23.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 163/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Ġunju 2007

dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej

(2007/436/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 269 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 173 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta’ l-Awdituri (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (3),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew imlaqqa’ fi Brussell fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005 ikkonkluda, inter alia, li l-arranġamenti dwar ir-riżorsi proprji għandhom ikunu ggwidati mill-objettiv ġenerali ta’ l-ekwità. Għaldaqstant dawk l-arranġamenti għandhom jiżguraw, b’konformità mal-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill Ewropew ta’ Fontainebleau ta’ l-1984, li l-ebda Stat Membru ma jkollu jġorr piż baġitarju li jkun eċċessiv meta mqabbel mal-prosperità relattiva tiegħu. Huwa għalhekk xieraq li jiddaħħlu dispożizzjonijiet li jkopru Stati Membri speċifiċi.

(2)

Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet għandha tiżgura li jkun hemm riżorsi adegwati għall-iżvilupp xieraq tal-politika tal-Komunitajiet, soġġetta għall-ħtieġa ta’ dixxiplina baġitarja stretta.

(3)

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, id-dħul nazzjonali gross (DNG) għandu jkun definit bħala DNG annwali bi prezzijiet tas-suq kif previst mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tas-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-“ESA 95”) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 (4).

(4)

Bil-ħsieb tal-bidla mill-ESA 79 għall-ESA 95 għal finijiet ta’ baġit u ta’ riżorsi proprji, u sabiex l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-Komunitajiet jibqa’ mhux mibdul, il-Kummissjoni kkalkulat mill-ġdid, skond l-Artikolu 3(1) u 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta’ Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (5), il-limitu massimu ta’ riżorsi proprji u l-limitu massimu ta’ approprjazzjonijiet għall-impenji, espressi sa żewġ punti deċimali, abbażi tal-formula f’dak l-Artikolu. Fit-28 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni kkomunikat il-limiti massimi l-ġodda lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Il-limitu massimu ta’ riżorsi proprji ġie stabbilit għal 1.24 % tad-DGN totali ta’ l-Istati Membri fi prezzijiet tas-suq u l-limitu massimu ta’ approprjazzjonijiet għall-impenji ġie stabbilit għal 1.31 % tad-DGN totali ta’ l-Istati Membri. Il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005 ikkonkluda li dawn il-limiti għandhom jinżammu fil-livelli attwali.

(5)

Sabiex l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-Komunitajiet jibqa’ mhux mibdul, huwa xieraq li dawn il-limiti massimi espressi f’perċentwal tad-DGN jibqgħu l-istess anke f’każ ta’ modifiki fl-ESA 95 li jinvolvu bidla sinifikanti fil-livell ta’ DGN.

(6)

Wara l-implimentazzjoni fil-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea tal-ftehim konklużi waqt in-negozjati multilaterali dwar il-kummerċ fl-Uruguay Round, m’għad hemm l-ebda differenza materjali bejn id-dazji agrikoli u dawk doganali. Huwa għalhekk xieraq li titneħħa din id-distinzjoni fil-qasam tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(7)

Għall-finijiet ta’ trasparenza u sempliċità, l-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005 ikkonkluda li r-rata uniformi tal-ġbir tar-riżorsa tal-VAT għandha tkun stabbilita għal 0.30 %.

(8)

Il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005 ikkonkluda li, għall-perijodu 2007-2013, l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Iżvezja għandhom jibbenefikaw minn rati tal-ġbir tal-VAT imnaqqsa u li fl-istess perijodu l-Olanda u l-Iżvezja għandhom jibbenefikaw minn tnaqqis gross fil-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom ibbażati fuq id-DGN.

