5.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 319/1


DIRETTIVA 2007/64/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Novembru 2007

dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel u t-tielet sentenza ta' l-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Huwa essenzjali għall-istabbiliment tas-suq intern li l-fruntieri interni kollha fil-Komunità jitneħħew sabiex jippermetti l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital. Għaldaqstant, it-tħaddim tajjeb ta' suq uniku fis-servizzi ta' ħlas hu vitali. Bħalissa, madankollu, in-nuqqas ta' armonizzazzjoni f'dan il-qasam ixekkel it-tħaddim ta' dak is-suq.

(2)

Bħalissa, is-swieq ta' servizzi ta' ħlas ta' l-Istati Membri huma organizzati b'mod separat, skond linji nazzjonali u l-qafas legali għas-servizzi ta' ħlas huwa frammentat f'27 sistema legali nazzjonali.

(3)

Bosta atti Komunitarji diġà ġew adottati f'dan il-qasam, jiġifieri, id-Direttiva 97/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar it-trasferimenti transkonfinali ta' kreditu (3) u r-Regolament (KE) Nru 2560/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2001 dwar ħlas transkonfinali f'euro (4), iżda dawn ma rrimedjawx suffiċjentement is-sitwazzjoni bħalma ma rrimedjawx ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 87/598/KEE tat-8 ta' Diċembru 1987 dwar Kodiċi ta' Kondotta Ewropew dwar il-ħlas elettroniku (relazzjonijiet bejn istituzzjonijiet finanzjarji, kummerċjanti u stabbilimenti ta' servizz, u l-konsumaturi) (5), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 88/590/KEE tas-17 ta' Novembru 1988 dwar sistemi ta' ħlas, u b'mod partikolari r-relazzjoni bejn id-detentur tal-kard u min joħroġ il-kard (6), jew ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 97/489/KE tat-30 ta' Lulju 1997 dwar transazzjonijiet bi strumenti tal-ħlas elettroniċi u b'mod partikolari r-relazzjoni bejn min joħroġ il-kard u d-detentur tagħha (7). Dawn il-miżuri għadhom mhumiex biżżejjed. Il-ko-eżistenza ta' dispożizzjonijiet nazzjonali u qafas Komunitarju mhux komplut twassal għal konfużjoni u nuqqas ta' ċertezza legali.

(4)

Huwa vitali, għalhekk, li jkun stabbilit fuq livell Komunitarju qafas legali modern u koerenti għas-servizzi ta' ħlas, kemm jekk is-servizzi huma kompatibbli mas-sistema li tirriżulta mill-inizjattiva tas-settur finanzjarju għal żona unika tal-ħlas bl-euro, kif ukoll jekk le, li hu newtrali sabiex jiġi żgurat livell ta' kundizzjonijiet indaqs għas-sistemi kollha tal-ħlas, sabiex tinżamm l-għażla għall-konsumatur, li għandu jfisser pass konsiderevoli 'l quddiem rigward l-ispejjeż, is-sigurtà u l-effiċjenza għall-konsumatur, meta mqabbel mas-sistemi nazzjonali preżenti.

(5)

Dak il-qafas legali għandu jiżgura li jkun hemm koordinazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rekwiżiti ta' prudenza, l-aċċess għas-suq minn fornituri ġodda ta' servizzi ta' ħlas, ir-rekwiżiti ta' informazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi ta' utenti u fornituri ta' servizzi ta' ħlas. F'dak il-qafas, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2560/2001, li ħoloq suq uniku għal ħlas f'euro f'dak li għandu x'jaqsam ma' prezzijiet, għandhom jinżammu. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/5/KE u r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-Rakkomandazzjonijiet 87/598/KEE, 88/590/KEE u 97/489/KE għandhom ikunu integrati f'att wieħed li jorbot.

(6)

Madankollu, mhux xieraq li dak il-qafas legali jkun jinkludi kollox. L-applikazzjoni tiegħu għandha tkun limitata għal fornituri tas-servizz ta' ħlas li l-attività ewlenija tagħhom tikkonsisti fil-forniment ta' servizzi ta' ħlas lil utenti ta' servizzi ta' ħlas. Lanqas ma huwa xieraq li japplika għal servizzi fejn it-trasferiment tal-fondi minn min iħallas għal min jitħallas, jew it-trasport tagħhom, isir biss f'karti tal-flus u muniti jew fejn it-trasferiment ikun ibbażat fuq ċekkstampat,, kambjali stampati, promissory notes jew strumenti oħra, vouchers stampati jew kards li permezz tagħhom fornitur ta' servizzi ta' ħlas jew xi parti oħra bil-ħsieb li jitqiegħdu fondi għad-dispożizzjoni ta' min jitħallas. Barra minn hekk, għandha ssir differenzjazzjoni fil-każ tal-mezzi offruti minn operaturi tat-telekomunikazzjoni, operaturi tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni jew operaturi tan-network biex jiffaċilitaw ix-xiri ta' merkanzija jew servizzi diġitali bħal swoneriji, mużika jew gazzetti diġitali minbarra servizzi vokali tradizzjonali u d-distribuzzjoni tagħhom lil apparati diġitali. Il-kontenut ta' din il-merkanzija jew ta' dawn is-servizzi jista' jiġi prodott jew minn parti terza jew mill-operatur li jista' jżidilhom valur intrinsiku fil-forom ta' aċċess, distribuzzjoni jew faċilitajiet ta' tiftix. F'dan l-aħħar każ, fejn il-merkanzija jew is-servizzi huma ddistribwiti minn wieħed minn dawn l-operaturi, jew minħabba raġunijiet tekniċi, minn parti terza, u jistgħu jintużaw biss permezz ta' apparati diġitali, bħal telefowns ċellulari jew kompjuters, dak il-qafas legali m'għandux japplika peress li l-attività ta' l-operatur tmur lil hinn minn sempliċi transazzjoni ta' ħlas. Madankollu, jixraq li jkun japplika għal każijiet fejn l-operatur jaġixxi biss bħala intermedjarju li sempliċiment jirranġa biex isir il-ħlas lil fornitur ta' parti terza.

(7)

Il-ħlas ta' flus huwa servizz sempliċi tal-ħlas li huwa ġeneralment ibbażat fuq flus kontanti pprovduti minn min iħallas lil min jipprovdi servizzi ta' ħlas, li jgħaddi l-ammont korrispondenti, per eżempju permezz ta' network ta' komunikazzjoni, lil min jitħallas jew lil fornitur ieħor ta' servizzi ta' ħlas li jaġixxi f'isem min jitħallas. F'xi supermarkets fl-Istati Membri, il-merkanti u bejjiegħa oħra bl-imnut jipprovdu lill-pubbliku servizz korrispondenti li jippermetti l-ħlas ta' kontijiet ta' l-utilità u kontijiet regolari domestiċi oħra. Dawk is-servizzi ta' ħlas ta' kontijiet għandhom jitqiesu bħala rimessa ta' flus kif definit f'din id-Direttiva, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jikkonsidrawx li l-attività taqa' taħt servizz ta' ħlas ieħor elenkat fl-Anness.

(8)

Huwa meħtieġ li jkunu speċifikati l-kategoriji ta' fornituri ta' servizzi ta' ħlas li jistgħu b'mod leġittimu jipprovdu dawk is-servizzi ta' ħlas madwar il-Komunità kollha, jiġifieri, istituzzjonijiet ta' kreditu li jieħdu d-depożiti minn utenti li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw transazzjonjiet ta' ħlas u li għandhom jibqgħu jkunu soġġetti għar-rekwiżiti prudenzjali skond id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 2006 rigward il-bidu u t-tkomplija tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (8), istituzzjonijiet ta' flus elettroniċi li joħorġu flus elettroniċi li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw transazzjonjiet ta' ħlas u li għandhom jibqgħu soġġetti għar-rekwiżiti prudenzjali skond id-Direttiva 2000/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar il-bidu, it-tkomplija u s-superviżjoni prudenzjali tal-kummerċ ta' istituzzjonijiet ta' flus elettroniċi (9), u istituzzjonijiet ta' kontijiet postali (post office giro institutions) li huma intitolati jagħmlu dan skond il-liġi nazzjonali.

(9)

Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi regoli għall-eżekuzzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas fejn il-fondi huma flus elettroniċi fis-sens ta' l-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/46/KE. Din id-Direttiva, madankollu, m'għandha la tirregola il-ħruġ ta' flus elettroni u lanqas temenda r-regolament prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' flus elettroniċi kif previst fid-Direttiva 2000/46/KE. Għalhekk, l-istituzzjonijiet tal-ħlas m'għandhomx ikollhom permess joħorġu flus elettroniċi.

(10)

Madankollu, biex jitneħħa x-xkiel legali għad-dħul fis-suq, jeħtieġ li tkun stabbilita liċenzja waħda għall-fornituri kollha ta' servizzi ta' ħlas li ma jkollhomx x'jaqsmu mat-teħid ta' depożiti jew il-ħruġ ta' flus elettroniċi. Hu xieraq, għalhekk, li tiddaħħal kategorija ġdida ta' fornituri tas-servizz ta' ħlas, “istituzzjonijiet tal-ħlas”, billi jsir provvediment għall-awtorizzazzjoni, soġġetta għal sett ta' kundizzjonijiet stretti u li jieħdu kont ta' kollox, ta' persuni ġuridiċi barra l-kategoriji eżistenti biex jipprovdu servizzi ta' ħlas madwar il-Komunità. Għaldaqstant, l-istess kundizzjonijiet ikunu japplikaw madwar il-Komunità kollha għal servizzi bħal dawn.

(11)

Il-kundizzjonijiet għall-għoti u ż-żamma ta' l-awtorizzazzjoni bħala istituzzjonijiet tal-ħlas għandom jinkludu rekwiżiti prudenzjali proporzjonati mar-riskji operattivi u finanzjarji li jkollhom korpi bħal dawn fin-negozju tagħhom. F'dan ir-rigward hija meħtieġa sistema soda ta' kapital inizjali flimkien ma' kapital kontinwu li maż-żmien jista' jiġi elaborat b'manjiera aktar sofistikata skond ir-rekwiżiti tas-suq. Minħabba l-firxa fil-varjetà tal-qasam tas-servizzi ta' ħlas, din id-Direttiva għandha tippermetti diversi metodi kkombinati ma' ċertu firxa ta' diskrezzjoni superviżorja biex jiżguraw li l-istess riskji jiġu ttrattati bl-istess mod għall-fornituri kollha tas-servizzi ta' ħlas. Ir-rekwiżiti għall-istituzzjonijiet tal-ħlas għandhom jirriflettu l-fatt li istituzzjonijiet tal-ħlas jeżerċitaw attivitajiet aktar speċjalizzati u limitati, u b'hekk jiġġeneraw riskji li huma idjeq u li jistgħu ikunu monitorjati u kkontrollati b'mod aktar faċli minn dawk li jqumu fil-firxa usa' ta' attivitajiet ta' istituzzjonijiet ta' kreditu. B'mod partikolari, istituzzjonijiet tal-ħlas m'għandhomx jitħallew jaċċettaw depożiti minn utenti u jitħallew jużaw fondi li jkunu riċevuti minn utenti għall-għoti ta' servizzi ta' ħlas biss. Għandu jsir provvediment biex fondi tal-klijenti jinżammu mifruda mill-fondi ta' l-istituzzjoni tal-ħlas għal skopijiet ta' negozju ieħor. Istituzzjonijiet tal-ħlas għandhom ukoll ikunu soġġetti għal rekwiżiti effettivi kontra l-money laundering u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

(12)

L-istituzzjonijiet ta' ħlas għandhom ifasslu l-kontijiet annwali u konsolidati tagħhom skond id-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 dwar il-kontijiet annwali ta' ċertu tipi ta' kumpanniji (10), u, fejn ikun applikabbli, id-Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 dwar kontijiet konsolidati (11) u d-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra (12). Il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati għandhom jiġu vverifikati, ħlief jekk l-istituzzjoni tal-ħlas tkun eżentata minn dan l-obbligu taħt id-Direttiva 78/660/KEE u, fejn ikun applikabbli, id-Direttivi 83/349/KEE u 86/635/KEE.

(13)

Din id-Direttiva għandha tirregola l-għoti ta' kreditu minn istituzzjonijiet ta' ħlas, jiġifieri l-għoti ta' linji ta' kreditu u kards ta' kreditu, fejn ikun marbut mill-qrib ma' servizzi ta' ħlas biss. Huwa biss fejn jingħata l-kreditu sabiex jiġu faċilitati servizzi ta' ħlas u tali kreditu huwa għal żmien qasir u jingħata għal perijodu li ma jeċċedix tnax-il xahar, inkluż fuq bażi rotatorja, huwa xieraq li istituzzjonijiet ta' ħlas jiġupermessi jagħtu tali kreditu fir-rigward ta' l-attivitajiet trans-konfinali tagħhom, bil-kundizzjoni li jiġi ffinanzjat mill-ġdid prinċipalment bl-użu tal-fondi proprji ta' l-istituzzjoni tal-ħlas, kif ukoll fondi oħra mis-swieq kapitali, iżda mhux il-fondi miżmuma f'isem il-klijenti għal servizzi ta' ħlas. Dan ta' hawn fuq għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta' Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (13) jew leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali rilevanti oħra fir-rigward ta' kundizzjonijiet għall-għoti ta' kreditu lill-konsumaturi mhux armonizzati minn din id-Direttiva.

(14)

Jeħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet responsabbli mill-għoti ta' awtorizzazzjonijiet lil istituzzjonijiet tal-ħlas, mit-twettieqta' kontrolli kontinwi u mid-deċiżjonijiet jekk għandhomx jirtiraw dawk l-awtorizzazzjonijiet. Biex tkun żgurata l-ugwaljanza fit-trattament, l-Istati Membri m'għandhom japplikaw ebda rekwiżiti oħra għall-istituzzjonijiet tal-ħlas minbarra dawk previsti f'din id-Direttiva. Madankollu, għandu jkun hemm il-possibbiltà li d-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-awtoritajiet kompetenti jkunu kkontestati quddiem il-qrati. Barra minn dan, il-kompiti ta' l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-superviżjoni fuq is-sistemi ta' ħlas li, f'konformità mar-raba' inċiż ta' l-Artikolu 105(2) tat-Trattat, hu kompitu li għandu jitwettaq mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali.

(15)

Minħabba li hu mixtieq li tkun irreġistrata l-identità tal-persuni kollha li jkunu qed jipprovdu servizzi ta' ħlas, kif ukoll fejn ikunu jinstabu, u li tingħatalhom xi miżura ta' aċċettazzjoni, irrispettivament minn jekk ikunux jistgħu jissodisfaw il-firxa kollha ta' kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni bħala istituzzjonijiet ta' ħlas, sabiex l-ebda wieħed minnhom ma jkun imġiegħel jidħol fl-ekonomija moħbija (black economy) u biex il-persuni kollha li jipprovdu servizz ta' ħlas jinġiebu fl-ambitu ta' ċerti rekwiżiti legali u regolatorji minimi, ikun xieraq u f'konformità mar-razzjonal tar-Rakkomandazzjoni Speċjali VI tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja dwar il-Money Laundering li jkun hemm provvediment għal mekkaniżmu li bih il-fornituri ta' servizzi ta' ħlas li ma jkunux jistgħu jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet kollha jkunu jistgħu madankollu jiġu ttrattati bħala istituzzjonijiet tal-ħlas. Għal dawn l-għanijiet, l-Istati Membri għandhom idaħħlu persuni bħal dawn fir-reġistru ta' istituzzjonijiet tal-ħlas filwaqt li ma japplikawx il-kundizzjonijiet kollha ta' l-awtorizzazzjoni. Madankollu, huwa essenzjali li l-possibbiltà ta' twarrib tkun soġġetta f'kull każ għal rekwiżiti stretti dwar il-volum ta' transazzjonijiet ta' ħlas. Istituzzjonijiet tal-ħlas li jibbenefikaw minn twarrib la għandhom id-dritt ta' stabbiliment u lanqas id-dritt li jipprovdu servizz u lanqas ma jistgħi indirettament jeżerċitaw dawk id-drittijiet meta jkunu membru ta' sistema tal-ħlas.

(16)

Huwa essenzjali għal kwalunkwe fornitur ta' servizzi ta' ħlas li jkollu aċċess għas-servizzi ta' infrastruttura teknika tas-sistemi ta' ħlas. Dan l-aċċess għandu, madanakollu, jkun soġġett għal rekwiżiti adatti sabiex ikunu żgurati l-integrità u l-istabbiltà ta' dawl is-sistemi. Kull fornitur ta' servizzi ta' ħlas li japplika għal parteċipazzjoni f'sistema tal-ħlas għandu jagħti prova lill-parteċipanti tas-sistema tal-ħlas li l-arranġamenti interni tiegħu huma robusti biżżejjed kontra kull tip ta' riskju. Dawn is-sistemi ta' ħlas tipikament jinkludu eż. l-iskemi tal-kard ta' erba' partijiet kif ukoll sistemi ewlenin li jipproċessaw trasferimenti ta' kreditu u debiti diretti. Biex tkun żgurata l-ugwaljanza fit-trattament madwar il-Komunità bejn il-kategoriji differenti ta' fornituri awtorizzati ta' servizzi ta' ħlas, skond it-termini tal-liċenzja tagħhom, huwa meħtieġ li jkunu ċċarati r-regoli dwar l-aċċess għall-għoti ta' servizzi ta' ħlas u l-parteċipazzjoni f'sistemi ta' ħlas. Għandu jkun hemm provvediment għat-trattament non-diskriminatorju ta' istituzzjonijiet tal-ħlas u istituzzjonijiet tal-kreditu awtorizzati sabiex kwalunkwe fornitur ta' servizzi ta' ħlas li jikkompeti fis-suq intern ikun jista' juża s-servizzi ta' l-infrastruttura teknika ta' dawn is-sistemi ta' ħlas taħt l-istess kundizzjonijiet. Huwa xieraq li jkun hemm provvediment għal trattament differenti bejn fornituri ta' servizzi ta' ħlas awtorizzati u dawk li jibbenefikaw minn twarrib taħt din id-Direttiva kif ukoll mit-twarrib taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/46/KE, minħabba d-differenzi fil-qafas prudenzjali tagħhom. Fi kwalunkwe każ, differenzi fil-kundizzjonijiet tal-prezzijiet għandhom jitħallew biss meta dan ikun motivat minn differenzi fl-ispejjeż. b'riżultat tal-fornituri ta' servizzi ta' ħlas. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' l-Istati Membri li jillimitaw l-aċċess għal sistemi sistematikament importanti skond id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar il-pagament finali fis-sistemi ta' ħlas u titoli (14) u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Bank Ċentrali Ewropew u tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ESCB) kif stipulat fl-Artikolu 105(2) tat-Trattat u fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 22 ta' l-Istatut ta' l-ESCB, dwar aċċess għal sistemi ta' ħlas.

(17)

Id-dispożizzjonijiet ta' l-aċċess għal sistemi ta' ħlas m'għandhomx japplikawx għal sistemi stabbiliti u mħaddma minn fornitur uniku ta' servizzi ta' ħlas. Dawn is-sistemi jistgħu joperaw jew f'kompetizzjoni diretta ma' sistemi ta' ħlas jew, aktar tipikament, f'niċċa fis-suq li ma tkunx adegwatament koperta minn sistemi ta' ħlas. Dawn tipikament ikopru skemi tal-kards ta' tliet partijiet, bħal skemi ta' kards ta' tliet partijiet, servizzi ta' ħlas offruti minn fornituri tat-telekomunikazzjoni jew servizzi ta' ħlas fejn l-operatur ta' l-iskema huwa l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas kemm għal min iħallas kif ukoll għal min jitħallas kif ukoll sistemi interni ta' gruppi bankarji. Sabiex tiġi stimulata l-kompetizzjoni li tista' tiġi provduta minn tali sistemi ta' ħlas għal sistemi ta' ħlas prinċipali stabbiliti, fil-prinċipju mhuwiex xieraq li jingħata aċċess għal dawn is-sistemi ta' ħlas lil partijiet terzi. Madankollu, tali sistemi dejjem għandhom ikunu soġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji u nazzjonali li jistgħu jirrikjedu li jingħata aċċess għal dawn l-iskemi sabiex tinżamm kompetizzjoni effettiva fi swieq tal-ħlas.

(18)

Għandu jiġi stabbilit sett ta' regoli biex tkun żgurata t-trasparenza tal-kundizzjonijiet u tar-rekwiżiti ta' informazzjoni għal servizzi ta' ħlas.

(19)

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika la għal transazzjonjiet ta' ħlas magħmulin fi flus kontanti għaliex suq uniku tal-ħlas għal flus kontanti diġà jeżisti u lanqas għal dawk it-transazzjonijet tal-ħlas ibbażati fuq ċekkijiet bil-karta peress li, min-natura tagħhom, dawn ma jistgħux ikunu pproċessati effiċjentement daqs metodi oħra tal-ħlas. Il-prattika tajba f'dan il-qasam għandha, madankollu, tkun ibbażata fuq il-prinċipji stabbiliti f'din id-Direttiva.

(20)

Peress li l-konsumaturi u l-impriżi mhumiex fl-istess pożizzjoni, m'għandhomx bżonn l-istess livell ta' protezzjoni. Waqt li huwa importanti li d-drittijiet tal-konsumatur ikunu garantiti b'dispożizzjonijiet li ma jistax ikun hemm deroga minnhom b'kuntratt, huwa raġonevoli li l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet jitħallew jiftiehmu mod ieħor. Madankollu, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibiltà li jipprovdu li l-mikro-intrapriżi, kif definiti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (15), għandhom ikunu trattati bl-istess mod bħall-konsumaturi. Fi kwalunkwe każ, ċerti dispożizzjonijiet ewlenin ta' din id-Direttiva għandhom dejjem ikunu applikabbli irrispettivament mill-istatus ta' l-utent.

(21)

Din id-Direttiva għandha tispeċifika l-obbligi fuq il-fornituri ta' servizzi ta' ħlas fir-rigward tal-forniment ta' informazzjoni lill-utenti ta' servizzi ta' ħlas li għandhom jirċievu l-istess livell għoli ta' informazzjoni ċara dwar servizzi ta' ħlas biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet ibbażati fuq tagħrif siewi u jkunu jistgħu jfittxu l-aħjar offerta minn madwar l-UE. Fl-interess tat-trasparenza din id-Direttiva tistipula r-rekwiżiti armonizzati meħtieġa biex ikun żgurat li informazzjoni meħtieġa u suffiċjenti tingħata lill-utenti ta' servizzi ta' ħlas rigward kemm il-kuntratt ta' servizzi ta' ħlas kif ukoll it-transazzjonjiet ta' ħlas. Sabiex jippromwovu l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku fis-servizzi ta' ħlas, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw biss dawk id-dispożizzjonijiet ta' informazzjoni stabbiliti f'din id-Direttiva.

(22)

Il-konsumaturi għandhom ikunu protetti kontra prattiċi inġusti u qarrieqa f'konformità' mad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar il-prattika kummerċjali inġusta min-negozju għall-konsumatur fis-Suq Intern (16) kif ukoll id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni, b'mod partikolari il-kummerċ eletroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (17) u d-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 dwar it-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji għall-konsumatur (18). Id-dispożizzjonijiet addizzjonali f'dawk id-direttivi jkomplu jkunu applikabbli. Madankollu, ir-relazzjoni tar-rekwiżiti ta' informazzjoni pre-kuntrattwali bejn din id-Direttiva u d-Direttiva 2002/65/KE għandha b'mod partikolari tiġi ċċarata.

(23)

L-informazzjoni meħtieġa għandha tkun propozjonali għall-bżonnijiet ta' l-utenti u kkomunikata b'mod standard. Madankollu, ir-rekwiżiti ta' informazzjoni għal transazzjoni unika tal-ħlas għandha tkun differenti minn dawk ta' kuntratt qafas li jipprovdi għas-sensiela ta' transazzjonjiet ta' ħlas.

(24)

Fil-prattika, il-kuntratti qafas u t-transazzjonijiet ta' ħlas koperti minnhom huma ferm aktar komuni u ekonomikament importanti minn transazzjonjiet ta' ħlas uniku. Jekk hemm kont tal-ħlas jew strument speċifiku tal-ħlas, huwa meħtieġ kuntratt qafas. Għalhekk, ir-rekwiżiti għal informazzjoni minn qabel dwar kuntratti qafas għandhom ikunu pjuttost komprensivi u dejjem għandha tingħata informazzjoni jew bil-miktub jew fuq strument dejjiemi ieħor, bħal karti stampati minn stampanti tal-kontijiet, floppy disks, CD-ROMs, DVDs u hard drives ta' kompjuters personali li fuqhom tista' tinħażen il-posta elettronika, u siti ta' l-Internet, dment li tali siti huma aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta' żmien adegwat għall-finijiet ta' informazzjoni u jippermettu r-riproduzzjoni mingħajr tibdil ta' l-informazzjoni maħżuna. Madankollu, għandu jkun possibbli li l-fornitur tas-servizzi ta' ħlas u l-utent ta' servizzi ta' ħlas jiftiehmu fil-kuntratt qafas dwar il-mod li bih tingħata l-informazzjoni sussegwenti dwar transazzjonijiet ta' ħlas li saru u l-utent ta' servizzi ta' ħlas, per eżempju, li fl-Internet-banking l-informazzjoni kollha dwar il-kont tal-ħlas issir disponibbli on-line.

