17.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 214/3


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/52/KE

tas-16 ta’ Awwissu 2007

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil bħala sustanzi attivi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 703/2001 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati bil-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil.

(2)

Għal dawk is-sustanzi attivi l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent kienu vvalutati skond id-dispożizzjonijiet stipulati mir-Regolament (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 703/2001 għal ġabra ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri relaturi li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA) skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000. Għall-ethoprophos u l-pirimiphos-methyl, l-Istat Membru relatur kien ir-Renju Unit u kull informazzjoni rilevanti tressqet fid-19 ta’ Jannar 2004 u l-4 ta’ Novembru 2003 rispettivament. Għall-fipronil l-Istat Membru relatur kien Franza u t-tagħrif rilevanti kollu ntbagħat fl-10 ta’ Frar 2004.

(3)

Ir-rapporti ta’ valutazzjoni kienu riveduti b’mod inter pares mill-Istati Membri u l-EFSA u ppreżentati lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Marzu 2006 għall-ethoprophos, fl-10 ta’ Awwissu 2005 għall-pirimiphos-methyl, fit-3 ta’ Marzu 2006 għall-fipronil, fil-format tar-Rapporti Xjentifiċi ta’ l-EFSA (4). Dawn ir-rapporti ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali u ffinalizzati fis-16 ta’ Marzu 2007 fil-format tar-rapporti ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil.

(4)

Minn eżamijiet varji li saru deher li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil jistgħu jintalbu biex jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-użi li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapporti ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk xieraq li dawn is-sustanzi attivi jkunu inklużi fl-Anness I, sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi attivi jkunu jistgħu jingħataw skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

(5)

Mingħajr ħsara għal din il-konklużjoni, huwa xieraq li jinkiseb aktar tagħrif dwar ċerti punti speċifiċi li jikkonċernaw l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KE jistipula li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tiġi soġġetta għal kondizzjonijiet. Għalhekk huwa xieraq li jintalab li l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil ikunu soġġetti għal aktar ittestjar għall-konferma tal-valutazzjoni tar-riskju għal ċerti kwistjonijiet u li studji bħal dawn għandhom jiġu ppreżentati min-notifikanti.

(6)

Għandu jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jingħataw iż-żmien li jħejju ruħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ġodda li jirriżultaw mill-inklużjoni.

(7)

Mingħajr ħsara għall-obbligi ddefiniti mid-Direttiva 91/414/KEE bħala konsegwenza ta’ l-inklużjoni tas-sustanzi attivi fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stipulati fl-Anness I, jiġu sodisfatti. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, ibiddlu jew jirtiraw, kif inhu xieraq, l-awtorizzazzjonijiet eżistenti, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. B’deroga mill-iskadenza stabbilita hawn fuq, għandu jiġi stipulat perjodu itwal għall-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-fajl komplut ta’ l-Anness III ta’ kull prodott għall-ħarsien tal-pjanti għal kull użu intenzjonat skond il-prinċipji uniformi stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ta’ sustanzi attivi eżaminati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 (5) uriet li jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet ta’ detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għad-data. Għalhekk sabiex jiġu evitati iktar diffikultajiet jidher li huwa meħtieġ li d-dmirijiet ta’ l-Istati Membri jiġu ċċarati, speċjalment id-dmir li jivverifikaw li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni juri li għandu aċċess għal fajl li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponi l-ebda obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew fuq id-detenturi ta’ l-awtorizzazzjonijiet meta mqabbla mad-direttivi li ġew adottati s’issa li jemendaw l-Anness I.

(9)

Għalhekk huwa xieraq li d-Direttiva 91/414/KEE tiġi emendata skond dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2008, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u l-iskeda ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ April 2008.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha issir tali referenza.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri, fejn meħtieġ, skond id-Direttiva 91/414/KEE, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil bħala sustanzi attivi sal-31 ta’ Marzu 2008.

Sa din id-data huma għandhom b’mod partikolari jivverifikaw li jintlaħqu l-kondizzjonijiet fl-Anness I tad-Direttiva relatati ma’ l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil, bl-eċċezzjoni ta’ dawk identifikati fil-parti B ta’ l-annotazzjoni relatata ma’ dik is-sustanza attiva, u li d-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni jkollu f’idejh, jew ikollu aċċess għal, dossier li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Anness II ta’ dik id-Direttiva skond il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva.

