8.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 323/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Ottubru 2006

dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità, tal-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina fil-qasam tat-Trasport (Protokoll tat-Trasport)

(2007/799/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 71 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300 (2), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali biex jiġu trattati problemi reġjonali u Ewropej li jfixklu l-mobbilità sostennibbli fit-trasport u jirriżultaw f’riskji għall-ambjent hi waħda mill-objettivi tal-politika tal-Komunità dwar it-trasport.

(2)

Fl-14 ta’ Mejju 1991 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tipparteċipa, f’isem il-Komunità, fin-negozjati dwar il-Konvenzjoni Alpina u l-protokolli tagħha, b’konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri.

(3)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/191/KE (1), il-Komunità kkonkludiet il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Alpi (Konvenzjoni Alpina).

(4)

Il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina fil-qasam tat-Trasport (Protokoll tat-Trasport), ibbażat fuq l-Artikoli 2 (2) u (3) tal-Konvenzjoni Alpina, ġie adottat mill-24 sas-26 ta’ Mejju 2000 fl-okkażjoni tas-16-il laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni Alpina.

(5)

Il-Protokoll ta’ Trasport jipprovdi qafas, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ prevenzjoni u l-prinċipju li min iniġġes iħallas, biex jiżgura l-mobbilità sostenibbli u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, għal kull mod ta’ trasport, fir-reġjun Alpin.

(6)

Il-Protokoll tat-Trasport, skond l-Artikolu 24 tiegħu, kien miftuħ għall-iffirmar mill-Partijiet Kontraenti fil-laqgħa Ministerjali tal-Konvenzjoni Alpina li saret f’Luċerna fit-30 u l-31 ta’ Ottubru 2000, u fir-Repubblika ta’ l-Awstrija, bħala d-depożitarja, minn dak in-nhar.

(7)

Kompetenza preponderanti tal-Komunità marbuta mal-prinċipju ta’ l-unità fir-rappreżentazzjoni internazzjonali tal-Komunità tmur favur il-firma u d-depożitu eventwali simultanji ta’ l-istrumenti rispettivi ta’ ratifika jew approvazzjoni, jekk possibbli, mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha li huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni.

(8)

Ikun konvenjenti li l-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina fil-qasam tat-Trasport (Protokoll tat-Trasport) ikun iffirmat, f’isem il-Komunità, soġġett għal konklużjoni sussegwenti,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw f’isem il-Komunità, soġġett għal konklużjoni sussegwenti, il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina fil-qasam tat-Trasport (Protokoll tat-Trasport) u sabiex jgħaddilhom is-setgħat meħtieġa għal dak il-għan.

Magħmula fil-Lussemburgu, 12 ta’ Ottubru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HUOVINEN


(1)  ĠU L 61, 12.3.1996, p. 31.



8.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 323/15


TRADUZZJONI

PROTOKOLL DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-KONVENZJONI ALPINA TA’ L-1991 FIL-QASAM TAT-TRASPORT

Protokoll dwar it-Trasport

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IL-PRINĊIPALITÀ TA’ LIECHTENSTEIN,

IL-PRINĊIPALITÀ TA’ MONAKO,

IR-REPUBBLIKA TA’ L-AWSTRIJA,

IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

u

IL-KOMUNITÀ EWROPEA –

Skond il-kompitu tagħhom, li jirriżulta mill-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Alpi (il-Konvenzjoni Alpina) tas-7 ta’ Novembru 1991, li jsegwu politika komprensiva għall-protezzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun Alpin;

F’konformità ma’ l-obbligi tagħhom skond l-Artikoli 2(2) u (3) tal-Konvenzjoni Alpina;

Konxji li l-ekosistemi u l-pajsaġġi tar-reġjun Alpin huma partikolarment sensittivi, li l-kondizzjonijiet ġeografiċi u t-topografija tiegħu x’aktarx iżidu mat-tniġġis u l-istorbju u li fih riżorsi naturali uniċi u wirt kulturali uniku;

Konxji li, mingħajr miżuri xierqa, it-trasport u l-ħsara li dan jikkawża lill-ambjent ser ikomplu jiżdiedu minħabba l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq, l-iżvilupp soċjo-ekonomiku u l-attivitajiet ta’ passatemp;

Konvinti li l-popolazzjoni lokali għandha tkun tista’ tiddetermina l-pjan ta’ żvilupp soċjali, kulturali u ekonomiku tagħha stess u tipparteċipa fl-implimentazzjoni tiegħu fil-qafas istituzzjonali eżistenti;

Konxji li t-trasport m’huwiex mingħajr impatt ambjentali u li l-ħsara li dan jikkawża lill-ambjent tipproduċi effetti negattivi fuq u riskji lill-ekoloġija, is-saħħa u s-sigurtà, li dejjem qed jiżdiedu u li jeħtieġ li jiġu ttrattati permezz ta’ approċċ komuni;

Konxji li jenħtieġu miżuri ta’ sigurtà msaħħa waqt it-trasport ta’ materjali perikolużi;