(25)

Fit-transazzjonjiet ta' ħlas uniku l-informazzjoni essenzjali biss għandha tingħata dejjem fuq l-inizjattiva proprja tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas. Minħabba li dak li jħallas huwa ġeneralment preżenti meta jagħti l-ordni għall-ħlas, mhuwiex meħtieġ li jiġi rikjest li l-informazzjoni għandha f'kull każ tingħata bil-miktub jew bi strument dejjiemi ieħor. Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jista' jagħti informazzjoni orali minn fuq il-bank jew jagħmilha faċilment aċċessibbli b'mod ieħor, per eżempju billi jżomm il-kundizzjonijiet fuq notice board fuq il-post. Għandha tingħata wkoll informazzjoni dwar fejn hija disponibbli informazzjoni aktar dettaljata oħra (eż. l-indirizz tas-sit web). Madankollu, jekk il-konsumatur jitlob hekk, l-informazzjoni essenzjali għandha tingħata bil-miktub jew fuq strument dejjiemi ieħor.

(26)

Din id-Direttiva għandha tipprovdi d-dritt tal-konsumatur li jirċievi informazzjoni rilevanti mingħajr ħlas qabel ikun marbut bi kwalunkwe kuntratt ta' servizzi ta' ħlas. Il-konsumatur għandu wkoll ikun jista' jitlob informazzjoni minn qabel kif ukoll kuntratt qafas bil-miktub, mingħajr ħlas fi kwalunkwe ħin waqt ir-relazzjoni kuntrattwali, sabiex ikun jista' jqabbel is-servizzi u l-kundizzjonijiet tal-fornituri ta' servizzi ta' ħlas u f'każ ta' kwalunkwe tilwima jista' jivverifika d-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali tiegħu. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu kumpatibbli mad-Direttiva 2002/65/KE. Id-dispożizzjonijiet espliċiti dwar informazzjoni bla ħlas f'din id-Direttiva m'għandhomx ikollhom l-effett li jippermettu li jiġu imposti drittijiet għall-forniment ta' informazzjoni lill-konsumaturi taħt Direttivi applikabbli oħra.

(27)

Il-mod kif l-informazzjoni meħtieġa għandha tingħata mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas lill-utent ta' servizzi ta' ħlas għandu jieħu kont tar-rekwiżiti ta' dan ta' l-aħħar kif ukoll ta' l-aspetti tekniċi prattiċi u l-effiċjenza fl-ispiża skond is-sitwazzjoni fir-rigward tal-ftehim fil-kuntratt ta' servizzi ta' ħlas rispettiv. Għalhekk, id-Direttiva tiddistingwi bejn żewġ modi kif l-informazzjoni għandha tingħata mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas: jew l-informazzjoni għandha tiġi provduta, jiġifieri attivament komunikata mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas fil-ħin adatt kif rikjest minn din id-Direttiva mingħajr l-ebda talba ulterjuri min-naħa ta' l-utent ta' servizzi ta' ħlas, inkella l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-utent ta' servizzi ta' ħlas, b'kont meħud ta' kwalunkwe talba li jista' jkollu għal aktar informazzjoni. F'dan il-każ ta' l-aħħar, l-utent ta' servizzi ta' ħlas irid jieħu passi attivi biex jikseb l-informazzjoni bħal per eżempju jitlobha espliċitament mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas, jillogja f'kaxxa postali ta' kont tal-bank jew idaħħal kard tal-bank fi printer għal dikjarazzjonijiet dwar il-kont. Għal tali finijiet il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jiżgura li l-aċċess għall-informazzjoni jkun possibbli u li l-informazzjoni tkun disponibbli għall-utent ta' servizzi ta' ħlas.

(28)

Barra minn hekk, il-konsumatur għandu jirċievi informazzjoni bażika dwar transazzjonijiet li twettqu mingħajr drittijiet addizzjonali. Fil-każ ta' transazzjoni ta' ħlas uniku l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas m'għandux jinponi drittijiet separati għal din l-informazzjoni. Bl-istess mod, l-informazzjoni mensili sussegwenti dwar transazzjonjiet ta' ħlas taħt kuntratt qafas għandha tingħata mingħajr ħlas. Madankollu, b'kont meħud ta' l-importanza tat-trasparenza fl-ipprezzar u fid-differenzjar tal-ħtiġijiet tal-konsumatur, il-partijiet għandhom ikunu jistgħu jiftiehmu dwar drittijiet fir-rigward ta' informazzjoni aktar frekwenti jew addizzjonali. Sabiex jittieħed kont tal-prattiki nazzjonali differenti, l-Istati Membri għandhom jitħallew jistabbilixxu regoli li jirrikjedu li dikjarazzjonijiet mensili stampati ta' kontijiet tal-ħlas għandhom dejjem jingħataw mingħajr ħlas.

(29)

Biex tkun iffaċilitata l-mobbiltà tal-konsumatur, għandu jkun possibbli li l-konsumaturi jtemmu kuntratt qafas wara l-iskadenza ta' sena mingħajr ma jeħlu drittijiet. Għall-konsumaturi, il-perijodu ta' avviż miftiehem m'għandux ikun ta' aktar minn xahar, u għal fornituri ta' servizzi ta' ħlas mhux inqas minn xahrejn. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' fornitur ta' servizzi ta' ħlas li jtemm il-kuntratt ta' servizzi ta' ħlas f'ċirkostanzi eċċezzjonali taħt leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali rilevanti oħra, bħal leġiżlazzjoni dwar il-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu, kwalunkwe azzjoni mmirata lejn l-iffriżar ta' fondi, jew kwalunkwe miżura speċifika marbuta mal-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' reati.

(30)

Strumenti tal-ħlas ta' valur baxx għandhom ikunu alternattiva rħisa u faċli fl-użu fil-każ ta' merkanzija u ta' servizzi bi prezz baxx u m'għandhomx ikunu mgħobbija żżejjed b'rekwiżiti eċċessivi. Ir-rekwiżiti ta' informazzjoni rilevanti u r-regoli dwar l-eżekuzzjoni tagħhom għandhom għalhekk ikunu limitati għal informazzjoni essenzjali, b'kont meħud ukoll tal-kapaċitajiet tekniċi li jistgħu ġustifikabbilment ikunu mistennija minn strumenti ddedikati għal ħlasijiet ta' valur baxx. Minkejja s-sistema eħfef l-utenti ta' servizzi ta' ħlas ikunu jibbenefikaw minn protezzjoni adegwata meta wieħed jikkunsidra r-riskji limitati li dawn l-istrumenti ta' ħlas jippreżentaw, speċjalment fir-rigward ta' strumenti ta' ħlas mħallsa minn qabel.

(31)

Sabiex jitnaqqsu r-riskji u l-konsegwenzi ta' transazzjonijiet ta' ħlas mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament l-utent ta' servizzi ta' ħlas għandu jinforma lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas kemm jista' jkun malajr dwar kwalunkwe kontestazzjoni li tikkonċerna transazzjonijiet ta' ħlas allegatament mhux awtorizzati jew eżegwiti skorrettament dment li l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ikun issodisfa l-obbligi ta' informazzjoni tiegħu taħt ta' din id-Direttiva. Jekk l-iskadenza ta' notifika tiġi rispettata mill-utent ta' servizzi ta' ħlas, huwa għandu jkun jista' jkompli dawk il-pretensjonijiet fil-perijodi ta' preskrizzjoni skond il-liġi nazzjonali. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa pretensjonijiet oħrajn bejn l-utenti ta' servizzi ta' ħlas u l-fornituri ta' servizzi ta' ħlas.

(32)

Biex jiġi provdut inċentiv għall-utent ta' servizzi ta' ħlas li jinnotifika, mingħajr dewmien bla bżonn, lill-fornitur tiegħu dwar kwalunkwe serq jew telf ta' strument tal-ħlas u b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' transazzjonijiet ta' ħlas mhux awtorizzati, l-utent għandu jkun responsabbli biss għal ammont limitat, ħlief jekk l-utent ta' servizzi ta' ħlas jkun aġixxa bi frodi jew bi traskuraġni kbira. Barra minn dan, ladarba l-utent ikun innotifika lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas li l-istrument ta' ħlas tiegħu seta' kien kompromess, l-utent m'għandux ikun rikjest ikopri telf ulterjuri li jirriżulta minn użu mhux awtorizzat ta' dak l-istrument. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju tar-responsabbilità tal-fornituri ta' servizzi ta' ħlas għas-sigurtà teknika tal-prodotti tagħhom.

(33)

Sabiex tkun ivvalutata negliġenza possibbli mill-utent ta' servizzi ta' ħlas, għandhom ikunu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi kollha. L-evidenza u l-livell ta' negliġenza allegata għandhom ikunu evalwati skond il-liġi nazzjonali. It-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali marbutin mal-forniment u l-użu ta' strument ta' ħlas elettroniku, li l-effett tagħhom ikun li tiżdied ir-responsabbiltà tal-prova fuq il-konsumatur jew li jnaqqsu r-responsabbiltà tal-prova fuq min joħroġ l-istrument għandhom ikunu kkunsidrati nulli u bla effett.

(34)

Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu regoli inqas stretti minn dawk imsemmija hawn fuq sabiex jinżammu l-livelli eżistenti ta' protezzjoni tal-konsumatur u biex tkun promossa l-fiduċja fl-użu mingħajr periklu ta' l-istrumenti elettroniċi tal-ħlas. Il-fatt li strumenti ta' ħlas differenti jinvolvu riskji differenti għandu għaldaqstant jitqies, u b'hekk jippromwovi l-ħruġ ta' strumenti aktar siguri. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jnaqqsu jew ineħħu kompletament ir-responsabbiltà ta' min iħallas ħlief fejn min iħallas ikun aġixxa bi frodi.

(35)

Għandu jkun hemm provvediment għall-allokazzjoni ta' telf fil-każ ta' transazzjonjiet ta' ħlas mhux awtorizzati. Jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet differenti għal utenti ta' servizzi ta' ħlas li mhumiex konsumaturi, peress li tali utenti normalment huma f'pożizzjoni aħjar biex jivvalutaw ir-riskju ta' frodi u jieħdu miżuri ta' kontra-bilanċ.

(36)

Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi r-regoli għal ħlas lura sabiex il-konsumatur jiġi protett meta t-transazzjoni ta' ħlas imwettqa teċċedi l-ammont li seta' raġonevolment ikun mistenni. Fornituri ta' servizzi ta' ħlas għandhom ikunu jistgħu jipprovdu termini saħansitra aktar favorevoli lill-konsumaturi tagħhom u, per eżempju, iħallsu lura kwalunkwe transazzjoni ta' ħlas disputata. F'każijiet fejn l-utent jagħmel pretensjoni għal ħlas lura ta' transazzjoni ta' ħlas id-drittijiet ta' ħlas lura m'għandhom jaffettwaw la r-responsabbiltà ta' min iħallas lejn min jitħallas li tirriżulta mir-relazzjoni sottostanti, per eżempju għall-merkanzija jew servizzi li jkunu ordnati, ikkonsumati jew użati b'mod leġittimu, u lanqas id-drittijiet ta' l-utent f'dak li għandu x'jaqsam ma' revoka ta' ordni tal-ħlas.

(37)

Għall-ippjanar finanzjarju u l-eżekuzzjoni ta' l-obbligi tal-ħlas fil-ħin xieraq, il-konsumaturi u l-intrapriżi għandhom bżonn ta' ċertezza dwar it-tul taż-żmien li jieħu l-eżekuzzjoni ta' ordni tal-ħlas. Għalhekk, din id-Direttiva għandha tintroduċi punt fiż-żmien li fih id-drittijiet u l-obbligi jkollhom effett, b'mod partikolari, meta l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jirċievi l-ordni tal-ħlas inkluż meta kellu l-opportunità li jirċeviha permezz tal-mezzi ta' komunikazzjoni miftiehma fil-kuntratt ta' servizzi ta' ħlas, minkejja kwalunkwe involviment preċedenti fil-proċess li wassal għall-ħolqien u t-trasmissjoni ta' l-ordni tal-ħlas, per eżempju kontrolli dwar is-sigurtà u d-disponibbiltà tal-fondi, informazzjoni dwar l-użu tan-numru ta' l-identità personali (PIN) jew il-ħruġ ta' nota promissorja ta' ħlas. Barra minn hekk, l-irċevuta ta' ordni ta' ħlas għandha sseħħ meta l-fornitur tas-servizzi ta' ħlas ta' min iħallas jirċievi l-ordni ta' ħlas li għandu jiġi ddebitat mill-kont ta' min iħallas. Il-jum jew il-mument meta min jitħallas jitrasmetti lill-fornitur ta' servizzi tiegħu ordnijiet ta' ħlas għall-ġbir, per eżempju ta' ħlas bil-kard jew ta' debiti diretti jew meta min jitħallas jingħata finanzjament minn qabel fuq l-ammonti relatati mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu (permezz ta' kreditu kontinġenti fil-kont tiegħu) m'għandux ikun rilevanti f'dan ir-rigward. L-utenti għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq leżekuzzjoni tajjeb ta' ordni tal-ħlas kompluta u valida jekk il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ma jkollu l-ebda raġuni kuntrattwali jew statutorja għal rifjut. Jekk il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jirrifjuta ordni għall-ħlas, ir-rifjut u r-raġuni għal dan għandhom ikunu kkomunikati lill-utent ta' servizzi ta' ħlas fl-aktar opportunità bikrija soġġett għar-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja u nazzjonali.

(38)

Tenut kont tal-ħeffa li biha sistemi moderni tal-ħlas totalment awtomatizzati jipproċessaw transazzjonjiet ta' ħlas, jiġifieri li wara ċertu punt fiż-żmien l-ordnijiet tal-ħlas ma jkunux jistgħu jiġu revokati mingħajr spejjeż kbar ta' intervent manwali, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata skadenza ċara għar-revoka tal-ħlas. Madankollu, skond it-tip ta' servizzi ta' ħlas u l-ordni tal-ħlas, il-punt fiż-żmien jista' jkun varjat bi qbil bejn iż-żewġ partijiet. Revoka, f'dan il-kuntest, hija applikabbli biss għar-relazzjoni bejn l-utent ta' servizzi ta' ħlas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas, u għalhekk hija mingħajr preġudizzju għall-irrevokabbiltà u l-finalità tat-transazzjonjiet ta' ħlas fis-sistemi ta' ħlas.

(39)

Tali irrevokabbiltà m'għandhiex taffettwa d-dritt jew l-obbligu ta' fornitur ta' servizzi ta' ħlas skond il-liġijiet ta' wħud mill-Istati Membri, ibbażati fuq il-kuntratt qafas ta' min iħallas jew il-liġi nazzjonali, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi jew linji gwida, li jħallas lura lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas imwettaq f'każ ta' disputa bejn min iħallas u min jitħallas. Tali ħlas lura għandu jitqies bħala ordni ta' ħlas ġdida. Ħlief f'dawk il-każijiet, disputi legali li jqumu fir-relazzjoni sottostanti l-ordni ta' ħlas għandhom jiġu solvuti biss bejn min iħallas u min jitħallas.

(40)

Biex ikun hemm ipproċessar tal-ħlas integrat bis-sħiħ u dirett u ċertezza legali fir-rigward ta' l-eżekuzzjoni ta' kwalunkwe obbligu sottostanti bejn l-utenti ta' servizzi ta' ħlas, huwa meħtieġ li l-ammont totali trasferit mingħand dak li jħallas għandu jkun akkreditat lill-kont ta' min ikun qed jitħallas. Għaldaqstant, m'għandux ikun possibbli li xi ħadd mill-intermedjarji involuti fl-eżekuzzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas jagħmlu tnaqqis mill-ammont trasferit. Madankollu, għandu jkun possibbli għal min jitħallas li jidħol fi ftehim mal-fornitur ta' servizz tal-ħlas tiegħu taħt liema dan ta' l-aħħar ikun jista' jnaqqsu id-drittijiet tiegħu. Minkejja dan, sabiex min jitħallas ikun jista' jivverifika li l-ammont dovut huwa mħallas korrettament, l-informazzjoni sussegwenti pprovduta dwar it-transazzjoni ta' ħlas għandha tindika mhux biss l-ammont sħiħ tal-fondi trasferiti iżda wkoll l-ammont ta' kwalunkwe drittijiet.

(41)

Fir-rigward ta' drittijiet, l-esperjenza wriet li t-tqassim ta' drittijiet bejn min iħallas u min jitħallas huwa l-aktar sistema effiċjenti peress li tiffaċilita l-ipproċessar dirett tal-ħlas. Għandu għalhekk isir provvediment biex id-drittijiet jinġabru, normalment, direttament mingħand min iħallas u mingħand min jitħallas mill-fornituri ta' servizzi ta' ħlas rispettivi tagħhom. Madankollu, dan għandu japplika biss fejn it-transazzjoni ta' ħlas ma teħtieġx kambju ta' valuta. L-ammont ta' kwalunkwe drittijiet miġbura jista' jkun ukoll żero għaliex id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma jaffetwawx il-prattika li permezz tagħha l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ma jinponix drittijiet fuqil-konsumaturi meta dawn jikkreditaw il-kontijiet tagħhom. B'mod simili, skond it-termini tal-kuntratt, fornitur ta' servizzi ta' ħlas jista' biss jimponi drittijiet fuq min jitħallas (il-kummerċant) għall-użu ta' servizzi ta' ħlas, li jkollu l-effett li l-ebda miżata ma tkun imposta fuq min iħallas. L-impożizzjoni ta' drittijiet għas-sistemi ta' ħlas jista' jkun fil-forma tal-ħlas għal abbonament. Id-dispożizzjonijiet dwar l-ammont trasferit jew kwalunkwe miżata miġbura m'għandhom l-ebda impatt dirett fuq l-ipprezzar bejn il-fornituri ta' servizzi ta' ħlas u kwalunkwe intermedjarji.

(42)

Sabiex tkun promossa t-trasparenza u l-kompetizzjoni, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas m'għandux iżomm lil min jitħallas milli jitlob miżata minn min iħallas biex juża strument għall-ħlas partikolari. Filwaqt li min jitħallas għandu jkun liberu li jitlob ħlas għall-użu ta' ċerti strumenti ta' ħlas, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk jipprojbixxux jew jillimitawx prattika bħal din fejn, fil-fehma tagħhom, dan huwa ġġustifikat minħabba pprezzar abużiv jew ipprezzar li jista' jkollu impatt negattiv fuq l-użu ta' ċertu strument ta' ħlas b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġu inkoraġġiti l-kompetizzjoni u l-użu ta' strumenti ta' ħlas effiċjenti.

(43)

Sabiex titjieb l-effiċjenza tal-ħlasijiet fil-Komunità kollha, l-ordnijiet ta' ħlas kollha mibdija minn min iħallas u denominati fl-euro jew fil-valuta ta' Stat Membru li qiegħed barra miż-żona euro, inklużi trasferimenti ta' krediti u ħlasijiet ta' flus, għandhom ikunu soġġetti għal ħin ta' eżekuzzjoni massimu ta' jum. Għall-ħlasijiet l-oħra kollha, bħal ħlasijiet mibdija minn jew permezz ta' min jitħallas, inklużi debiti diretti u ħlasijiet bil-kard, fin-nuqqas ta' ftehim espliċitu bejn il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas u min iħallas li jistabbilixxi perijodu ta' eżekuzzjoni itwal, l-istess perijodu ta' eżekuzzjoni ta' jum għandu japplika. Il-perijodi ta' hawn fuq jistgħu jkunu estiżi b'jum ta' negozju addizzjonali, jekk l-ordni tal-ħlas tingħata fuq karta. Dan jippermetti l-forniment kontinwu ta' servizzi ta' ħlas għal dawk il-konsumaturi li huma mdorrijin biss b'dokumenti fuq karta. Meta tintuża skema ta' debitu dirett il-fornitur tas-servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas għandu jitrasmetti ordni ta' ġbir fil-limiti taż-żmien miftehma bejn min jitħallas u l-fornitur tas-servizz ta' ħlas tiegħu, u b'hekk jippermetti saldu fid-data mistennija miftehma. Minħabba l-fatt li l-infrastrutturi nazzjonali tal-ħlas huma ħafna drabi effiċjenti ħafna u biex il-livelli preżenti ta' servizzi ma jmorrux lura, l-Istati Membri għandhom jitħallew iżommu fis-seħħ jew jistabbilixxu regoli li jispeċifikaw żmien ta' eżekuzzjoni ta' anqas minn jum ta' negozju, fejn ikun xieraq.

(44)

Id-dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni għall-ammont sħiħ u għaż-żmien ta' l-eżekuzzjoni għandhom jikkostitwixxu prattika tajba fejn wieħed mill-fornituri ta' servizzi ma jkunx lokalizzat fil-Komunità.

(45)

Huwa essenzjali li l-utenti ta' servizzi ta' ħlas ikunu jafu l-ispejjeż reali u l-drittijiet ta' servizzi ta' ħlas biex ikunu jistgħu jagħmlu l-għażla tagħhom. Għaldaqstant, m'għandhomx jitħallew jintużaw metodi ta' ipprezzar li ma jkunux trasparenti, peress li huwa komunement aċċettat li dawk il-metodi jagħmluha diffiċli ħafna għall-utenti biex jistabbilixxu l-prezz reali ta' servizzi ta' ħlas. Speċifikament, l-użu ta' datar ta' valur li jkun ta' żvantaġġ għall-utent m'għandux ikun permess.

(46)

Il-funzjonament mingħajr problemi u effiċjenti tas-sistema tal-ħlas jiddependi fuq kemm l-utent ikun jista' jistrieħ fuq il-fornitur ta' servizz ta' ħlas li jwettaq kif suppost it-transazzjoni ta' ħlas u fiż-żmien miftiehem. Ġeneralment, il-fornitur jinsab f'pożizzjoni li jevalwa r-riskji involuti fit-transazzjoni ta' ħlas. Huwa l-fornitur li jipprovdi s-sistemi ta' ħlas, li jagħmel arranġamenti biex jerġa' jiġbor fondi li jkunu ntilfu jew li jkunu ġew allokati ħażin, u li jiddeċiedi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dwar l-intermedjarji involuti fl-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas. Tenut kont ta' dawk il-konsiderazzjonijiet kollha, huwa għal kollox xieraq, ħlief għal ċirkostanzi anormali u mhux prevedibbli, li tkun imposta responsabbiltà fuq il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas fir-rigward ta' l-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas aċċettata mill-utent, ħlief għall-atti u l-omissjonijiet tal-fornitur ta' servizzi ta' min jitħallas li l-għażla tagħhom hija biss ir-responsabbiltà ta' min qed jiħallas. Madankollu, sabiex min iħallas ma jitħalliex mingħajr protezzjoni f'sitwazzjonijiet mhux probabbli fejn jista' jkun li jibqa' miftuħ (non liquet) jekk l-ammont ta' ħlas kienx debitament riċevut mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas jew le, l-obbligu ta' prova korrispondenti għandu jibqa' tal-fornitur ta' servizzi ta' min iħallas. Bħala regola, wieħed jista' jistenna li l-istituzzjoni intermedjarja, normalment korp “newtru” bħal bank ċentrali jew “clearing house”, li tkun qed titrasferixxi l-ammont ta' ħlas mingħand il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas li jibgħat għal għand dak li jirċievi, ser taħżen id-data tal-kont u tkun tista' tipprovdih kull meta dan ikun meħtieġ. Kull meta l-ammont ta' ħlas ikun ġie kkreditat fil-kont tal-fornitur ta' servizz ta' ħlas li jirċievi, min jitħallas għandu immedjatament ikollu pretensjoni fuq il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu għal kreditu fil-kont tiegħu.

(47)

Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas għandu jassumi responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-ħlas korrett, inkluż, b'mod partikolari, l-ammont sħiħ tat-transazzjoni ta' ħlas u l-ħin ta' l-eżekuzzjoni, u responsabbiltà sħiħa għal kwalunkwe nuqqas minn partijiet oħra fil-katina tal-ħlas sa l-kont ta' min jitħallas. Bħala riżultat ta' dik ir-responsabbiltà l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu, fejn l-ammont sħiħ mhuwiex ikkreditat lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas, jikkoreġi t-transazzjoni ta' ħlas jew mingħajr dewmien bla bżonn iħallas lura lil min iħallas l-ammont rilevanti ta' dik it-transazzjoni, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pretensjoni li tista' ssir skond il-liġi nazzjonali. Din id-Direttiva għandha tikkonċerna biss obbligi u responsabbiltajiet kuntrattwali bejn l-utent ta' servizzi ta' ħlas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu. Madankollu, il-funzjonament tajjeb ta' trasferimenti ta' kreditu u servizzi ta' ħlas oħrajn jirrikjedi li l-fornituri ta' servizzi ta' ħlas u l-intermedjarji tagħhom, bħal proċessuri, ikollhom kuntratti fejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tagħhom ikunu miftiehma. Kwistjonijiet relatati ma' responsabbiltajiet jiffurmaw parti essenzjali minn dawn il-kuntratti uniformi. Biex tiġi żgurata l-affidabbiltà bejn il-fornituri ta' servizzi ta' ħlas u intermedjarji li jieħdu sehem fi transazzjoni ta' ħlas, tenħtieġ ċertezza legali fis-sens li fornitur ta' servizzi ta' ħlas muhx responsabbli jiġi jingħata kumpens għat-telf imġarrab jew għal somom imħallsin skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva rigward ir-responsabbiltà. Aktar drittijiet u dettalji tal-kontenut ta' rikors u kif għandhom jiġu ttrattati pretensjonijiet lejn il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jew intermedjarju attribwibbli għal transazzjoni ta' ħlas difettuża għandhom jitħallew biex jiġu definiti minn arranġamenti kuntrattwali.