2.   Bħala deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-ħarsien tal-pjanti li fih l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil bħala jew l-unika sustanza attiva inkella bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li kollha kemm huma ġew elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2007, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw mill-ġdid il-prodott skond il-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ dossier li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Anness III ta’ din id-Direttiva u billi titqies il-parti B ta’ l-annotazzjoni fl-Anness I għat-tali Direttiva dwar l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil rispettivament. Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara li jistabbilixxu dan, l-Istati Membri għandhom:

(a)

fil-każ ta’ prodott li jkun fih l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl jew l-fipronil bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2011; jew

(b)

fil-każ ta’ prodott li fih l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl jew l-fipronil bħala wieħed minn bosta sustanzi attivi, fejn hu meħtieġ, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sat-30 ta’ Settembru 2011 jew sad-data ffissata, għal tali emenda jew irtirar fid-Direttiva jew Direttivi rispettivi li kienu żiedu s-sustanza jew is-sustanzi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, skond liema waħda minnhom tkun l-iktar reċenti.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2007.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 16 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/31/KE (ĠU L 140, 1.6.2007, p. 44).

(2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1044/2003 (ĠU L 151, 19.6.2003, p. 32).

(3)  ĠU L 98, 7.4.2001, p. 6.

(4)  EFSA Scientific Report (2006) 66, 1-72, Conclusion regarding the Peer review of the pesticide risk assessment of the active substance ethoprophos (finalised: 3 March 2006). EFSA Scientific Report (2005) 44, 1-53, Conclusion regarding the Peer review of the pesticide risk assessment of the active substance pirimiphos-methyl (finalised: 10 August 2005). EFSA Scientific Report (2006) 65, 1-110, Conclusion regarding the Peer review of the pesticide risk assessment of the active substance fipronil (finalised: 3 March 2006 version of 12 April 2006).

(5)  ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10. Ir-Regolament hekk kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2266/2000 (ĠU L 259, 13.10.2000, p. 27).


ANNESS

Din it-tabella li ġejja għandha tiġi miżjuda fl-aħħar ta’ l-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Dħul fis-seħħ

Data ta’ l-Għeluq ta’ l-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“161

ethoprophos

CAS Nru 13194-48-4

Nru CIPAC 218

O-ethyl S,S-dipropyl phosphorodithioate

> 940 g/kg

fl-1 ta’ Ottubru 2007

fit-30 ta’ Settembru 2017

PARTI A

Użi biss bħala nematiċidju u insettiċidju fl-applikazzjoni tal-ħamrija jistgħu jkunu awtorizzati.

L-awtorizzazzionijiet għandhom ikunu limitati għal utenti professjonali.

PARTI B

Waqt il-valutazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom l-ethoprophos għal użi ħlief għall-patata li ma titkabbarx għall-konsum tal-bniedem jew ta’ l-annimali, l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-kriterji fl-Artikolu 4(1) (b), u għandhom jiżguraw li tkun iprovduta kwalunkwe data jew informazzjoni meħtieġa qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar l-ethoprophos b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali fis-16 ta’ Marzu 2007.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari għal:

Ir-residwi u jivvalutaw l-espożizzjoni djetetika ta’ konsumaturi fid-dawl ta’ reviżjonijiet futuri ta’ Livelli Massimi ta’ Residwu;

Is-sigurtà ta’ l-operatur. Il-kondizzjonijiet awtorizzati għall-użu għandhom jistipulaw l-applikazzjoni ta’ tagħmir respiratorju personali u protettiv adegwat u miżuri oħra li jnaqqsu r-riskju bħalma huwa l-użu ta’ sistema magħluqa ta’ trasferiment għat-tqassim tal-prodott;

ħarsien ta’ għasafar, mammiferi u organiżmi akkwatiċi, ilma ta’ fuq u taħt l-art taħt kondizzjonijiet vulnerabbli. Il-kondizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jnaqqsu r-riskju, bħalma huma żoni ta’ protezzjoni u l-ksib ta’ l-inkorporazzjoni kompleta ta’ granuli fil-ħamrija.