Konxji mill-ħtieġa li jsiru arranġamenti komprensivi għall-osservazzjoni, ir-riċerka, il-forniment ta’ informazzjoni u l-konsultazzjoni sabiex jiġu stabbiliti rabtiet bejn it-trasport, is-saħħa, l-ambjent u l-iżvilupp ekonomiku u li ssir ċara l-ħtieġa għat-tnaqqis tal-ħsara lill-ambjent;

Konxji li, fir-reġjun Alpin, politika tat-trasport ibbażata fuq il-prinċipji ta’ sostenibbiltà hija fl-interess kemm tal-popolazzjonijiet Alpini kif ukoll ta’ dawk li m’humiex Alpini u li huwa wkoll meħtieġ li r-reġjuni Alpini jiġu ppreservati kemm bħala abitat kif ukoll bħala reġjun naturali u ekonomiku;

Konxji li min-naħa waħda l-potenzjal preżenti tal-modi tat-trasport sa ċertu punt m’huwiex użat biżżejjed u min-naħa l-oħra mhux qed jittieħed kont biżżejjed ta’ l-importanza ta’ infrastrutturi għal sistemi ta’ trasport li jirrispettaw aktar lill-ambjent (bħat-trasport bil-ferrovija, it-trasport fuq il-passaġġi ta’ l-ilma interni u bil-baħar u t-trasport kombinat) jew tal-kompatibbiltà u l-operabbiltà transnazzjonali tal-mezzi diversi tat-trasport, u li huwa għalhekk meħtieġ li jiġu ottimizzati tali sistemi ta’ trasport permezz ta’ tisħiħ fuq skala kbira tan-netwerks ġewwa u barra r-reġjun Alpin;

Konxji li d-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar reġjonali u l-politika ekonomika li jittieħdu ġewwa u barra r-reġjun Alpin għandhom riperkussjonijiet kbar għall-iżvilupp tat-trasport Alpin;

Bix-xewqa li jagħmlu kontribut deċiżiv għall-iżvilupp sostenibbli u għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja billi jnaqqsu l-volum tat-traffiku, jamministraw it-trasport b’mod li jirrispetta aktar lill-ambjent u jżidu l-effikaċja u l-effiċjenza tas-sistemi eżistenti ta’ trasport;

Konvinti li huwa meħtieġ li l-interessi ekonomiċi, il-ħtiġijiet soċjali u l-ħtiġiet ambjentali jiġu bbilanċjati;

B’konsiderazzjoni dovuta għall-konvenzjonijiet bilaterali u multilaterali konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti u l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport;

Konvinti li ċerti problemi jistgħu jiġu solvuti biss f’qafas transkonfini u jeħtieġu miżuri konġunti mill-parti ta’ l-Istati Alpini –

Ftiehmu kif ġej:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Objettivi

1.   Il-Partijiet Kontraenti jinpenjaw ruħhom biex isegwu politika sostenibbli tat-trasport li:

(a)

tnaqqas l-effetti negattivi ta’ u r-riskji li jinħolqu mit-trasport intra-Alpin u transalpin għal livell li ma jagħmilx ħsara lin-nies, il-flora u l-fawna u l-ambjenti u l-abitati tagħhom, fost l-oħrajn bit-trasferiment ta’ ammont dejjem akbar ta’ trasport, speċjalment it-trasport ta’ merkanzija, għall-ferroviji, b’mod partikolari bil-ħolqien ta’ infrastrutturi u inċentivi xierqa f’konformità mal-prinċipji tas-suq;

(b)

tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ l-abitati u ż-żoni ekonomiċi li fihom joqogħdu u jaħdmu n-nies li jgħixu fir-reġjun Alpin bl-implimentazzjoni ta’ politika tat-trasport li tinkludi l-modi kollha ta’ trasport u li hija armonizzata fost id-diversi Partijiet Kontraenti;

(ċ)

tgħin biex tnaqqas u, safejn huwa possibbli, tevita kwalunkwe impatt li jista’ jipperikola r-rwol u r-riżorsi naturali tar-reġjun Alpin, li l-importanza tiegħu tmur lil hinn mill-fruntieri taż-żoni Alpini, u jkun ta’ theddida għall-wirt naturali u kulturali tiegħu;

(d)

tiżgura l-moviment tat-trasport intra-Alpin u transalpin bi spejjeż ekonomikament sopportabbli billi żżid l-effiċjenza tas-sistemi ta’ trasport u tippromwovi l-modi ta’ trasport li jirrispettaw lill-ambjent l-aktar u li huma l-aktar ekonomiċi f’termini ta’ riżorsi naturali;

(e)

tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-modi ta’ trasport.

2.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex jiżviluppaw is-settur tat-trasport billi japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ prevenzjoni u l-prinċipju li min iniġġes iħallas.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll:

 

“Trasport transalpin” huwa trasport magħmul minn vjaġġi li l-punti tat-tluq u tal-wasla tagħhom huma barra mir-reġjun Alpin.