(9)

Il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005 ikkonkluda li l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni favur ir-Renju Unit għandu jibqa’, flimkien mal-finanzjament imnaqqas tal-korrezzjoni li jibbenefikaw minnu l-Ġermanja, l-Awstrija, l-Iżvezja u l-Olanda. Madankollu, wara perijodu ta’ introduzzjoni gradwali bejn l-2009-2011, ir-Renju Unit għandu jieħu sehem sħiħ fil-finanzjament ta’ l-infiq tat-tkabbir, ħlief fil-każ ta’ pagamenti agrikoli diretti u ta’ nfiq relatat mas-suq, u li dik il-parti tan-nefqa fuq l-iżvilupp rurali li toriġina mit-taqsima tal-garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG). Għaldaqstant, il-kalkolu tal-korrezzjoni favur ir-Renju Unit għandu jiġi aġġustat billi progressivament jibda jeskludi l-infiq allokat lill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE wara t-30 ta’ April 2004, bl-eċċezzjoni ta’ nfiq għall-iżvilupp agrikolu rurali kif imsemmi hawn fuq. Il-kontribuzzjoni addizzjonali tar-Renju Unit li tirriżulta mit-tnaqqis fin-nefqa allokata m’għandhiex taqbeż l-EUR 10.5 biljun fi prezzijiet ta’ l-2004 waqt il-perijodu 2007-2013. Fil-każ ta’ aktar tkabbir qabel l-2013, ħlief għall-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, l-ammont ser jiġi aġġustat għaldaqstant.

(10)

Il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005 ikkonkluda li l-punt (f) tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom rigward l-esklużjoni tan-nefqa annwali pre-adeżjonali fil-pajjiżi li ser jingħaqdu mill-kalkolu tal-korrezzjoni favur ir-Renju Unit, għandu jieqaf milli japplika fit-tmiem ta’ l-2014.

(11)

Il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005 stieden lill-Kummissjoni biex twettaq reviżjoni sħiħa u mifruxa li tkopri l-aspetti kollha ta’ l-infiq ta’ l-UE, inkluż il-Politika Agrikola Komuni (PAK), u tar-riżorsi, inkluż it-tnaqqis tar-Renju Unit, u tirrapporta dwar dan fl-2008/2009.

(12)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jkopru l-bidla mis-sistema stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom għal dik imdaħħla minn din id-Deċiżjoni.

(13)

Il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005 ikkonkluda li din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fl-1 ta’ Jannar 2007,

STABBILIXXA DAWN ID-DISPOŻIZZJONIJIET, LI HU JIRRAKKOMANDA LILL-ISTATI MEMBRI GĦALL-ADOZZJONI:

Artikolu 1

Il-Komunitajiet ser jiġu allokati riżorsi proprji skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, skond l-Artikolu 269 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn issa ‘l quddiem imsemmi t-“Trattat tal-KE”) u l-Artikolu 173 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika (minn issa ‘l quddiem imsemmi t-“Trattat ta’ l-Euratom”), sabiex jiġi żgurat il-finanzjament tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkun iffinanzjat kollu kemm hu mir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, mingħajr preġudizzju għal dħul ieħor.

Artikolu 2

1.   Id-dħul minn dan li ġej għandu jkun jikkostitwixxi r-riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea:

(a)

imposti, primjums, ammonti addizzjonali jew kompensatorji, ammonti jew fatturi addizzjonali, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħrajn stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi mhux membri, dazji doganali fuq prodotti taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar li skada kif ukoll kontribuzzjonijiet u dazji oħrajn previsti fi ħdan il-qafas ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq taz-zokkor;

(b)

mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, l-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażijiet ta’ valutazzjoni tal-VAT armonizzati ddeterminati skond ir-regoli Komunitarji. Il-bażi ta’ valutazzjoni li għandha titqies għal dan l-għan m’għandhiex taqbeż il-50 % tad-DGN għal kull Stat Membru, kif definit fil-paragrafu 7;

(c)

mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5, l-applikazzjoni ta’ rata uniformi - li għandha tiġi determinata wara l-proċedura tal-baġit fid-dawl tat-total tad-dħul l-ieħor kollu - għas-somma tad-DGN ta’ l-Istati Membri kollha.

