenerali. Il-kamp ta’ applikazzjoni għandu jkun limitat għal servizzi kif definiti mit-Trattat u għalhekk għandu jkopri kwalunkwe forma ta’ attività ekonomika, inkluża dik ta’ impriżi tas-servizz pubbliku, iżda m’ għandux ikopri attivitajiet li huma primarjament non-ekonomiċi u li mhumiex f’kompetizzjoni max-xandir televiżiv, bħal websites privati u servizzi li jikkonsistu fil-forniment jew id-distribuzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv iġġenerat minn utenti privati għall-finijiet tal-kondiviżjoni u l-iskambju f’komunitajiet ta’ interess.

(17)

Hija karatteristika tas-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand li dawn huma “simili għat-televiżjoni”, jiġifieri li jikkompetu għall-istess udjenza bħax-xandiriet bit-televiżjoni u n-natura u l-mezzi ta’ aċċess għas-servizz iwasslu lill-utent b’mod raġonevoli biex jistenna protezzjoni regolatorja fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. In vista ta’ dan u sabiex ikunu evitati disparitajiet fir-rigward tal-moviment liberu u l-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ “programm” għandu jiġi interpretat b’mod dinamiku b’kont meħud ta’ żviluppi fix-xandir televiżiv.

(18)

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva għandha tkopri l-media tal-massa fil-funzjoni tagħhom li jagħtu informazzjoni, intratteniment u edukazzjoni lill-pubbliku ġenerali, u tinkludi l-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva iżda teskludi kwalunkwe forma ta’ korrispondenza privata, bħalma huma l-posta elettronika mibgħuta lil numru limitat ta’ riċevituri. Dik id-definizzjoni għandha teskludi wkoll is-servizzi li l-fini ewlieni tagħhom mhuwiex dak li jipprovdu programmi, jiġifieri fejn kwalunkwe kontenut awdjoviżiv huwa purament inċidentali għas-servizz u mhux il-fini prinċipali tiegħu. L-eżempji jinkludu websites li fihom elementi awdjoviżivi b’mod anċillari biss; bħal elementi grafiċi animati, spots qosra ta’ reklami jew informazzjoni relatata mal-prodott jew servizz mhux awdjoviżiv. Għal dawn ir-raġunijiet il-logħob tax-xorti li jinvolvu riskju li jirrappreżenta somma flus, inklużi l-lotteriji, l-imħatri u forom oħra ta’ servizzi ta’ l-azzard, kif ukoll logħob on-line u muturi ta’ riċerka, iżda mhux xandiriet dedikati għal-logħob ta’ l-azzard jew logħob tax-xorti għandhom ikunu wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(19)

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media għandha teskludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi li sempliċiment jittrasmettu programmi li r-responsabbiltà editorjali tagħhom taqa’ fuq partijiet terzi.

(20)

Servizzi ta’ xandir bit-televiżjoni, attwalment jinkludu partikolarment it-televiżjoni analoġika u diġitali, live streaming, webcasting u near-video-on-demand, filwaqt li l-video-on-demand, per eżempju, huwa servizz ta’ media awdoviżivi on-demand. B’mod ġenerali, għal xandiriet televiżivi jew programmi tat-televiżjoni li jiġu offruti wkoll bħala servizzi on-demand mill-istess fornitur tas-servizzi ta’ media awdoviżivi, il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala milħuqa billi jiġu sodisfatti l-ħtiġiet applikabbli għax-xandir televiżiv i.e. trasmissjoni lineari. Madankollu, fejn tipi differenti ta’ servizzi jiġu offruti b’mod parallel, izda huma b’mod ċar servizzi separati, din id-Direttiva għandha tapplika għal kull wieħed mis-servizzi kkonċernati.

(21)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva m’ għandux ikopri verżjonijiet elettroniċi ta’ gazzetti u magazines.

(22)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi “awdjoviżiv” għandha tkun interpretata bħala li tirreferi għal immaġini li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru, biex b’ hekk tinkludi films muti iżda ma tkoprix trasmissjoni awdjo jew servizzi tar-radju. Waqt li l-għan ewlieni ta’ servizz ta’ media awdjoviżiv hu l-forniment ta’ programmi, id-definizzjoni ta’ tali servizz għandha tkopri wkoll kontenut ibbażat fuq test li jakkumpanja l-programmi, bħal servizzi ta’ sottotitoli u gwidi elettroniċi tal-programmi. Servizzi għalihom waħidhom ibbażati fuq test m’għandhomx ikunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li m’għandiex taffettwa l-libertà ta’ l-Istati Membri li jirregolaw tali servizzi fuq livell nazzjonali f’konformità mat-Trattat.

(23)

Il-kunċett ta’ responsabbiltà editorjali hija essenzjali għad-definizzjoni tar-rwol tal-fornitur tas-servizzi tal-media u għaldaqstant għad-definizzjoni tas-servizzi tal-media awdjoviżiva. Meta jkunu qed jadottaw miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jispeċifikaw aktar aspetti tad-definizzjoni ta’ responsabbiltà editorjali, jiġifieri n-nozzjoni ta’ “kontroll effettiv”. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet ta’ responsabbiltà stabbiliti fid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku) (16).

(24)

Fil-kuntest tax-xandir televiżiv il-kunċett ta’ wiri simultanju għandu jkopri wkoll wiri kważi-simultanju minħabba l-varjazzjonijiet fil-perijodu ta’ żmien qasir li jgħaddi bejn it-trasmissjoni u r-riċezzjoni tax-xandira minħabba f’raġunijiet tekniċi inerenti fil-proċess ta’ trasmissjoni.

(25)

Il-karatteristiċi kollha tas-servizzi tal-media awdjoviżiva stabbiliti fid-definizzjoni u spjegati fil-premessi 16 sa 23 għandhom ikun preżenti kollha fl-istess waqt.

(26)

B’żieda mar-reklamar fuq it-televiżjoni u t-telebejgħ, għandha tiġi introdotta definizzjoni usa’ ta’ komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva f’din id-Direttiva li madanakollu ma tinkludix avviżi tas-servizz pubbliku u appelli għall-karità mxandra mingħajr ħlas.

(27)

Il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini għandu jibqa’ l-qalba ta’ din id-Direttiva, minħabba li huwa essenzjali għall-ħolqien ta’ suq intern. Dan il-prinċipju għandu għalhekk jiġi applikat għas-servizzi tal-media awdjoviżiva kollha sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-fornituri tas-servizzi tal-media bħala l-bażi meħtieġa għal mudelli ġodda ta’ negozju u l-użu ta’ tali servizzi. Huwa essenzjali wkoll sabiex jiġi żgurat il-fluss liberu ta’ l-informazzjoni u tal-programmi awdjoviżivi fis-suq intern.

(28)

Għall-promozzjoni ta’ industrija awdjoviżiva Ewropea b’saħħitha, kompetittiva u integrata u għat-titjib tal-pluraliżmu fil-media madwar l-Unjoni Ewropea, Stat Membru wieħed biss għandu jkollu ġurisdizzjoni fuq fornitur ta’ servizzi tal-media u l-pluraliżmu fl-informazzjoni għandu jkun prinċipju fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(29)

L-iżviluppi teknoloġiċi, speċjalment fir-rigward tal-programmi satellitari diġitali, jfissru li għandhom jiġu adattati kriterji sussidjarji sabiex jiġu żgurati regolamentazzjoni adatta u implimentazzjoni effettiva u l-partijiet interessati jingħataw poter ġenwin fuq il-kontenut ta’ servizz tal-media awdjoviżiva.

(30)

Peress li din id-Direttiva tikkonċerna s-servizzi offruti lill-pubbliku ġenerali fl-Unjoni Ewropea, hija għandha tapplika biss għas-servizzi tal-media awdjoviżiva li jistgħu jiġu rċevuti direttament jew indirettament mill-pubbliku fi Stat Membru jew aktar b’tagħmir standard tal-konsumatur. Id-definizzjoni ta’ “tagħmir standard tal-konsumatur” għandha tibqa’ f’idejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

(31)

L-Artikoli 43 sa 48 tat-Trattat jistabbilixxu d-dritt fundamentli għal-libertà ta’ stabbiliment. Għalhekk, il-fornituri tas-servizzi tal-media għandhom ikunu ġeneralment liberi li jagħżlu l-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li “t-Trattat ma jżommx impriża milli teżerċita l-libertà li tipprovdi servizzi jekk hija ma toffrix servizzi fl-Istat Membru li fih hija stabbilita” (17).

(32)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva għall-fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, filwaqt li jiżguraw li dawk ir-regoli huma konsistenti mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Biex jiġu ttrattati sitwazzjonijiet fejn xandar taħt ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jipprovdi xandira televiżiva li hija kollha kemm hi diretta lejn territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-ħtieġa għall-Istati Membri li jikkooperaw ma’ xulxin u, f’każijiet ta’ ċirkumvenzjoni, il-kodifikazzjoni tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (18), flimkien ma’ proċedura aktar effiċjenti, tkun soluzzjoni adatta li tqis it-tħassib ta’ l-Istati Membri mingħajr ma tippreġudika l-applikazzjoni kif suppost tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini. Il-kunċett ta’ regoli ta’ interess pubbliku ġenerali ġie żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każistika tagħha fir-rigward ta’ l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat u jinkludi, inter alia, regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-protezzjoni tal-minuri u l-politika kulturali. L-Istat Membru li jagħmel it-talba għall-kooperazzjoni għandu jiżgura li r-regoli nazzjonali speċifiċi in kwistjoni li huma oġġettivament meħtieġa, jiġu applikati b’mod non-diskriminatorju u proporzjonat.