 

“Trasport intra-Alpin” huwa trasport magħmul minn vjaġġi li l-punti tat-tluq u tal-wasla tagħhom huma ġewwa r-reġjun Alpin (trasport intern) inkluż trasport magħmul minn vjaġġi li l-punti tat-tluq jew tal-wasla tagħhom huma ġewwa r-reġjun Alpin.

 

“Effetti negattivi u riskji sopportabbli” huma effetti negattivi u riskji li għandhom jiġu definiti permezz ta’ valutazzjoni ta’ l-impatt ambjentali u analiżi tar-riskju bil-għan li tintemm kwalunkwe żieda ulterjuri fl-effetti negattivi u r-riskji u, fejn meħtieġ, li dawn jitnaqqsu permezz ta’ miżuri xierqa fil-każ ta’ kemm xogħlijiet ġodda ta’ bini kif ukoll ta’ infrastrutturi eżistenti li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-art.

 

“Spejjeż esterni” huma spejjeż li ma jitħallsux mill-utent tal-merkanzija jew is-servizzi. Dawn jinkludu l-ispejjeż ta’ l-infrastruttura fejn l-użu huwa b’xejn, l-ispejjeż tat-tniġġis u l-istorbju ambjentali u l-ispejjeż tal-ħsara lin-nies u lill-proprjetà kkawżata mit-trasport.

 

“Xogħlijiet ġodda u fuq skala kbira ta’ bini, alterazzjonijiet jew estensjonijiet kbar ta’ l-infrastrutturi eżistenti tat-trasport” huma proġetti ta’ l-infrastruttura li jkollhom effetti li, skond il-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-valutazzjoni ta’ l-impatt jew il-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ, huma soġġetti għal valutazzjoni ta’ l-impatt ambjentali.

 

“Toroq ta’ kapċità kbira” huma l-awtostradi kollha u t-toroq b’żewġ korsiji jew aktar, mingħajr intersezzjonijiet, jew kwalunkwe triq li l-impatt tat-traffiku tagħha huwa simili għal dak ta’ awtostrada.

 

“Objettivi tal-kwalità ta’ l-ambjent” huma objettivi li jiddeskrivu l-livell tal-kwalità ta’ l-ambjent li għandu jinkiseb, b’konsiderazzjoni dovuta għall-effetti fuq l-ekosistemi. Huma jistabbilixxu kriterji tal-kwalità (aġġornabbli) għall-protezzjoni tal-wirt naturali u kulturali minn perspettiva materjali, ġeografika u relatata maż-żmien.

 

“Standards tal-kwalità ta’ l-ambjent” huma standards speċifiċi li jippermettu li l-objettivi tal-kwalità ta’ l-ambjent jinkisbu. Huma jiddeterminaw l-objettivi applikabbli għal ċerti parametri, il-proċeduri tal-kejl jew il-ħtiġiet ġenerali.

 

“Indikaturi tal-kwalità ta’ l-ambjent” huma indikaturi li jippermettu li jitkejjel jew jiġi evalwat l-istat preżenti tal-ħsara lill-ambjent u li jiġi previst kwalunkwe tibdil.

 

“Il-prinċipju ta’ prekawzjoni” huwa l-prinċipju li bih miżuri maħsuba biex jevitaw, jikkontrollaw jew inaqqsu effetti serji jew irriversibbli fuq is-saħħa u l-ambjent m’għandhomx jiġu posposti bl-argument li r-riċerka xjentifika għadha ma pprovatx strettament l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn il-kawża u l-effett bejn is-sustanzi kkonċernati u l-ħsara potenzjali tagħhom għas-saħħa u l-ambjent.

 

“Il-prinċipju li ‘min iniġġes iħallas’”, inkluż l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà għall-effetti kkawżati, huwa l-prinċipju li bih l-ispejjeż tal-prevenzjoni, il-kontroll u t-tnaqqis tal-ħsara lill-ambjent u r-restorazzjoni ta’ l-ambjent għal stat aċċettabbli għandhom jitħallsu minn dawk li jniġġsu. Dawn ta’ l-aħħar għandhom, sa fejn huwa possibbli, iħallsu l-ispiża kollha ta’ l-impatt tat-trasport fuq is-saħħa u l-ambjent.

 

“Studju tar-rakkomandabbiltà” huwa investigazzjoni, skond il-liġijiet nazzjonali, waqt l-ippjannar ta’ xogħlijiet ġodda u fuq skala kbira ta’ bini, alterazzjonijiet jew estensjonijiet kbar ta’ l-infrastrutturi eżistenti tat-trasport dwar ir-rakkomandabbiltà ta’ proġetti kemm mill-angolu tal-politika tat-trasport kif ukoll ta’ l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjo-kulturali.