(48)

Għandu jkun possibbli għall-fornitur ta' servizzi ta' ħlas li jispeċifika mingħajr ambigwità l-informazzjoni meħtieġa biex ordni tal-ħlas tkun tista' titwettaq korrettament. Min-naħa l-oħra, madankollu, biex tiġi evitata l-frammentazzjoni u li jiġi pperikolat l-istabbiliment ta' sistemi ta' ħlas integrati fil-Komunità, l-Istati Membri m'għandhomx jitħallew jirrikjedu li jintuża identifikatur partikolari għal transazzjonjiet ta' ħlas. Madankollu, dan m'għandux iżomm lill-Istati Membri milli jieħtieġu li fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas jaġixxi bid-diliġenza dovuta u jivverifika, fejn dan huwa teknikament possibbli u mingħajr ħtieġa ta' intervent manwali, il-koerenza ta' l-identifikatur uniku, u fejn l-identifikatur uniku jinstab li hu inkoerenti, jirrifjuta l-ordni ta' ħlas u jinforma b'dan lil min iħallas. Ir-responsabbiltà tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandha tkun limitata għall-eżekuzzjoni korretta tat-transazzjoni ta' ħlas skond l-ordni tal-ħlas li tkun saret mill-utent ta' servizzi ta' ħlas.

(49)

Biex tiġi ffaċilitata l-prevenzjoni effettiva tal-frodi, u biex tkun miġġielda l-frodi tal-ħlas madwar il-Komunità, għandu jsir provvediment għall-iskambju effiċjenti ta' data bejn fornituri ta' servizzi ta' ħlas li għandhom jitħallew jiġbru, jipproċessaw u jiskambjaw data personali li għandha x'taqsam ma' persuni involuti fi frodi tal-ħlas. Dawk l-attivitajiet kollha għandhom isiru f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (19).

(50)

Hu meħtieġ li jkun żgurat infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet adottati fil-liġijiet nazzjonali skond din id-Direttiva. Għandhom għalhekk jitfasslu proċeduri xierqa li permezz tagħhom ikun possibbli li jitmexxew ilmenti kontra fornituri ta' servizzi ta' ħlas li ma jkunux konformi ma' dawn id-dispożizzjonijiet u biex ikun żgurat li, fejn xieraq, ikunu imposti penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(51)

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-klijenti li jressqu kawża quddiem il-qrati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw riżoluzzjoni barra mill-qrati aċċessibbli faċilment u mingħajr spejjeż żejda tal-konflitti bejn fornituri ta' servizzi ta' ħlas u konsumaturi li jirriżultaw mid-drittijiet u l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva. L-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta' Ruma dwar il-liġi li tapplika fir-rigward ta'l-obbligazzjonijiet kontrattwali (20) tiżgura li l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mir-regoli obbligatorji tal-liġi tal-pajjiż li fihom għandhom r-residenza abitwali tagħhom ma tistax tkun imdgħajfa minn xi terminu kuntrattwali dwar il-liġi applikabbli.

(52)

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-awtoritajiet kompetenti maħturin biex jagħtu l-awtorizzazzjoni lill-istituzzjonijiet għall-ħlas jistgħux ikunu wkoll l-awtoritajiet kompetenti rigward il-proċedura ta' ilment jew rikors barra l-qorti.

(53)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-konsegwenzi f'dak li għandu x'jaqsam mar-responsabbiltà għal ineżattezzi fl-espressjoni jew fit-trasmissjoni ta' stqarrija.

(54)

Peress li hu meħtieġ li l-funzjonament effiċjenti ta' din id-Direttiva jiġi rivedut u biex ikun monitorjat il-progress lejn l-istabbiliment ta' suq uniku tal-ħlas, il-Kummissjoni għandha tkun rikjesta tħejji rapport tlett snin wara l-għeluq tal-perijodu ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva. Fir-rigward ta' l-integrazzjoni globali tas-servizzi finanzjarji u protezzjoni armonizzata tal-konsumatur ukoll lil hinn mill-funzjonament effiċjenti ta' din id-Direttiva, il-punti fokali tar-reviżjoni għandhom ikunu l-bżonn possibbli li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni fir-rigward ta' valuti li mhumiex ta' l-UE u għal transazzjonijiet ta' ħlas fejn fornitur wieħed biss ta' servizzi ta' ħlas jinsab fil-Komunità.

(55)

Peress li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jissostitwixxu dawk tad-Direttiva 97/5/KE, dik id-Direttiva għandha titħassar.

(56)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli aktar dettaljati dwar l-użu bi frodi ta' kards tal-ħlas, qasam li bħalissa huwa kopert mid-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta' kuntratti b'distanza (21) u d-Direttiva 2002/65/KE. Għaldaqstant dawk id-Direttivi għandhom jiġu emendati bi qbil ma' dan.

(57)

Peress li, skond id-Direttiva 2006/48/KE, l-istituzzjonijiet finanzjarji mhumiex soġġetti għar-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, għandhom isiru soġġetti għall-istess rekwiżiti bħal istituzzjonijiet tal-ħlas sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi ta' ħlas madwar il-Komunità. Għaldaqstant id-Direttiva 2006/48/KE għandha tiġi emendata bi qbil ma' dan.

(58)

Minħabba li l-rimessa ta' flus hija definita f'din id-Direttiva bħala servizz ta' ħlas li jeħtieġ awtorizzazzjoni għal istituzzjonijiet tal-ħlas jew reġistrazzjoni għal xi persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibbenefikaw minn klawżola ta' twarrib taħt ċerti ċirkostanzi speċifikati fid-dipożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta' l-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini ta' money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (22) għandha tkun emendata bi qbil ma' dan.

(59)

Fl-interess taċ-ċertezza legali, ikun xieraq li jsiru arranġamenti transizzjonali sabiex persuni li jkunu bdew l-attivitajiet ta' istituzzjonijiet tal-ħlas skond il-liġi nazzjonali li tkun fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva jkunu jistgħu jkomplu b'dawk l-attivitajiet fl-Istat Membru konċernat għal perijodu speċifiku.

(60)

Peress li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri, l-istabbiliment ta' suq uniku fis-servizzi ta' ħlas, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri peress li jirrikjedi l-armonizzazzjoni ta' għadd kbir ta' regoli differenti li bħalissa jeżistu fis-sistemi legali tad-diversi Stati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(61)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999, li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (23).

(62)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tadotta dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni sabiex tieħu kont ta' żviluppi teknoloġiċi u fis-suq. Billi dawk il-miżuri għandhom kamp ta' applikazzjoni. Peress li dawn il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, dawn għandom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(63)

Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (24), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli proprji tagħhom li juru, sa fejn ikun possibbli, l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni u li jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li skondhom l-Istati Membri għandhom jiddistingwu s-sitt kategoriji li ġejjin ta' fornitur ta' servizzi ta' ħlas:

(a)

istituzzjonijiet ta' kreditu fis-sens ta' l-Artikolu 4 punt (1)(a) tad-Direttiva 2006/48/KE;

(b)

istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi fis-sens ta' l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2000/46/KE;

(ċ)

istituzzjonijiet ta' kontijiet postali (post office giro institutions) li huma intitolati taħt il-liġi nazzjonali biex jipprovdu servizzi ta' ħlas;

(d)

istituzzjonijiet tal-ħlas fis-sens ta' din id-Direttiva;

(e)

il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta ma jkunux qed jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala awtorità monetarja jew awtoritajiet pubbliċi oħra;

(f)

l-Istati Membri jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali tagħhom meta ma jkunux qed jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta' awtoritajiet pubbliċi.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll regoli li jikkonċernaw kundizzjonijiet ta' trasparenza, u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi ta' l-utenti ta' servizzi ta' ħlas u tal-fornituri ta' servizzi ta' ħlas, f'relazzjoni ma' l-għoti ta' servizzi ta' ħlas bħala xogħol regolari jew attività tan-negozju.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi ta' ħlas ipprovduti fil-Komunità. Madankollu, ħlief għall-Artikolu 73, it-Titoli III u IV għandhom japplikaw biss, fejn kemm il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas, jew il-fornitur uniku ta' servizzi tal-ħlas fit-transazzjoni ta' ħlas, jinsabu fil-Komunità.

2.   It-Titoli III u IV ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għas-servizzi ta' ħlas li jsiru bl-euro jew f'valuta uffiċjali ta' Stat Membru li qiegħed barra miż-żona euro.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha, jew ta' parti mid-dispożizzjonijiet, ta' din id-Direttiva għal l-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, tad-Direttiva 2006/48/KE, ħlief għal dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiż ta' dak l-Artikolu.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni negattiv

Din id-Direttiva għandha tapplika għal ebda minn dan li ġej:

(a)

transazzjonjiet ta' ħlas li jsiru biss fi flus kontanti direttament minn min iħallas għal min jitħallas, mingħajr ebda intervent intermedjarju;

(b)

transazzjonjiet ta' ħlas minn min iħallas għal min jitħallas permezz ta' aġent kummerċjali awtorizzat li jinnegozja jew jikkonkludi l-bejgħ jew ix-xiri ta' merkanzija jew servizzi f'isem min iħallas jew min jitħallas;

(ċ)

trasport fiżiku professjonali ta' flus f'noti bankarji u f'muniti, inkluż il-ġbir, l-ipproċessar u l-kunsinna tagħhom;

(d)

transazzjonjiet ta' ħlas li jikkonsistu fil-ġbir u t-tqassim mhux professjonali ta' flus kontanti fil-qafas ta' attività mhux bi skop ta' qligħ jew karitattiva;

(e)

servizzi fejn il-flus kontanti huma fornuti minn min jitħallas lil min iħallas bħala parti minn transazzjoni ta' ħlas, wara li tkun saret talba espliċita mill-utent ta' servizzi ta' ħlas eżatt qabel l-eżekuzzjoni tat-transazzjoni ta' ħlas permezz tal-ħlas għax-xiri ta' merkanzija jew servizzi;

(f)

negozju tal-kambju ta' valuta, jiġifieri, operazzjonijiet cash to cash, fejn il-fondi ma jkunux miżmuma fuq kont tal-ħlas;

(g)

transazzjonjiet ta' ħlas ibbażati fuq kwalunkwe minn dawn id-dokumenti li ġejjin li jinħarġu a debitu tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas bil-ħsieb li jitqiegħdu fondi għad-dispożizzjoni ta' min jitħallas:

(i)

ċekkijiet stampati skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tad-19 ta' Marzu 1931 li tistipula liġi uniformi għaċ-ċekkijiet;

(ii)

ċekkijiet stampati li jixbhu lil dawk imsemmija fil-punt (i) u rregolati bil-liġi ta' l-Istati Membri li mhumiex parti għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra tad-19 ta' Marzu 1931 dwar liġi uniformi għaċ-ċekkijiet;

(iii)

drafts stampati skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tas-7 ta' Ġunju 1930 dwar liġi uniformi għall-kambjali u l-promissory notes;

(iv)

drafts stampati li jixbhu lil dawk imsemmija fil-punt (iii) u u rregolati bil-liġi ta' l-Istati Membri li mhumiex parti għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra tas-7 ta' Ġunju 1930 dwar liġi uniformi għall-kambjali u l-promissory notes;

(v)

vouchers stampati;

(vi)

traveller's cheques stampati; jew

(vii)

money orders postali stampati kif inhuma definiti mill-Unjoni Postali Universali;

(h)

transazzjonjiet ta' ħlas li jsiru f'sistema tal-ħlas jew ta' settlement ta' titoli ta' krediu bejn aġenti ta' settlement, kontropartijiet ċentrali, clearing houses u/jew banek ċentrali u parteċipanti oħra fis-sistema, u fornituri ta' servizzi ta' ħlas, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28;

(i)

transazzjonjiet ta' ħlas relatati mas-servicing ta' l-assi ta' titoli, inkluż ishma, dħul jew distribuzzjonijiet oħra, jew fidwa jew bejgħ, imwettqa mill-persuni msemmija fil-punt (h) jew minn ditti ta' l-investiment, istituzzjonijiet tal-kreditu, impriżi ta' investiment kollettivi jew kumpanniji ta' ġestjoni ta' assi li jipprovdu servizzi ta' investiment jew kwalunkwe entità oħra permessa li jkollhom il-kustodja ta' strumenti finanzjarji;

(j)

servizzi pprovduti minn fornituri ta' servizzi tekniċi, li jappoġġaw il-forniment ta' servizzi ta' ħlas, mingħajr ma dawn f'xi mument ikunu fil-pussess tal-fondi li għandhom jiġu trasferiti, inkluż l-ipproċessar u l-ħażna ta' data, is-servizzi ta' fiduċja u ta' protezzjoni tal-privatezza, awtentikazzjoni ta' data u ta' entità, il-forniment ta' servizzi ta' network ta' l-informazzjoni teknoloġika (IT) u ta' komunikazzjoni, il-forniment u l-manutenzjoni ta' terminals u apparat użat għas-servizzi ta' ħlas;

(k)

servizzi bbażati fuq strumenti li jistgħu jintużaw biss għall-akkwist ta' merkanzija jew servizzi fil-bini użat minn min joħroġhom biss jew taħt ftehim kummerċjali ma' min joħroġhom jew f'network limitat ta' fornituri ta' servizzi jew għal firxa limitata ta' merkanzija jew servizzi;

(l)

transazzjonijiet ta' ħlas imwettqa permezz ta' kwalunkwe apparat tat-telekomunikazzjoni, diġitali jew ta' l-IT, fejn il-merkanzija jew is-servizzi mixtrija jiġu fornuti lil u ser jintużaw permezz ta' apparat tat-telekomunikazzjoni, diġitali jew ta' l-IT, dment li l-operatur tat-telekomunikazzjoni, diġitali jew ta' l-IT ma jaġixxix biss bħala intermedjarju bejn l-utent ta' servizzi ta' ħlas u l-fornitur tal-merkanzija u s-servizzi;

(m)

transazzjonjiet ta' ħlas imwettqa bejn fornituri ta' servizzi ta' ħlas, l-aġenti jew il-fergħat tagħhom akkont tagħhom infushom;

(n)

transazzjonjiet ta' ħlas bejn impriża prinċipali u s-sussidjarja tagħha jew bejn sussidjarji ta' l-istess impriża prinċipali, mingħajr ebda intervent intermedjarju minn fornitur ta' servizzi ta' ħlas ħlief għal impriża li tappartjeni għall-istess grupp; jew

(o)

servizzi minn fornituri biex jinġibed flus kontanti permezz ta' automated teller machines (ATM) li jaġixxu f'isem emittent wieħed jew aktar ta' kards, li mhumiex parti għall-kuntratt qafasqafas mal-klijent li jkun qed jiġbed il-flus minn kont tal-ħlas, bil-kondizzjoni li dawn il-fornituri ma jwettqux servizzi ta' ħlas oħra kif elenkat fl-Anness.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1.

“Stat Membru ta' domiċilju” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas; jew

(ii)

jekk il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas, taħt il-liġi nazzjonali tiegħu, ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali;

2.

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru minbarra l-Istat Membru ta' domiċilju li fih il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ikollu aġent jew fergħa jew fejn jagħti s-servizzi ta' ħlas;

3.

“servizzi ta' ħlas” tfisser kwalunkwe mill-attivitajiet ta' negozju kif elenkati fl-Anness;

4.

“istituzzjonijiet tal-ħlas” tfisser persuna ġuridika li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 10 biex tipprovdi u twettaq servizzi ta' ħlas fil-Komunità kollha;

5.

“transazzjoni ta' ħlas” tfisser att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta' tqegħid, ta' trasferiment jew ta' ġbid ta' fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas;

6.

“sistema tal-ħlas” tfisser sistema ta' trasferiment ta' fondi b'arranġamenti formali u standardizzati u regoli komuni għall-ipproċessar, clearing u/jew settlement ta' transazzjonjiet ta' ħlas;

7.

“min iħallas” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-ħlas u tippermetti ordni tal-ħlas minn dak il-kont tal-ħlas, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont tal-ħlas, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni għal ħlas;

8.

“min jitħallas” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta' fondi li kienu s-suġġett ta' transazzjoni ta' ħlas;

9.

“fornitur ta' servizzi ta' ħlas” tfisser korpi msemmija fl-Artikolu 1(1) u persuni ġuridiċi u fiżiċi li jibbenefikaw mit-twarrib skond l-Artikolu 26;

10.

“utent ta' servizzi ta' ħlas” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizzi ta' ħlas fil-kapaċità ta' min iħallas jew ta' min jitħallas, jew tat-tnejn;

11.

“konsumatur” tfisser persuna fiżika li, f'kuntratti ta' servizzi ta' ħlas koperti minn din id-Direttiva, qed taġixxi għal finijiet li ma humiex is-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

12.

“kuntratt qafas” tfisser kuntratt ta' servizzi ta' ħlas li jirregola l-eżekuzzjoni futur ta' transazzjonjiet ta' ħlas individwali u suċċessivi u li jista' jkollhom l-obbligu u l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit kont tal-ħlas;

13.

“ħlas ta' flus” tfisser servizzi ta' ħlas fejn il-fondi jiġu rċevuti minn min iħallas, mingħajr ma jinħolqu ebda kontijiet tal-ħlas f'isem min iħalles jew min jitħallas, għall-uniku għan li jiġi trasferit l-ammont korrispondenti lil min jitħallas jew lil fornitur ieħor ta' servizzi ta' ħlas f'isem min iħallas, u/jew fejn tali fondi huma rċevuti f'isem ta' min jitħallas u magħmulin disponibbli lilu;

14.

“kont tal-ħlas” tfisser kont miżmum f'isem utent wieħed jew aktar ta' servizzi ta' ħlas li jintuża għall-eżekuzzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas;

15.

“fondi” tfisser karti tal-flus u muniti, flus skritturali u flus elettroniċi kif definita fl-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/46/KE;

16.

“ordni tal-ħlas” tfisser kwalunkwe istruzzjoni minn min iħallas jew minn min jitħallas lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu, fejn jitlob l-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas;

17.

“data tal-valur” tfisser żmien ta' referenza użat minn fornitur ta' servizzi ta' ħlas għall-kalkolu ta' l-interessi fuq il-fondi debitati minn jew kreditati lejn kont tal-ħlas;

18.

“rata tal-kambju ta' referenza” tfisser ir-rata tal-kambju li tintuża bħala l-bażi li fuqha jiġi kkalkolat kwalunkwe kambju ta' valuta u li ssir disponibbli mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jew tiġi minn sors pubblikament disponibbli;

19.

“awtentikazzjoni” tfisser proċedura li tippermetti lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jivverifika l-użu ta' strument tal-ħlas speċifiku, inkluż il-karatteristiċi ta' sigurtà personalizzati tiegħu;

20.

“rata ta' imgħax ta' referenza” tfisser ir-rata ta' l-imgħax li tintuża bħala l-bażi għall-kalkolu ta' kwalunkwe interessi li għandhom jiġu applikati u li tiġi minn sors pubblikament disponibbli li jkun jista' jiġi vverifikat miż-żewġ partijiet ta' kuntratt dwar servizzi ta' ħlas;

21.

“identifikatur uniku” tfisser kombinazzjoni speċifikata ta' ittri, numri jew simboli lill-utent ta' servizzi ta' ħlas mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas u li għandha tingħata mill-utent ta' servizzi ta' ħlas biex jidentifika mingħajr ambigwità l-utent l-ieħor ta' servizzi ta' ħlas u/jew il-kont tal-ħlas tiegħu għal transazzjoni ta' ħlas;

22.

“aġent” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi akkont ta' istituzzjoni tal-ħlas fil-forniment ta' servizzi ta' ħlas;

23.

“strument tal-ħlas” tfisser kwalunkwe apparat personalizzat u/jew sett ta' proċeduri rigward liema jkun sar ftehim bejn l-utent ta' servizzi tal-ħlas u l-fornitur ta' servizzi tal-ħlas u użati mill-utent ta' servizzi ta' ħlas sabiex jagħti bidu għal ordni ta' ħlas;

24.

“mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod” tirreferi għal kwalunkwe mezz li, mingħajr il-preżenza fiżika fl-istess ħin tal-fornitur u ta' l-utent ta' servizzi ta' ħlas, ikun jista' jintuża għall-konklużjoni ta' kuntratt ta' servizzi ta' ħlas;

25.

“mezz dejjiemi” tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-utent ta' servizzi ta' ħlas jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lilu b'mod aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta' żmien adegwat għall-finijiet ta' l-informazzjoni u li jippermetti riproduzzjoni mingħajr tibdil ta' l-informazzjoni maħżuna;

26.

“mikro-intrapriża” tfisser intrapriża, li fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt ta' servizzi ta' ħlas, tkun intrapriża kif definit fl-Artikoli 1 u l-Artikolu 2(1) u (3) ta' l-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

27.

“jum ta' negozju” tfisser jum li fih il-fornitur rilevanti ta' servizzi ta' ħlas ta' dak li qed iħallas jew il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' dak li qed jitħallas involut fl-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas huwa miftuħ għax-xogħol kif meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas;

28.

“debitu dirett” tfisser servizzi ta' ħlas biex jiġi ddebitat il-kont tal-ħlas ta' min iħallas, fejn transazzjoni ta' ħlas tkun mibdija minn min jitħallas abbażi tal-kunsens mogħti minn min iħallas lil min jitħallas, jew il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas, lill-fornitur tas-serivizz tal-ħlas ta' min iħallas;

29.

“fergħa” tfisser post ta' negozju minbarra l-uffiċċju prinċipali li huwa parti minn istituzzjoni tal-ħlas, li għandu personalità legali u li jwettaq direttament it- transazzjonijiet kollha jew uħud minnhom inerenti fin-negozju ta' istituzzjoni tal-ħlas; il-postijiet kollha ta' negozju stabbiliti fl-istess Stat Membru minn istituzzjoni tal-ħlas b'uffiċċju prinċipali fi Stat Membru ieħor għandhom jitqiesu bħala fergħa unika;

30.

“grupp” tfisser grupp ta' impriżi, li jikkonsisti minn impriża prinċipali, is-sussidjarji tagħha u l-entitajiet li fihom l-impriża ewlenija jew is-sussidjarji tagħha għandhom holding, kif ukoll impriżi marbuta ma' xulxin b'relazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 83/349/KEE.

TITOLU II

FORNITURI TA' SERVIZZI TA' ĦLAS

KAPITOLU 1

Istituzzjonijiet tal-ħlas

Taqsima 1

Regoli ġenerali

Artikolu 5

Applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni

Biex tinkiseb awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni tal-ħlas, għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' domiċilju, flimkien ma' dan li ġej:

(a)

programm ta' operazzjonijiet li jispeċifika b'mod partikolari t-tip ta' servizzi ta' ħlas previsti;

(b)

pjan tan-negozju, inkluż kalkolu ta' tbassir ta' baġit għall-ewwel tliet snin finanzjarji li juri li l-applikant jista' juża s-sistemi, ir-riżorsi u l-proċeduri xierqa u proporzjonati biex jopera sew;

(ċ)

evidenza li l-istituzzjoni tal-ħlas għandha l-ammont ta' kapital inizjali msemmi fl-Artikolu 6;

(d)

għall-istituzzjonijiet tal-ħlas imsemmija fl-Artikolu 9(1), deskrizzjoni tal-miżuri meħuda għas-salvagwardja tal-fondi ta' l-utenti ta' servizzi ta' ħlas skond l-Artikolu 9;

(e)

deskrizzjoni ta' l-arranġamenti ta' governanza u tal-mekkaniżmi interni ta' kontroll ta' l-applikant, inklużi proċeduri amministrattivi, ta' ġestjoni tar-riskju u ta' kontabbiltà, li turi li dawn l-arranġamenti ta' governanza, mekkaniżmi u proċeduri ta' kontroll huma proporzjonati, adatti, sodi u adegwati;

(f)

deskrizzjoni tal-mekkaniżmi interni ta' kontroll li l-applikant ikun stabbilixxa sabiex jikkonforma ma' l-obbligi f'relazzjoni mal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu skond id-Direttiva 2005/60/KE u r-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni rigward min iħallas li takkumpanja t-trasferiment tal-fondi (25);

(g)

deskrizzjoni ta' l-organizzazzjoni strutturali ta' l-applikant, inkluża, fejn applikabbli, deskrizzjoni ta' l-użu intenzjonat ta' l-aġenti u tal-fergħat u deskrizzjoni ta' arranġamenti ta' outsourcing, u l-parteċipazzjoni tagħha f'sistema tal-ħlas nazzjonali jew internazzjonali;

(h)

l-identità ta' persuni li għandhom fl-applikant, direttament jew indirettament, holdings kwalifikanti fis-sens ta' l-Artikolu 4(11) tad-Direttiva 2006/48/KE, id-daqs tal-holiding tagħhom u evidenza ta' l-adegwatezza tagħhom b'kont meħud tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġestjoni soda u prudenti ta' istituzzjoni tal-ħlas;

(i)

l-identità tad-diretturi u ta' l-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni ta' l-istituzzjoni tal-ħlas u, fejn rilevanti, il-persuni responsabbli għall-amministrazzjoni ta' l-attivitajiet ta' servizzi ta' ħlas ta' l-istituzzjoni tal-ħlas, kif ukoll prova li huma ta' fama tajba u għandhom il-konoxxenza u l-esperjenza adegwata biex iwettqu servizzi ta' ħlas kif determinat mill-Istat Membru ta' domiċilju ta' l-istituzzjoni tal-ħlas;

(j)

fejn applikabbli, l-identità ta' awdituri statutorji u ta' kumpanniji tal-verifika kif definit fid-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar verifiki statutorji ta' kontijiet annwali u kontijiet konsolidati (26);

(k)

l-istatus legali ta' l-applikant u l-artikoli ta' assoċjazzjoni;

(l)

l-indirizz ta' l-uffiċċju prinċipali ta' l-applikant.