(33)

Meta jkun qed jivvaluta każ b’każ jekk xandira minn fornitur ta’ servizz tal-media stabbilit fi Stat Membru ieħor hix kollha kemm hi jew fil-biċċa l-kbira diretta lejn it-territorju tiegħu, Stat Membru jista’ jirreferi għal indikaturi bħall-oriġini tar-reklamar televiżiv u/jew id-dħul minn abbonamenti, il-lingwa prinċipali tas-servizz jew l-eżistenza ta’ programmi jew komunikazzjonijiet kummerċjali mmirati speċifikament lejn il-pubbliku fl-Istat Membru fejn qed jiġu rċevuti.

(34)

Taħt din id-Direttiva, minkejja l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, l-Istati Membri xorta jistgħu jieħdu miżuri li jnaqqsu l-libertà tal-moviment tax-xandir televiżiv, iżda taħt il-kondizzjonijiet previsti u l-proċedura stabbilita f’din id-Direttiva. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li kwalunkwe limitu tal-libertà li jingħataw servizzi, bħal xi deroga minn prinċipju fundamentali tat-Trattat, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv (19).

(35)

Fir-rigward tas-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand, ir-restrizzjonijiet għall-forniment liberu tagħhom għandu jkun possibbli biss skond kondizzjonijiet u proċeduri li jirrepetu dawk diġà stabbiliti fl-Artikoli 3(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2000/31/KE.

(36)

Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Regolamentazzjoni Aħjar għat-Tkabbir u l-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni enfasizzat li tenħtieġ analiżi attenta ta’ l-approċċ regolatorju adatt, partikolarment biex jiġi stabbilit jekk hux preferibbli li jkun hemm leġislazzjoni għas-settur u l-problema rilevanti, jew jekk għandhomx jiġu kkunsidrati alternattivi bħall-ko-regolamentazzjoni jew l-awto-regolamentazzjoni. Barra minn hekk, l-esperjenza uriet li kemm l-istrumenti ko-regolatorji kif ukoll dawk awto-regolatorji, implimentati skond it-tradizzjonijiet legali differenti ta’ l-Istati Membri jista’ jkollhom rwol importanti fl-għoti ta’ livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur. Il-miżuri mmirati lejn il-kisba ta’ objettivi ta’ interess pubbliku fis-settur tas-servizzi tal-media awdjoviżiva emerġenti jkunu aktar effettivi jekk jittieħdu bl-appoġġ attiv tal-fornituri tas-servizzi nnifishom.

Għalhekk l-awto-regolamentazzjoni tikkostitwixxi tip ta’ inizjattiva volontarja li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi, lill-imsieħba soċjali, lill-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet non-governattivi jadottaw linji gwida komuni bejniethom u għalihom. L-Istati Membri għandhom, skond it-tradizzjonijiet legali differenti tagħhom, jagħrfu r-rwol li l-awto-regolamentazzjoni effettiva jista’ jkollha bħala kompliment leġislattiv u għall-mekkaniżmi ġudizzjarji u/jew amministrattivi attwati u l-kontribut utli tagħha għall-kisba ta’ l-objettivi ta’ din id-Direttiva. Madankollu, filwaqt li l-awto-regolamentazzjoni tista’ tkun metodu komplimentari għall-implimentazzjoni ta’ ċertu dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, hija m’għandhiex tikkostitwixxi sostitut għall-obbligu tal-leġislatur nazzjonali.

Il-ko-regolamentazzjoni tagħti, fis-sura minima tagħha, “ħolqa legali” bejn l-awto-regolamentazzjoni u l-leġislatur nazzjonali skond it-tradizzjonijiet legali ta’ l-Istati Membri. Il-ko-regolamentazzjoni għandha tippermetti l-possibbiltà għal intervent mill-istat f’każ li l-objettivi tagħha ma jintlaħqux. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi formali ta’ l-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni, din id-Direttiva tinkoraġġixxi l-użu tal-ko-regolamentazzjoni u l-awto-regolamentazzjoni. Dan m’għandu la jobbliga lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistemi ko-regolatorji u/jew awto-regolatorji u lanqas ma jfixkel jew jipperikola inizjattivi ko- jew awto-regolatorji attwali li huma diġà fis-seħħ fl-Istati Membri u li qegħdin jaħdmu b’mod effettiv.

(37)

“Il-litteriżmu fil-media” jirreferi għal ħiliet, għarfien u intendiment li jippermettu lill-konsumaturi jużaw il-media b’mod effettiv u żgur. Persuni li huma litterati fil-media jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, jifhmu n-natura tal-kontenut u s-servizzi u jieħdu vantaġġ mill-firxa sħiħa ta’ opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji l-ġodda tal-komunikazzjoni. Huma jkunu jistgħu jipproteġu aħjar lilhom infushom u lill-familji tagħhom minn materjal dannuż u offensiv. Għalhekk l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media fit-taqsimiet kollha tas-soċjetà għandu jiġi promoss u l-progress segwit mill-qrib.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta’ tweġiba fir-rigward tal-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u ta’ l-informazzjoni online  (20) diġà fiha numru ta’ miżuri possibbli għall-promozzjoni tal-litteriżmu fil-media bħal, per eżempju, it-tkomplija ta’ l-edukazzjoni għall-għalliema u l-ħarrieġa, taħriġ speċifiku għall-Internet immirat għat-tfal minn età bikrija, inklużi sessjonijiet miftuħa għall-ġenituri, jew organizzazzjoni ta’ kampanji nazzjonali mmirati għaċ-ċittadini, bl-involviment tal-mezzi kollha tal-komunikazzjoni, biex tingħata informazzjoni dwar l-użu responsabbli ta’ l-Internet.

(38)

Id-drittijiet ta’ xandir televiżiv għal avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi jistgħu jinkisbu mix-xandara fuq bażi esklussiva. Madankollu, huwa essenzjali li jiġi promoss il-pluraliżmu permezz tad-diversità fil-produzzjoni ta’ l-aħbarijiet u tal-programmar madwar l-Unjoni Ewropea u li jiġu rrispetatti l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem ta’ l-Unjoni Ewropera.

(39)

Sabiex tiġi salvagwardjata l-libertà fundamentali li wieħed jirċievi l-informazzjoni u biex jiġi żgurat li l-interessi tat-telespettaturi fl-Unjoni Ewropea jitħarsu bis-sħiħ u kif suppost, dawk li jkollhom id-drittijiet esklussivi ta’ xandir televiżiv dwar avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi għandhom jagħtu lix-xandara l-oħra d-dritt li jużaw siltiet qosra għall-finijiet ta’ programmi ta’ aħbarijiet ġenerali f’termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji b’kont meħud tad-drittijiet esklussivi. Tali termini għandhom jiġu kkomunikati fil-ħin qabel ma jseħħ l-avveniment ta’ interess pubbliku qawwi sabiex jingħata ħin biżżejjed lill-oħrajn ħalli jeżerċitaw dan id-dritt. Xandar għandu jkun jista’ jeżerċita dan id-dritt permezz ta’ intermedjarju li jaġixxi speċifikament f’ismu fuq bażi ta’ każ b’każ. Tali siltiet qosra jistgħu jintużaw għal xandiriet madwar l-UE minn kwalunkwe stazzjon inklużi stazzjonijiet iddedikati għall-isports u m’għandhomx jaqbżu d-90 sekonda.

Id-dritt għall-aċċess għal siltiet qosra għandu japplika fuq bażi transkonfinali biss fejn huwa meħtieġ. Għalhekk xandar għandu l-ewwel ifittex aċċess minn xandar stabbilit fl-istess Stat Membru li jkollu d-drittijiet esklussivi għall-avveniment ta’ interess kbir għall-pubbliku.

L-idea ta’ programmi ta’ l-aħbarijiet ġenerali m’għandiex tkopri l-kompilazzjoni ta’ siltiet qosra fil-programmi li jservu skopijiet ta’ divertiment.

Il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini għandu japplika kemm għall-aċċess kif ukoll għat-trasmissjoni tas-siltiet il-qosra. F’każ transkonfinali, dan ifisser li l-liġijiet differenti għandhom japplikaw sekwenzjalment. L-ewwel, għall-aċċess għas-siltiet il-qosra, tapplika l-liġi ta’ l-Istat Membru fejn huwa stabbilit ix-xandar li jipprovdi l-ewwel sinjal (jiġifieri, qed jagħti l-aċċess). Dan normalment huwa l-Istat Membru fejn iseħħ l-avveniment ikkonċernat. Fejn Stat Membru stabbilixxa sistema ekwivalenti ta’ aċċess għall-avveniment ikkonċernat tapplika xorta waħda l-liġi ta’ dan l-Istat Membru. It-tieni, għat-trasmissjoni tas-silta l-qasira, tapplika l-liġi ta’ l-Istat Membru fejn ikun stabbilit ix-xandar li jittrasmetti s-siltiet il-qosra.

(40)

Il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ l-aċċess għal avvenimenti ta’ interess qawwi għall-pubbliku għall-fini ta’ rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (21) u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti fil-qasam tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet li għandhom x’jaqsmu magħhom. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għal avvenimenti ta’ interess kbir għall-pubbliku billi jagħtu aċċess għas-sinjal tax-xandar fis-sens ta’ din id-Direttiva. Madankollu, huma jistgħu jagħżlu mezzi ekwivalenti oħra fis-sens ta’ din id-Direttiva. Tali mezzi jinkludu, inter alia, l-għoti ta’ aċċess għall-post ta’ dawn l-avvenimenti qabel l-għoti ta’ aċċess għas-sinjal. Ix-xandara m’ għandhomx jinżammu lura milli jikkonkludu kuntratt aktar dettaljat.