Artikolu 3

Trasport sostenibbli u mobbiltà

1.   Sabiex jippermettu li t-trasport jiżviluppa b’mod sostenibbli, il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex jillimitaw, permezz ta’ politika miftiehma tat-trasport u ta’ l-ambjent, l-effetti negattivi u r-riskji dovuti għat-trasport billi jieħdu kont ta’:

(a)

l-importanza ta’ l-ambjent sabiex:

(aa)

l-użu tar-riżorsi naturali jitnaqqas għal livell li, safejn huwa possibbli, ma jeċċedix il-kapaċità naturali tagħhom għar-riġenerazzjoni;

(bb)

l-emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara jitnaqqsu għal livell li m’huwiex ta’ detriment għall-kapaċità ta’ assorbiment ta’ l-ambjenti kkonċernati;

(ċċ)

l-introduzzjoni ta’ sustanzi fl-ambjent jiġi limitat sabiex jiġi evitat li ssir ħsara lill-istrutturi ambjentali u liċ-ċikli ta’ materjali naturali;

(b)

il-ħtiġiet tal-popolazzjoni sabiex:

(aa)

tkun possibbli l-aċċessibbiltà għal persuni, xogħol, merkanzija u servizzi, waqt li l-ambjent jiġi ppreservat b’mod effettiv, isir risparm ta’ l-enerġija u l-ispazju u jinkisbu l-ħtiġijiet essenzjali tal-popolazzjoni;

(bb)

jiġi evitat li s-saħħa tal-bniedem titqiegħed fil-periklu u jitnaqqsu r-riskji ta’ diżastri ambjentali u n-numru u l-gravità ta’ aċċidenti;

(ċ)

l-importanza ta’ kriterji ekonomiċi sabiex:

(aa)

tiżdied il-profitabbiltà tas-settur tat-trasport u jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni;

(bb)

jkun inkoraġġut l-aħjar użu ta’ l-infrastrutturi eżistenti;

(ċċ)

jissaħħaħ l-impjieg f’impriżi li jkollhom prestazzjoni tajba fid-diversi setturi ta’ l-ekonomija;

(d)

il-ħtieġa li jittieħdu miżuri msaħħa kontra l-istorbju minħabba fit-topografija speċjali ta’ l-Alpi.

2.   F’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali u internazzjonali dwar it-trasport fis-seħħ, il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex jiżviluppaw strateġiji, objettivi u miżuri nazzjonali, reġjonali u lokali li:

(a)

jieħdu kont tad-data ambjentali, ekonomika u soċjo-kulturali diversa u l-ħtiġijiet differenti;

(b)

jagħmluha possibbli li titnaqqas il-ħsara ambjentali dovuta għat-trasport billi jiġu attwati għodod ekonomiċi flimkien ma’ miżuri għall-ippjanar reġjonali u tat-trasport.

Artikolu 4

Teħid kont ta’ l-objettivi f’linji politiċi oħrajn

1.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex jieħdu kont ta’ l-objettivi ta’ dan il-Protokoll fil-linji politiċi l-oħrajn tagħhom.

2.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex jantiċipaw u jevalwaw l-effetti ta’ linji politiċi, strateġiji u kunċetti oħrajn implimentati barra mill-qasam tat-trasport.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet reġjonali u lokali

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-istituzzjonijiet kompetenti sabiex isibu l-aħjar soluzzjonijiet transkonfini u biex jilħqu qbil dwar soluzzjonijiet armonizzati.

2.   Kull Parti Kontraenti għandha tiddefinixxi, fil-qafas istituzzjonali tagħha, l-aħjar livell ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet reġjonali direttament ikkonċernati sabiex tkun inkoraġġuta is-solidarjetà tar-responsabbiltà, b’mod partikolari sabiex jiġu esplojtati u żviluppati s-sinerġiji fl-implimentazzjoni tal-linji politiċi tat-trasport u l-miżuri li jirriżultaw.

3.   L-awtoritajiet reġjonali u lokali direttament ikkonċernati għandhom jipparteċipaw fl-istadji diversi ta’ tħejjija u implimentazzjoni ta’ dawn il-linji politiċi u l-miżuri fil-limiti tal-kompetenza tagħhom u fil-qafas istituzzjonali eżistenti.

Artikolu 6

Regolamenti nazzjonali msaħħa

Sabiex jiġi protett ir-reġjun Alpin li huwa ekoloġikament sensittiv u mingħajr preġudizzju għall-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jieħdu miżuri li jmorru lil hinn minn dawk previsti f’dan il-Protokoll minħabba f’sitwazzjonijiet speċjali relatati maż-żoni naturali tagħhom jew abbażi tas-saħħa pubblika, is-sigurtà jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent.

KAPITOLU II

MIŻURI SPEĊIFIĊI

A)   STRATEĠIJI, KUNĊETTI, PROĠETTI

Artikolu 7

Strateġija ġenerali tal-politika tat-trasport

1.   Sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà, il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex jippromwovu ġestjoni tat-trasport razzjonali u sikur, b’mod partikolari f’netwerks transkonfini, armonizzati, sabiex:

(a)

jiżguraw koordinazzjoni soda bejn il-modi u l-mezzi differenti ta’ trasport u jinkoraġġixxu l-intermodalità;

(b)

jottimizzaw l-użu ta’ sistemi u infrastrutturi ta’ trasport eżistenti fl-Alpi, inkluż l-użu tat-trasmissjoni elettronika ta’ data, u jgħaddu l-ispejjeż esterni u ta’ l-infrastruttura lil dawk li jniġġsu kemm jista’ jkun skond il-ħsara kkawżata;

(ċ)

jinkoraġġixxu, permezz ta’ miżuri għall-ippjanar strutturali u reġjonali, it-trasferiment tat-trasport ta’ passiġġieri u merkanzija għal mezzi ta’ trasport li jirrispettaw aktar lill-ambjent u għal sistemi ta’ trasport intermodali;

(d)

jgħinu biex inaqqsu l-volum tat-traffiku.