Għall-finijiet tal-punti (d), (e) u (g), l-applikant għandu jagħti deskrizzjoni ta' l-arranġamenti tiegħu ta' verifika u l-arranġamenti organizzattivi li jkun stabbilixxa bil-ħsieb li jieħu l-passi kollha raġonevoli biex jitħarsu l-interessi ta' l-utenti tiegħu u biex jiżgura kontinwità u affidabbiltà fil-prestazzjoni ta' servizzi ta' ħlas.

Artikolu 6

Kapital inizjali

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet tal-ħlas ikollhom, fil-mument ta' l-awtorizzazzjoni, kapital inizjali, li jkun magħmul mill-elementi definiti fl-Artikolu 57(a) u (b) tad-Direttiva 2006/48/KE kif ġej:

(a)

fejn l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi biss is-servizzi ta' ħlas imsemmija fil-punt 6 ta' l-Anness, il-kapital tagħha m'għandu fl-ebda ħin ikun anqas minn EUR 20 000;

(b)

fejn l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi s-servizz ta' ħlas imsemmi fil-punt 7 ta' l-Anness, il-kapital tagħha m'għandu fl-ebda ħin ikun anqas minn EUR 50 000; u

(ċ)

fejn l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi kwalunkwe waħda mis-servizzi ta' ħlas imsemmija fil-punti 1 sa 5 ta' l-Anness, il-kapital tagħha m'għandu fl-ebda ħin ikun anqas minn EUR 125 000.

Artikolu 7

Fondi proprji

1.   Il-fondi proprji ta' l-istituzzjoni tal-ħlas, kif definit fl-Artikoli 57 sa 61, 63, 64 u 66 tad-Direttiva 2006/48/KE, m'għandhomx jaqgħu taħt l-ammont aktar għoli msemmi fl-Artikoli 6 u 8.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu l-użu multiplu ta' elementi eliġibbli għall-fondi proprji fejn l-istituzzjoni tal-ħlas tappartjeni għall-istess grupp bħal istituzzjoni oħra tal-ħlas, istituzzjoni tal-kreditu, ditta ta' l-investiment, kumpannija għall-immaniġġar ta' l-assi jew impriża ta' l-assigurazzjoni. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll fejn l-istituzzjoni tal-ħlas ikollha karattru ibridu u twettaq attivitajiet oħra barra milli tipprovdi s-servizzi ta' ħlas imsemmija fl-Anness.

3.   Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2006/48/KE ikunu sodisfatti, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jagħżlu li ma japplikawx l-Artikolu 8 għal istituzzjonijiet ta' ħlas li huma inklużi fis-superviżjoni konsolidata ta' l-istituzzjoni prinċipali ta' kreditu skond id-Direttiva 2006/48/KE.

Artikolu 8

Il-kalkolu tal-fondi proprji

1.   Minkejja r-rekwiżiti ta' kapital inizjali stabbiliti fl-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet tal-ħlas dejjem ikollhom fondi proprji kkalkolati skond wieħed minn dawn it-tliet metodi, kif determinat mill-awtoritajiet kompetenti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali:

Metodu A

Il-fondi proprji ta' l-istituzzjoni tal-ħlas għandhom jammontaw għal mill-inqas 10 % ta' l-ispejjeż ġenerali fissi tagħha tas-sena preċedenti. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġġustaw dik il-ħtieġa fil-każ ta' bidla materjali fin-negozju ta' l-istituzzjoni tal-ħlas mis-sena preċedenti 'l hawn. Fejn istituzzjoni tal-ħlas ma tkunx għadha temmet sena sħiħa ta'- negozju fid-data tal-kalkolu, il-ħtieġa għandha tkun li l-fondi tagħha jammontaw għal mill-inqas 10 % ta' l-ispejjeż ġenerali fissi korrispondenti kif previst fil-pjan tan-negozju, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jirrikjedux aġġustament għal dak il-pjan.

Metodu B

Il-fondi proprji ta' l-istituzzjoni tal-ħlas għandhom jammontaw għal mill-inqas is-somma ta' l-elementi li ġejjin multiplikati b'fattur ta' skalar k, stabbilit fil-paragrafu 2, fejn il-volum tal-ħlas (payment volume – PV) jirrappreżenta parti waħda minn tnax ta' l-ammont totali tat-transazzjonjiet ta' ħlas mwettqa mill-istituzzjoni tal-ħlas fis-sena preċedenti:

(a)

4,0 % ta' dak il-porzjon ta' PV sa EUR 5 miljun,

flimkien ma'

(b)

2,5 % ta' dak il-porzjon ta' PV 'il fuq minn EUR 5 miljun sa EUR 10 miljun,

flimkien ma'

(ċ)

1 % ta' dak il-porzjon ta' PV 'il fuq minn EUR 10 miljun sa EUR 100 miljun,

flimkien ma'

(d)

0,5 % ta' dak il-porzjon ta' PV 'il fuq minn EUR 100 miljun sa EUR 250 miljun,

flimkien ma'

(e)

0,25 % ta' dak il-porzjon ta' PV 'il fuq minn EUR 250 miljun.

Metodu Ċ

Il-fondi proprji ta' l-istituzzjoni tal-ħlas għandhom jammontaw għal mill-inqas l-indikatur rilevanti kif definit fil-punt (a),suġġett għall-fattur multiplikatur stabbilit fil-punt (b) kif ukoll għall-fattur ta' skalar k stabbilit fil-paragrafu 2.

(a)

L-indikatur rilevanti huwa s-somma ta' dan li ġej:

dħul minn interessi;

spejjeż ta' interessi;

kummissjonijiet u drittijiet riċevuti; u

dħul operattiv ieħor.

Kull element għandu jiġi inkluż fis-somma bis-sinjal pożittiv jew negattiv tiegħu. Dħul minn elementi straordinarji jew irregolari ma jistax jintuża fil-kalkolu ta' l-indikatur rilevanti. In-nefqa għal servizzi minn barra li jingħataw minn partijiet terzi jista' jnaqqas l-indikatur rilevanti jekk in-nefqa tiġġarrab minn impriża soġġetta għal superviżjoni taħt din id-Direttiva. L-indikatur rilevanti huwa kkalkolat abbażi ta' l-aħħar tnax-il osservazzjoni mensili fi tmiem is-sena finanzjarja. L-indikatur rilevanti għandu jiġi kkalkolat fuq is-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu fondi proprji kkalkolati skond il-Metodu Ċ m'għandhomx jaqgħu taħt it-80 % tal-medja tat- tliet snin finanzjarji preċedenti għall-indikatur rilevanti. Meta l-figuri tal-verifika ma jkunux disponibbli, jistgħu jintużaw stimi tan-negozju.

(b)

Il-fattur ta' multiplikazzjoni għandu jkun:

(i)

10 % ta' dak il-porzjon ta' l-indikatur rilevanti sa EUR 2,5 miljun,

(ii)

8 % ta' dak il-porzjon ta' l-indikatur rilevanti minn EUR 2,5 miljun sa EUR 5 miljun,

(iii)

6 % ta' dak il-porzjon ta' l-indikatur rilevanti minn EUR 5 miljun sa EUR 25 miljun,

(iv)

3 % ta' dak il-porzjon ta' l-indikatur rilevanti minn EUR 25 miljun sa 50 miljun,

(v)

1,5 % 'il fuq minn EUR 50 miljun.

2.   Il-fattur ta' skalar k li għandu jintuża fil-Metodi B u Ċ fuq għandu jkun:

(a)

0,5 fejn l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi biss is-servizz tal-ħlas imsemmi fil-punt 6 ta' l-Anness;

(b)

0,8 fejn l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi is-servizz ta' ħlas imsemmi fil-punt 7 ta' l-Anness;

(ċ)

1 fejn l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdixi waħda mis-servizz tal-ħlas imsemmija filpunti 1 sa 5 ta' l-Anness.

3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, abbażi ta' evalwazzjoni tal-proċessi ta' ġestjonitar-riskju, bank ta' data ta' telf ta' riskju u mekkaniżmi interni ta' kontroll ta' l-istituzzjoni tal-ħlas, jirrikjedu li l-istituzzjoni tal-ħlas ikollha ammont ta' fondi proprji li jkun sa 20 % ogħla mill-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu magħżul skond il-paragrafu 1, jew iħallu lill-istituzzjoni tal-ħlas ikollha ammont ta' fondi proprji li jkun sa 20 % aktar baxx mill-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu magħżul skond il-paragrafu 1.

Artikolu 9

Rekwiżiti ta' salvagwardja

1.   L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrikjedu li istituzzjoni tal-ħlas li tipprovdi kwalunkwe wieħed mis-servizzi ta' ħlas elenkati fl-Anness u, fl-istess ħin, hija involuta f'attivitajiet oħrajn ta' negozju imsemmija fl-Artikolu 16(1)(ċ) tissalvagwardja fondi li jkunu ġew riċevuti mill-utenti ta' servizzi ta' ħlas jew permezz ta' fornitur ta' servizzi ta' ħlas ieħor għall-eżekuzzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas, kif ġej:

Jew:

(a)

fl-ebda ħin m'għandhom jiġu mħallta mal-fondi ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minbarra l-utenti ta' servizzi ta' ħlas li f'isimhom ikunu miżmuma l-fondi u, fejn ikunu għadhom miżmuma mill-istituzzjoni tal-ħlas u jkunu għadhom ma ġewx mogħtija lil min jitħallas jew trasferiti lil fornitur ta' servizzi ta' ħlas ieħor sa tmiem il-jum ta' negozju wara l-jum meta l-fondi jkun ġew riċevuti, għandhom jiġu depożitati f'kont separat f'istituzzjoni tal-kreditu jew investiti f'assi likwidi siguri u b'riskju baxx kif definit mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membru ta' domiċilju; u

(b)

għandhom ikunu protetti skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri fl-interess ta' dawk l-utenti ta' servizzi ta' ħlas mill-pretensjonijiet ta' kredituri oħra ta' l-istituzzjoni tal-ħlas, b'mod partikolari fil-każ ta' insolvibbiltà;

jew

(ċ)

għandhom ikunu koperti minn polza ta' assigurazzjoni jew minn xi garanzija komparabbli oħra minn kumpannija ta' l-assigurazzjoni jew istituzzjoni tal-kreditu, li ma tagħmilx parti mill-istess grupp bħall-istituzzjoni tal-ħlas innifisha, għal ammont ekwivalenti għal dak li jkun ġie segregat li fin-nuqqas ta' polza ta' l-assigurazzjoni jew garanzija komparabbli oħra, pagabbli fil-każ li l-istituzzjoni tal-ħlas ma tkunx tista' tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha.

2.   Fejn istituzzjoni tal-ħlas tkun meħtieġa tissalvagwardja fondi taħt il-paragrafu 1 u porzjoni minnhom ser tintuża għal transazzjonjiet ta' ħlas futuri fejn l-ammont li jifdal ser jintuża għal servizzi mhux tal-ħlas, dik il-parti tal-fondi riċevuti għal transazzjonjiet ta' ħlas futuri għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti taħt il-paragrafu 1. Fejn din il-porzjonitkun varjabbli jew mhijiex magħrufa minn qabel, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiettal-ħlas biex japplikaw dan il-paragrafu abbażi ta' porzjoni rappreżentattiva li hija assunta li hija użata għal servizzi ta' ħlas dment li tali porzjoni rappreżentattiva tista' tiġi stmata b'mod raġonevoli abbażi ta' data storika b' sodisfazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

3.   L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-istituzzjonijiet ta' ħlas li ma jkunux involuti f'attivitajiet oħrajn ta' negozju minbarra servizzi ta' ħlas imsemmija fl-Artikolu 16(1)(ċ), għandhom ukoll jikkonformaw mar-rekwiżitit ta' salvagwardja taħt il-paragrafu (1) ta' dan l-Artikolu.

4.   L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jillimitaw ukoll tali rekwiżiti ta' salvagwardja għall-fondi ta' dawk l-utenti ta' servizzi ta' ħlas li l-fondi tagħhom individwalment jeċċedu limitu ta' EUR 600.

Artikolu 10

Għoti ta' awtorizzazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) sa (ċ) u (e) u (f) u għajr persuni ġuridiċi jew fiżiċi oħra li jibbenefikaw minn twarrib taħt l-Artikolu 26, li bi ħsiebhom jipprovdu servizzi ta' ħlas, jiksbu awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni tal-ħlas qabel jibdew ifornu servizzi ta' ħlas. Awtorizzazzjoni għandha tingħata biss lil persuna ġuridika stabbilita fi Stat Membru.

2.   Awtorizzazzjoni għandha tingħata jekk l-informazzjoni u l-evidenza flimkien ma' l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 5 u jekk il-valutazzjoni ġenerali ta' l-awtoritajiet kompetenti, wara li jkunu eżaminaw l-applikazzjoni bir-reqqa, tkun favorevoli. Qabel ma tingħata awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, fejn rilevanti, jikkonsultaw, lill-bank ċentrali nazzjonali jew awtoritajiet pubbliċi rilevanti oħra.

3.   Istituzzjoni tal-ħlas li, skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru ta' domiċilju tagħha hija rikjesta li jkollha uffiċċju reġistrat, għandu jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-istess Stat Membru fejn ikun l-uffiċċju reġistrat tagħha.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu awtorizzazzjoni biss jekk, b'kont meħud tal-ħtieġa li tiġi żgurata ġestjoni soda u prudenti ta' istituzzjoni tal-ħlas, l-istituzzjoni tal-ħlas għandha arranġamenti ta' governanza robusti għan-negozju tagħha ta' servizzi ta' ħlas, li jinkludi struttura organizzattiva ċara b'linji definiti sew, trasparenti u konsistenti ta' responsabbiltà, proċeduri effettivi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li għalihom hija esposta jew tista' tkun esposta, u mekkaniżmi interni ta' kontroll adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u ta' kontabbilità sodi; dawn l-arranġamenti, proċeduri u mekkaniżmi għandhom ikunu komprensivi u proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità ta' servizzi ta' ħlas ipprovduti mill-istituzzjoni tal-ħlas.

5.   Fejn istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi kwalunkwe wieħed mis-servizzi ta' ħlas elenkati fl-Anness u, fl-istess ħin, hija involuta f'attivitajiet oħrajn ta' negozju, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu l-istabbiliment ta' entità separata għan-negozju ta' servizzi ta' ħlas, fejn l-attivitajiet ta' servizzi mhux tal-ħlas ta' l-istituzzjoni tal-ħlas jagħmlu ħsara jew x'aktarx jagħmlu ħsara jew lir-robustezza finanzjarja ta' l-istituzzjoni tal-ħlas jew lill-abbiltà ta' l-awtoritajiet kompetenti li jimmonitorjaw il-konformità ta' l-istituzzjoni tal-ħlas ma' l-obbligi kollha stabbiliti minn din id-Direttiva.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrifjutaw awtorizzazzjoni jekk, b'kont meħud tal-ħtieġa li tiġi żgurata ġestjoni soda u prudenti ta' istituzzjoni tal-ħlas, huma ma jkunux sodisfatti dwar l-adegwatezza ta' l-azzjonisti jew ta' membri li jkollhom holdings kwalifikanti.

7.   Fejn rabtiet mill-qrib kif definiti fl-Artikolu 4(46) tad-Direttiva 2006/48/KE jeżistu bejn l-istituzzjoni tal-ħlas u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu awtorizzazzjoni biss jekk dawk ir-rabtiet ma jmpedixxux l-eżercizzju effettiv tal-funzjonijiet tagħhom ta' superviżjoni.

8.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu awtorizzazzjoni biss jekk il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjoniet amministrattivi ta' pajjiż terz li jirregola persuna waħda jew aktar, fiżika jew ġuridika, li magħhom l-istituzzjoni tal-ħlas għandha rabtiet mill-qrib, jew diffikultajiet involuti fl-infurzar ta' dawk il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi, ma jipprevenux l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom.

9.   Awtorizzazzjoni għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha u għandha tippermetti lill-istituzzjoni tal-ħlas ikkonċernata tipprovdi servizzi ta' ħlas madwar il-Komunità, jew skond il-libertà li jingħataw servizzi jew il-libertà ta' stabbiliment, bil-kundizzjoni li tali servizzi huma koperti bl-awtorizzazzjoni.

Artikolu 11

Komunikazzjoni tad-deċiżjoni

Fi żmien tliet xhur mir-riċevuta ta' applikazzjoni jew, fil-każ li l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, ta' l-informazzjoni kollha meħtieġa għad-deċiżjoni, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-applikant jekk l-awtoriżżazzjoni tiegħu tkunx ingħatat jew ġiet rifjutata. Għandhom jingħataw raġunijiet kull meta tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni.

Artikolu 12

Irtirar ta' awtorizzazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw awtorizzazzjoni maħruġa lil istituzzjoni tal-ħlas biss fejn l-istituzzjoni:

(a)

ma tagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, espressament tirrinunzja l-awtorizzazzjoni jew waqqfet l-involviment tagħha fin-negozju għal aktar minn sitt xhur, jekk l-Istat Membru kkonċernat ma pprovdiex li l-awtorizzazzjoni tiskadi f'tali każijiet;

(b)

kisbet l-awtorizzazzjoni permezz ta' dikjarazzjonijiet foloz jew kwalunkwe mezzi irregolari oħra;

(ċ)

ma baqgħetx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' l-awtorizzazzjoni;

(d)

tikkostitwixxi theddida għall-istabbiltà tas-sistema tal-ħlas bit-tkomplija tan-negozju tagħha ta' servizzi ta' ħlas; jew

(e)

taqa' taħt wieħed mill-każijiet l-oħra fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi għall-irtirar ta' l-awtorizzazzjoni.

2.   Għandhom jingħataw raġunijiet għal kwalunkwe irtirar ta' awtorizzazzjoni u dawk ikkonċernati għandhom jiġu infurmati ta' dan.

3.   L-irtirar ta' awtorizzazzjoni għandu jsir pubbliku.

Artikolu 13

Reġistrazzjoni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistru pubbliku ta' l-istituzzjonijiet tal-ħlas awtorizzati u l-aġenti u l-fergħat tagħhom, kif ukoll tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, u l-aġenti u l-fergħat tagħhom, li jibbenefikaw minn twarrib taħt l-Artikolu 26, u ta' l-istituzzjonijietmsemmija fl-Artikolu 2(3) sakemm huma intitolati taħt il-liġi nazzjonali li jipprovdu servizzi ta' ħlas. Huma għandhom jiddaħħlu fir-reġistru ta' l-Istat Membru ta' domiċilju.

Dan ir-reġistru għandu jidentifika s-servizzi ta' ħlas li għalihom l-istituzzjoni tal-ħlas hi awtorizzata jew li għaliha l-persuna fiżika jew ġuridika ġiet irreġistrata. Istituzzjonijiet tal-ħlas awtorizzati, għandhom jitniżżlu fir-reġistru separatament minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li ġew reġistrati skond l-Artikolu 26. Ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku għal konsultazzjoni, aċċessibbli online, u jkun aġġornat fuq bażi regolari.

Artikolu 14

Żamma ta' awtorizzazzjoni

Fejn kwalunkwe bidla taffettwa l-eżattezza ta' l-informazzjoni u ta' l-evidenza ipprovduta bi qbil ma' l-Artikolu 5, l-istituzzjoni tal-ħlas għandha mingħajr dewmien tinforma b'dan lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' domiċilju tagħha.

Artikolu 15

Kontabilità u verifika statutorja

1.   Id-Direttiva 78/660/KEE u, fejn applikabbli, id-Direttivi 83/349/KEE u 86/635/KEE u r-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (27) huma applikabbli mutatis mutandis għal istituzzjonijiet tal-ħlas.

2.   Ħlief jekk eżentati taħt id-Direttivi 78/660/KEE u, fejn applikabbli, id-Direttivi 83/349/KEE u 86/635/KEE, il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' l-istituzzjonijiet tal-ħlas għandhom ikunu verifikati minn awdituri statutorji jew kumpanniji ta' verifika fit-tifsira tad-Direttiva 2006/43/KE.

3.   Għal finijiet superviżorji, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet tal-ħlas jipprovdu informazzjoni ta' kontabilità separata għal servizzi ta' ħlas elenkati fl-Anness u għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(1), li għandhom ikunu soġġetti għar-rapport ta' l-awditur. Dak ir-rapport għandu jkun imħejji, fejn applikabbli, mill-awdituri statutorji jew kumpannija tal-verifika.

4.   L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/48/KE għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-awdituri statutorji jew kumpanniji tal-verifika ta' l-istituzzjonijiet tal-ħlas fir-rigward ta' attivitajiet ta' servizzi ta' ħlas.

Artikolu 16

Attivitajiet

1.   Minbarra l-forniment ta' servizzi ta' ħlas elenkati fl-Anness, l-istituzzjonijiet tal-ħlas għandu jkollhom id-dritt li jkunu involuti fl-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-forniment ta' servizzi operattivi u servizzi anċillari relatati mill-qrib bħall-iżgurar ta' l-eżekuzzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas, servizzi tal-kambju ta' valuta, attivitajiet ta' salvagwardja, u l-ħażna u l-ipproċessar ta' data;

(b)

l-operazzjoni ta' sistemi ta' ħlas, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28;

(ċ)

attivitajiet ta' negozju minbarra l-forniment ta' servizzi ta' ħlas, b'kont meħud tal-liġi Komunitarja u nazzjonali applikabbli.

2.   Meta l-istituzzjonijiet tal-ħlas jinvolvu ruħhom fil-forniment ta' wieħed jew aktar tas-servizzi ta' ħlas elenkati fl-Anness, jistgħu jżommu biss kontijiet tal-ħlas użati esklussivament għal transazzjonijiet ta' ħlas. Kwalunkwe fond riċevut minn istituzzjonijiet tal-ħlas mingħand utenti ta' servizzi ta' ħlas, bil-ħsieb ta' forniment ta' servizzi ta' ħlas m'għandux jikkostitwixxi depożitu jew fondi oħra li jistgħu jitħallsu lura skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/48/KE, jew flus elettroniċi skond l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2000/46/KE.

3.   L-istituzzjonijiet tal-ħlas jistgħu jagħtu kreditu relatat ma' servizzi ta' ħlas imsemmija fil-punti 4, 5 jew 7 ta' l-Anness biss jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

il-kreditu għandu jkun anċillarju u mogħti esklussivament b'konnessjoni ma' l-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas;

(b)

minkejja r-regoli nazzjonali dwar il-forniment ta' kreditu permezz ta' kards tal-kreditu, il-kreditu mogħti b'konnessjoni ma' ħlas u mwettaq skond l-Artikolu 10(9) u l-Artikolu 25 għandu jitħallas lura fi żmien perijodu qasir li fl-ebda każ m'għandu jaqbeż tnax-il xahar;

(ċ)

tali kreditu ma għandux jingħata minn fondi riċevuti jew miżmuma għall-fini ta' l-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas; u

(d)

il-fondi proprji ta' l-istituzzjoni tal-ħlas għandhom il-ħin kollu u għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet superviżorji jkunu adatti meta mqabbla ma' l-ammont ġenerali ta' kreditu mogħti.

4.   L-istituzzjonijiet tal-ħlas ma għandhomx iwettqu n-negozju li jieħdu depożiti jew fondi oħra li jistgħu jitħallsu lura fit-tifsira ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/48/KE.

5.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 87/102/KEE. Din id-Direttiva għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali rilevanti oħra dwar kundizzjonijiet għall-għoti ta' kreditu lil konsumaturi, li mhumiex armonizzati b'din id-Direttiva li huma konformi mal-liġi Komunitarja.

Taqsima 2

Rekwiżiti oħra

Artikolu 17

Użu ta' aġenti, fergħat jew entitajiet li lilhom l-attivitajiet jiġu outsourced

1.   Meta istituzzjoni tal-ħlas għandha l-ħsieb li tipprovdi servizzi ta' ħlas permezz ta' aġent, hi għandha tikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta' domiċilju tagħha:

(a)

l-isem u l-indirizz ta' l-aġent;

(b)

deskrizzjoni tal-mekkaniżmi interni ta' kontroll li se jintużaw mill-aġenti sabiex jikkonformaw ma' l-obbligi fir-rigward tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu skond id-Direttiva 2005/60/KE; u

(ċ)

l-identità tad-diretturi u persuni responsabbli għall-ġestjoni ta' l-aġent li se tintuża fil-forniment ta' servizzi ta' ħlas u evidenza li huma persuni xierqa u proprja.