(41)

Għandu jkun żgurat li l-prattika tal-fornituri tas-servizzi tal-media li jipprovdu programmi live ta’ xandiriet ta’ aħbarijiet fil-modalità on-demand wara t-trasmissjoni diretta għadha possibbli mingħajr ma jkollhom jiġu adattati l-programmi individwali billi jitħallew barra s-siltiet il-qosra. Din il-possibbiltà għandha tkun ristretta għall-għoti on-demand tal-programm identiku televiżiv imxandar mill-istess fornitur tas-servizzi tal-media, u għalhekk ma tistax tintuża biex jinħolqu mudelli ta’ negozju on-demand ġodda bbażati fuq siltiet qosra.

(42)

Is-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand huma differenti mis-servizzi ta’ xandir televiżiv fir-rigward ta’ l-għażla u l-kontroll li l-utent jista’ jkollu u fir-rigward ta’ l-impatt li għandhom fuq is-soċjetà (22). Dan jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ regolamentazzjoni eħfef fuq is-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand, li għandhom jikkonformaw biss mar-regoli bażiċi previsti f’ din id-Direttiva.

(43)

Minħabba n-natura speċifika tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, speċjalment l-impatt ta’ dawn is-servizzi fuq il-mod kif in-nies jibnu l-opinjoni tagħhom, huwa essenzjali li l-utenti jkunu jafu eżattament min hu responsabbli għall-kontenut ta’ dawn is-servizzi. Huwa għalhekk importanti għall-Istati Membri li jiżguraw li l-utenti jkollhom aċċess faċli u dirett f’kull ħin għall-informazzjoni dwar il-fornitur tas-servizzi tal-media. Jixraq li kull Stat Membru li jiddeċiedi d-dettalji prattiċi ta’ kif jista’ jintlaħaq dan l-objettiv mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tad-dritt Komunitarju.

(44)

Id-disponibbiltà ta’ kontenut dannuż fis-servizzi tal-media awdjoviżiva għadha qed tqajjem tħassib għal-leġislatur, l-industrija tal-media u l-ġenituri. Probabilment ser ikun hemm ukoll sfidi ġodda, speċjalment f’rabta ma’ pjattaformi ġodda u prodotti ġodda. Għalhekk jeħtieġ li jiġu introdotti regoli li jipproteġu l-iżvilupp fiżiku, mentali u morali tal-minuri kif ukoll tad-dinjità tal-bniedem fis-servizzi kollha tal-media awdjoviżiva, inkluża l-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva.

(45)

Il-miżuri meħuda għall-protezzjoni ta’ l-iżvilupp fiżiku, mentali u morali tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem għandhom ikunu bilanċjati bil-għaqal mad-drittijiet fundamentali ta’ l-espressjoni kif stabbilit fil-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. L-għan ta’ dawk il-miżuri, bħall-użu tan-numri ta’ identifikazzjoni personali (kodiċijiet PIN), sistemi ta’ filtrazzjoni jew tabellar, għandu għalhekk ikun li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ l-iżvilupp fiżiku, mentali u morali tal-minuri u tad-dinjità umana, speċjalment rigward is-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand.

Ir-Rakkomandazzjoni dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta’ risposta diġà tirrikonoxxi l-importanza ta’ sistemi ta’ filtrazzjoni u tikkettar u tinkludi numru ta’ miżuri possibbli għall-benefiċċju tal-minuri bħal, l-għoti sistematiku lill-utenti ta’ sistema ta’ filtrazzjoni effettiva, li tista’ tiġi aġġornata u li tkun faċli għall-użu meta huma jabbonaw ma’ fornitur għall-aċċess jew it-tagħmir għall-aċċess għal servizzi maħsuba speċifikament għat-tfal b’sistemi ta’ filtrazzjoni awtomatika.

(46)

Il-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri huma fi kwalunkwe każ soġġetti għad-divjet dwar id-disseminazzjoni tal-pornografija bit-tfal skond id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI tat-22 ta’ Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija bit-tfal (23).

(47)

L-ebda dispożizzjoni introdotta b’din id-Direttiva li tikkonċerna l-protezzjoni ta’ l-iżvilupp fiżiku, mentali u morali tal-minuri u d-dinjita’ tal-bniedem ma tirrikjedi neċessarjament li l-miżuri meħuda għall-protezzjoni ta’ dawk l-interessi jkunu implimentati permezz ta’ verifika minn qabel tas-servizzi tal-media awdjoviżiva minn korpi pubbliċi.

(48)

Is-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand għandhom il-potenzjal li parzjalment jissostitwixxu x-xandir televiżiv. Għaldaqstant, fejn huwa prattikabbli huma għandhom jippromwovi l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej u b’hekk jikkontribwixxu attivament għall-promozzjoni tad-diversità kulturali. Tali appoġġ għax-xogħlijiet Ewropej jista’ per eżempju jieħu l-forma ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji minn tali servizzi għall-produzzjoni u l-akkwist tad-drittijiet ta’ xogħlijiet Ewropej, sehem minimu ta’ xogħlijiet Ewropej fil-katalogi video-on-demand, jew il-preżentazzjoni attraenti ta’ xogħlijiet Ewropej fi gwidi elettroniċi għall-programmi. Huwa importanti li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej mis-servizzi tal-media awdjoviżiva tiġi ri-eżaminata regolarment. Fil-qafas tar-rapporti stabbiliti f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom iqisu wkoll partikolarment il-kontribuzzjoni finanzjarja minn tali servizzi għall-produzzjoni u l-akkwist tad-drittijiet ta’ xogħlijiet Ewropej; is-sehem ta’ xogħlijiet Ewropej fil-katalogu tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, u fil-konsum effettiv ta’ xogħlijiet Ewropej offruti minn tali servizzi.

(49)

Meta jiġu definiti “produtturi li huma indipendenti mix-xandara” kif imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/552/KEE, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont debitu notevolment ta’ kriterji bħas-sjieda ta’ l-azjenda ta’ produzzjoni, l-ammont ta’ programmi fornuti lill-istess xandar u s-sjieda ta’ drittijiet sekondarji.

(50)

Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/552/KEE l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lix-xandara jinkludu sehem adegwat ta’ xogħlijiet Ewropej ko-prodotti jew ta’ xogħlijiet Ewropej ta’ oriġini barranija.

(51)

Huwa importanti li jiġi żgurat li x-xogħlijiet ċinematografiċi huma trasmessi f’perijodi maqbula bejn min għandu d-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi tal-media.

(52)

Id-disponibbiltà ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand żżid l-għażla għall-konsumatur. Regoli dettaljati għall-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva għal servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand jidhru għalhekk la ġġustifikati u lanqas jagħmlu sens mil-lat tekniku. Madankollu, il-komunikazzjoni kummerċjali kollha awdjoviżiva għandha tirrispetta mhux biss ir-regoli ta’ identifikazzjoni iżda wkoll livell bażiku ta’ regoli kwalitattivi sabiex jintlaħqu objettivi ċari ta’ politika pubblika.

(53)

Id-dritt ta’ risposta huwa rimedju legali adatt għax-xandir televiżiv u jista’ jiġi applikat ukoll fl-ambjent on-line. Ir-Rakkomandazzjoni dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta’ risposta diġà fiha linji gwida adatti għall-implimentazzjoni ta’ miżuri fil-liġi jew fil-prattika nazzjonali sabiex ikun żgurat biżżejjed id-dritt ta’ risposta jew rimedji ekwivalenti fir-rigward tal-media on-line.

(54)

Kif ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni Interpretattiva tagħha dwar ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reklamar fid-Direttiva “Televiżjoni mingħajr fruntieri” (24), l-iżvilupp ta’ tekniki ġodda ta’ reklamar u innovazzjonijiet fil-kummerċjalizzazzjoni ħoloq opportunitajiet effettivi ġodda għall-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi fis-servizzi tax-xandir tradizzjonali, potenzjalment billi jippermettilhom jikkompetu aħjar b’parità ma’ l-innovazzjonijiet on-demand.

(55)

L-iżviluppi kummerċjali u teknoloġiċi jagħtu lill-utenti aktar għażla u responsabbiltà fl-użu tagħhom tas-servizzi tal-media awdjoviżiva. Biex tibqa’ proporzjonali ma’ l-għanijiet ta’ interess ġenerali, ir-regolamentazzjoni għandha tippermetti ċertu grad ta’ flessibbiltà fir-rigward tax-xandir televiżiv. Il-prinċipju ta’ separazzjoni għandu jkun limitat għar-reklamar bit-televiżjoni u t-telebejgħ, it-tqegħid ta’ prodott għandu jitħalla taħt ċerti ċirkustanzi, sakemm Stat Membru ma jiddeċidix mod ieħor, u xi restrizzjonijiet kwantitattivi għandhom jiġu aboliti. Madankollu, fejn it-tqegħid ta’ prodott isir bil-moħbi, dan għandu jiġi pprojbit. Il-prinċipju ta’ separazzjoni m’għandux jimpedixxi tekniki ġodda ta’ reklamar.

(56)

Minbarra l-prattiki koperti mid-Direttiva attwali, id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (25) tapplika għal prattiċi kummerċjali mhux ġusti, bħal prattiċi qarrieqa u aggressivi li jidhru fis-servizzi tal-media awdjoviżiva. Barra minn hekk, peress li d-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-reklmar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk (26), li tipprojbixxi r-reklamar u l-isponsorizzazzjoni għas-sigaretti u prodotti oħrajn tat-tabakk fil-media stampata, fis-servizzi ta’ informazzjoni lis-soċjetà u fix-xandir bir-radju, hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 89/552/KEE bil-ħsieb tal-karatteristiċi speċjali tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, ir-relazzjoni bejn id-Direttiva 2003/33/KE u d-Direttiva 89/552/KEE għandha tibqa’ l-istess wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. L-Artikolu 88(1) tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (27) li tipprojbixxi r-reklamar ta’ ċerti prodotti mediċinali lill-pubbliku ġenerali japplika, kif previst fil-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 89/552/KEE. Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva 2001/83/KE u d-Direttiva 89/552/KEE għandha tibqa’ l-istess wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Barra minn hekk, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (28).