2.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex kemm jista’ jkun jiżguraw:

(a)

il-protezzjoni tar-rotot ta’ komunikazzjoni mill-perikli naturali;

(b)

f’żoni li saritilhom ħsara partikolari bit-trasport, il-protezzjoni ta’ persuni u ta’ l-ambjent;

(ċ)

it-tnaqqis gradwali ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi li jagħmlu l-ħsara u ta’ l-istorbju bil-modi kollha ta’ trasport inkluż permezz ta’ l-użu ta’ l-aħjar teknoloġiji disponibbli;

(d)

aktar sigurtà fit-trasport.

Artikolu 8

Evalwazzjoni u proċedura ta’ konsultazzjoni intergovernattiva

1.   Fil-każ ta’ xogħlijiet ġodda u fuq skala kbira ta’ bini, alterazzjonijiet jew estensjonijiet kbar ta’ l-infrastrutturi eżistenti tat-trasport, il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex iwettqu studji tar-rakkomandabbiltà, valutazzjonijiet ta’ l-impatt ambjentali u analiżi tar-riskji u biex jevalwaw ir-riżultati fid-dawl ta’ l-objettivi ta’ dan il-Protokoll.

2.   L-ippjanar ta’ l-infrastruttura tat-trasport fl-Alpi għandu jitwettaq b’mod koordinat u miftiehem. Fil-każ ta’ proġetti b’impatt transkonfini sinifikanti, kull Parti Kontraenti timpenja ruħha biex twettaq, mhux aktar tard minn meta jiġu ppreżentati l-istudji, konsultazzjonijiet konġunti mal-Partijiet Kontraenti l-oħra kkonċernati. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Parti Kontraenti li tibni infrastruttura tat-trasport li tkun ġiet adottata skond l-ordni legali interna tagħha fil-ħin ta’ l-adozzjoni ta’ dan il-Protokoll jew li l-ħtieġa għaliha tkun ġiet stabbilita skond il-liġi.

3.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinkoraġġixxu konsiderazzjoni akbar tal-politika tat-trasport fil-ġestjoni ambjentali ta’ impriżi fil-pajjiżi tagħhom.

B)   MIŻURI TEKNIĊI

Artikolu 9

Trasport pubbliku

Sabiex tinżamm u tittejjeb l-istruttura ta’ l-abitat u l-organizzazzjoni ekonomika ta’ l-Alpi kif ukoll l-attrazzjoni tagħhom għal finijiet ta’ rikreazzjoni u passatemp b’mod sostenibbli, il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex jinkoraġġixxu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trasport pubbliku li huma adattati għall-ambjent u faċli biex jintużaw mill-utent.

Artikolu 10

Trasport bil-ferrovija u trasport fuq il-passaġġi ta’ l-ilma interni u bil-baħar

1.   Sabiex isir użu aħjar tal-kapaċità partikolari tal-ferroviji li jilħqu l-ħtiġiet ta’ trasport fuq distanzi twal, u l-użu tan-netwerk tal-ferroviji għall-attività ekonomika u t-turiżmu fl-Alpi, il-Partijiet Kontraenti għandhom, fil-limitu tal-kompetenzi tagħhom, jippromwovu:

(a)

it-titjib ta’ l-infrastruttura tal-ferroviji bil-bini u l-iżvilupp tar-rotot ewlenin tal-ferroviji transalpini, inklużi r-rotot ta’ kollegament u terminali xierqa;

(b)

l-ottimizzazzjoni ulterjuri ta’ l-impriżi tal-ferroviji u l-immodernizzar tagħhom, b’mod partikolari għat-trasport transkonfini;

(ċ)

l-adozzjoni ta’ miżuri għat-trasferiment tat-trasport ta’ merkanzija fuq distanzi twal għall-ferroviji u għal aktar armonizzazzjoni tat-tariffi għall-użu ta’ l-infrastruttura tat-trasport;

(d)

sistemi ta’ trasport intermodali u l-iżvilupp ulterjuri tat-trasport bil-ferrovija;

(e)

l-użu akbar tal-ferroviji u l-ħolqien ta’ sinerġiji faċli biex jintużaw mill-utent bejn it-trasport ta’ passiġġieri fuq distanzi twal, it-trasport reġjonali u t-trasport lokali.

2.   Sabiex jitnaqqas il-volum ta’ merkanzija fi transitu li tinġarr fuq l-art, il-Partijiet Kontraenti għandhom jinkoraġġixxu l-isforzi biex jiżdied l-użu tat-trasport fuq il-passaġġi ta’ l-ilma interni u bil-baħar.