2.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jirċievu l-informazzjoni skond il-paragrafu 1 huma jistgħu mbagħad jelenkaw l-aġent fir-reġistru li jipprovdi għalih l-Artikolu 13.

3.   Qabel jelenkaw l-aġent fir-reġistru, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, jekk huma jikkunsidraw li l-informazzjoni pprovduta lilhom mhix korretta, jieħdu azzjoni ulterjuri biex jivverifikaw l-informazzjoni.

4.   Jekk, wara li tkun ittieħdet l-azzjoni biex tiġi vverifikata l-informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti mhumiex sodisfatti li l-informazzjoni pprovduta lilhom skond il-paragrafu 1 hi korretta, huma għandhom jirrifjutaw li jelenkaw l-aġent fir-reġistru li jipprovdi għalih l-Artikolu 13.

5.   Jekk l-istituzzjoni tal-ħlas tixtieq tipprovdi servizzi ta' ħlas fi Stat Membru ieħor billi tingaġġa aġent hija għandha ssegwi l-proċeduri mniżżla fl-Artikolu 25. F'dak il-każ, qabel ma l-aġent ikun jista' jiġi reġistrat taħt dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti bil-ħsieb tagħhom li jirreġistraw l-aġent u jieħdu kont ta' l-opinjoni tagħhom.

6.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti għandhom raġunijiet sodi biex jissuspettaw li, b'konnessjoni ma' l-ingaġġ maħsub ta' l-aġent jew l-istabbiliment tal-fergħa, qed iseħħ jew ġiet attentat money laundering jew finanzjament tat-terroriżmu fit-tifsira tad-Direttiva 2005/60/KE, jew li l-ingaġġ ta' tali aġent jew stabbiliment ta' tali fergħa jista' jżid ir-riskju ta' money laundering jew ta' finanzjament tat-terroriżmu, huma għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti b'dan, li jista' jirrifjuta li jirreġistra l-aġent jew il-fergħa, jew jista' jirtira r-reġistrazzjoni, jekk diġà tkun saret, ta' l-aġent jew il-fergħa.

7.   Meta istituzzjoni tal-ħlas ikollha l-intenzjoni li testerna funzjonijiet operattivi ta' servizzi ta' ħlas, għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' domiċilju tagħha kif meħtieġ.

L-esternar ta' funzjonijiet operattivi importanti ma jistax jitwettaq b'tali mod li jagħmel ħsara materjali lill-kwalità tal-kontroll intern ta' l-istituzzjoni tal-ħlas u lill-abbiltà ta' l-awtoritajiet kompetenti biex jimmonitorjaw il-konformità ta' l-istituzzjoni tal-ħlas ma' l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva.

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu, funzjoni operattiva għandha tiġi kkunsidrata bħala importanti jekk difett jew falliment fil-prestazzjoni tagħha jostakola materjalment it-tkomplija tal-konformità ta' istituzzjoni tal-ħlas mar-rekwiżiti ta' l-awtorizzazzjoni tagħha mitluba taħt dan it-Titolu jew l-obbligi l-oħra tagħha taħt din id-Direttiva, jew il-prestazzjoni finanzjarja tagħha, jew ir-robustezza- jew il-kontinwità ta' servizzi ta' ħlas tagħha. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta istituzzjonijiet tal-ħlas jesternaw funzjonijiet operattivi importanti, l-istituzzjonijiet tal-ħlas jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-esternar m'għandux jirriżulta fid-delegazzjoni minn amministrazzjoni għolja tar-responsabbiltajiet tagħha;

(b)

ir-relazzjoni u l-obbligi ta' l-istituzzjoni tal-ħlas lejn l-utenti ta' servizzi ta' ħlas taħt din id-Direttiva m'għandhomx jinbidlu;

(ċ)

il-kundizzjonijiet li magħhom l-istituzzjoni tal-ħlas għandha tikkonforma sabiex tkun awtorizzata u biex tibqa' hekk skond dan it-Titolu m'għandhomx jiġu imminati; u

(d)

ebda waħda mill-kundizzjonijiet l-oħra li soġġetti għalihom ingħatat l-awtorizzazzjoni lill-istituzzjoni tal-ħlas m'għandha titneħħa jew tiġi modifikata.

8.   Istituzzjonijiet tal-ħlas għandhom jiżguraw li aġenti jew fergħat li jkunu qed jaġixxu f'isimhom jinformaw lill-utenti ta' servizzi ta' ħlas b'dan.

Artikolu 18

Responsabbiltà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-istituzzjonijiet tal-ħlas ikunu jiddependu fuq partijiet terzi għall-prestazzjoni ta' funzjonijiet operattivi, dawk l-istituzzjonijiet tal-ħlas għandhom jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva jiġu sodisfatti.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet tal-ħlas jibqgħu għal kollox responsabbli għal kwalunkwe azzjoni ta' l-impjegati tagħhom, jew ta' kwalunkwe aġent, fergħa jew entità li jiġu esternati lilhom xi attivitajiet.

Artikolu 19

Żamma tar-reġistri

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet tal-ħlas iżommu r-reġistri adatti kollha għall-fini ta' dan it-Titolu għal mill-inqas ħames snin, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/60/KE jew għal xi leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali rilevanti oħra.

Taqsima 3

Awtoritajiet kompetenti u superviżjoni

Artikolu 20

Ħatra ta' l-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru bħala l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni prudenti ta' l-istituzzjonijiet tal-ħlas li jkunu ser iwettqu d-doveri previsti taħt dan it-Titolu jew awtoritajiet pubbliċi, jew korpi rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali jew mill-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom is-setgħa speċifika għal dak il-għan mil-liġi nazzjonali, inklużi banek ċentrali nazzjonali.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiggarantixxu indipendenza minn korpi ekonomiċi u jevitaw kunflitti ta'interess. Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, istituzzjonijiet tal-ħlas, istituzzjonijiet ta' kreditu, istituzzjonijiet ta' flus elettroniċi, jew istituzzjonijiet ta' kontijiet postali (post office giro) m'għandhomx jiġu nnominati bħala awtoritajiet kompetenti.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni kif meħtieġ.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skond il-paragrafu 1 ikollhom il-poteri kollha meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

3.   Fejn ikun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda għall-kwistjonijiet koperti minn dan it-Titolu fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet jikkooperaw mill-qrib biex ikunu jistgħu jwettqu dmirijiethom b'mod effettiv. L-istess japplika f'każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti għal kwistjonijiet koperti minn dan it-Titolu mhumiex l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu.

4.   Il-kompiti ta' l-awtoritajiet kompetenti maħtura taħt il-paragrafu 1 għandhom ikunu r-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' domiċilju.

5.   Il-paragrafu 1 m'għandux jimplika li l-awtoritajiet kompetenti huma mitluba jissorveljaw attivitajiet tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet tal-ħlas għajr il-forniment ta' servizzi ta' ħlas elenkati fl-Anness, u l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 16(1)(a).

Artikolu 21

Superviżjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti biex jikkontrollaw il-konformità kontinwa ma' dan it-Titolu jkunu proporzjonali u adegwati u li jkunu kapaċi jirreaġixxu għar-riskji li għalihom ikunu esposti l-istituzzjonijiet tal-ħlas.

Biex tkun ikkontrollata l-konformità ma' dan it-Titolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu intitolati jieħdu l-passi li ġejjin, b'mod partikolari:

(a)

jirrikjedu li l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex tkun monitorjata l-konformità;

(b)

iwettqu spezzjonijiet fil-post tal-istituzzjoni tal-ħlas, ta' kwalunkwe aġent jew fergħa li jfornu servizzi ta' ħlas taħt ir-responsabbiltà ta' l-istituzzjoni tal-ħlas, jew ta' kwalunkwe entità li lilha jiġu outsourced operazzjonijiet ta' servizzi ta' ħlas;

(ċ)

joħorġu rakkomandazzjonijiet, linji gwida u, jekk applikabbli, dispożizzjonijiet amministrattivi li jorbtu; u

(d)

jissospendu jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni f'każijiet imsemmija fl-Artikolu 12.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri għall-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom, jistgħu, kontra l-istituzzjonijiet tal-ħlas jew dawk li effettivament jikkontrollaw in-negozju ta' istituzzjonijiet tal-ħlas li jiksru liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw is-superviżjoni jew is-segwitu tan-negozju tagħhom ta' servizzi ta' ħlas, jadottaw jew jimponu fir-rigward tagħhom penali jew miżuri mmirati b'mod speċifiku biex itemmu il-ksur osservat jew il-kawżi ta' tali ksur.

3.   Minkejja r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1) u (2) u l-Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu intitolati jieħdu l-passi deskritti taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sabiex jiżguraw kapital suffiċjenti għas-servizzi ta' ħlas, b'mod partikolari fejn l-attivitajiet ta' servizzi mhux tal-ħlas ta' l-istituzzjoni tal-ħlas jagħmlu ħsara jew x'aktarx li jagħmlu ħsara lir-robustezza finanzjarja ta' l-istituzzjoni tal-ħlas.

Artikolu 22

Sigriet professjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li jkunu qed jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll l-esperti li jkunu qed jaġixxu f'isem l-awtoritajiet kompetenti, ikunu marbutin bl-obbligu tas-sigriet professjonali, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi kriminali.

2.   Fl-iskambju ta' l-informazzjoni skond l-Artikolu 24, għandu jkun applikat bis-sħiħ is-sigriet professjonali biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet individwali u tan-negozji.

3.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw dan l-Artikolu billi jittieħed kont, mutatis mutandis, ta' l-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48/KE.

Artikolu 23

Dritt ta' rikors fil-qrati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti rigward istituzzjoni tal-ħlas skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skond din id-Direttiva jkunu jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll meta jkun hemm nuqqas ta' azzjoni.

Artikolu 24

Bdil ta' informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri differenti għandhom jikkooperaw ma' xulxin u, fejn xieraq, mal-bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri u awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra maħtura skond leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' ħlas.

2.   L-Istati Membru għandhom, minbarra dan, jippermettu bdil ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u dawn li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħrajn responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet tal-ħlas;

(b)

il-Bank Ċentrali Ewoprew u l-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Stati Membri, fil-kapaċità tagħhom ta' awtoritajiet monetarji u ta' superviżjoni, u, fejn xieraq, awtoritajiet pubbliċi oħra responsabbli biex jissorveljaw sistemi ta' ħlas u ta' settlement;

(ċ)

awtoritajiet rilevanti oħra maħtura taħt din id-Direttiva, id-Direttiva 95/46/KE, id-Direttiva 2005/60/KE u leġiżlazzjoni Komunitarja oħra applikabbli għall-fornituri ta' servizzi ta' ħlas, bħal leġiżlazzjoni applikabbli għall-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali kif ukoll għall-money laundering u finanzjar tat-terroriżmu.

Artikolu 25

Eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' stabbiliment u tal-libertà tal-forniment ta' servizzi

1.   Kwalunkwe istituzzjoni tal-ħlas awtorizzata li tixtieq tipprovdi servizzi ta' ħlas għall-ewwel darba fi Stat Membru barra l-Istat Membru ta' domiċilju tagħha, fl-eżerċizzju tad-dritt ta' istabbiliment jew il-libertà li tipprovdi servizzi, għandha tinforma b'dan lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta' domiċilju tagħha.

Fi żmien xahar minn meta jirċievu dik l-informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jinformaw ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti bl-isem u l-indirizz ta' l-istituzzjoni tal-ħlas, l-ismijiet ta' dawk responsabbli mill-amministrazzjoni tal-fergħa, l-istruttura organizzattiva tagħha u t-tip ta' servizzi ta' ħlas li tkun bi ħsiebha tipprovdi fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti.

2.   Biex ikunu jistgħu jsiru l-kontrolli u jittieħdu l-passi meħtieġa previsti fl-Artikolu 21 fir-rigward ta' aġent, fergħa jew entità li lilha jiġu outsourced attivitajiet ta' istituzzjoni tal-ħlas li tkun tinsab fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jikkooperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membru ospitanti.

3.   Permezz ta' kooperazzjoni skond il-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' domiċilju għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru osptitanti kull meta jkolhom l-intenzjoni li jwettqu xi spezzjoni fuq il-post fit-territorju ta' dan ta' l-aħħar.

Madankollu, jekk ikunu hekk jixtiequ, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' domiċilju jistaw jiddelegaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti biex jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post ta' l-istituzzjoni konċernata.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni essenzjali u/jew rilevanti kollha, b'mod partikolari fil-każ ta' ksur jew ksur suspettat minn aġent, fergħa jew entità li lilha jiġu outsourced attivitajiet. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw, meta mitluba, l-informazzjoni rilevanti kollha u, fuq inizjattiva tagħhom stess, l-informazzjoni essenzjali kollha.

5.   Il-paragrafi 1-4 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' l-awtoritajiet kompetenti taħt id-Direttiva 2005/60/KE u r-Regolament (KE) Nru 1781/2006, b'mod partikolari taħt l-Artikolu 37 (1) tad-Direttiva 2005/60/KE u l-Artikolu 15 (3) tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006 li jissorveljaw jew jimmonitorjaw il-konformità mar-rekwiżiti imniżżla f'dawk l-istrumenti.

Taqsima 4

Twarrib

Artikolu 26

Kundizzjonijiet

1.   Minkejja l-Artikolu 13, l-Istati Membri jistgħu jwarrbu jew jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti biex iwarrbu l-applikazzjoni tal-proċedura u l-kundizzjonijiet kollha jew parti minnhom li huma mniżżlin fit-Taqsimiet 1 sa 3, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikoli 20, 22, 23 u 24, u jistgħu jjippermettu jew jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti biex jippermettu li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jiġu inklużi fir-reġistru stabbilit li jipprovdi għalih l-Artikolu 13, fejn:

(a)

il-medja ta' l-ammont totali ta' transazzjonijiet ta' ħlas imwettqa mill-persuna kkonċernata fit-tnax-il xahar preċedenti, inkluż kwalunkwe aġent li għalih jassumi responsabbiltà sħiħa, ma jaqbiżx l-EUR 3 miljuni kull xahar. Din il-ħtieġa għandha tiġi vvalutata fuq l-ammont totali previst ta' transazzjonjiet ta' ħlas fil-pjan ta' negozju tagħha, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti jirrikjedu aġġustament għal dak il-pjan; u

(b)

ħadd mill-persuni fiżiċi responsbbli mill-ġestjoni jew it-tħaddim tan-negozju ma jkun ġie kkundannat għal reati relatati ma' money laundering jew finanzjament tat-terroriżmu jew reati finanzjarji oħra.

2.   Kwalunke persuna fiżika jew ġuridika rreġistrata skond dan il-paragrafu 1 għandu jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha jew il-post ta' residenza tagħha fl-Istat Membru li fih fil-prattika twettaq in-negozju tagħha.

3.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu trattati bħala istituzzjonijiet tal-ħlas, ħlief li l-Artikolu 10(9) u l-Artikolu 25 m'għandhomx japplikaw għalihom.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika rreġistrata skond il-paragrafu 1 tista' tinvolvi ruħha biss f'xi wħud mill-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 16.

5.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni tagħhom li hija rilevanti għall-kondizzjoni speċifikata f'dak il-paragrafu. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li fejn il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1, 2 u 4 ma jiġux sodisfatti aktar, il-persuni konċernati għandhom ifittxu l-awtorizzazzjoni fi żmien 30 jum tal-kalendarju skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10.

6.   Dan l-Artikolu m'għandux jiġi applikat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/60/KE jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' kontra l-money laundering.

Artikolu 27

Notifika u informazzjoni

Jekk Stat Membru juża t-twarrib prevista fl-Artikolu 26, hu għandu jgħarraf lill-Kummissjoni kif meħtieġ sa l-1 ta' Novembru 2009 u għandu jgħarraf lill-Kummissjoni minnufih bi kwalunkwe bidla sussegwenti. Barra minn dan, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar in-numru ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati u għandu l-ammont totali ta' transazzjonijiet ta' ħlas imwettqa sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena kalendarja, kif imsemmi fl-Artikolu 26(1)(a).

KAPITOLU 2

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 28

Aċċess għal sistemi ta' ħlas

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar l-aċċess għal fornituri awtorizzati jew reġistrati tas-servizz tal-ħlas li huma persuni ġuridiċi għal sistemi ta' ħlas għandhom ikunu oġġettivi, non-diskriminatorji u proporzjonali u m'għandhomx itellfu l-aċċess aktar milli meħtieġ bħala salvagwardja kontra riskji speċifiċi bħar-riskju ta' saldu, ir-riskju operattiv u r-riskju tan-negozju u biex tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja u operattiva tas-sistema tal-ħlas.

Sistemi ta' ħlas m'għandhom jimponu fuq fornituri ta' servizzi ta' ħlas, fuq utenti ta' servizzi ta' ħlas jew fuq sistemi oħra tal-ħlas l-ebda mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

regoli restrittivi fuq parteċipazzjoni effettiva f'sistemi oħra tal-ħlas;

(b)

regola li tiddiskrimina bejn fornituri awtorizzati ta' servizzi ta' ħlas jew bejn fornituri reġistrati ta' servizzi ta' ħlas f'relazzjoni mad-drittijiet, l-obbligi u dak li jkunu intitolati għalih il-parteċipanti; jew

(ċ)

kwalunkwe restrizzjoni abbażi ta' l-istatus istituzzjonali.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal:

(a)

sistemi ta' ħlas magħżula taħt id-Direttiva 98/26/KE;

(b)

sistemi ta' ħlas komposti esklussivament minn fornituri ta' servizzi ta' ħlas li jappartjenu għal grupp kompost minn entitajiet marbuta permezz ta' kapital fejn waħda mill-entitajiet marbuta tgawdi kontroll effettiv fuq l-entitajiet marbuta l-oħra; jew

(ċ)

is-sistemi ta' ħlas fejn fornitur ta' servizzi ta' ħlas uniku (kemm jekk bħala entità singola jew bħala grupp):

jaġixxi jew jista' jaġixxi bħala fornitur ta' servizzi ta' ħlas kemm għal min iħallas kif ukoll għal min jitħallas u huwa esklussivament responsabbli mill-ġestjoni tas-sistema; u

jagħti liċenzja fornituri oħrajn ta' servizzi ta' ħlas biex jieħdu sehem fis-sistema u dawn ta' l-aħħar m'għandhom l-ebda dritt jinnegozjaw drittijiet bejniethom jew fosthom fir-rigward tas-sistema tal-ħlas għalkemm jistgħu jistabbilixxu l-ipprezzar tagħhom stess fir-rigward ta' min iħallas u ta' min jitħallas.

Artikolu 29

Projbizzjoni li persuni minbarra fornituri ta' servizzi ta' ħlas, iwettqu servizzi ta' ħlas

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li la huma fornituri ta' servizzi ta' ħlas u lanqas esklużi espliċitament mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva milli jipprovdu servizzi ta' ħlas kif imniżżla fl-Anness.

TITOLU III

TRASPARENZA TA' KUNDIZZJONIJIET U REKWIŻITI TA' INFORMAZZJONI GĦAS-SERVIZZI TA' ĦLAS

KAPITOLU 1

Regoli ġenerali

Artikolu 30

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan it-Titolu għandu japplika għal transazzjonjiet ta' ħlas ewlenin, kuntratti qafas u transazzjonjiet ta' ħlas koperti minnhom. Il-partijiet jistgħu jiftiehmu li ma għandux japplika kollu jew in parti meta l-utent ta' servizzi ta' ħlas mhuwiex konsumatur.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dispożizzjonijiet f'dan it-Titolu għandhom jiġu applikati għal mikro-intrapriżi bl-istess mod bħal ma jiġu applikati għall-konsumaturi.

3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 87/102/KEE. Din id-Direttiva hija wkoll mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni oħra Komunitarja jew nazzjonali rilevanti dwar kundizzjonijiet għall-għoti ta' kreditu lill-konsumaturi, mhux armonizzati minn din id-Direttiva li huma f'konformità mal-liġi Komunitarja.

Artikolu 31

Dispożizzjonijiet oħra fil-leġiżlazzjoni Komunitarja

Id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe leġiżlazzjoni Komunitarja li għandha rekwiżiti addizzjonali dwar informazzjoni minn qabel.

Madankollu, fejn id-Direttiva 2002/65/KE hija wkoll applikabbli, ir-rekwiżiti ta' informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta' dik id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-punti (2)(ċ) sa (g), 3(a), (d) u (e) u 4(b) ta' dak il-paragrafu, għandhom jiġu sostitwiti bl-Artikoli 36, 37, 41 and 42 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 32

Drittijiet għal informazzjoni

1.   Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ma għandux jitlob ħlas lill-utent ta' servizzi ta' ħlas talli provda informazzjoni taħt dan it-Titolu.

2.   Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas u l-utent ta' servizzi ta' ħlas jistgħu jiftiehmu dwar drittijiet għal informazzjoni addizzjonali jew iktar frekwenti, jew trasmissjoni permezz ta' komunikazzjoni għajr dawk speċifikati fil-kuntratt qafas, fornut fuq talba ta' l-utent ta' servizzi ta' ħlas.

3.   Fejn il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jista' jimponi drittijiet għal informazzjoni skond il-paragrafu 2, dawn għandhom ikunu xierqa u skond l-ispejjeż attwali tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas.

Artikolu 33

Il-piż tal-provi dwar rekwiżiti ta' informazzjoni

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-piż tal-provi għandu jaqa' fuq il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas biex jagħti prova li kkonforma mar-rekwiżiti ta' informazzjoni stabbiliti f'dan it-Titolu.

Artikolu 34

Deroga minn rekwiżiti ta' informazzjoni għal strumenti tal-ħlas ta' valur baxx u flus elettroniċi

1.   Fil-każijiet ta' strumenti tal-ħlas li skond il-kuntratt qafas jikkonċernaw biss transazzjonijiet ta' ħlas individwali li ma jeċċedux l-EUR 30 jew li għandhom limitu ta' nfiq ta' EUR 150 jew li jaħżnu fondi li fl-ebda ħin ma jeċċedux l-EUR 150:

(a)

b'deroga mill-Artkoli 41, 42 u 46, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jipprovdi lil min iħallas biss b'informazzjoni dwar il-karatteristiċi prinċipali ta' servizzi ta' ħlas, inkluż il-mod kif l-istrument tal-ħlas jista' jintuża, ir-responsabbiltà, id-drittijiet mitluba u informazzjoni materjali oħra meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni informata kif ukoll indikazzjoni ta' fejn hija disponibbli b'mod faċilment aċċessibbli kwalunkwe informazzjoni u kundizzjonijiet oħrajn speċifikati fl-Artikolu 42;

(b)

jista' jiġi miftiehem li, b'deroga mill-Artikolu 44, il-fornitur ta' servizz tal-ħlas m'għandux ikun rikjest jipproponi tibdil fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt qafas bl-istess mod kif previst fl-Artikolu 41(1);

(ċ)

jista' jiġi miftiehem li, b'deroga mill-Artikoli 47 u 48, wara l-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas:

(i)

il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jipprovdi jew jagħmel disponibbli biss referenza li tippermetti lill-utent ta' servizzi ta' ħlas jidentifika t-transazzjoni ta' ħlas, l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas, kwalunkwe miżti u/jew, fil-każ ta' bosta transazzjonjiet ta' ħlas ta' l-istess tip magħmula lill-istess persuna li titħallas, l-informazzjoni dwar l-ammont totali u d-drittijiet għal dawk it-transazzjonjiet ta' ħlas;

(ii)

il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas m'għandux ikun rikjest jipprovdi jew li jagħmel disponibbli l-informazzjoni msemmija fil-punt (i) jekk l-istrument tal-ħlas huwa użat b'mod unanimu jew jekk il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas altrimenti mhux teknikament f'pożizzjoni li jipprovdiha. Madankollu, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jipprovdi lil min iħallas bil-possibbiltà li jivverifika l-ammont tal-fondi maħżuna.

2.   Għal transazzjonijiet ta' ħlas purament nazzjonali, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jnaqqsu jew jirdoppjaw l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membru jistgħu jżidu dawk l-ammonti sa EUR 500 fil-każ ta' strumenti ta' ħlas mħallsa minn qabel.

KAPITOLU 2

Transazzjonijiet ta' ħlas wieħed

Artikolu 35

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan il-Kapitolu għandu japplika għal transazzjonjiet ta' ħlas wieħed i li ma 'jkunux koperti minn kuntratt qafas.

2.   Meta ordni tal-ħlas għal transazzjoni ta' ħlas wieħed tiġi trasmessa minn strument tal-ħlas kopert b'kuntratt qafas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ma għandhux ikun obbligat iforni jew jagħmel disponibbli informazzjoni li diġà hija mogħtija lill-utent ta' servizzi ta' ħlas abbażi ta' kuntratt qafas ma' fornitur ta' servizzi ta' ħlas ieħor jew li se tingħata lilu skond dak il-kuntratt qafas.