(57)

Meta wieħed iqis iż-żieda fil-possibilitajiet għat-telespettaturi li jevitaw ir-reklami permezz ta’ teknoloġiji ġodda bħall-video recorders diġitali personali u ż-żieda fl-għażla ta’ l-istazzjonijiet, m’hijiex aktar iġġustifikata r-regolamentazzjoni dettaljata fir-rigward ta’ l-inklużjoni ta’ spots ta’ reklami bil-għan li t-telespettaturi jkunu protetti. Filwaqt li din id-Direttiva m’għandiex iżżid l-ammont ta’ reklami fis-siegħa li huwa ammissibbli, hija għandha tagħti flessibbiltà lix-xandara fir-rigward ta’ l-inklużjoni tagħhom fejn dan ma jtellifx indebitament l-integrità tal-programmi.

(58)

Din id-Direttiva hija maħsuba sabiex tissalvagwardja l-karattru speċifiku tat-televiżjoni Ewropea, fejn ir-reklamar preferibbilment jiddaħħal bejn il-programmi, u għalhekk tillimita l-interruzzjonijiet possibbli għal xogħlijiet ċinematografiċi u films magħmulin għat-televiżjoni kif ukoll l-interruzzjonijiet ta’ xi kategoriji ta’ programmi li għad għandhom bżonn protezzjoni speċifika.

(59)

Il-limitazzjoni li kienet teżisti fuq l-ammont ta’ reklamar televiżiv ta’ kuljum kienet fil-biċċa l-kbira teoretika. Il-limitu ta’ kull siegħa huwa aktar importanti peress li japplika wkoll matul l-aqwa ħin. Għaldaqstant, il-limitu ta’ kuljum għandu jitneħħa, filwaqt li l-limitu ta’ kull siegħa għandu jinżamm għal spots ta’ reklamar u telebejgħ fuq it-televiżjoni. Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-ħin permess għal stazzjonijiet tat-telebejgħ jew tar-reklamar ma jidhrux li għadhom iġġustifikati minħabba l-għażla akbar għall-konsumatur. Madankollu, il-limitu ta’ 20 % ta’ spots ta’ reklamar u spots ta’ telebejgħ fuq it-televiżjoni għal kull siegħa bl-arloġġ jibqa’ applikabbli. L-idea ta’ spots ta’ reklamar fuq it-televiżjoni għandha tiftiehem bħala reklamar televiżiv fis-sens ta’ l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata minn din id-Direttiva ta’ dewmien ta’ mhux aktar minn 12-il minuta.

(60)

Il-komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva bil-moħbi hija prattika pprojbita minn din id-Direttiva minħabba l-effett negattiv tagħha fuq il-konsumatur. Il-projbizzjoni ta’ komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva bil-moħbi m’għandiex tkopri t-tqegħid leġittimu ta’ prodott fil-qafas ta’ din id-Direttiva, fejn it-telespettatur huwa mgħarraf b’mod adegwat bl-eżistenza ta’ tqegħid ta’ prodott. Dan jista’ jsir jew billi jiġi ssenjalat il-fatt li qed isir tqegħid ta’ prodott fi programm partikolari, per eżempju permezz ta’ logo newtrali.

(61)

It-tqegħid ta’ prodott huwa realtà f’xogħlijiet ċinematografiċi u f’xogħlijiet awdjoviżivi maħduma għat-televiżjoni, iżda l-Istati Membri jirregolaw din il-prattika b’modi differenti. Biex tkun żgurata l-parità, u b’hekk tiżdied il-kompetittività ta’ l-industrija tal-media Ewropea, jeħtieġ li jiġu adottati regoli għat-tqegħid ta’ prodotti. Id-definizzjoni ta’ tqegħid ta’ prodott introdotta b’din id-Direttiva għandha tkopri kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva li tikkonsisti fl-inklużjoni ta’ jew referenza għal prodott, servizz jew it-trade mark tiegħu biex dan jidher fi programm, bi ħlas jew għal korrispettiv simili. Il-provvista ta’ prodotti jew servizzi b’xejn, bħall-oġġetti tal-produzzjoni jew premjijiet, għandhom jitqiesu bħal tqegħid ta’ prodott jekk il-prodotti jew is-servizzi involuti huma ta’ valur sinifikanti. It-tqegħid ta’ prodott għandu jkun soġġett għall-istess regoli kwalitattivi u restrizzjonijiet li japplikaw għall-komunikazzjoni awdjoviżiva kummerċjali. Il-kriterju deċiżiv li jiddistingwi l-isponsorizzazzjoni u t-tqegħid ta’ prodott huwa l-fatt li fit-tqegħid ta’ prodott ir-referenza għal prodott tinbena fl-azzjoni ta’ programm li hija r-raġuni għaliex id-definizzjoni fl-Artikolu 1(m) tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata minn din id-Direttiva fiha l-kelma “fi”. B’kuntrast, referenzi għal promotur jistgħu jintwerew matul programm iżda m’humiex parti mill-plot.

(62)

It-tqegħid ta’ prodott għandu, fil-prinċipju, ikun ipprojbit. Madankollu, derogi jistgħu ikunu xierqa għal ċertu ġeneri ta’ programmi, abbażi ta’ lista pożittiva. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu ma japplikawx dawn id-derogi, totalment jew parzjalement, per eżempju billi jippermettu t-tqegħid ta’ prodott biss fi programmi li ma kinux prodotti esklussivament f’dak l-Istat Membru.

(63)

Barra minn hekk, l-isponsorizzazzjoni u t-tqegħid ta’ prodott huma pprojbiti fejn dawn jinfluwenzaw il-kontenut ta’ programmi b’mod li jaffettwaw r-responsabbiltà u l-indipendenza editorjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-media. Dan huwa l-każ fir-rigward ta’ tqegħid tematiku.

(64)

Id-dritt tal-persuni b’diżabilità u tax-xjuħ li jipparteċipaw u jintegraw fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Komunità huwa marbut b’mod li ma jistax jinfired mill-provvista ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva aċċessibbli. Il-mezzi għall-kisba ta’ aċċessibilita’ għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal-lingwa tas-sinjali, is-sottotitoli, id-deskrizzjonijiet awdjo u n-navigazzjoni tal-menu li faċli tinftiehem.

(65)

Skond id-dmirijiet konferiti fuq l-Istati Membri mit-Trattat, huma responsabbli għat-trasponiment u l-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva. Huma liberi li jagħżlu strumenti xierqa skond it-tradizzjonijiet legali u l-istrutturi stabbiliti tagħhom, u notevolment il-forma tal-korpi regolatorji independenti kompetenti tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jwettqu ħidmiethom fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva imparzjalment u bi trasparenza. B’mod aktar speċifiku, l-istrumenti magħżulin mill-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-media.

(66)

Hija meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib bejn il-korpi regolatorji kompetenti ta’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ din id-Direttiva. B’mod simili l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u bejn il-korpi regolatorji ta’ l-Istati Membri hija partikolarment importanti fir-rigward ta’ l-impatt li xandara stabbiliti fi Stat Membru wieħed jista’ jkollhom fuq Stat Membru ieħor. Fil-każ li l-proċeduri ta’ liċenzjar huma previsti fil-liġi nazzjonali u jekk aktar minn Stat Membru wieħed huwa kkonċernat, huwa mixtieq li jsiru kuntatti bejn il-korpi nazzjonali rispettivi qabel ma jingħataw dawk il-liċenzji. Din il-kooperazzjoni għandha tkopri l-oqsma kollha koordinati mid-Direttiva 89/552/KEE kif emendata minn din id-Direttiva u b’ mod partikolari l-Artikoli 2, 2a u 3 tagħha.

(67)

Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-ħolqien ta’ żona mingħajr fruntieri interni għas-servizzi tal-media awdjoviżiva filwaqt li jiġi assigurat fl-istess ħin livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-għanijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-minuri u d-dinjita’ tal-bniedem kif ukoll il-promozzjoni tad-drittijiet ta’ persuni b’disabilita’ ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalita’, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet.

(68)

Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar leġislazzjoni aħjar (29), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 89/552/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

1.

It-titolu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Direttiva 89/552/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)”;

2.

L-Artikolu 1 għandu jinbidel b’ dan li ġej:

“Artikolu 1

Għall-fini ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘servizz tal-media awdjoviżiva’ tfisser:

servizz kif definit mill-Artikoli 49 u 50 tat-Trattat li huwa taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-forniment ta’ programmi sabiex jagħti informazzjoni, intratteniment jew edukazzjoni, lill-pubbliku ġenerali permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettroniċi fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/21/KE. Tali servizz tal-media awdjoviżiva huwa jew xandira bit-televiżjoni kif definit fil-punt (e) ta’ dan l-Artikolu jew servizz tal-media awdjoviżiva on-demand kif definit fil-punt (g) ta’ dan l-Artikolu;

u/jew

komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva;

(b)

‘programm’ tfisser sett ta’ immaġini jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxi element individwali fi skeda jew katalogu stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-forma u l-kontenut tiegħu hu komparabbli mal-forma u l-kontenut tax-xandir televiżiv. Eżempji ta’ programmi jinkludu films prinċipali, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali, dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali;

(ċ)

‘responsabbiltà editorjali’ tfisser l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv kemm fuq is-selezzjoni tal-programmi u fuq l-organizzazzjoni tagħhom jew fi skeda kronoloġika, fil-każ ta’ xandiriet bit-televiżjoni, jew f’katalogu, fil-każ ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand. Ir-responsabbiltà editorjali ma timplikax neċessarjament kwalunkwe responsabbiltà legali taħt il-liġi nazzjonali għall-kontenut jew is-servizzi pprovduti;