Artikolu 11

Trasport bit-triq

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom iżommu lura milli jibnu toroq ġodda u ta’ kapaċità għolja għat-trasport transalpin.

2.   Proġetti għal toroq ta’ kapaċità għolja għat-trasport intra-Alpin jistgħu jinħolqu, dment li:

(a)

l-objettivi mniżżla fl-Artikolu 2(2)(j) tal-Konvenzjoni Alpina jistgħu jinkisbu permezz ta’ miżuri ta’ prekawzjoni u ta’ kumpens xierqa kif determinat mill-valutazzjoni ta’ l-impatt ambjentali;

(b)

il-ħtiġiet tat-trasport ma jistgħux jinkisbu billi jsir użu aħjar tal-kapaċità eżistenti tat-toroq u tal-ferroviji, bl-estensjoni jew il-bini ta’ infrastrutturi ġodda tat-trasport bil-ferrovija u trasport fuq il-passaġġi ta’ l-ilma interni u bil-baħar, bit-titjib tat-trasport kombinat, jew bi kwalunkwe miżura oħra ta’ organizzazzjoni tat-trasport;

(ċ)

ir-riżultati ta’ l-istudju tar-rakkomandabbiltà wrew li l-proġett huwa ekonomikament vijabbli, ir-riskji huma limitati u r-riżultat tal-valutazzjoni ta’ l-impatt ambjentali huwa pożittiv;

(d)

jittieħed kont ta’ l-ippjanar u/jew il-programmi reġjonali u l-iżvilupp sostenibbli.

3.   Madankollu, fid-dawl tal-ġeografija u l-organizzazzjoni partikolari tar-reġjun Alpin, li ma jistax dejjem ikun moqdi b’mod effiċjenti mit-trasport pubbliku waħdu, il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħrfu l-ħtieġa, f’żoni remoti, li jinħolqu u jinżammu infrastrutturi suffiċjenti tat-trasport sabiex it-trasport privat ikun jista’ jiffunzjona.

Artikolu 12

Trasport bl-ajru

1.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex inaqqsu safejn huwa possibbli l-ħsara ambjentali kkawżata mit-trasport bl-ajru, inkluż l-istorbju ta’ l-inġenji ta’ l-ajru, mingħajr ma jittrasferuha għal reġjuni oħrajn. B’kont meħud ta’ l-objettivi ta’ dan il-Protokoll, huma għandhom jagħmlu sforzi biex jillimitaw jew, fejn xieraq, jipprojbixxu l-inżul ta’ inġenji ta’ l-ajru f’postijiet oħrajn minbarra f’ajruporti. Sabiex tiġi protetta l-fawna salvaġġa, il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu miżuri biex jimponu limiti ta’ ħin u ta’ post fuq trasport bl-ajru mhux motorizzat għal finijiet ta’ passatemp.

2.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex itejbu s-sistemi ta’ trasport pubbliku li jikkollegaw l-ajruporti fit-trufijiet ta’ l-Alpi mad-diversi reġjuni Alpini sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw id-domanda għat-trasport mingħajr ma ssir aktar ħsara lill-ambjent. F’dan il-kuntest, il-Partijiet Kontraenti għandhom jirristrinġu kemm jista’ jkun il-bini ta’ ajruporti ġodda u kwalunkwe estensjoni kbira ta’ l-ajruporti eżistenti fl-Alpi.

Artikolu 13

Faċilitajiet għat-turisti

1.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom biex jevalwaw, fid-dawl ta’ l-objettivi ta’ dan il-Protokoll, l-impatt ta’ faċilitajiet ġodda għat-turisti fuq it-trasport u, jekk meħtieġ, biex jieħdu miżuri ta’ prekawzjoni jew ta’ kumpens biex jissodisfaw l-objettivi ta’ dan il-Protokoll jew ta’ Protokolli oħrajn. F’dan il-każ għandha tingħata prijorità lit-trasport pubbliku.

2.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jappoġġaw il-ħolqien u ż-żamma ta’ żoni bi ftit traffiku u ta’ dawk mingħajr traffiku, l-esklużjoni ta’ karozzi minn ċerti lokalitajiet turistiċi u miżuri li jinkoraġġixxu lit-turisti biex ma jaslux bil-karozzi jew ma jużawx karozzi.

Artikolu 14

Spejjeż reali

Sabiex jipprovaw jinfluwenzaw l-organizzazzjoni tar-rotot tat-trasport billi jieħdu kont akbar ta’ l-ispejjeż reali tal-modi diversi tat-trasport, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li japplikaw il-prinċipju li “min iniġġes iħallas” u li jappoġġaw l-istabbiliment u l-użu ta’ sistema għall-kalkolu ta’ l-ispejjeż ta’ l-infrastruttura u l-ispejjeż esterni. L-objettiv hu li jiġu introdotti gradwalment sistemi ta’ tassazzjoni speċifiċi għat-trasport biex ikopru tali spejjeż reali b’mod ġust u biex:

(a)

ikun inkoraġġut l-użu tal-modi u l-mezzi tat-trasport li jirrispettaw lill-ambjent l-aktar;

(b)

jinkiseb użu aktar ibbilanċjat ta’ l-infrastruttura tat-trasport;

(ċ)

jiġu pprovduti inċentivi biex isir aktar użu minn opportunitajiet għat-tnaqqis ta’ l-ispejjeż ambjentali u soċjo-ekonomiċi permezz ta’ miżuri għall-ippjanar strutturali u reġjonali li jkollhom impatt fuq it-trasport.