Artikolu 36

Informazzjoni ġenerali minn qabel

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li qabel ma l-utent ta' servizzi ta' ħlas jiġi marbut bi kwalunkwe kuntratt ta' servizzi jew offerta unika, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 37 għall-utent ta' servizzi ta' ħlas. Fuq it-talba ta' l-utent ta' servizzi ta' ħlas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jipprovdi l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet bil-miktub jew fuq mezz dejjiemi ieħor. L-informazzjoni u l-kundizzjonijiet għandhom jingħataw fi kliem li jiftiehem faċilment u f'forma ċara u li tista' tiftiehem sewwa, f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru fejn ikunu offruti s-servizzi ta' ħlas jew fi kwalunkwe lingwa oħra miftiehma mill-partijiet.

2.   Jekk il-kuntratt ta' servizzi ta' ħlas uniku jkun ġie konkluż fuq talba ta' l-utent ta' servizzi ta' ħlas bl-użu ta' xi mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod li ma jippermettix lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jikkonforma mal-paragrafu 1, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt dak il-paragrafu immedjatament wara l-eżekuzzjoni tat-transazzjoni ta' ħlas.

3.   L-obbligi taħt il-paragrafu 1 jistgħu wkoll jiġu skargati billi tiġi fornuta kopja ta' l-abbozz ta' kuntratt tas-servizz ta' ħlas wieħed jew l-abbozz ta' ordni tal-ħlas inkluż l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 37.

Artikolu 37

Informazzjoni u kundizzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet segwenti jiġu fornuti jew ikunu disponibbli għall-utent ta' servizzi ta' ħlas:

(a)

speċifikazzjoni ta' l-informazzjoni jew l-identifikatur uniku li għandha tingħata mill-utent ta' servizzi ta' ħlas biex tkun tista' titwettaq tajjeb ordni tal-ħlas;

(b)

iż-żmien massimu li fih jiġi fornut is-servizzi ta' ħlas;

(ċ)

il-drittijiet kollha pagabbli mill-utent ta' servizzi ta' ħlas lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu u, fejn applikabbli, il-qsim dettaljat ta' l-ammonti ta' kwalunkwe ħlas;

(d)

fejn applikabbli, ir-rata tal-kambju attwali jew ta' referenza li għandha tiġi applikata fit-transazzjoni ta' ħlas.

2.   Fejn applikabbli, kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra u kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 42 għandha tiġi magħmula disponibbli għall-utent ta' servizzi ta' ħlas b'mod faċilment aċċessibbli.

Artikolu 38

Informazzjoni għal min iħallas wara r-riċevuta ta' l-ordni tal-ħlas

Immedjatament wara r-riċevuta ta' l-ordni tal-ħlas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas għandu jipprovdi jew jagħmel disponibbli lil min iħallas, bl-istess mod kif previst fl-Artikolu 36(1) l-informazzjoni li ġejja:

(a)

referenza li tippermetti lil min iħallas jidentifika t-transazzjoni ta' ħlas u, fejn ikun xieraq, informazzjoni dwar min jitħallas;

(b)

l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas fil-valuta użata fl-ordni tal-ħlas;

(ċ)

l-ammont ta' kwalunkwe drittijiet għat-transazzjoni ta' ħlas pagabbli minn min iħallas u, fejn applikabbli, qsim dettaljat ta' l-ammonti ta' tali drittijiet;

(d)

fejn applikabbli, ir-rata tal-kambju użata fit-transazzjoni ta' ħlas mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas jew referenza għal din, meta tkun differenti mir-rata prevista skond l-Artikolu 37(1)(d), u l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas wara l-konverżjoni f'dik il-valuta; u

(e)

id-data meta l-ordni tal-ħlas ġiet irċevuta.

Artikolu 39

Informazzjoni għal min jitħallas wara l-eżekuzzjoni

Immedjatament wara l-eżekuzzjoni tat-transazzjoni ta' ħlas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas għandu jforni jew jagħmel disponibbli lil min jitħallas, bl-istess mod kif previst fl-Artikolu 36(1) l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-referenza li tippermetti lil min jitħallas jidentifika t-transazzjoni ta' ħlas u, fejn ikun xieraq, min iħallas, u kwalunkwe informazzjoni trasferita mat-transazzjoni ta' ħlas;

(b)

l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas fil-valuta li fihom il-fondi huma għad-dispożizzjoni ta' min qed jiħallas;

(ċ)

l-ammont ta' kwalunkwe drittijiet għat-transazzjoni ta' ħlas pagabbli minn min jitħallas u analiżi dettaljata ta' l-ammont ta' tali drittijiet;

(d)

fejn applikabbli, ir-rata ta' kambju użata fit-transazzjoni ta' ħlas mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas, u l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas qabel il-konverżjoni f'dik il- valuta; u

(e)

id-data tal-valur tal-kreditu.

KAPITOLU 3

Kuntratti qafas

Artikolu 40

Kamp ta' applikazzjoni

Dan il-Kapitolu japplika għal transazzjonjiet ta' ħlas koperti minn kuntratt qafas.

Artikolu 41

Informazzjoni ġenerali minn qabel

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li fi żmien debitu qabel ma l-utent ta' servizzi ta' ħlas jintrabat minn xi kuntratt qafas jew offerta, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jipprovdi lill-utent ta' servizzi ta' ħlas bil-miktub jew b'mezz ieħor dejjiemi l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 42. L-informazzjoni u l-kundizzjonijiet għandhom jingħataw fi kliem li jiftiehmu faċilment u f'forma ċara u li tista' tiftiehem sewwa, f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru fejn ikun offrut is-servizzi ta' ħlas jew fi kwalunkwe lingwa oħra miftiehma mill-partijiet.

2.   Jekk il-kuntratt qafas ġie konkluż fuq talba ta' l-utent ta' servizzi ta' ħlas bl-użu ta' xi mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod li ma jippermettix lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jikkonforma mal-paragrafu 1, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jwettaq l-obbligi tiegħu skond dak il-paragrafu immedjatament wara l-konklużjoni tal-kuntratt qafas.

3.   L-obbligi taħt il-paragrafu 1 jista' wkoll jiġu skargati billi tiġi fornuta kopja ta' abbozz ta' kuntratt li jinkludi l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 42.

Artikolu 42

Informazzjoni u kundizzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet segwenti jiġu fornuti lill-utent ta' servizzi ta' ħlas:

1.

dwar il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas:

(a)

l-isem tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas, l-indirizz ġeografiku ta' l-ufiċċju prinċipali tiegħu u, fejn applikabbli, l-indirizz ġeografiku ta'l-aġent jew tal-fergħa tiegħu stabbilit fl-Istat Membru fejn is-servizz tal-ħlas jiġi offrut, u kwalunkwe indirizz ieħor, inkluż l-indirizz tal-posta elettronika, rilevanti għal komunikazzjoni mal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas; u

(b)

id-dettalji ta' l-awtoritajiet superviżorji rilevanti u tar-reġistru li jipprovdi għalih l-Artikolu 13 jew ta' kwalunkwe reġistru pubbliku rilevanti ieħor ta' awtorizzazzjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas u n-numru ta' reġistrazzjoni, jew il-mezzi ekwivalenti ta' identifikazzjoni f'dak ir-reġistru;

2.

dwar l-użu tas-servizz ta' ħlas:

(a)

deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali ta' servizzi ta' ħlas li ser jiġu fornuti;

(b)

l-ispeċifikazzjoni ta' l-informazzjoni jew l-identifikatur uniku li għandu jingħata mill-utent ta' servizzi ta' ħlas biex tkun tista' twettaq tajjeb ordni tal-ħlas;

(ċ)

il-forma ta' u l-proċedura biex jingħata l-kunsens biex titwettaq transazzjoni ta' ħlas u rtirar ta' tali kunsens skond l-Artikoli 54 u 66;

(d)

referenza għall-mument ta' riċevuta ta' ordni tal-ħlas kif definit fl-Artikolu 64(1) u l-żmien limitu, jekk jeżisti, stabbilit mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas; u

(e)

iż-żmien massimu li fih jiġu fornut s-servizzi ta' ħlas; u

(f)

jekk hemmx possibbiltà ta' ftehim dwar limiti ta' nfiq għall-użu ta' l-istrument tal-ħlas skond l-Artikolu 55(1);

3.

dwar drittijiet, rati ta' l-interess u rati tal-kambju:

(a)

id-drittijiet kollha li għandhom jitħallsu mill-utent ta' servizzi ta' ħlas lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu u, fejn applikabbli, il-qsim dettaljat ta' l-ammont ta' kwalunkwe drittijiet;

(b)

fejn applikabbli, ir-rati ta' l-imgħax u tal-kambju li għandhom jiġu applikati jew, jekk ir-rati ta' referenza ta' l-imgħax u tal-kambju għandhom jintużaw, il-metodu ta' kalkolu ta' l-interessi proprja u d-data jew indiċi rilevanti jew il-bażi għad-determinazzjoni ta' tali rata ta' referenza ta' interessi jew kambju; u

(ċ)

jekk maqbul, l-applikazzjoni immedjata ta' tibdil fir-rata ta' interessi jew ta' kambju u rekwiżiti ta' informazzjoni fir-rigward ta' tibdil skond l-Artikolu 44(2);

4.

dwar komunikazzjoni:

(a)

fejn applikabbli, il-mezzi ta' komunikazzjoni, inkluż rekwiżiti tekniċi għat-tagħmir ta' l-utent ta' servizzi ta' ħlas, maqbul mill-partijiet għat-trasmissjoni ta' informazzjoni jew notifiki taħt din id-Direttiva;

(b)

il-mod u l-frekwenza li bihom tiġi provduta jew tkun disponibbli l-informazzjoni taħt din id-Direttiva;

(ċ)

il-lingwa jew lingwi li biha/bihom għandu jiġi konkluż il-kuntratt qafas u l-komunikazzjoni involuta matul din ir-relazzjoni kuntrattwali; u

(d)

id-dritt ta' l-utent ta' servizzi ta' ħlas li jirċievi t-termini kuntrattwali tal-kuntratt qafas u informazzjoni u kundizzjonijiet skond l-Artikolu 43;

5.

dwar salvagwardji u miżuri korrettivi:

(a)

fejn applikabbli, deskrizzjoni ta' passi li l-utent ta' servizzi ta' ħlas għandu jieħu sabiex iżomm sigur strument tal-ħlas u kif jinnotifika l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għall-finijiet ta' l-Artikolu 56(1)(b);

(b)

jekk miftiehma, il-kundizzjonijiet li bihom il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jirriserva d-dritt biex iwaqqaf strument tal-ħlas skond l-Artikolu 55;

(ċ)

ir-responsabbiltà ta' min iħallas skond l-Artikolu 61, inkluż informazzjoni dwar l-ammont rilevanti;

(d)

kif u f'liema perijodu ta' żmien l-utent ta' servizzi ta' ħlas għandu jinnotifika lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas bi kwalunkwe transazzjoni ta' ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita b'mod inkorrett skond l-Artikolu 58 kif ukoll ir-responsabbiltà tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għal transazzjonjiet ta' ħlas mhux awtorizzati skond l-Artikolu 60;

(e)

ir-responsabbiltà tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għall-eżekuzzjoni tat-transazzjonjiet ta' ħlas skond l-Artikolu 75; u

(f)

il-kundizzjonijiet għall-ħlas lura skond l-Artikoli 62 u 63;

6.

dwar tibdil fi u tmiem tal-kuntratt qafas:

(a)

jekk maqbul, informazzjoni li l-utent ta' servizzi ta' ħlas għandu jitqies li jkun aċċetta bidliet fil-kundizzjonijiet skond l-Artikolu 44 sakemm ma jinnotifikax lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas li hu ma jaċċettahomx qabel id-data proposta tad-dħul tagħhom fis-seħħ;

(b)

it-tul ta' żmien tal-kuntratt; u

(ċ)

id-dritt ta' l-utent ta' servizzi ta' ħlas biex itemm il-kuntratt qafas u kwanlunkwe ftehim relatat mat-terminazzjoni skond l-Artikoli 44(1) u l-Artikolu 45;

7.

dwar rimedju:

(a)

kwalunkwe klawżola kuntrattwali dwar il-liġi applikabbli għall-kuntratt qafas u/jew il-qorti kompetenti; u

(b)

l-ilmenti u l-proċeduri ta' rimedju barra l-qorti disponibbli għall-utent ta' servizzi ta' ħlas skond l-Artikoli 80 sa 83.

Artikolu 43

Aċċessibbiltà ta' informazzjoni u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt qafas

Fi kwalunkwe żmien waqt ir-relazzjoni kuntrattwali l-utent ta' servizzi ta' ħlas għandu jkollu d-dritt, fuq talba tiegħu, li jirċievi t-termini kuntrattwali ta' kuntratt kwadru kif ukoll informazzjoni u kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 42 bil-miktub jew fuq strument dejjiemi ieħor.

Artikolu 44

Bidliet fil-kundizzjonijiet tal-kuntratti qafas

1.   Kwalunkwe bidla fil-kuntratt qafas kif ukoll l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 42, għandhom ikunu proposti mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas bl-istess mod kif stipulat fl-Artikolu 41(1) u mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-data ta' l-applikazzjoni proposta tagħhom.

Fejn applikabbli skond mal-punt (6)(a) ta' l-Artikolu 42, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jinforma lill-utent ta' servizzi ta' ħlas li huwa ser jitqies bħala li aċċetta dawn il-bidliet jekk ma jgħarrafx lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas li ma jaċċettahomx qabel id-data proposta tad-dħul fis-seħħ tagħhom. F'dan il-każ il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu wkoll jispeċifika li l-utent ta' servizzi ta' ħlas għandu d-dritt itemm il-kuntratt qafas immedjatament u mingħajr spejjeż qabel id-data ta' l-applikazzjoni proposta tal-bidliet.

2.   Bidliet fir-rati ta' imgħax jew tal-kambju jistgħu jkunu applikati immedjatament u mingħajr avviż, jekk tali dritt ikun miftiehem fil-kuntratt qafas u jekk il-bidliet ikunu bbażati fuq ir-rati ta' interessi jew ta' kambju ta' referenza miftiehma skond il-punt (3)(b) u (ċ) ta' l-Artikolu 42. L-utent ta' servizzi ta' ħlas għandu jkun infurmat bi kwalunkwe bidla fir-rata ta' l-imgħax ma' l-ewwel ċans possibbli bl-istess mod kif previst fl-Artikolu 41(1), sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu dwar frekwenza jew manjiera speċifika li biha l-informazzjoni għandha tkun fornuta jew issir disponibbli. Madankollu, bidliet fir-rati ta' l-imgħax jew tal-kambju li huma aktar favur l-utenti ta' servizzi ta' ħlas jistgħu jiġu applikati mingħajr avviż.

3.   Bidliet fir-rata ta' l-imgħax jew tal-kambju użata fi transazzjonjiet ta' ħlas għandhom ikunu implimentati u kkalkulati b'mod newtrali li ma jiddiskriminax kontra l-utenti ta' servizzi ta' ħlas.

Artikolu 45

Terminazzjoni

1.   L-utent ta' servizzi ta' ħlas jista' jtemm il-kuntratt qafas fi kwalunkwe ħin, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu fuq perijodu ta' avviż. Tali perijodu ma jistax jeċċedi xahar.

2.   It-terminazzjoni ta' kuntratt qafas li jkun konkluż għal perijodu fiss ta' aktar minn 12-il xahar jew għal perijodu indefinit għandu jkun bla ħlas għall-utent ta' servizzi ta' ħlas wara li jiskadu t-12-il xahar. Fil-każijiet l-oħra kollha, id-drittijiet għat-terminazzjoni għandhom ikunu xierqa u konsistenti ma' l-ispejjeż.

3.   Jekk miftiehem fil-kuntratt qafas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jista' jtemm il-kuntratt qafas konkluż għal perijodu indefinit billi jagħti mil l-inqas xahrejn avviż bl-istess mod kif previst fl-Artikolu 41(1).

4.   Drittijiet għas-servizzi ta' ħlas mitluba fuq bażi regolari għandhom ikunu pagabbli mill-utent ta' servizz tal-ħlas biss proporzjonalment sat-terminazzjoni tal-kuntratt. Jekk tali drittijiet jitħallsu bil-quddiem, għandhom jitħallsu lura proporzjonalment.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri li jirregolaw id-drittijiet tal-partijiet li jiddikjaraw li l-kuntratt qafas ma jistax jiġi infurzat jew huwa null.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għall-utenti ta' servizzi ta' ħlas.

Artikolu 46

Informazzjoni qabel ma jitwettqu transazzjonijiet ta' ħlas individwali

Fil-każ ta' transazzjoni ta' ħlas individwali taħt kuntratt qafas mibdi minn min iħallas, fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu, fuq it-talba ta' min iħallas għal din it-transazzjoni ta' ħlas speċifika, jipprovdi informazzjoni espliċita dwar iż-żmien massimu għall-eżekuzzjoni u d-drittijiet pagabbli minn min iħallas u, fejn applikabbli, l-analiżi dettaljata ta' l-ammonti ta' kwalunkwe drittijiet.

Artikolu 47

Informazzjoni għal min iħallas dwar transazzjonjiet ta' ħlas individwali

1.   Wara li l-ammont ta' transazzjoni ta' ħlas individwali tiġi debitata mill-kont ta' min iħallas jew, fejn min iħallas ma jużax kont tal-ħlas, wara l-irċevuta ta' l-ordni tal-ħlas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas għandu jforni lil min iħallas mingħajr dewmien bla bżonn fl-istess mod kif imniżżel fl-Artikolu 41(1) bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

referenza li tippermetti lil min iħallas jidentifika t-transazzjoni ta' ħlas u, fejn ikun xieraq, informazzjoni dwar min jitħallas;

(b)

l-ammont ta' transazzjoni ta' ħlas fil-valuta li fiha l-kont tal-ħlas ta' min iħallas jiġi debitat jew fil-valuta użata għall-ordni tal-ħlas;

(ċ)

l-ammont ta' kwalunkwe drittijiet mitluba għat-transazzjoni ta' ħlas, u, fejn applikabbli, qsim dettaljat tiegħu, jew l-imgħax pagabbli minn min iħallas;

(d)

fejn applikabbli, ir-rata tal-kambju użata fit-transazzjoni ta' ħlas mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas, u l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas qabel il-konverżjoni tal- valuta; u

(e)

id-data tal-valur ta' debitu jew id-data ta' l-irċevuta ta' l-ordni tal-ħlas.

2.   Kuntratt qafas jista' jinkludi kondizzjoni li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi fornuta jew issir disponibbli perjodikament mill-inqas darba fix-xahar u b'mod maqbul li jippermetti lil min iħallas jaħżen u jirriproduċi informazzjoni mingħajr tibdil.

3.   Madankollu, l-Istati Membru jistgħu jirrikjedu li l-fornituri ta' servizzi ta' ħlas jipprovdu informazzjoni bil-miktub darba fix-xahar mingħajr ħlas.

Artikolu 48

Informazzjoni għal min jitħallas dwar transazzjonjiet ta' ħlas individwali

1.   Wara l-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas individwali, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas għandu jipprovdi lil min jitħallas mingħajr dewmien bla bżonn bl-istess mod kif stabbilit fl-Artikolu 41(1) bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

referenza li tippermetti lil min jitħallas jidentifika t-transazzjoni ta' ħlas u, fejn ikun xieraq, min iħallas, u kwalunkwe informazzjoni trasferita mat-transazzjoni ta' ħlas;

(b)

l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas trasferit fil-valuta li fiha jiġi kreditat il-kont tal-ħlas ta' min jitħallas;

(ċ)

fejn applikabbli, l-ammont ta' kwalunkwe drittijiet għat-transazzjoni ta' ħlas, u fejn applikabbli, qsim dettaljat tiegħu, jew l-interessi pagabbli minn min jitħallas;

(d)

fejn applikabbli, ir-rata tal-kambju użata fit-transazzjoni ta' ħlas mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas, u l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas qabel dik il-konverżjoni tal-valuta; u

(e)

id-data tal-valur tal-kreditu.

2.   Kuntratt qafas jista' jinkludi kondizzjoni li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi provduta jew issir disponibbli perjodikament mill-inqas darba fix-xahar u b'mod miftiehem li jippermetti lil min jitħallas jaħżen u jirriproduċi informazzjoni mingħajr tibdil.

3.   Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-fornituri ta' servizzi ta' ħlas jipprovdu informazzjoni bil-miktub darba fix-xahar mingħajr ħlas.

KAPITOLU 4

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 49

Valuta u konverżjoni tal-valuta

1.   Il-ħlasijiet għandhom isiru fil-valuta miftiehma bejn il-partijiet.

2.   Meta servizz ta' konverżjoni tal-valuta jkun offrut qabel il-bidu tat-transazzjoni ta' ħlas u fejn dak is-servizz ta' konverżjoni tal-valuta jkun offrut fil-post tal-bejgħ jew minn min jitħallas, il-parti li toffri s-servizz ta' konverżjoni tal-valuta lil min iħallas għandha tgħarraf lil min iħallas bil-drittijiet kollha kif ukoll bir-rata tal-kambju li għandha tintuża għall-konverżjoni tat-transazzjoni ta' ħlas.

Min iħallas għandu jaċċetta s-servizz tal-konverżjoni tal-valuta fuq dik il-bażi.

Artikolu 50

Informazzjoni dwar drittijiet jew tnaqqis addizzjonali

1.   Fejn, għall-użu ta' xi strument tal-ħlas partikolari, min jitħallas jitlob drittijiet jew joffri tnaqqis, min jitħallas għandu jinforma lil min iħallas dwar dan qabel ma tinbeda t-transazzjoni ta' ħlas.

2.   Meta, għall-użu ta' xi strument tal-ħlas partikolari, fornitur ta' servizzi ta' ħlas jew parti terza jitolbuil-ħlas ta' drittijiet, għandhom jinfurmaw lill-utent ta' servizzi ta' ħlas dwar dan qabel ma tinbeda t-transazzjoni ta' ħlas.

TITOLU IV

DRITTIJIET U OBBLIGI FIR-RIGWARD TAL-FORNIMENT U L-UŻU TA' SERVIZZI TA' ĦLAS

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 51

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Fejn l-utent ta' sevizzi tal-ħlas ma jkunx konsumatur, il-partijiet jistgħu jiftiehmu li l-Artikoli 52(1), l-Artikolu 54(2) it-tieni subparagrafu, u l-Artikoli 59, 61, 62, 63, 66 u 75 ma għandhomx japplikaw għal kollox jew parzjalment. Il-partijiet jistgħu jiftiehmu wkoll dwar perijodu ta' żmien differenti minn dak stabbilit fl-Artikolu 58.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-Artikolu 89 ma japplikax meta l-utent ta' servizzi ta' ħlas mhuwiex konsumatur.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dispożizzjonijiet f'dan it-Titolu japplikaw għal mikro-intrapriżi bl-istess mod bħal ma jiġu applikati għall-konsumaturi.

4.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 87/102/KEE. Din id-Direttiva hija wkoll mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni l-oħra Komunitarja jew nazzjonali rilevanti dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kreditu lill-konsumaturi, li mhumiex armonizzati minn din id-Direttiva u li huma f'konformità mal-liġi Komunitarja.

Artikolu 52

Drittijiet applikabbli

1.   Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ma jistax jitlob ħlas lill-utent ta' sevizzi tal-ħlas għat-twettieq ta' l-obbligi tiegħu ta' informazzjoni jew miżuri korrettivi u preventivi taħt it-Titolu, għajr jekk speċifikat mod ieħor fl-Artikoli 65(1), 66(5) u 74(2). Dawk id-drittijiet għandhom ikunu miftiehma mill-utent ta' sevizzi tal-ħlas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas u għandhom ikunu xierqa u skond l-ispejjeż attwali tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas.

2.   Fejn transazzjoni ta' ħlas ma tkunx tinvolvi xi konverżjoni ta' valuta, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li min jitħallas iħallas id-drittijiet imposti mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu, u li min iħallas iħallas id-drittijiet imposti mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu.

3.   Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas m'għandux jipprevjeni lil min jitħallas milli jimponi drittijiet fuq min iħallas jew milli joffrilu tnaqqis għall-użu ta' l-istrument tal-ħlas partikolari. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu ma jħallux jew jillimitaw id-dritt li jiġu mposti drittijiet b'kont meħud tal-ħtieġa li tiġi nkoraġġita l-kompetizzjoni u li jiġi promoss l-użu ta' strumenti ta' ħlas effiċjenti.