(d)

‘fornitur ta’ servizzi tal-media’ tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat;

(e)

‘xandir televiżiv’ jew ‘xandira televiżiva’ (i.e. servizz tal-media awdjoviżiva lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiv ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri simultanju ta’ programmi abbażi ta’ skeda ta’ programmi;

(f)

‘xandar’ tfisser fornitur ta’ servizz tal-media ta’ xandiriet bit-televiżjoni;

(g)

‘servizz on-demand tal-media awdjoviżiva)’ (i.e. servizz tal-media awdjoviżiv non-lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiva pprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri ta’ programmi fil-mument magħżul mill-utent u fuq it-talba individwali tiegħu/tagħha abbażi ta’ katalogu ta’ programmi magħżul mill-fornitur ta’ servizzi tal-media;

(h)

‘komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva’ tfisser immaġini bil-ħoss jew mingħajru li huma mfasslin biex jippromwovu, direttament jew indirettament, il-prodotti, is-servizzi jew ix-xbieha ta’ entità fiżika jew ġuridika li tkun qed twettaq attività ekonomika. Tali xbihat jakkumpanjaw jew huma inklużi fi programm bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili jew għal finijiet ta’ promozzjoni tagħhom infushom. Forom ta’ komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva jinkludu, inter alia, reklamar televiżiv, sponsorizzazzjoni, telebejgħ u tqegħid ta’ prodotti;

(i)

‘reklamar televiżiv’ tfisser kwalunkwe forma ta’ avviż imxandar kemm jekk bi ħlas kemm jekk b’remunerazzjoni simili jew imxandar għal finijiet ta’ promozzjoni tiegħu nnifsu minn impriża pubblika jew privata jew persuna fiżika in konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi, inklużi proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas;

(j)

‘komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva bil-moħbi’ tfisser ir-rappreżentazzjoni fi kliem jew immaġini ta’ prodotti, servizzi, l-isem, il-marka tal-fabbrika jew l-attivitajiet ta’ produttur ta’ prodotti jew ta’ fornitur ta’ servizzi fi programmi fejn tali rappreżentazzjoni hija maħsuba mill-fornitur ta’ servizzi tal-media biex taqdi r-reklamar u tista’ tiżgwida lill-pubbliku dwar in-natura tagħha. Tali rappreżentazzjoni għandha, b’ mod partikolari tkun ikkunsidrata bħala intenzjonali jekk din issir bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili;

(k)

‘sponsorizzazzjoni’ tfisser kwalunkwe kontribut magħmul minn impriża pubblika jew privata jew persuna fiżika li mhix involuta fil-provvista ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva jew fil-produzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, għall-finanzjament ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva jew programmi bil-ħsieb li tippromwovi isimha, il-marka tal-fabbrika tagħha, l-immaġni tagħha, l-attivitajiet tagħha jew il-prodotti tagħha;

(l)

‘telebejgħ’ tfisser offerti diretti mxandra lill-pubbliku bil-ħsieb tal-forniment ta’ prodotti jew servizzi, inklużi proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi, bi ħlas;

(m)

‘tqegħid ta’ prodott’ tfisser kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva li tikkonsisti fl-inklużjoni ta’ jew referenza għal prodott, servizz jew il-marka tal-fabbrika tagħhom sabiex dan jidher fi programm, bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili.

(n)

(i)

‘Xogħlijiet Ewropej’ tfisser dan li ġej:

xogħlijiet li joriġinaw mill-Istati Membri;

xogħlijiet li joriġinaw minn Stati terzi Ewropej li huma parti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni Transkonfinali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-punt (ii);

xogħlijiet ko-prodotti fil-qafas ta’ ftehim relatati mas-settur awdjoviżiv konklużi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet definiti f’kull wieħed minn dawn il-ftehim;

L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni u t-tielet inċiżi ta’ hawn fug għandha tkun bil-kondizzjoni li xogħlijiet li joriġinaw mill-Istati Membri ma jkunux is-suġġett ta’ miżuri diskriminatorji fil-pajjiż terz ikkonċernat;

(ii)

Ix-xogħlijiet imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiżi tal-punt (i) huma xogħlijiet magħmula prinċipalment b’awturi u ħaddiema li jirrisjedu fi Stat wieħed jew aktar minn dawk imsemmijin fl-ewwel u t-tieni inċiżi tal-punt (i) sakemm dawn ikunu konformi ma’ xi waħda mit-tliet kondizzjonijiet li ġejjin:

ikunu mwettqa minn produttur wieħed jew aktar stabbilit(i) f’wieħed jew aktar minn dawk l-Istati; jew

il-produzzjoni tax-xogħlijiet tkun sorveljata u fil-fatt tkun ikkontrollata minn produttur wieħed jew aktar stabbilit(i) f’wieħed jew aktar minn dawk l-Istati; jew

il-kontribuzzjoni tal-ko-produtturi ta’ dawk l-Istati għall-ispejjeż totali tal-ko-produzzjoni tkun preponderanti u l-ko-produzzjoni ma tkunx ikkontrollata minn produttur wieħed jew aktar stabbilit(i) barra minn dawk l-Istati.

(iii)

Xogħlijiet li m’humiex xogħlijiet Ewropej fil-kuntest tat-tifsira tal-punt (i) iżda li huma prodotti fil-qafas ta’ trattati bilaterali ta’ ko-produzzjoni konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandhom jitqiesu bħala xogħlijiet Ewropej sakemm il-ko-produtturi Komunitarji jipprovdu sehem maġġoritarju mill-ispiża totali tal-produzzjoni u li l-produzzjoni ma tkunx ikkontrollata minn produttur wieħed jew aktar stabbilit(i) ‘il barra mit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

3.

L-Artikolu 2 għandu jiġi mibdul b’ dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-servizzi tal-media awdjoviżiva kollha trasmessi minn fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkunu konformi mar-regoli fis-sistema tal-liġi applikabbli għal servizzi tal-media awdjoviżiva maħsuba għall-pubbliku f’dak l-Istat Membru.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva il-fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru huma dawk:

(a)

stabbiliti f’dak l-Istat Membru skond il-paragrafu 3; jew

(b)

li għalihom japplika l-paragrafu 4.

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, fornitur ta’ servizzi tal-media għandu jitqies bħala stabbilit fi Stat Membru fil-każijiet li ġejjin:

(a)

il-fornitur ta’ servizzi tal-media għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu f’dak l-Istat Membru u d-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizz tal-media awdjoviżiv jittieħdu f’dak l-Istat Membru;

(b)

jekk fornitur ta’ servizzi tal-media għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fi Stat Membru wieħed iżda d-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizz tal-media awdjoviżiv jittieħdu fi Stat Membru ieħor, dan għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn topera parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq ta’ l-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiv. Jekk parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq ta’ l-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiv topera f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri, il-fornitur tas-servizzi tal-media għandu jitqies bħala stabbilit fl-Istat Membru fejn għandu l-uffiċċju prinċipali. Jekk parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettqi ta’ l-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiv ma tkun topera fl-ebda wieħed minn dawk l-Istati Membri, il-fornitur tas-servizzi tal-media għandu jitqies li jkun fl-Istat Membru fejn l-ewwel beda l-attivitajiet tiegħu skond is-sistema tal-liġi ta’ dak l-Istat Membru, sakemm huwa jżomm għaqda stabbli u effettiva ma’ l-ekonomija ta’ dak l-Istat Membru;

(ċ)

jekk fornitur ta’ servizzi tal-media jkollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fi Stat Membru iżda d-deċiżjonijiet dwar is-servizz tal-media awdjoviżiv jittieħdu f’pajjiż terz, jew viċe-versa, huwa għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq ta’ l-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiv tkun topera f’dak l-Istat Membru.

4.   Fornituri ta’ servizzi tal-media li għalihom ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 għandhom jitqiesu li huma taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru fil-każijiet li ġejjin:

(a)

huma jużaw up-link satellitari li tinsab f’dak l-Istat Membru;

(b)

għalkemm ma jużawx up-link satellitari li tinsab f’dak l-Istat Membru, huma jużaw kapaċità satellitari li tappartjeni għal dak l-Istat Membru;

5.   Jekk il-kwistjoni dwar liema Stat Membru għandu l-ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi determinata skond il-paragrafi 3 u 4, l-Istat Membru kompetenti għandu jkun dak li fih il-fornitur ta’ servizzi tal-media huwa stabbilit fit-tifsira ta’ l-Artikoli 43 sa 48 tat-Trattat.

6.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal servizzi tal-media awdjoviżiva maħsuba esklużivament għar-riċezzjoni f’pajjiżi terzi u li ma jinqabdux b’tagħmir standard tal-konsumatur direttament jew indirettament mill-pubbliku fi Stat Membru wieħed jew aktar.”;

4.

L-Artikolu 2a huwa b’dan emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-libertà tar-riċezzjoni u m’għandhomx jirrestrinġu fit-territorju tagħhom re-trasmissjonijiet ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva minn Stati Membri oħrajn għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva.”