Ċ)   SORVELJANZA U KONTROLL

Artikolu 15

Forniment u użu ta’ l-infrastruttura tat-trasport

1.   Il-Partijiet Kontraenti jinpenjaw ruħhom biex jirreġistraw u jaġġornaw perjodikament f’dokument ta’ referenza l-istat, l-iżvilupp, u l-użu ta’ jew it-titjib f’infrastruttura ta’ trasport u sistemi ta’ trasport ta’ kapaċità għolja u t-tnaqqis ta’ ħsara ambjentali. Huma għandhom jużaw preżentazzjoni uniformi għal dan il-għan.

2.   Abbażi tad-dokument ta’ referenza ta’ hawn fuq, il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkunsidraw kemm il-miżuri ta’ implimentazzjoni kkontribwixxew għall-kisba u l-iżvilupp ulterjuri ta’ l-objettivi tal-Konvenzjoni Alpina u, b’mod partikolari, dan il-Protokoll.

Artikolu 16

Objettivi, standards u indikaturi tal-kwalità ta’ l-ambjent

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw objettivi tal-kwalità ta’ l-ambjent għall-istabbiliment ta’ mezzi sostenibbli ta’ trasport.

2.   Huma jaqblu dwar il-ħtieġa li jkun hemm standards u indikaturi xierqa għall-ħtiġiet speċifiċi tar-reġjun Alpin.

3.   L-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards u l-indikaturi hija maħsuba biex tkejjel bidliet li jaffettwaw l-ambjent u s-saħħa dovuti għall-ħsara mit-trasport.

KAPITOLU III

KOORDINAZZJONI, RIĊERKA, TAĦRIĠ U INFORMAZZJONI

Artikolu 17

Koordinazzjoni u informazzjoni

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu, fejn meħtieġ, li jkollhom laqgħat konġunti sabiex:

(a)

jevalwaw l-impatt tal-miżuri meħuda skond dan il-Protokoll;

(b)

jikkonsultaw lil xulxin qabel kwalunkwe deċiżjoni importanti rigward il-politika tat-trasport li x’aktarx ikollha impatt fuq l-Istati Kontraenti l-oħrajn;

(ċ)

jinkoraġġixxu skambji ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, waqt li jagħtu prijorità għall-użu tas-sistemi eżistenti ta’ informazzjoni;

(d)

jilħqu qbil qabel kwalunkwe deċiżjoni importanti rigward il-politika tat-trasport, b’mod partikolari sabiex jinkorporawha f’politika ta’ l-ippjanar reġjonali transkonfini u armonizzata.

Artikolu 18

Riċerka u osservazzjoni

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jinkoraġġixxu u jarmonizzaw ir-riċerka fi u l-osservazzjoni sistematika ta’ l-interazzjoni bejn it-trasport u l-ambjent fl-Alpi u l-iżviluppi speċifiċi fit-teknoloġija li jżidu l-effiċjenza ekonomika ta’ sistemi ta’ trasport li jirrispettaw l-ambjent.

2.   Għandu jittieħed kont dovut tar-riżultati tar-riċerka u l-osservazzjoni konġunta fil-konsiderazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-Protokoll, b’mod partikolari sabiex jinħolqu metodi u kriterji li jagħmlu possibbli d-definizzjoni ta’ l-iżvilupp sostenibbli tat-traffiku.

3.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li d-diversi riżultati tar-riċerka nazzjonali u ta’ l-osservazzjoni sistematika jkunu inklużi f’sistema komuni u permanenti ta’ osservazzjoni u ta’ informazzjoni u li dawn isiru aċċessibbli għall-pubbliku skond il-qafas istituzzjonali eżistenti.

4.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jappoġġaw il-proġetti pilota għall-implimentazzjoni ta’ kunċetti u teknoloġiji sostenibbli tat-trasport.

5.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jappoġġaw ir-riċerka dwar l-applikabbiltà ta’ metodi għall-valutazzjoni ta’ l-impatt strateġika u intermodali fl-Alpi.

Artikolu 19

Taħriġ u forniment ta’ informazzjoni lill-pubbliku

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinkoraġġixxu t-taħriġ bażiku u kontinwu u l-forniment ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar l-objettivi, il-miżuri u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

KAPITOLU IV

SORVELJANZA U EVALWAZZJONI

Artikolu 20

Implimentazzjoni

Il-Partijiet Kontraenti jinpenjaw ruħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll billi jieħdu kwalunkwe miżura xierqa fil-qafas istituzzjonali eżistenti.