L-Istati Membri konċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ studji ulterjuri sabiex jikkonfermaw il-valutazzjoni tar-riskju għal għasafar, mammiferi u ħniex. Huma għandhom jiżguraw li n-notifikanti li fuq talba tagħhom l-ethoprophos kien inkluż f’dan l-Anness jipprovdu dwan l-istudji lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

162

pirimiphos-methyl

Nru CAS 29232-93-7

Nru CIPAC 239

O-2-diethylamino-6-methylpyrimidin-4-yl O,O-dimethylphosphorothioate

> 880 g/kg

fl-1 ta’ Ottubru 2007

fit-30 ta’ Settembru 2017

PARTI A

Użi biss bħala insettiċidju għall-ħażna ta’ wara l-ħsad jistgħu jkunu awtorizzati.

PARTI B

Waqt il-valutazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-pirimiphos-methyl għall-użi għajr dawk ta’ trattament taż-żrieragħ tal-qamħirrun, l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-kriterji fl-Artikolu 4(1)(b), u għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta kull data jew informazzjoni meħtieġa qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-methiocarb b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali fis-16 ta’ Marzu 2007.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari għal:

is-sigurtà ta’ l-operatur. Kondizzjonijiet awtorizzati ta’ użu għandhom jippreskrivu l-applikazzjoni tat-tagħmir protettiv personali tal-miżuri li jnaqqsu r-riskju adattati għat-tnaqqis ta’ l-espożizzjoni;

espożizzjoni djetetika ta’ konsumaturi fid-dawl ta’ reviżjonijiet futuri ta’ Livelli Massimi ta’ Residwu;

L-Istati Membri konċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ studji ulterjuri sabiex jikkonfermaw il-valutazzjoni tar-riskju għall-ħut. Huma għandhom jiżguraw li n-notifikanti li fuq talba tagħhom il-pirimiphos-methyl ġie inkluż f’dan l-Anness jipprovdu tali studji lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

163

Fipronil

Nru CAS 120068-37-3

Nru CIPAC 581

(±)-5-amino-1-(2,6-dichloro-α,α,α-trifluoro-para-tolyl)-4-trifluoromethylsulfinyl-pyrazole-3-carbonitrile

≥ 950 g/kg

fl-1 ta’ Ottubru 2007

fit-30 ta’ Settembru 2017

PARTI A

Użi biss bħala insettiċidju għall-użu bħala trattament taż-żerriegħa jistgħu jkunu awtorizzati. Il-kisi taż-żerriegħa għandu jsir biss f’faċilitajiet professjonali tat-trattament taż-żerriegħa. Dawn il-faċilitajiet għandhom japplikaw l-aħjar tekniċi disponibbli sabiex ikun żgurat li l-ħruġ tat-trabijiet waqt il-ħażna, it-transport u l-applikazzjoni jistgħu jkunu esklużi.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-fipronil u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali fit-16 ta’ Marzu 2007. F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari għal:

l-ippakkjar tal-prodotti li se jitpoġġew fis-suq sabiex tiġi evitata l-ġenerazzjoni tad-degradazzjoni kaġun tad-dawl ta’ prodotti ta’ tħassib;

il-potenzjal tal-kontaminazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art b’mod speċjali minn metaboliti li huma iktar persistenti mill-kompost ġenitur, fejn is-sustanza attiva hija applikata fir-reġjuni b’ħamrija u/jew kondizzjonijiet ta’ klima vulnerabbli;

ħarsien ta’ għasafar u mammiferi granivori, organiżmi akkwatiċi, artropodi mhux fil-mira u naħal ta’ l-għasel;

l-użu ta’ tagħmir adegwat li jassigura grad għoli ta’ inkorporazzjoni fil-ħamrija u tixrid mill-inqas waqt l-applikazzjoni.

Il-kondizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju, fejn xieraq.

L-Istati Membri konċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ studji ulterjuri sabiex jikkonfermaw il-valutazzjoni tar-riskju għal għasafar u mammiferi granivori u naħal ta’ l-għasel, b’mod speċjali l-larva tan-naħal. Għandhom jiżguraw li n-notifikant li fuq talba tiegħu ġie inkluż il-fipronil f’dan l-Anness, jipprovdi dwan l-istudji lill-Kummissjoni fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapport ta’ reviżjoni.