(b)

f’ paragrafu 2 il-frażi introduttorja u punt (a) għandhom jinbidlu b’ dan li ġej:

“2.   Fir-rigward tax-xandir televiżiv, l-Istati Membri jistgħu, proviżorjament, jidderogaw mill-paragrafu 1 jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

xandira televiżiva li ġejja minn Stat Membru ieħor tikser b’mod ċar, serju u gravi l-Artikolu 22 (1) jew (2) u/jew l-Artikolu 3b;”;

(ċ)

għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   Fir-rigward tas-servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri li jidderogaw mill-paragrafu 1 għal servizz partikolari jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-miżuri jkunu:

(i)

meħtieġa għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

għall-politika pubblika, b’mod partikolari, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż il-protezzjoni ta’ minuri u l-ġlieda kontra kwalunkwe inċitament għal mibegħda bbażata fuq ir-razza, is-sess, ir-reliġjon jew in-nazzjonalità, u ksur tad-dinjità tal-bniedem fir-rigward ta’ persuni individwali,

il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

is-sigurtà pubblika, inkluża s-salvagwardja tas-sigurtà u d-difiża nazzjonali,

il-protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-investituri;

(ii)

jittieħdu kontra servizz tal-media awdjoviżiva on-demand li jippreġudika l-objettivi msemmija fil-punt (i) jew li jippreżenta riskju ta’ preġudizzju serju u gravi għal dawk l-objettivi;

(iii)

ikunu proporzjonati ma’ dawk l-objettivi;

(b)

qabel ma jittieħdu l-miżuri in kwistjoni u mingħajr preġudizzju għal proċedimenti tal-qorti, inkluż proċedimenti preliminari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru:

ikun talab lill-Istat Membru li l-fornitur ta’ servizzi jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawn il-miżuri, jew dawn ma kinux adegwati,

ikun innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li l-fornitur ta’ servizzi jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu dwar l-intenzjoni tiegħu li jieħu tali miżuri.

5.   L-Istati Membri jistgħu, fil-każ ta’ urġenza, jidderogaw mill-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4(b). Fejn dan ikun il-każ, il-miżuri għandhom jiġu nnotifikati fl-iqsar żmien possibbli lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li l-fornitur ta’ servizzi jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, b’indikazzjoni tar-raġunijiet li għalihom l-Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-possibilita ta’ l-Istat Membru li jmexxi bil-miżuri msemmijin fil-paragrafi 4 u 5, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kompatibilità tal-miżuri nnotifikati mad-dritt Komunitarju fl-anqas żmien possibbli. Fir-rigward tal-konklużjoni li l-miżura tkun inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex iżomm lura milli jieħu kwalunkwe miżura proposta jew biex iwaqqaf urġentement il-miżuri in kwistjoni.”;

5.

L-Artikolu 3 għandu jinbidel b’ dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jeħtieġu fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma’ regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva sakemm tali regoli jkunu f’konformità mad-dritt Komunitarju.

2.   F’każijiet fejn Stat Membru:

(a)

ikun eżerċita l-libertà tiegħu taħt il-paragrafu 1 li jadotta regoli ta’ interess pubbliku ġenerali aktar dettaljati jew aktar stretti; u

(b)

jivvaluta li xandar taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor jipprovdi xandira televiżiva li hija kompletament jew fil-biċċa l-kbira tagħha diretta lejn it-territorju tiegħu;

huwa jkun jista’ jikkuntattja lill-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bil-ħsieb li tinkiseb soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti għal kwalunkwe problema kaġunata. Meta l-ewwel Stat Membru jirċievi talba sostanzjata, l-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni għandu jitlob lix-xandar biex jikkonforma mar-regoli ta’ l-interess pubbliku ġenerali in kwistjoni. Fi żmien xahrejn l-Istat Membru bil-ġurisdizzjoni għandu jgħarraf lill-ewwel Stat Membru bir-riżultati miksuba wara din it-talba. Kull wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’ jistieden lill-Kumitat ta’ Kuntatt stabbilit taħt l-Artikolu 23a biex jeżamina l-każ.

3.   Fejn l-ewwel Stat Membru jivvaluta:

(a)

li r-riżultati miksuba permezz ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 m’humiex sodisfaċenti; u

(b)

li x-xandar in kwistjoni stabbilixxa lilu nnifsu fl-Istat Membru li jkollu ġurisdizzjoni sabiex jevita r-regoli aktar stretti, fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva, li jkunu applikabbli għalih li kieku kien stabbilit fl-ewwel Stat Membru;

huwa jista’ jadotta miżuri xierqa kontra x-xandar ikkonċernat.

Tali miżuri għandhom ikunu oġġettivament meħtieġa, applikati b’mod non-diskriminatorju u jkunu proporzjonati ma’ l-objettivi li huma jfittxu li jwettqu.

4.   Stat Membru jista’ jieħu miżuri skond il-paragrafu 3 fil-każ biss li l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

huwa jkun innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li fih huwa stabbilit ix-xandar bl-intenzjoni tiegħu li jieħu tali miżuri waqt li jissostanzja r-raġunijiet li fuqhom jibbaża l-valutazzjoni tiegħu; u

(b)

il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżuri huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari li l-valutazzjonijiet magħmula mill-Istat Membru li jieħu dawn il-miżuri taħt il-paragrafi 2 u 3 huma bbażati b’mod korrett.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fi żmien tliet xhur wara n-notifika prevista fil-paragrafu 4(a). Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżuri m’humiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju l-Istat Membru in kwistjoni m’għandux jieħu l-miżuri proposti.

6.   L-Istati Membri għandhom, b’mezzi xierqa, jiżguraw, fil-qafas tal-leġislazzjoni tagħhom, li fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jikkonformaw effettivament mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

7.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu metodi ko-regolatorji u/jew awto-regolatorji fil-livell nazzjonali fl-oqsma kkoordinati minn din id-Direttiva safejn dan ikun permess mis-sistemi legali tagħhom. Dawn il-metodi għandhom ikunu tali li jkunu aċċettati b’mod ġenerali mill-partijiet interessati ewlenin fl-Istati Membri kkonċernati u jkunu jipprovdu għal infurzar effettiv.

8.   Id-Direttiva 2000/31/KE għandha tapplika ħlief jekk previst mod ieħor f’din id-Direttiva. Fil-każ ta’ konflitt bejn dispożizzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE u dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ser jipprevalu, ħlief jekk previst mod ieħor f’din id-Direttiva.”;

6.

l-Artikolu 3a għandhu jitħassar.

7.

Il-Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal:

“KAPITOLU IIA

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI GĦAS-SERVIZZI TAL-MEDIA AWDJOVIŻIVAA KOLLHA

Artikolu 3a

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fornituri ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom għandhom jagħmlu aċċessibbli faċilment, direttament u permanentament lir-riċevituri tas-servizz mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-fornitur ta’ servizzi tal-media;

(b)

l-indirizz ġeografiku li fih huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizzi tal-media;

(ċ)

id-dettalji tal-fornitur ta’ servizzi tal-media, inkluż l-indirizz tal-posta elettronika jew il-website tiegħu, li jippermettulu li jiġi kkuntattjat malajr b’mod dirett u effettiv;

(d)

fejn applikabbli, il-korpi regolatorji jew ta’ sorveljanza kompetenti.

Artikolu 3b

L-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mezzi xierqa li servizzi tal-media awdjoviżiva pprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jkunx fihom ebda inċitament għall-mibegħda bbażata fuq ir-razza, is-sess, ir-reliġjon jew in-nazzjonalità.

Artikolu 3c

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jiżguraw li s-servizzi tagħhom isiru gradwalment aċċessibbli għal persuni b’diżabilità ta’ viżjoni jew ta’ smigħ.

Artikolu 3d

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jittrasmettux xogħlijiet ċinematografiċi barra mill-perijodi miftiehma mad-detenturi tad-drittijiet.

Artikolu 3e

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi pprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ikunu jikkonformaw mal-ħtiġiet li ġejjin:

(a)

komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għandhom ikunu faċilment rikonoxxibbli bħala tali. Komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva bil-moħbi għandha tkun ipprojbita;

(b)

komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi m’għandhomx jużaw tekniċi subliminali;

(ċ)

komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi m’għandhomx:

(i)

jippreġudikaw ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem;

(ii)

jinkludu jew jippromwovu xi diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, razza jew oriġini etnika, nazzjonalità, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentament sesswali;

(iii)

jinkoraġġixxu mġiba li hija ta’ ħsara għas-saħħa jew għas-sigurtà;

(iv)

jinkoraġġixxu mġiba li hija gravement preġudizzjali għall-ħarsien ta’ l-ambjent;

(d)

il-forom kollha ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal sigaretti u prodotti oħrajn tat-tabakk għandhom ikunu pprojbiti;

(e)

komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi għal xorb alkoħoliku m’għandhomx ikunu mmirati speċifikament lejn il-minuri u ma jistgħux jinkoraġġixxu l-konsum immoderat ta’ tali xorb;

(f)

għandha tkun ipprojbita komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva għal prodotti mediċinali u trattament mediku disponibbli biss bi preskrizzjoni fi Stat Membru li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jaqa’ l-fornitur tas-servizz tal-media;

(g)

komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi m’għandhomx jikkaġunaw detriment fiżiku jew morali lill-minuri. Għalhekk huma m’għandhomx iħajru direttament lill-minuri sabiex jixtru jew jikru prodott jew servizz billi jisfruttaw in-nuqqas ta’ esperjenza jew il-kredulità tagħhom, jinkoraġġuhom direttament sabiex jipperswadu lill-ġenituri tagħhom jew lil oħrajn biex jixtru l-prodotti jew is-servizzi rriklamati, jisfruttaw il-fiduċja speċjali li l-minuri għandhom fil-ġenituri, l-għalliema jew persuni oħrajn, jew juru lill-minuri b’mod mhux raġonevoli f’sitwazzjonijiet ta’ periklu.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu lill-fornituri tas-servizzi tal-media biex jiżviluppaw kodiċi ta’ kondotta rigward komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva mhux xierqa, li takkumpanja jew li hi inkluża fil-programmi għat-tfal, ta’ ikel u xorb li fihom nutrijenti u sustanzi b’effett nutrittiv jew psikoloġiku, partikolarment dawk bħax-xaħam, l-aċidi trans-grassi, il-melħ/sodju u z-zokkor, li meta jittieħdu b’mod eċċessiv fid-dieta ġenerali mhumiex irrakkomandati.