Artikolu 53

Deroga għal strumenti tal-ħlas ta' valur baxx u flus elettroniċi

1.   Fil-każ ta' strumenti tal-ħlas li skond il-kuntratt qafas, jikkonċernaw biss transazzjonjiet ta' ħlas individwali li ma jeċċedux l-EUR 30 jew li għandhom limitu ta' nfiq ta' EUR 150 jew li jaħżnu fondi li fl-ebda ħin ma jeċċedu l-EUR 150 il-fornituri ta' servizzi ta' ħlas jistgħu jiftiehmu ma' l-utenti ta' servizzi ta' ħlas tagħhom:

(a)

li l-Artikoli 56(1)(b) u l-Artikolu 57(1)(ċ) u (d) kif ukoll l-Artikolu 61(4) u (5) ma japplikawx jekk l-istrument tal-ħlas ma jippermettix l-ibblukklar tiegħu jew il-prevenzjoni ta' aktar użu tiegħu;

(b)

li l-Artikoli 59, 60 u l-Artikolu 61(1) u (2) ma japplikawx jekk l-istrument tal-ħlas jintuża anonimament jew il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas mhux f'pożizzjoni għal raġunijiet oħrajn li huma intrinsiċi għall-istrument tal-ħlas biex jagħti prova li transazzjoni kienet awtorizzata;

(ċ)

b'deroga mill-Artikolu 65(1), li l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas m'għandux għalfejn jinnotifika lill-utent ta' servizzi ta' ħlas dwar ir-rifjut ta' ordni tal-ħlas, jekk in-nuqqas ta'l-eżekuzzjoni ikun apparenti mill-kuntest;

(d)

b'deroga mill-Artikolu 66, li min iħallas ma jistax jirrevoka l-ordni tal-ħlas wara li jitrasmetti l-ordni tal-ħlas jew jagħti l-kunsens tiegħu għaliha għall-eżekuzzjoni tat-transazzjoni ta' ħlas lil min jitħallas;

(e)

b'deroga mill-Artikoli 69 u 70, li perijodi ta' eżekuzzjoni oħra japplikaw.

2.   Għal transazzjonijiet ta' ħlas nazzjonali, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jnaqqsu jew jirdoppjaw l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1. Fir-rigward ta' strumenti tal-ħlas imħallsa minn qabel huma jistgħu iżidu l-ammonti sa EUR 500.

3.   L-Artikoli 60 u 61 għandhom japplikaw ukoll għal flus elettroniċi fis-sens ta' l-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/46/KE, ħlief fejnil-fornitur ta' servizzi ta' min iħallas m'għandux l-abbiltà li jiffriża l-kont jew l-istrument. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw din id-deroga għal kontijiet ta' ħlas jew strumenti ta' ħlas ta' ċertu valur.

KAPITOLU 2

Awtorizzazzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas

Artikolu 54

Kunsens u rtirar tal-kunsens

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li transazzjoni ta' ħlas tkun ikkunsidrata bħala awtorizzata biss jekk min iħallas ikun ta l-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni ta' transazzjonita' ħlas. Transazzjoni ta' ħlas tista' tiġi awtorizzata minn min iħallas qabel jew, jekk hekk miftiehem minn min iħallas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu, wara l-eżekuzzjoni tat-transazzjoni ta' ħlas.

2.   Il-kunsens biex titwettaq transazzjoni ta' ħlas jew serje ta' transazzjonjiet ta' ħlas għandu jingħata fil-forma miftiehma bejn min iħallas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu.

Fin-nuqqas ta' kunsens bħal dan, transazzjoni ta' ħlas għandha tkun ikkunsidrata bħala mhux awtorizzata.

3.   Il-kunsens jista' jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin minn min iħallas, iżda mhux aktar tard mill-punt ta' irrevokabbiltà taħt l-Artiklu 66. Il-kunsens għal eżekuzzjoni ta' serje ta' transazzjonjiet ta' ħlas jistgħu wkoll jiġu rtirati bl-effett li kwalunkwe transazzjoni ta' ħlas futura għandha titqies bħala mhux awtorizzata.

4.   Il-proċedura biex jingħata l-kunsens għandha tiġi miftiehma bejn min iħallas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu.

Artikolu 55

Limiti ta' l-użu ta' l-istrument tal-ħlas

1.   F'każijiet fejn strument tal-ħlas speċifiku jintuża għall-finijiet ta' għoti tal-kunsens, min iħallas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu jistgħu jiftiehmu fuq limiti ta' nfiq għal transazzjonijiet ta' ħlas eżegwiti permezz ta' dak l-istrument ta' ħlas.

2.   Jekk miftiehem fil-kuntratt qafas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jista' jirriserva d-dritt li jibblokka l-użu ta' strument tal-ħlas għal raġunijiet oġġettivament ġustifikabbli relatati mas-sigurtà ta' l-istrument tal-ħlas, is-suspett ta' użu mhux awtorizzat jew frodulenti ta' l-istrument tal-ħlas jew, fil-każ ta' strument tal-ħlas b'linja ta' kreditu, riskju akbar b'mod sinifikattiv li min iħallas jista' ma jkunx kapaċi jissodisfa r-responsabbiltà li jħallas.

3.   F'tali każijiet il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu, jinforma lil min iħallas dwar l-ibblokkar ta' l-istrument tal-ħlas u r-raġunijiet għagħal dan b'mod miftiehem, fejn possibbli, qabel ma l-istrument tal-ħlas jiġi bblokkat u mhux aktar tard minn immedjatament wara li jiġi bblokkat, sakemm tali informazzjoni ma tikkompromettix raġunijiet ta' sigurtà oġġettivament ġustifikati jew ma tkunx projbita minn leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali oħra rilevanti.

4.   Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jiżblokka l-istrument tal-ħlas jew jissostitwixxih bi strument ġdid tal-ħlas ladarba r-raġunijiet għall-ibblokkar ma jeżistux aktar.

Artikolu 56

Obbligi ta' l-utent ta' sevizzi tal-ħlas fir-rigward ta' strumenti tal-ħlas

1.   L-utent ta' sevizzi tal-ħlas intitolat li juża strument tal-ħlas għandu jirrispetta l-obbligi li ġejjin:

(a)

li juża l-istrument tal-ħlas skond il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ u l-użu ta' l-istrument tal-ħlas; u

(b)

li jgħarraf lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas, jew lill-entità speċifikata minn dan ta' l-aħħar, mingħajr dewmien bla bżonn wara li jinduna bit-telf, serq jew miżapproprjazzjoni ta' l-istrument tal-ħlas jew bl-użu mhux awtorizzat tiegħu.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(a), l-utent ta' sevizzi tal-ħlas għandu, b'mod partikolari, hekk kif jirċievi strument tal-ħlas, jieħu l-passi kollha raġjonevoli biex iħares il-karatteristiċi personalizzati ta' sigurtà tiegħu.

Artikolu 57

Obbligi tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas fir-rigward ta' strumenti tal-ħlas

1.   Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas li jkun qed joħroġ l-istrument tal-ħlas għandu jirrispetta l-obbligi li ġejjin:

(a)

li jiżgura li l-karatteristiċi personalizzati ta' sigurtà ta' strument tal-ħlas ma jkunux aċċessibbli għal partijiet li mhumiex l-utent ta' sevizzi tal-ħlas intitolat li juża l-istrument tal-ħlas, mingħajr preġudizzju għall-obbligi fuq l-utent ta' sevizzi tal-ħlas stabbiliti fl-Artikolu 56;

(b)

li ma jibgħatx strument tal-ħlas mingħajr ma dan ikun mitlub, ħlief meta strument tal-ħlas li diġà jkun ġie mogħti lill-utent ta' sevizzi tal-ħlas għandu jkun sostitwit;

(ċ)

li jiżgura li l-ħin kollu jkun hemm mezzi xierqa biex l-utent ta' sevizzi tal-ħlas ikun jista' jagħmel notifika skond l-Artikolu 56(1) (b) jew jitlob żblokk skond l-Artikolu 55(4); fuq talba l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jagħti lill-utent ta' sevizzi tal-ħlas il-mezzi biex jagħti prova, għal 18-il xahar min-notifika, li hu għamel tali notifika; u

(d)

li jipprevjeni kull użu ta' l-istrument tal-ħlas ladarba n-notifika skond l-Artikolu 56(1) (b) tkun saret.

2.   Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jġorr ir-riskju li jibgħat strument tal-ħlas lil min iħallas jew li jibgħat kwalunkwe karratteristiċi personalizzati ta' sigurtà tiegħu.

Artikolu 58

Notifika ta' transazzjonjiet ta' ħlas eżegwita mingħajr awtorizzazzjoni jew imwettqa skorrettament

L-utent ta' sevizzi tal-ħlas għandu jikseb rettifika mingħand il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas biss jekk jinnotifika lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas mingħajr dewmien bla bżonn malli jsir konxju ta' kwalunkwe transazzjoni ta' ħlas mhux awtorizzata jew eżegwita skorrettament li tirriżulta fi pretensjoni, inkluża dik taħt l-Artikolu 75, u mhux aktar tard minn 13-il xahar wara d-data tad-debitu, sakemm, fejn applikabbli, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ikun naqas milli jipprovdi jew jagħamel disponibbli l-informazzjoni dwar dik it-transazzjoni ta' ħlas skond it-Titolu III.

Artikolu 59

Evidenza dwar l-awtentiċità u l-eżekuzzjoni tat-transazzjonjiet ta' ħlas

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li, fejn utent ta' sevizzi tal-ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta' ħlas li tkun ġiet eżegwita jew jiddikjara li t-transazzjoni ta' ħlas tkun ġiet imwettqa skorrettament, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jagħti prova li t-transazzjoni ta' ħlas kienet ġiet awtentikata, dokumentata b'mod preċiż, imdaħħla fil-kontijiet u mhux affettwata minn xi ħsara teknika jew xi difett ieħor.

2.   Fejn utent ta' servizzi ta' ħlas jiċħad li jkun awtorizza transazzjoni ta' ħlas li tkun ġiet eżegwita, l-użu ta' strument tal-ħlas irreġistrat mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas m'għandux fih innifsu ikun neċessarjament biżżejjed bħala prova li t-transazzjoni ta' ħlas kinet awtorizzata minn min iħallas jew li min iħallas ikunx aġixxa b'mod frodulenti jew naqas b'intenzjoni jew traskuraġni serja milli jissodisfa obbligu jew obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56.

Artikolu 60

Responsabbiltà tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas f'każ ta' telf għal transazzjonjiet ta' ħlas mhux awtorizzati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, fil-każ ta' transazzjoni ta' ħlas mhux awtorizzata, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas jagħti lura immedjatament lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas mhux awtorizzata u, fejn applikabbli, jerġa' jġib il-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku ma seħħetx it-transazzjoni ta' ħlas mhux awtorizzata.

2.   Jista' jiġi stabbilit aktar kumpens finanzjarju skond il-liġi applikabbli għall-kuntratt konkluż bejn min iħallas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu.

Artikolu 61

Responsabbiltà ta' min iħallas għal transazzjoni ta' ħlas mhux awtorizzata

1.   B'deroga mill-Artikolu 60, min iħallas għandu jġorr it-telf relatat ma' kwalunkwe transazzjoni ta' ħlas mhux awtorizzata, sa massimu ta' EUR 150, li jirriżulta mill-użu ta' strument tal-ħlas mitluf jew misruq jew, jekk min iħallas naqas milli jħares il-karatteristiċi personalizzati tas-sigurtà, mill-misapprorjazzjoni ta' strument tal-ħlas.

2.   Min iħallas għandu jġorr it-telf kollu li jirrigwardaw transazzjonijiet ta' ħlas mhux awtorizzati jekk hu jkun ġarrabhom b'aġir frodulenti jew billi jkun naqas milli jissodisfa obbligu jew obbligi taħt l-Artikolu 56 b'intenzjoni jew bi traskuraġni serja. F'tali każijiet, l-ammont massimu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għandux japplika.

3.   F'każijiet fejn min iħallas ma jkun la aġixxa b'mod frodulenti u lanqas bi ħsieb u naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu r-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, b'kont meħud, b'mod partikolari tan-natura tal-karatteristiċi personalizzati ta' sigurtà ta' l-istrument tal-ħlas u ċ-ċirkostanzi li fihom intilef, insteraq jew ġie misapproprjat.

4.   Min iħallas m'għandux iġorr konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-użu ta' strument tal-ħlas mitluf, misruq jew miżapproprjat wara n-notifika skond l-Artikolu 56(1)(b), ħlief fejn ikun aġixxa b'mod frodulenti.

5.   Jekk il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ma jipprovdix mezzi xierqa biex tkun tista ssir in-notifika f'kull ħin meta jintilef, jinsteraq jew jiġi miżapproprjat strument tal-ħlas, kif rikjest mill-Artikolu 57(1)(ċ), min iħallas m'għandux ikun responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-użu ta' dak l-istrument tal-ħlas, ħlief meta jkun aġixxa b'mod frodulenti.

Artikolu 62

Ħlas lura għal transazzjonjiet ta' ħlas mibdija minn min jitħallas jew permezz tiegħu

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li min iħallas ikun intitolat għal ħlas lura mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu għal transazzjoni ta' ħlas awtorizzata li tkun diġa twettqet, mibdija minn min jitħallas jew permezz tiegħu, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

l-awtorizzazzjoni ma speċifikatx l-ammont eżatt tat-transazzjoni ta' ħlas meta saret l-awtorizzazzjoni; u

(b)

l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas jeċċedi l-ammont li min iħallas seta' raġonevolment stenna b'kont meħud tal-mudell ta' nfiq preċedenti, il-kundizzjonijiet fil-kuntratt qafas tiegħu u ċ-ċirkostanzi rilevanti tal-każ.

Fuq it-talba tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas, min iħallas għandu jipprovdu elementi fattwali relatati ma' tali kundizzjonijiet.

Il-ħlas lura jikkonsisti fl-ammont sħiħ tat-transazzjoni ta' ħlas imwettqa.

Għad-debiti diretti min iħallas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu jistgħu fil-kuntratt qafas jiftiehmu li min iħallas għandu d-dritt għal ħlas lura mingħand il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu anki jekk il-kundizzjonijiet għar-rifużjoni imsemmija fl-ewwel subparagrafu ma jkunux sodisfatti.

2.   Madankollu, għall-finijiet tal-punt (b) ta' l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, min iħallas m'għandux jistrieħ fuq raġunijiet tal-kambju ta' valuta jekk tkun ġiet applikata r-rata tal-kambju ta' referenza miftiehma mal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu skond l-Artikoli 37(1)(d) u 42(3)(b).

3.   Jista' jiġi miftiehem fil-kuntratt qafas bejn min iħallas u l-fornitur tiegħu ta' servizzi li min iħallas m'għandu l-ebda dritt għal ħlas lura fil-każ fejn ikun ta l-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas direttament lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu u, fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar it-transazzjoni ta' ħlas futura kienet ipprovduta jew magħmula disponibbli b'mod miftiehem lil min iħallas għal ta' l-inqas erba' ġimgħat qabel id-data mistennija mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jew minn min jitħallas.

Artikolu 63

Talbiet għal ħlas lura għal transazzjonjiet ta' ħlas mibdija minn min jitħallas jew permezz tiegħu

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li min iħallas jista' jitlob il-ħlas lura imsemmi fl-Artikolu 62 ta' transazzjoni ta' ħlas awtorizzata mibdija minn min jitħallas jew permezz tiegħu, matul perijodu ta' tmien ġimgħat mid-data li fiha jkunu ġew iddebitati l-fondi.

2.   Fi żmien għaxart ijiem ta' negozju minn meta jirċievi talba għal ħlas lura, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jħallas lura l-ammont sħiħ tat-transazzjoni ta' ħlas jew jipprovdi ġustifikazzjoni għaċ-ċaħda tal-ħlas lura, filwaqt li jindika l-entitajiet li lilha min iħallas jista' jirreferi l-kwistjoni skond l-Artikoli 80 sa 83 jekk ma jaċċettax il-ġustifikazzjoni mogħtija.

Id-dritt taħt l-ewwel subparagrafu tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas li jirrifjuta l-ħlas lura m'għandux japplika fil-każ tar-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 62(1).

KAPITOLU 3

Eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas

Taqsima 1

Ordnijiet tal-ħlas u ammonti trasferiti

Artikolu 64

Riċevuta ta' ordnijiet tal-ħlas

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħin partikolari tar-riċevuta huwa l-mument meta l-ordni tal-ħlas trasmessa direttament minn min iħallas jew indirettament minn jew permezz ta' min jitħallas hija riċevuta mill-fornitur tas-servizzi ta' ħlas ta' min iħallas. Jekk il-ħin partikolari tar-riċevuta mhuwiex f'jum ta' negozju għall-fornitur tas-servizzi ta' ħlas ta' min iħallas, l-ordni tal-ħlas għandha titqies bħala li ġiet riċevuta fil-jum ta' negozju li jmiss. Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jista' jistabbilixxi ħin limitu qrib it-tmiem tal-jum ta' negozju li warajh kull ordni ta' ħlas li tiġi rċevuta għandha titqies bħala li ġiet irċevuta fil-jum ta' negozju li jkun imiss.

2.   Jekk l-utent ta' servizzi ta' ħlas li jibda ordni tal-ħlas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu jiftiehmu li l-eżekuzzjoni ta' l-ordni tal-ħlas għandu jibda f'jum speċifiku jew fi tmiem perijodu speċifiku jew fil-jum li fih min iħalles ikun poġġa fondi għad-dispożizzjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu il-ħin partikolari tar-riċevuta għall-finijiet ta' l-Artikolu 69 jitqies li huwa l-jum miftiehem. Jekk il-jum miftiehem mhuwiex jum ta' negozju għall-fornitur ta' servizzi ta' ħlas, l-ordni tal-ħlas irċevuta għandha titqies bħala li ġiet irċevuta fil-jum ta' negozju li jmiss.

Artikolu 65

Rifjut ta' ordnijiet tal-ħlas

1.   Meta l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jirrifjuta li jwettaq ordni tal-ħlas, ir-rifjut u, jekk possibbli, ir-raġunijiet għalih u l-proċedura biex ikunu korretti kwalunkwe żbalji fattwali li wasslu għar-rifjut għandhom jiġu nnotifikati lill-utent ta' servizzi ta' ħlas, ħlief jekk projbit minn leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali rilevanti oħra.

Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jagħti jew jagħmel disponibbli n-notifika b'mod miftiehem ma' l-ewwel opportunità, u fi kwalunkwe każ fil-perijodi speċifikati skond l-Artikolu 69.

Il-kuntratt qafas jista' jinkludi kondizzjoni li l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jista' jitlob ħlas għal tali notifika jekk ir-rifjut ikun iġġustifikat oġġettivament.

2.   F'każijiet fejn il-kundizzjonijiet kollha mniżżla fil-kuntratt qafas ta' min iħallas huma sodisfatti, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas m'għandux jirrifjuta li jwettaq ordni tal-ħlas awtorizzata irrispettivament minn jekk l-ordni tal-ħlas tkunx mibdija minn min iħallas jew minn min jitħallas jew permezz tiegħu s, ħlief jekk ipprojbit minn leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali rilevanti oħra.

3.   Għall-finijiet ta' l-Artikoli 69 u 75, ordni tal-ħlas li l-eżekuzzjoni tagħha ġie rifjutat għandha titqies li ma kienx riċevuta.

Artikolu 66

Irrevokabbiltà ta' ordni tal-ħlas

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utent ta' servizzi ta' ħlas ma jkunx jista' jirrevoka ordni tal-ħlas ladarba tkun ġiet irċevuta mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas, ħlief jekk speċifikat mod ieħor f'dan l-Artikolu.

2.   Meta t-transazzjoni ta' ħlas tinbeda minn min jitħallas jew permezz tiegħu, min iħallas ma jistax jirrevoka l-ordni ta' ħlas wara li jkun trasmetta l-ordni ta' ħlas jew ta l-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni tat-transazzjoni ta' ħlas lil min jitħallas.

3.   Madankollu, fil-każ ta' debitu dirett u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' ħlas lura min iħallas jista' jirrevoka l-ordni tal-ħlas sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-jum ta' negozju ta' qabel il-jum miftiehem għall-iddebitar tal-fondi.

4.   Fil-każ imsemmi l-Artikolu 64(2) l-utent ta' servizzi ta' ħlas jista' jirrevoka l-ordni tal-ħlas sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-jum ta' negozju li jippreċedi l-jum miftiehem.

5.   Wara l-limiti ta' żmien speċifikati fil-paragrafi 1 sa 4, l-ordni tal-ħlas tista' tiġi revokata biss jekk miftiehem bejn l-utent ta' servizzi ta' ħlas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu. Fil-każ imsemmi fil-paragrafi 2 u 3, il-qbil ta' min jitħallas għandu wkoll ikun meħtieġ. Jekk miftieham fil-kuntratt qafas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jista' jimponi drittijiet għar-revoka.

Artikolu 67

Ammonti trasferiti u ammonti rċevuti

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas u kwalunkwe intermedjarju tal-fornituri ta' servizzi ta' ħlas jitrasferixxu l-ammont sħiħ tat-transazzjoni ta' ħlas u jżommu lura milli jnaqqsu drittijiet mill-ammont trasferit.

2.   Madankollu, min jitħallas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu jistgħu jiftiehmu li l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas inaqqas id-drittijiet tiegħu mill-ammont trasferit qabel ma jikkreditah lil min jitħallas. F'dak il-każ l-ammont sħiħ tat-transazzjoni ta' ħlas u d-drittijiet għandhom ikunu sseparati fl-informazzjoni mogħtija lil min jitħallas.

3.   Jekk kwalunkwe drittijiet minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2 hija mnaqqsa mill-ammont trasferit, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas għandu jiżgura li min jitħallas jirċievi l-ammont sħiħ tat-transazzjoni ta' ħlas mibdija minn min iħallas. F'każijiet fejn it-transazzjoni ta' ħlas hija mibdija minn min jitħallas jew permezz tiegħu, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu għandu jiżgura li l-ammont sħiħ tat-transazzjoni ta' ħlas jkun riċevut minn min jitħallas.

Taqsima 2

Ħin ta' eżekuzzjoni u data tal-valur

Artikolu 68

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din it-Taqsima għandha tapplika għal:

(a)

transazzjonjiet ta' ħlas fil-valuta ta' l-euro;

(b)

transazzjonjiet ta' ħlas nazzjonali fil-valuta ta' l-Istat Membru barra ż-żona ta' l-euro kkonċernat; u

(ċ)

transazzjonijiet ta' ħlas li jinvolvu biss konverżjoni ta' valuta waħda bejn l-euro u l-valuta uffiċjali ta' Stat Membru barra iż-żona ta' l-euro, bil-kondizzjoni li l-konverżjoni ta' valuta meħtieġa ssir fl-Istat Membru kkonċernat li huwa barra iż-żona ta' l-euro u, fil-każ ta' transazzjonijiet ta' ħlas trans-konfini, it-trasferiment trans-konfini jseħħ fl-euro.

2.   Din it-Taqsima għandha tapplika għal transazzjonjiet ta' ħlas oħra, ħlief jekk ikun miftiehem mod ieħor bejn l-utent tas-servizzi ta' ħlas u l-fornitur tas-servizzi ta' ħlas tiegħu, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 73 li mhux għad-dispożizzjoni tal-partijiet. Madankollu, meta l-utent tas-servizz tal-ħlas u l-fornitur tas-servizz tal-ħlas tiegħu jiftiehmu fuq perijodu itwal minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 69, għal transazzjonijiet ta' ħlas intra-Komunitarji dan il-perijodu m'għandhux jaqbeż l-erbat ijiem ta' negozju wara l-mument tar-riċevuta skond l-Artikolu 64.

Artikolu 69

Transazzjonjiet ta' ħlas għal kont tal-ħlas

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas jiżgura li, wara l-ħin partikolari tar-riċevuta skond l-Artikolu 64, l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas jiġi kkreditat fil-kont tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas sa mhux aktar tard minn tmiem il-jum ta' negozju li jkun imiss. Sa l-1 ta' Jannar 2012, min iħallas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu jistgħu jilħqu ftehim dwar perijodu li ma jkunx itwal minn tliet ijiem ta' negozju. Dawn il-perijodi jistgħu jiġi estiżi b'jum ta' negozju ieħor għal transazzjonjiet ta' ħlas mibdija bil-miktub.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas jagħti data ta' valur u jagħmel disponibbli l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas lill-kont tal-ħlas ta' min jitħallas wara li l-fornitur tas-servizzi ta' ħlas ikun irċieva l-fondi skond l-Artikolu 73.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fornitur tas-servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas jitrasmetti ordni ta' ħlas mibdija minn min jitħallas jew permezz tiegħu lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas fil-limiti taż-żmien miftiehma bejn min jitħallas u l-fornitur tiegħu tas-servizz ta' ħlas, b'hekk jippermetti settlement, sa fejn għandu x'jaqsam id-debitu dirett, fid-data mistennija miftiehma.

Artikolu 70

Nuqqas ta' kont tal-ħlas ta' min jitħallas mal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas

Fejn min jitħallas ma jkollux kont tal-ħlas mal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas, il-fondi għandhom isiru disponibbli lil min jitħallas mill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas li jirċievi l-fondi għal min jitħallas fil-perijodu speċifikat fl-Artikoli 69.

Artikolu 71

Kontanti mqiegħda f'kont tal-ħlas

Meta konsumatur iqiegħed flus kontanti f'kont tal-ħlas ma' dak il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas fil-valuta ta' dak il-kont tal-ħlas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jiżgura li l-ammont huwa disponibbli u mogħti data ta' valur immedjatament wara l-ħin tar-riċevuta tal-fondi. Meta l-utent ta' servizzi ta' ħlas mhuwiex konsumatur, l-ammont għandu jkun disponibbli u mogħti data ta' valur sa mhux akta tard mill-jum ta' negozju ta' wara r-riċevuta tal-fondi.

