6.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 176/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Ġunju 2007

li tabroga d-Deċiżjoni 2005/186/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv f’Malta

(2007/464/KE)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/186/KE (1), li ssegwi rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, ġie deċiż li f’Malta kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit ġenerali tal-gvern kien 9,7 % tal-PGD fl-2003, li minnu 2,9 % tal-PGD kienu dovuti għal operazzjoni ta’ darba, u li dan kien ogħla mill-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 3 % tal-PGD, filwaqt li d-dejn ġenerali tal-gvern kien 72 % tal-PGD u li fl-2004 x’aktarx ikompli jitbiegħed mill-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 60 %.

(2)

Fil-5 ta’ Lulju 2004, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (2), il-Kunsill indirizza rakkomandazzjoni lil Malta bil-ħsieb li tiġi terminata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2006. Ir-rakkomandazzjoni ġiet pubblikata.

(3)

Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata, meta, fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru konċernat ikun ġie korrett.

(4)

Skond il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern u varjabbli assoċjati oħrajn darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru, konformament ma’ l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv mehmuża mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (3).

(5)

Abbażi tad-data provduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skond Artikolu 8 g(1) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93 wara n-notifika minn Malta qabel l-1 ta’ April 2007, u abbażi tat-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa 2007, huma kunsiljabbli l-konklużjonijiet li ġejjin:

Id-defiċit ġenerali tal-gvern naqas minn 10 % tal-PGD fl-2003 għal 2,6 % tal-PGD fl-2006, li huwa taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD. Dan huwa xi ftit aħjar mill-mira stabbilita għall-2006 fl-aġġornament ta’ Jannar 2006 tal-programm ta’ konverġenza, għalkemm daqsxejn ogħla mill-miri approvati mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 104(7),

Aktar minn nofs (madwar erba’ punti perċentwali) mis-7,4 punti perċentwali tal-PGD tat-tnaqqis fil-proporzjon tad-defiċit bejn l-2003 u l-2006 kien dovut għal aktar dħul, li rrifletta tibdiliet fit-taxxi indiretti kif ukoll ġbir aktar effiċjenti tat-taxxi. Ratio aktar baxx ta’ nfiq għall-PGD jispjega t-3,5 punti perċwentali li jibqa’, li parzjalment jirrifletti rikors aktar qawwi għall-operazzjonijiet ta’ darba, jiġifieri l-bejgħ ta’ l-art, li hu konvenzjonalment reġistrat bħala nefqa negattiva. Il-proporzjon tan-nefqa kien jitbaxxa b’anqas minn hekk kieku tiġi eskluża l-operazzjoni ta’ darba li żiedet in-nefqa relatata mar-ristrutturazzjoni tat-tarzni, ta’ madwar 3 % tal-PGD fl-2003. Barra minn hekk, it-trażżin tan-nefqa intlaħaq permezz ta’ tnaqqis strutturali u ristrutturazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi, ta’ restrizzjonijiet fuq reklutament fis-servizzi pubbliċi u ta’ kontroll fil-benefiċċji soċjali.

Bejn l-2004 u l-2006 l-operazzjonijiet ta’ darba li naqqsu d-defiċit ammontaw għal medja ta’ madwar 1 % tal-PGD. Mingħajr l-operazzjonijiet ta’ darba (0,7 % tal-PGD), id-defiċit ta’ l-2006 kien jibqa’ ogħla mill-valur ta’ referenza, ta’ 3,3 % tal-PGD. It-titjib fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta’ miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji, fl-2006 hu stmat għal ftit aktar minn 1 % tal-PGD,

Għall-2007, it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa 2007 jipproġettaw li d-defiċit se jitnaqqas aktar, għal 2,1 % tal-PGD, permezz ta’ ffrankar addizzjonali fl-infiq. L-operazzjonijiet ta’ darba mistennija jammontaw għal 0,6 % tal-PGD, ftit jew wisq ta’ l-istess volum fis-sena preċedenti, b’tali mod li mingħajr l-operazzjonijiet ta’ darba d-defiċit ikun taħt il-valur ta’ referenza. Dan hu ġeneralment konformi ma’ l-istima uffiċjali tad-defiċit ta’ 1,9 % tal-PGD stabbilita fin-notifika ta’ April 2007. Għall-2008, it-tbassir tar-rebbiegħa jipproġetta, fuq bażi ta’ l-ebda bidla tal-politika, tnaqqis ulterjuri fid-defiċit għal 1,6 % tal-PGD mingħajr rikors għall-operazzjonijiet ta’ darba. Dan jindika li d-defiċit tniżżel għal taħt il-livell massimu ta’ 3 % tal-PGD b’mod kredibbli u sostenibbli. Il-bilanċ strutturali hu pproġettat li jitjieb marġinalment fl-2007 u, abbażi ta’ xenarju li ma jinvolvi ebda bidla fil-politika, b’punt perċentwali addizzjonali fl-2008. Dan għandu jiġi kkunsidrat fl-isfond tal-ħtieġa li jsir aktar progress lejn il-kisba ta’ l-objettiv ta’ terminu medju għall-pożizzjoni baġitarja, li għal Malta hija pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f’termini strutturali,

Id-dejn tal-gvern naqas mill-quċċata tiegħu ta’ 73,9 % tal-PGD fl-2004 għal 66,5 % fl-2006. Skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa 2007, il-proporzjon tad-dejn huwa pproġettat li jkompli nieżel għal madwar 64,3 % sa tmiem l-2008, biex b’hekk joqrob lejn il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PGD.

(6)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv f’Malta ġie korrett u d-Deċiżjoni 2005/186/KE għandha għalhekk tiġi abrogata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv f’Malta ġiet korretta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2005/186/KE hija b’dan abrogata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.

Magħmul fil-Lussemburgu, 5 ta’ Ġunju 2007

Għall-Kunsill

Il-President

S. GABRIEL


(1)  ĠU L 62, 9.3.2005, p. 21.

(2)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

(3)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).