Artikolu 3f

1.   Servizzi tal-media awdjoviżiva jew programmi li huma sponsorizzati għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet li ġejjin:

(a)

il-kontenut tagħhom u, fil-każ ta’ xandir televiżiv, l-iskedar tagħhom m’għandu fl-ebda ċirkostanza jkun influwenzat b’tali mod li jaffettwa r-responsabbiltà u l-indipendenza editorjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-media;

(b)

huma m’għandhomx jinkoraġġixxu direttament ix-xiri jew il-kiri ta’ prodotti jew servizzi, b’mod partikolari billi jagħmlu referenzi promozzjonali speċjali għal dawk il-prodotti jew is-servizzi;

(ċ)

it-telespettaturi għandhom jiġu mgħarrfa b’mod ċar bl-eżistenza ta’ ftehim ta’ sponsorizzazzjoni. Programmi sponsorizzati għandhom ikunu identifikati b’mod ċar bħala tali mill-isem, il-logo u/jew kwalunkwe simbolu ieħor ta’ l-isponsor bħal referenza għall-prodott(i) jew s-servizz(i) tiegħu jew sinjal distintiv tiegħu b’mod xieraq għal programmi fil-bidu, matul u/jew fit-tmiem tal-programmi.

2.   Servizzi tal-media awdjoviżiva jew programmi m’għandhomx jiġu sponsorizzati minn impriżi li l-attività prinċipali tagħhom hija l-manifattura jew il-bejgħ ta’ sigaretti u prodotti oħrajn tat-tabakk.

3.   L-isponsorizzazzjoni ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva jew programmi minn impriżi li l-attivitajiet tagħhom jinkludu l-manifattura jew il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali u trattament mediku jistgħu jippromwovu l-isem jew ix-xbiha ta’ l-impriża iżda m’għandhomx jippromwovu prodotti mediċinali speċifiċi jew trattamenti mediċi disponibbli biss b’riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu jaqa’ l-fornitur ta’ servizzi tal-media.

4.   Aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti m’għandhomx ikunu sponsorizzati. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jipprojbixxu l-wiri ta’ logo ta’ sponsorizzazzjoni waqt programmi tat-tfal, dokumentarji u programmi reliġjużi.

Artikolu 3 g

1.   It-tqegħid ta’ prodotti għandu jkun ipprojbit.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, it-tqegħid ta’ prodott għandu jkun permess, ħlief jekk Stat Membru jiddeċiedi mod ieħor,

f’xogħlijiet ċinematografiċi, f’films u f’sensiliet magħmulin għal servizzi tal-media awdjoviżiva, fi programmi sportivi u fi programmi ta’ divertiment leġġer; jew

fejn ma jkun hemm l-ebda ħlas iżda biss il-forniment ta’ ċerti prodotti jew servizzi mingħajr ħlas, bħall-armar ta’ produzzjoni u l-premjijiet, bil-ħsieb ta’ l-inklużjoni tagħhom fi programm.

Id-deroga prevista fl-ewwel inċiż m’għandhiex tapplika għal programmi tat-tfal.

Il-programmi li jkun fihom tqegħid ta’ prodott għandhom jissodisfaw ta’ l-inqas il-ħtiġiet li ġejjin kollha:

(a)

il-kontenut tagħhom u, fil-każ ta’ xandir televiżiv, l-iskedar tagħhom m’għandu jkun fl-ebda ċirkostanza influwenzat b’tali mod li jaffettwa r-responsabbiltà u l-indipendenza editorjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-media;

(b)

huma m’ għandhomx jinkoraġġixxu direttament ix-xiri jew il-kiri ta’ prodotti jew servizzi, b’mod partikolari billi jagħmlu referenzi promozzjonali speċjali għal dawk il-prodotti jew is-servizzi;

(ċ)

m’għandhomx jagħtu prominenza mhux dovuta lill-prodott in kwistjoni;

(d)

it-telespettaturi għandhom ikunu mgħarrfa b’mod ċar bl-eżistenza ta’ tqegħid ta’ prodott. Programmi li fihom tqegħid ta’ prodott għandhom ikunu identifikati b’mod xieraq fil-bidu u fit-tmiem tal-programm, u meta programm jerġa’ jibda wara waqfa pubbliċitarja, sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni min-naħa tat-telespettatur.

Bħala eċċezzjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jirrinunzjaw il-ħtiġiet imniżżlin f’punt (d) dment li l-programm in kwistjoni la ġie prodott u lanqas ikkummissjonat mill-fornitur tas-servizz tal-media nnifsu jew minn kumpanija affiljata mal-fornitur tas-servizz tal-media.

3.   Fi kwalunkwe każ programmi m’għandhomx ikun fihom tqegħid ta’ prodott ta’:

prodotti tat-tabakk jew sigaretti jew tqegħid ta’ prodott minn impriżi li l-attività prinċipali tagħhom hija l-manifattura jew il-bejgħ ta’ sigaretti u ta’ prodotti oħrajn tat-tabakk; jew,

prodotti mediċinali speċifiċi jew trattamenti mediċi disponibbli biss b’riċetta tat-tabib fl-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu jaqa’ l-fornitur ta’ servizzi tal-media.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw biss għal programmi prodotti wara d-19 ta’ Diċembru 2009.”;

8.

Il-Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal:

“KAPITOLU IIB

DISPOŻIZZJONIJIET APPLIKABBLI BISS GĦAL SERVIZZI TAL-MEDIA AWDJOVIŻIVA ON-DEMAND

Artikolu 3h

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand pprovduti minn fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li jistgħu jfixklu serjament l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minuri jsiru disponibbli biss b’tali mod li jkun jiżgura li l-minuri normalment ma jisimgħux jew jaraw tali servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand.

Artikolu 3i

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand pprovduti minn fornituri ta’ servizzi tal-media li jaqgħtu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jippromwovu, fejn huwa prattikabbli u permezz ta’ mezzi xierqa, il-produzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej u l-aċċess għalihom. Tali promozzjoni tista’ tirrelata, inter alia, mal-kontribut finanzjarju magħmul minn tali servizzi għall-produzzjoni u l-akkwist ta’ drittijiet ta’ xogħlijiet Ewropej jew għas-sehem u/jew il-prominenza ta’ xogħlijiet Ewropej fil-katalogu ta’ programmi offruti mis-servizz tal-media awdjoviżiva on-demand.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mid-19 ta’ Diċembru 2011 u kull erba’ snin wara dan dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, u ta’ studju indipendenti, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1, b’kont meħud tas-suq u ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi u ta’ l-objettivi tad-diversità kulturali.”;

9.

Il-kapitolu li ġej għandu jiżdied:

“KAPITOLU IIC

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR DRITTIJIET ESKLUSSIVI U RAPPORTI TA’ AĦBARIJIET FIL-QOSOR F’XANDIRIET TELEVIŻIVI

Artikolu 3j

1.   Kull Stat Membru jista’ jieħu miżuri skond id-dritt Komunitarju biex jiżgura li xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru bħala ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu lil proporzjon sostanzjali mill-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibbiltà li jsegwi tali avvenimenti permezz ta’ xandiriet diretti jew xandiriet differiti fuq televizjoni bla ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jfassal lista ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jikkunsidra bħala ta’ importanza maġġuri għas-soċjetà. Huwa għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fi żmien debitu u effettiv. Filwaqt li jagħmel dan l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddetermina wkoll jekk dawn l-avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta’ xandiriet diretti sħaħ jew parzjali, jew fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi ta’ interess pubbliku, xandiriet differiti sħaħ jew parzjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura li tittieħed jew li tkun ser tittieħed skond il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li tali miżuri huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju u tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħrajn. Hija għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat ta’ kuntatt stabbilit skond l-Artikolu 23a. Hija għandha minnufih tippubblika l-miżuri meħuda fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u mill-anqas darba fis-sena l-lista konsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mezzi xierqa, fil-qafas tal-leġislazzjoni tagħhom li xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jeżerċitawx id-drittijiet esklussivi li nxtraw minn dawk ix-xandara wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’tali mod li proporzjon sostanzjali mill-pubbliku fi Stat Membru ieħor ikun miċħud mill-possibbiltà li jsegwi avvenimenti li huma magħżula minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 1 u 2 permezz ta’ xandiriet diretti sħaħ jew parzjali jew, fejn ikun meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandiriet differiti sħaħ jew parzjali fuq televiżjoni bla ħlas kif determinat minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 1.

Artikolu 3k

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-fini ta’ rapporti ta’ l-aħbarijiet fil-qosor, kwalunkwe xandar stabbilit fil-Komunità jkollu aċċess fuq bażi ġusta, raġonevoli u non-diskriminatorja għal avvenimenti ta’ interess kbir għall-pubbliku li huma trasmessi fuq bażi esklussiva minn xandar taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

2.   Jekk xandar ieħor stabbilit fl-istess Stat Membru bħax-xandar li jkun qed ifittex aċċess, ikun kiseb drittijiet esklussivi għall-avveniment ta’ interess kbir għall-pubbliku, dan għandu jfittex l-aċċess minn dak ix-xandar.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali aċċess ikun garantit billi x-xandara jitħallew jagħżlu liberament siltiet qosra mis-sinjal tax-xandar li jkun qed jittrasmetti b’mill-anqas, sakemm dan ma jkunx impossibbli għal raġunijiet ta’ prattiċità, l-identifikazzjoni tas-sors tagħhom.

4.   Bħala alternattiva għall-paragrafu 3, Stat Membru jista’ jistabbilixxi sistema ekwivalenti li tikseb aċċess fuq bażi ġusta, raġonevoli u non-diskriminatorja b’mezzi oħrajn.