Artikolu 72

Transazzjonjiet ta' ħlas nazzjonali

Għal transazzjonjiet ta' ħlas nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perijodi massimi ta' eżekuzzjoni iqsar minn dawk previsti f'din it-Taqsima.

Artikolu 73

Data tal-valur u disponibbiltà tal-fondi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data ta' valur tal-kreditu għall-kont tal-ħlas ta' min jitħallas mhijiex aktar tard mill-jum ta' negozju li fih l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas huwa kkreditat lill-kont tal-fornitur tas-servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas.

Il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas għandu jiżgura li l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas tkun għad-disposizzjoni ta' min jitħallas immedjatament wara li dak l-ammont ikun ikkreditat għall-kont tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data ta' valur tad-debitu għall-kont tal-ħlas ta' min iħallas mhijiex aktar kmieni miż-żmien li fih l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas ikun iddebitat lil dak il-kont tal-ħlas.

Taqsima 3

Responsabbiltà

Artikolu 74

Identifikaturi uniċi skorretti

1.   Jekk ordni tal-ħlas tkun imwettqa skond l-identifikatur uniku, l-ordni tal-ħlas għandha titqies li twettqet b'mod korrett fir-rigward ta' min jitħallas speċifikat mill-identifikatur uniku.

2.   Jekk l-identifikatur uniku pprovdut mill-utent ta' servizzi ta' ħlas ma jkunx korrett, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas m'għandux ikun responsabbli taħt l-Artikolu 75 għan-nuqqas ta' eżekuzzjoni jew għall-eżekuzzjoni difettuża tat-transazzjoni ta' ħlas.

Madankollu, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jagħmel sforz bona fide biex jirkupra l-fondi li jkunu nvoluti fit-transazzjoni ta' ħlas.

Jekk miftiehem fil-kuntratt qafas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jista' jitlob ħlas għall-irkupru mill-utent ta' servizzi ta' ħlas.

3.   Jekk l-utent ta' servizzi ta' ħlas jipprovdi informazzjoni addizzjonali għal dik speċifikata fl-Artikoli 37(1)(a) jew 42(2)(b), il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas għandu jkun responsabbli biss għall-eżekuzzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas skond l-identifikatur uniku pprovdut mill-utent ta' sevizzi tal-ħlas.

Artikolu 75

Nuqqas ta' eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni difettuża

1.   Fejn ordni tal-ħlas tinbeda minn min iħallas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, l-Artikolu 74(2) u (3) u l-Artikolu 78, ikun responsabbli lejn min iħallas għall-eżekuzzjoni korrett tat-transazzjoni ta' ħlas, ħlief jekk jista' jagħti prova lil min iħallas u, fejn rilevanti, lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas li l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas irċieva l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas skond l-Artikolu 69(1), f'liema każ, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas għandu jkun responsabbli lejn min jitħallas għall-eżekuzzjoni korrett tat-transazzjoni ta' ħlas.

Fejn il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ikun responsabbli taħt l-ewwel sub-paragrafu, hu għandu mingħajr dewmien bla bżonn iħallas lura lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas mhux eżegwita jew difettuża u, fejn applikabbli, ireġġa' lura l-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku t-transazzjoni ta' ħlas difettuża ma seħħitx.

Fejn il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas ikun responsabbli taħt l-ewwel subparagrafu, hu għandu minnufih iqiegħed l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas għad-dispożizzjoni ta' min jitħallas u, fejn applikabbli, jikkredita l-ammont korrispondenti għall-kont tal-ħlas ta' min jitħallas.

Fil-każ ta' transazzjoni ta' ħlas mhux imwettqa jew imwettqa b'mod difettuż fejn l-ordni tal-ħlas tkun mibdija minn min iħallas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu għandu rrispettivament mir-responsabbiltà taħt dan il-paragrafu, fuq talba, jagħmel sforzi immedjati biex jittraċċa t-transazzjoni ta' ħlas u jinnotifika lil min iħallas bl-eżitu.

2.   Fejn ordni tal-ħlas tkun mibdija minn jew permezz ta' min jitħallas, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58, l-Artikolu 74(2) u (3), u l-Artikolu 78, ikun responsabbli lejn min jitħallas għat-trasmissjoni korretta ta' l-ordni tal-ħlas lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas skond l-Artikolu 69(3). Fejn il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas huwa responsabbli taħt dan is-sub-paragrafu, huwa għandu immedjatament jibgħat mill-ġdid l-ordni tal-ħlas in kwistjoni lill-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas.

Barra minn hekk, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikol 58, l-Artikolu 74(2) u (3) u l-Artikolu 78, ikun responsabbli lejn min jitħallas għall-ġestjoni tat-transazzjoni ta' ħlas skond l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 73. Fejn il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas huwa responsabbli taħt dan is-sub-paragrafu, huwa għandu jiżgura li l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas huwa għad-dispożizzjoni ta' min jitħallas immedjatament wara li l-ammont ikun ikkreditat għall-kont tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas.

Fil-każ ta' transazzjoni ta' ħlas li ma ġietx eżegwita jew li ġiet eżegwita b'mod difettuż li għaliha l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min jitħallas mhux responsabbli taħt l-ewwel u t-tieni sub-paragrafi, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas għandu jkun responsabbli lejn min iħallas. Fejn il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas ta' min iħallas ikun responsabbli b'dan il-mod, hu għandu, kif ikun xieraq u mingħajr dewmien bla bżonn, iħallas lura lil min iħallas l-ammont tat-transazzjoni ta' ħlas mhux imwettqa jew difettuża u jreġġa' lura l-kont tal-ħlas iddebitat għall-istat li fih kien ikun li kieku t-transazzjoni ta' ħlas difettuża ma seħħitx.

Fil-każ ta' transazzjoni ta' ħlas li ma ġietx eżegwita jew li ġiet eżegwita b'mod difettuż fejn l-ordni tal-ħlas tkun mibdija minn min jitħallas jew permezz tiegħu, il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu għandu, irrispettivament mir-responsabbiltà taħt dan il-paragrafu, meta mitlub, jagħmel sforzi immedjati biex jittraċċa t-transazzjoni ta' ħlas u jinnotifika lil min jitħallas bl-eżitu.

3.   Barra minn hekk, fornituri ta' servizzi ta' ħlas għandhom ikunu responsabbli lejn l-utenti ta' servizzi ta' ħlas rispettivi tagħhom għal kwalunkwe drittijiet li għalihom huma responsabbli, u għal kwalunkwe imgħax li għalih ikun soġġett l-utent ta' servizzi ta' ħlas b'konsegwenza ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni difettuża tat-transazzjoni ta' ħlas.

Artikolu 76

Kumpens finanzjarju addizzjonali

Kwalunkwe kumpens finanzjarju addizzjonali għal dak ipprovdut taħt din it-Taqsima jista' jkun determinat skond il-liġi nazzjonali applikabbli għall-kuntratt konkluż bejn l-utent ta' servizzi ta' ħlas u l-fornitur ta' servizzi ta' ħlas tiegħu.

Artikolu 77

Dritt ta' rikors

1.   Fejn ir-responsabbiltà ta' fornitur ta' servizzi ta' ħlas taħt l-Artikolu 75 hija attribwibbli għal fornitur ta' servizzi ta' ħlas ieħor jew għal intermedjarju, dak il-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jew intermedjarju għandu jikkumpensa lill-ewwel fornitur ta' servizzi ta' ħlas għal kwalunkwe telf imġarrab jew somom mħallsa taħt l-Artikolu 75.

2.   Kumpens finanzjarju ulterjuri jista' jiġi determinat skond il-ftehim bejn il-fornituri ta' servizzi ta' ħlas u/jew l-intermedjarji u l-liġi applikabbli għall-ftehim konkluż bejniethom.

Artikolu 78

L-ebda responsabbiltà

Ir-responsabbiltà taħt il-Kapitoli 2 u 3 m'għandhiex tapplika fil-każijiet ta' ċirkostanzi anormali imprevidibbli barra mill-kontroll tal-parti li tkun qed titlob l-applikazzjoni ta' dawk iċ-ċirkostanzi, li l-konsegwenzi tagħhom kienu jkunu inevitabbli minkejja l-isforzi kollha biex dan ma jiġrix, jew fejn fornitur ta' servizzi ta' ħlas ikun marbut b'obbligi legali oħra koperti minn leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja oħra.

KAPITOLU 4

Protezzjoni tad-data

Artikolu 79

Protezzjoni tad-data

L-Istati Membri għandhom jippermettu l-ipproċessar ta' data personali minn sistemi ta' ħlas u minn fornituri tas-sistemi ta' ħlas meta dan ikun meħtieġ biex jitħarsu l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u s-sejba ta' frodi fil-ħlasijiet. L-ipproċessar ta' tali data personali għandu jsir skond id-Direttiva 95/46/KE.

KAPITOLU 5

Proċeduri ta' ilmenti u ta' rikors barra l-qorti għas-soluzzjoni ta' disputi

Taqsima 1

Proċeduri dwar ilmenti

Artikolu 80

Ilmenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri li jippermettu lill-utenti ta' servizzi ta' ħlas u partijiet oħra interessati, inklużi assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi biex jissottomettu ilmenti lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' allegat ksur mill-fornituri ta' servizzi ta' ħlas tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

2.   Fejn ikun il-każ u mingħajr preġudizzju għad-dritt li jinfetħu proċedimenti fil-qorti skond il-liġi nazzjonali proċedurali, ir-risposta mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lil min jilmenta bl-eżistenza tal-proċeduri ta' ilmenti u ta' rikors barra l-qorti stabbiliti taħt l-Artikolu 83.

Artikolu 81

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li huma implimentati. Tali penalii previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli u l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 82 sa l-1 ta' Novembru 2009 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffetwahom.

Artikolu 82

Awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-proċeduri dwar l-ilmenti u l-penali previsti fl-Artikolu 80(1) u 81(1) rispettivament ikunu amministrati mill-awtoritajiet li jkollhom il-poter li jiżguraw li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottata skond ir-rekwiżiti stabbiliti f'din it-Taqsima.

2.   Fil-każ ta' ksur jew ksur suspettat tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skond it-Titoli III u IV, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk ta' l-Istat Membru ta' domiċilju tal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas, ħlief għall-aġenti u l-fergħat li jwettqu xogħolhom taħt id-dritt ta' stabbiliment fejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu dawk ta' l-Istat Membru ospitanti.

Taqsima 2

Proċeduri ta' rikors barra mill-qorti

Artikolu 83

Rimedju barra mill-qorti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċeduri adegwati u effettivi ta' ilmenti u ta' rikors għar-riżoluzzjoni ta' ilmenti bejn l-utenti ta' servizzi ta' ħlas u l-fornituri ta' servizzi ta' ħlas tagħhom jiġu stabbiliti għal disputi dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn id-Direttiva, bl-użu ta'korpi eżistenti fejn ikun approprjat.

2.   Fil-każ ta' disputi transkonfini, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-korpi jikkooperaw b'mod attiv biex isolvuhom.

TITOLU V

MIŻURI TA' IMPLIMENTAZZJONI U KUMITAT TAL-ĦLASIJIET

Artikolu 84

Miżuri ta' implimentazzjoni

Sabiex jittieħed kont ta' l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq fis-servizzi ta' ħlas u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura regulatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 85(2), tadotta l-miżuri implimentattivi maħsuba biexjemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva u relatati ma' li ġej:

(a)

l-addattament tal-lista ta' attivitajiet fl-Anness, skond l-Artikoli 2 sa 4 u 16;

(b)

it-tibdil tad-definizzjoni ta' intrapriża mikro fis-sens ta' l-Artikolu 4(26) b'konformità ma' emenda tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(ċ)

l-aġġornar ta' l-ammonti speċifikati fl-Artikoli 26(1) u 61(1) sabiex jittieħed kont ta' l-inflazzjoni u żviluppi sinifikanti fis-suq.

Artikolu 85

Il-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat tal-Ħlasijiet.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 86

Armonizzazzjoni sħiħa

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 30(2), 33, 34(2), 45(6), 47(3), 48(3), 51(2), 52(3), 53(2), 61(3), 72 u 88 safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu dispożizzjonjiet minbarra dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

2.   Fejn Stat Membru jagħmel użu minn kwalunkwe waħda mill-possibbiltajiet imsemmija fil-paragrafu 1, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan kif ukoll dwar kwalunkwe bidla sussegwenti. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni pubblika permezz ta' website jew permezz ta' mod ieħor faċilment aċċessibbli.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi ta' ħlas ma jidderogawx, għad-detriment ta' l-utenti ta' servizzi ta' ħlas, mid-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva jew li jikkorrispondu magħhom ħlief fejn ikun ipprovdut b'mod espliċitu.

Madankollu, il-fornituri ta' servizzi ta' ħlas jistgħu jiddeċiedu li jagħtu termini aktar favorevoli lill-utenti ta' servizzi ta' ħlas.

Artikolu 87

Reviżjoni

Mhux aktar tard mill-1 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew rapport dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari dwar:

il-ħtieġa possibbli li jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva għal transazzjonjiet ta' ħlas fil-valuti kollha u għal transazzjonjiet ta' ħlas fejn fornitur ta' servizzi ta' ħlas wieħed biss ikun jinsab fil-Komunità;

l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 6, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 9 dwar rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' ħlas, b'mod partikolari fir-rigward ta' rekwiżiti ta' fondi proprji u rekwiżiti ta' salvagwardja (ringfencing);

l-impatt possibbli ta' l-għoti ta' kreditu minn istituzzjonijiet tal-ħlas relatat ma' servizzi ta' ħlas, kif imniżżel fl-Artikolu 16(3);

l-impatt possibbli tar-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni ta' l-istituzzjonijiet tal-ħlas fuq il-kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-ħlas u l-fornituri ta' servizzi ta' ħlas oħra kif ukoll fuq l-ostakoli għad-dħul fis-suq minn fornituri ta' servizzi ta' ħlas ġodda;

l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 34 u 53 ta' din id-Direttiva u l-ħtieġa possibbli li jiġi rivedut il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' strumenti tal-ħlas ta' valur baxx u flus elettroniċi; u

l-applikazzjoni u t-tħaddim ta' l-Artikoli 69 u 75 għat-tipi kollha ta' strumenti ta' ħlas,

akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta għar-reviżjoni tagħha.

Artikolu 88

Dispożizzjoni transitorja

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/60/KE jew leġiżlazzjoni oħra Komunitarja rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jippermettu persuni ġuridiċi li jkunu bdew qabel il-25 ta' Diċembru 2007 l-attivitajiet ta' istituzzjonijiet tal-ħlasfit-tifsira ta' din id-Direttiva, skond il-liġi nazzjonali fis-seħħ biex ikomplu dawk l-attivitajiet fl-Istat Membru kkonċernat sat-30 ta' April 2011, mingħajr awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 10. Kwalunkwe tali persuni li ma jkunux ingħataw awtorizzazzjoni f'dan il-perijodu għandhom ikunu pprojbiti skond l-Artikolu 29 milli jipprovdu servizzi ta' ħlas.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, eżenzjoni mill-ħtieġa ta' awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 10 għandha tingħata lil istituzzjonijiet finanzjarji li bdew l-attivitajiet elenkati fil-punt 4 ta' l-Anness I tad-Direttiva 2006/48/KE u jilħqu l-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 24, paragrafu 1, punt (e) tas-sub-paragrafu 1 ta' dik id-Direttiva skond il-liġi nazzjonali qabel il-25 ta' Diċembru 2007. Madankollu, huma għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ta' domiċilju b'dawn l-attivitajiet sal-25 ta' Diċembru 2007. Barra minn hekk, din in-notifika għandu tinkludi informazzjoni li turi li huma jikkonformaw ma' l-Artikolu 5 (a), (d), (g) sa (i), (k) u (l) ta' din id-Direttiva. Fejn l-awtoritajiet kompetenti huma sodisfatti li dawk ir-rekwiżiti jintlaħqu, l-istituzzjonijiet finanzjarji konċernati għandhom jiġu rreġistrati skond l-Artikolu 13 ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jeżentaw lil dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji mir-rekwiżiti taħt l-Artikolu 5.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li persuni ġuridiċi imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw awtorizzazzjoni awtomatikament u jiddaħħlu fir-reġistru previst fl-Artikolu 13 jekk l-awtoritajiet kompetenti diġà jkollhom evidenza li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 5 u 10 huma rrispettati. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-entitajiet in kwistjoni qabel tingħata l-awtorizzazzjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/60/KE jew leġiżlazzjoni oħra Komunitarja rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li jkunu bdew l-attivitajiet ta' istituzzjonijiet tal-ħlas, fit-tifsira ta' din id-Direttiva, skond il-liġi nazzjonali fis-seħħ qabel il-25 ta' Diċembru 2007 u li huma eliġibbli għal twarrib skond l-Artikolu 26, biex ikomplu dawk l-attivitajiet fl-Istat Membru kkonċernat għal perijodu transitorju ta' mhux aktar minn 3 snin mingħajr ma jkunu mwarrba skond l-Artikolu 26 u mdaħħla fir-reġistru previst fl-Artikolu 13. Kwalunkwe tali persuni li ma jibbenefikawx minn twarrib f'dan il-perijodu għandhom ikunu pprojbiti skond l-Artikolu 29 milli jipprovdu servizzi ta' ħlas.

Artikolu 89

Emenda għad-Direttiva 97/7/KE

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 97/7/KE għandu jitħassar.

Artikolu 90

Emendi għad-Direttiva 2002/65/KE

Id-Direttiva 2002/65/KE hija permezz ta' dan emendata kif ġej:

1.

f-Artikolu 4 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Fejn id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar servizzi ta' ħlas fis-suq intern hija (*) wkoll applikabbli, id-dispożizzjonijiet ta' informazzjoni taħt l-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-paragrafi (2)(ċ) sa (g), 3(a), (d) u (e) u 4(b), għandhom jiġu sostitwiti bl-Artikoli 36, 37, 41 u 42 ta' dik id-Direttiva.

(*)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.”;"

2.

L-Artikolu 8 għandu jitħassar.

Artikolu 91

Emendi għad-Direttiva 2005/60/KE

Id-Direttiva 2005/60/KE għandha permezz ta' dan tiġi emendata kif ġej:

1.

il-punt (a) ta' l-Artikolu 3(2) għandu jinbidel b' li ġej:

“(a)

impriża għajr istituzzjoni ta' kreditu li twettaq waħda jew iżjed mill-attivitajiet elenkati fil-punti 2 sa 12 u 14 ta' l-Anness I għad-Direttiva 2006/48/KE, inklużi l-attivitajiet ta' uffiċċji tal-kambju tal-valuta (bureaux de change);”;

2.

l-Artikolu 15(1) u (2) għandu jinbidel b' li ġej:

“1.   Fejn Stat Membru jippermetti dipendenza bħala parti terza domestikament fuq istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji msemmija fl-Artikolu 2(1)(1) jew (2) li jinsabu fit-territorju tiegħu, dak l-Istat Membru għandu fi kwalunkwe każ jippermetti lill-istituzzjonijiet u persuni msemmija fl-Artikolu 2(1) li jinsabu fit-territorju tiegħu jirrikonoxxu u jaċċettaw, skond l-Artikolu 14, l-eżitu tar-rekwiżiti li jagħmlu ħilithommill-klijent stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(a) sa (ċ), mwettqa skond din id-Direttiva minn istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(1) jew (2) fi Stat Membru ieħor, bl-eċċezzjoni ta' uffiċċji tal-kambju tal-valuta u istituzzjonijiet tal-ħlas kif definit fl-Artikolu 4 (4) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern (**), li jipprovdu prinċipalment is-servizzi ta' ħlas imsemmija fil-punt 6 ta' l-Anness għal dik id-Direttiva, inklużi persuni fiżiċi u ġuridiċi, li ngħataw deroga skond l-Artikolu 26 ta' dik id-Direttiva, u jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 16 u 18 ta' din id-Direttiva, anke jekk id-dokumenti jew data li fuqhom ġew ibbażati dawn ir-rekwiżiti huma differenti minn dawk meħtieġa fl-Istat Membru li għalih qed ikun riferut il-konsumatur.

2.   Fejn Stat Membru jippermetti dipendenza bħala parti terza domestikament fuq uffiċċji tal-kambju tal-valuta msemmija fl-Artikolu 3 punt (2)(a) u istituzzjonijiet tal-ħlas kif definiti fl-Artikolu 4 (4) tad-Direttiva 2007/64/KE, li jipprovdu prinċipalment is-servizzi ta' ħlas elenkati fil-punt 6 ta' l-Anness għal dik id-Direttiva, li jinsabu fit-territorju tiegħu, dak l-Istat Membru għandu fi kwalunkwe każ jippermettilhom li jirrikonoxxu u jaċċettaw, skond l-Artikolu 14 ta' din id-Direttiva, l-eżitu tar-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta mill-klijent stabbiliti fl-Artikolu 8(1)(a) sa (ċ), imwettqa skond din id-Direttiva mill-istess kategorija ta' istituzzjoni fi Stat Membru ieħor u li jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 16 u 18 ta' din id-Direttiva, anke jekk id-dokumenti jew data li fuqhom ġew ibbażati dawn ir-rekwiżiti huma differenti minn dawk meħtieġa fl-Istat Membru li għalih qed jiġi riferut il-konsumatur.

(**)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.”;"

3.

It-tieni sentenza ta' l-Artikolu 36(1) għandha titħassar.

Artikolu 92

Emendi għad-Direttiva 2006/48/KE

L-Anness I għad-Direttiva 2006/48/KE, għandu permezz ta' dan jiġi emendat kif ġej:

1.

Il-punt 4 għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“(4)

‘servizzi ta' ħlas’ kif definit fl-Artikolu 4 (3) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern (***)

(***)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.”;"

2.

il-punt 5 għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“(5)

Il-ħruġ u l-amministrazzjoni ta' mezzi oħra ta' ħlas (p. eż. travellers' cheques u drafts bankarji safejn din l-attività mhijiex koperta mill-punt 4”.

Artikolu 93

Tħassir

Id-Direttiva 97/5/KE għandha titħassar b'effett mill-1 ta' Novembru 2009.

Artikolu 94

Transpożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Novembru 2009. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjonita' dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawkil-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodu għall-għamla ta' tali referenza għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 95

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 96

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 13 ta' Novembru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 109, 9.5.2006, p. 10.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' April 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2007.

(3)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 25.

(4)  ĠU L 344, 28.12.2001, p. 13.

(5)  ĠU L 365, 24.12.1987, p. 72.

(6)  ĠU L 317, 24.11.1988, p. 55.

(7)  ĠU L 208, 2.8.1997, p. 52.

(8)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2007/44/KE (ĠU L 247, 21.9.2007, p. 1).

(9)  ĠU L 275, 27.10.2000, p. 39.

(10)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 224, 16.8.2006, p. 1).

(11)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/99/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137).

(12)  ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/46/KE.

(13)  ĠU L 42, 12.2.1987, p. 48. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 101, 1.4.1998, p. 17).

(14)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.

(15)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(16)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(17)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(18)  ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2005/29/KE.

(19)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(20)  ĠU C 27, 26.1.1998, p. 34.

(21)  ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/29/KE.

(22)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(23)  ĠU L 184, 17.7.2006, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(24)  ĠU L 321, 31.12.2003, p. 1.

(25)  ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1.

(26)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

(27)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.


ANNESS

SERVIZZI TA' ĦLAS (IT-TIELET PUNT TA' L-ARTIKOLU 4)

(1)

Servizzi li jippermettu li flus kontanti jiġu mqiegħda f'kont tal-ħlas kif ukoll l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim ta' kont tal-ħlas.

(2)

Servizzi li jippermettu ġbid ta' flus kontanti minn kont tal-ħlas kif ukoll l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim ta' kont tal-ħlas.

(3)

Eżekuzzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas, inkluż trasferiment ta' fondi fuq kont tal-ħlas mal-fornitur ta' servizzi ta' ħlas jew ma' fornitur ta' servizzi ta' ħlas ieħor:

eżekuzzjoni ta' debiti diretti, inkluż debiti diretti ta' darba;

eżekuzzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas permezz ta' kard tal-ħlas jew strument ieħor simili;

eżekuzzjoni ta' trasferimenti ta' kreditu, fosthom ordnijiet fissi.

(4)

Eżekuzzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas fejn il-fondi huma koperti minn linja ta' kreditu għal utent ta' servizzi ta' ħlas:

eżekuzzjoni ta' debiti diretti, inkluż debiti diretti ta' darba;

eżekuzzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas permezz ta' kard tal-ħlas jew strument ieħor simili;

eżekuzzjoni ta' trasferimenti ta' kreditu, fosthom ordnijiet fissi.

(5)

Il-ħruġ u/jew il-kisba ta' strumenti tal-ħlas.

(6)

Rimessa ta' flus.

(7)

Eżekuzzjoni ta' transazzjonjiet ta' ħlas fejn il-kunsens ta' min iħallas għall-eżekuzzjoni ta' transazzjoni ta' ħlas jingħata permezz ta' kwalunkwe apparat tat-telekomunikazzjoni, diġitali jew ta' l-IT u l-ħlas isir lill-operatur tat-telekomunikazzjoni, sistema jew operatur tan-network ta' l-IT, li jaġixxi biss bħala intermedjarju bejn l-utent ta' servizzi ta' ħlas u l-fornitur tal-merkanzija jew is-servizzi.