Artikolu 21

Sorveljanza tal-konformità ma’ l-obbligi tal-Protokoll

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrapportaw regolarment lill-Kumitat Permanenti dwar il-miżuri meħuda skond dan il-Protokoll. Ir-rapporti għandhom ikopru wkoll l-effikaċja tal-miżuri meħuda. Il-Konferenza Alpina għandha tiddetermina l-intervalli li fihom għandhom jitressqu r-rapporti.

2.   Il-Kumitat Permanenti għandu jeżamina dawn ir-rapporti sabiex jiżgura li l-Partijiet Kontraenti jkunu ssodisfaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dan il-Protokoll. Huwa jista’ wkoll jitlob għal informazzjoni addizzjonali mill-Partijiet Kontraenti kkonċernati jew jirrikorri għal sorsi oħrajn ta’ informazzjoni.

3.   Il-Kumitat Permanenti għandu jfassal rapport dwar il-konformità tal-Partijiet Kontraenti ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-Protokoll, għall-attenzjoni tal-Konferenza Alpina.

4.   Il-Konferenza Alpina għandha tieħu nota ta’ dan ir-rapport. Jekk issib li l-obbligi ma ntlaħqux, hija tista’ tadotta rakkomandazzjonijiet.

Artikolu 22

Evalwazzjoni ta’ l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jeżaminaw u jevalwaw regolarment l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll. Huma għandhom, jekk meħtieġ, jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ emendi xierqa għal dan il-Protokoll għall-avvanz tal-kisba ta’ l-objettivi.

2.   L-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom ikunu assoċjati ma’ din l-evalwazzjoni fil-qafas istituzzjonali eżistenti. Jistgħu jiġu kkonsultati organizzazzjonijiet non-governattivi attivi f’dan il-qasam.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Rabtiet bejn il-Konvenzjoni Alpina u l-Protokoll

1.   Dan il-Protokoll jikkostitwixxi Protokoll għall-Konvenzjoni Alpina fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tagħha u kwalunkwe artikolu rilevanti ieħor tal-Konvenzjoni.

2.   Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Alpina biss jistgħu jsiru parti għal dan il-Protokoll. Kwalunkwe denunzja tal-Konvenzjoni Alpina timplika denunzja ta’ dan il-Protokoll ukoll.

3.   Fejn il-Konferenza Alpina tiddiskuti kwistjonijiet relatati ma’ dan il-Protokoll, il-Partijiet Kontraenti għal dan il-Protokoll biss jistgħu jieħdu sehem fil-votazzjoni.

Artikolu 24

Firma u ratifika

1.   Dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-iffirmar mill-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni Alpina u mill-Komunità Ewropea fil-31 ta’ Ottubru 2000 u mir-Repubblika ta’ l-Awstrija, bħala d-depożitarja, mis-6 ta’ Novembru 2000.

2.   Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti li jkunu esprimew li jaqblu li jkunu marbuta bil-Protokoll imsemmi tliet xhur wara d-data li fiha tliet Stati jkunu ddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni tagħhom.

3.   Għall-Partijiet li jesprimu aktar tard li jaqblu li jkunu marbuta bil-Protokoll, il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data tad-depożitu ta’ l-istrumenti ta’ ratifika, ta’ aċċetazzjoni jew ta’ approvazzjoni. Wara d-dħul fis-seħħ ta’ emenda għall-Protokoll, kwalunkwe Parti Kontraenti ġdida għall-Protokoll imsemmi għandha ssir Parti Kontraenti għall-Protokoll, kif emendat.

Artikolu 25

Notifika

Id-depożitarju għandu, fir-rigward ta’ dan il-Protokoll, jinnotifika lil kull Stat imsemmi fil-Preambolu u lill-Komunità Ewropea dwar:

(a)

kwalunkwe firma;

(b)

l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe strument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni;

(ċ)

kwalunkwe data ta’ dħul fis-seħħ;

(d)

kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula minn Parti Kontraenti jew firmatarja;

(e)

kwalunkwe denunzja notifikata minn Parti Kontraenti, inkluża d-data li fiha din issir effettiva.

B’xhieda ta’ dan, is-sottoskritti, awtorizzati kif dovut għal dan l-effett, iffirmaw dan il-Protokoll.

Magħmul f’Luċerna dan il-wieħed u tletin jum ta’ Ottubru tas-sena elfejn, bil-lingwa Franċiża, Ġermaniża, Taljana u Slovena, fejn l-erba’ testi huma ugwalment awtentiċi, f’oriġinal uniku li għandu jiġi depożitat fl-Arkivji ta’ l-Istat ta’ l-Awstrija. Id-depożitarju għandu jibgħat kopja ċċertifikata lil kull wieħed mill-Istati firmatarji.

Għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

Għar-Repubblika Franċiża,

Għar-Repubblika Taljana,

Għall-Prinċipalità ta’ Liechtenstein,

Għall-Prinċipalità ta’ Monako,

Għar-Repubblika ta’ l-Awstrija,

Għall-Konfederazzjoni Żvizzera,

Għar-Repubblika tas-Slovenja,

Għall-Komunità Ewropea.