5.   Siltiet qosra għandhom jintużaw biss għal programmi ta’ aħbarijiet ġenerali u jistgħu biss jintużaw f’servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand jekk l-istess programm ikun offrut fuq bażi differita mill-istess fornitur ta’ servizzi tal-media.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 5a hawn fuq, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skond is-sistemi legali u l-prattiċi tagħhom, li l-modalitajiet u l-kondizzjonijiet rigward il-forniment ta’ tali siltiet qosra jkunu definiti, b’mod partikolari kwalunkwe arranġament għal kumpens, it-tul massimu ta’ siltiet qosra u l-limiti ta’ żmien rigward it-trasmissjoni tagħhom. Fejn hemm previżjoni għal kumpens, dan m’għandux jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali li jsiru direttament biex jingħata l-aċċess.”;

10.

Fl-Artikolu 4 (1) il-frażi “fit-tifsira ta’ l-Artikolu 6” għandha titħassar.

11.

L-artikoli 6 u 7 għandhom jitħassru.

12.

It-titolu ta’ Kapitolu IV għandu jinbidel b’ dan li ġej:

 

“REKLAMAR TELEVIŻIV U TELEBEJGĦ”

13.

Artikolu 10 għandu jinbidel b’ dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   Ir-reklamar televiżiv u t-telebejgħ għandhom ikunu faċilment rikonoxxibbli u distinti minn kontenut editorjali. Mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ tekniki ta’ reklamar ġodda, ir-reklamar televiżiv u t-telebejgħ għandhom jinżammu separati sew minn partijiet oħra tal-programm b’mezzi ottiċi u/jew akustiċi u/jew spazjali.

2.   Spots iżolati ta’ reklamar u ta’ telebejgħ, li m’humiex trasmissjonijiet ta’ avvenimenti sportivi, għandhom jibqgħu l-eċċezzjoni.”;

14.

Artikolu 11 għandu jinbidel b’ dan li ġej:

“Artikolu 11

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fejn ir-reklamar televiżiv jew it-telebejgħ jiddaħħal waqt il-programmi, li l-integrità tal-programmi, b’kont meħud ta’ waqfien naturali fihom u tat-tul ta’ ħin u n-natura tal-programm, u d-drittijiet tad-detenturi tad-dritt ma jkunux ippreġudikati.

2.   It-trasmissjoni ta’ films magħmulin għat-televiżjoni (esklużi sensiliet, serje u dokumentarji), xogħlijiet ċinematografiċi u programmi ta’ l-aħbarijiet jistgħu jiġu interrotti minn reklamar televiżiv u/jew telebejgħ darba għal kull perijodu skedat ta’ mill-inqas 30 minuta. It-trasmissjoni ta’ programmi tat-tfal tista’ tiġi interrotta minn reklamar televiżiv u/jew telebejgħ darba għal kull perijodu skedat ta’ mill-inqas 30 minuta, sakemm it-tul ta’ ħin skedat tal-programm ikun aktar minn 30 minuta. Waqt servizzi reliġjużi ma jista’ jiddaħħal l-ebda reklamar televiżiv jew telebejgħ.”;

15.

L-Artikoli 12 u 13 għandhom jitħassru.

16.

L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 14 għandu jitħassar.

17.

L-Artikoli 16 u 17 għandhom jitħassru.

18.

L-Artikolu 18 għandu jindbidel b’ dan li ġej:

“Artikolu 18

1.   Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ telebejgħ televiżiv f’siegħa speċifika ta’ l-arloġġ m’għandux jeċċedi 20 %.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u ma’ prodotti anċillari li joħorġu direttament minn dawk il-programmi, avviżi ta’ sponsorizzazzjoni u tqegħid ta’ prodotti.”;

19.

L-Artikolu 18a għandu jindbidel b’ dan li ġej:

“Artikolu 18a

It-twieqi ta’ telebejgħ għandhom ikunu identifikati b’mod ċar bħala tali permezz ta’ mezzi ottiċi u akustiċi u għandhom ikunu ta’ tul ta’ mill-inqas 15-il minuta mingħajr interruzzjoni.”

20.

L-Artikolu 19 għandu jindbidel b’ dan li ġej:

“Artikolu 19

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kanali tat-televiżjoni ddedikati esklużivament għal reklamar u telebejgħ kif ukoll għal kanali tat-televiżjoni dedikati esklużivament għall-promozzjoni tal-persuna nnifisha. Il-Kapitolu III kif ukoll l-Artikolu 11 u l-Artikolu 18 m’għandhomx japplikaw għal dawn il-kanali.”;

21.

L-Artikolu 19a għandu jitħassar.

22.

L-Artikolu 20 għandu jindbidel b’ dan li ġej:

“Artikolu 20

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, l-Istati Membri jistgħu, bil-konsiderazzjoni dovuta għad-dritt Komunitarju, jistabbilixxu kondizzjonijiet minbarra dawk stabbiliti fl-Artikolu 11 (2) u l-Artikolu 18 fir-rigward ta’ xandiriet televiżivi li huma intiżi biss għat-territorju nazzjonali li ma jistgħux jiġu riċevuti, direttament jew indirettament mill-pubbliku, fi Stat Membru wieħed ieħor jew aktar.”;

23.

It-titolu ta’ Kapitolu V għandu jindbidel b’ dan li ġej:

 

“PROTEZZJONI TAL-MINURI F’XANDIR TELEVIŻIV”

24.

L-Artikoli 22a u 22b għandhom jitħassru.

25.

It-titolu ta’ Kapitolu VI għandu jindbidel b’dan li ġej:

 

“DRITT TA’ TWEĠIBA F’XANDIR TELEVIŻIV”

26.

Fl-Artikolu 23a, (2) il-punt e għandu jindbidel b’ dan li ġej:

“(e)

li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp ta’ attivitajiet regolatorji rigward servizzi tal-media awdjoviżiva, b’kont meħud tal-politika awdjoviżiva tal-Komunità, kif ukoll l-iżviluppi rilevanti fil-qasam tekniku;”;

27.

Għandu jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU VIB

KOOPERAZZJONI BEJN KORPI REGOLATORJI TA’ L-ISTATI MEMBRI

Artikolu 23b

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipprovdu lil xulxin u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 2, 2a u 3 tagħha, notevolment permezz tal-korpi regolatorji indipendenti kompetenti tagħhom.”;

28.

L-Artikoli 25 u 25a għandhom jitħassru.

29.

L-Artikolu 26 għandu jindbidel b’ dan li ġej:

“Artikolu 26

Mhux aktar tard mid-19 ta’ Diċembru 2011, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva kif emendata u, jekk meħtieġ, tagħmel aktar proposti biex tadattaha għall-iżviluppi fil-qasam ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva, b’mod partikolari fid-dawl ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi reċenti, il-kompetittività tas-settur u l-livelli ta’ litteriżmu fil-media fl-Istati Membri kollha.

Dan ir-rapport għandu jivvaluta wkoll il-kwistjoni ta’ reklamar televiżiv li jakkumpanja jew li jkun inkluż fi programmi tat-tfal u b’mod partikolari jekk ir-regoli kwantitattivi u kwalitattivi li jinsabu f’din id-Direttiva jkunux ipprovdew il-livell ta’ protezzjoni meħtieġa.”.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (30) huwa b’dan emendat kif ġej:

Punt 4 ta’ l-Anness “Direttivi u Regolamenti” kopert mill-Artikolu 3(a) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“4.

Id-Direttiva 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (Direttiva tas-servizzi tal-media awdjoviżiva) (*): l-Artikoli 3h sa 3i u l-Artikoli 10 sa 20. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Diċembru 2009. Huma għandhom jinformaw b’dan immedjatament lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Diċembru 2007

Għall-Parlament Ewropew

Il–President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il–President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 202.

(2)  ĠU C 51, 6.3.2007, p. 7.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew mogħtija fit-13 ta’ Diċembru 2006 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 2007 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Novembru 2007.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 97/36/KE (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60).

(5)  ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 126.

(6)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.

(7)  ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 104.

(8)  ĠU L 201, 25.7.2006, p. 15.

(9)  ĠU C 30, 5.2.1999, p. 1.

(10)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-Televiżjoni mingħajr Fruntieri (ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 453).

(11)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-riskji ta’ ksur, fl-UE, u b’ mod partikolari fl-Italja, tal-liberta’ ta’ l-espressjoni u l-informazzjoni (Artikoli 11 (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem) (ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 1026).

(12)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/552/KEE (“Televiżjoni mingħajr Fruntieri”), kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE, għall-perijodu 2001-2002 (ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 117.).

(13)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(14)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 81).

(15)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33. Kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 717/2007 (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32).

(16)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(17)  Il-Każ C-56/96 VT4, paragrafu 22; il-Każ C-212/97 Centros v. Erhvervs-og Selskabsstyrelsen; ara wkoll il-Każ C-11/95 Kummissjoni v Renju tal-Belġju u l-KażC-14/96 Paul Denuit.

(18)  Il-Każ C-212/97 Centros v. Erhvervs-og Selskabsstyrelsen; il-Każ C-33/74 Van Binsbergen v Bestuur van de Bedrijfsvereniging; il-Każ C-23/93 TV 10 SA v. Commissariaat voor de Media, paragrafu 21.

(19)  Il-Każ C-355/98 Kummissjoni v Belġju [2000] ECR I-1221, paragrafu 28; il-Każ C-348/96 Calfa [1999] ECR I-0011, paragrafu 23.

(20)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 72.

(21)  ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

(22)  Każ C- 89/04, Mediakabel.

(23)  ĠU L 13, 20.1.2004, p. 44.

(24)  ĠU C 102, 28.4.2004, p. 2.

(25)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(26)  ĠU L 152, 20.6.2003, p. 16.

(27)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 1).

(28)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9. Verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 12, 18.1.2007, p. 3.

(29)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(30)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bid-Direttiva 2005/29/KE.