2.   Dħul li jiġi minn kull ħlas ġdid introdott fil-qafas ta’ politika komuni, skond it-Trattat KE jew it-Trattat Euratom, sakemm tkun segwita l-proċedura stipulata fl-Artikolu 269 tat-Trattat KE jew fl-Artikolu 173 tat-Trattat Euratom, ukoll għandu jikkostitwixxi riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu 25 % ta’ l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1(a) bħala spejjeż tal-ġbir.

4.   Ir-rata uniformi msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha tkun iffissata għal 0,30 %.

Għall-perijodu 2007-2013 biss, ir-rata tal-ġbir tar-riżorsa tal-VAT għall-Awstrija għandha tkun iffissata għal 0 225 %, għall-Ġermanja 0.15 % u għall-Olanda u l-Iżvezja 0.10 %.

5.   Ir-rata uniformi msemmija fil-paragrafu 1(ċ) għandha tapplika għad-DGN ta’ kull Stat Membru.

Għall-perijodu 2007-2013 biss, l-Olanda għandha tibbenefika minn tnaqqis gross fil-kontribuzzjoni annwali tad-DNG tagħha ta’ EUR 605 miljuni u l-Iżvezja minn tnaqqis gross fil-kontribuzzjoni annwali tad-DNG tagħha ta’ EUR 150 miljun, imkejlin bi prezzijiet ta’ l-2004. Dawn l-ammonti għandhom ikunu aġġustati għal prezzijiet tal-mument billi jiġi applikat id-deflatur l-aktar riċenti tal-PGD għall-UE espress f’euro, kif previst mill-Kummissjoni, li jkun disponibbli meta jitħejja l-abbozz preliminari tal-baġit. Dan it-tnaqqis gross għandu jingħata wara l-kalkolu tal-korrezzjoni favur ir-Renju Unit u l-finanzjament tagħha msemmi fl-Artikoli 4 u 5 ta’ din id-Deċiżjoni, u m’għandux ikollu impatt fuq din ta’ l-aħħar.

6.   Jekk, fil-bidu tas-sena finanzjarja, l-baġit ikun għadu ma ġiex adottat, sakemm jidħlu fis-seħħ ir-rati l-ġodda għandhom jibqgħu japplikaw ir-rati tal-ġbir tal-VAT u tad-DGN eżistenti.

7.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, DNG għandu jfisser id-DNG għas-sena bi prezzijiet tas-suq kif previst mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ l-ESA 95 skond ir-Regolament (KE) Nru 2223/96.

F’każ li jkun hemm modifiki fl-ESA 95 li jirriżultaw f’bidliet sinifikanti fid-DGN kif previst mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, jiddeċiedi meta għandhom jibdew japplikaw dawn il-modifiki għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-ammont totali ta’ riżorsi proprji allokat lill-Komunitajiet biex ikopru approprjazzjonijiet annwali għall-ħlasijiet m’ għandux jaqbeż il-1.24 % tat-total tad-DNG ta’ l-Istati Membri kollha.

2.   L-ammont totali annwali ta’ approprjazzjonijiet għal impenji mdaħħla fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea m’ għandux jaqbeż il-1.31 % tat-total tad-DNG ta’ l-Istati Membri kollha.

Għandu jinżamm proporzjon ordnat bejn approprjazzjonijiet għal impenji u approprjazzjonijiet għal ħlasijiet biex jiggarantixxi l-kompatibbiltà tagħhom u biex jippermetti li jiġi rispettat il-limitu skond il-paragrafu 1 fi snin sussegwenti.

3.   F’każ li l-modifiki fl-ESA 95 jirriżultaw f’bidliet sinifikanti fid-DGN li japplika għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-limiti tal-pagamenti u l-impenji kif determinati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu kkalkulati mill-ġdid mill-Kummissjoni abbażi tal-formula li ġejja:

Formula

fejn t hija l-aħħar sena sħiħa li għaliha hija disponibbli d-data skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (“ir-Regolament tad-DNG”) (6).

Artikolu 4

1.   Ir-Renju Unit għandu jingħata korrezzjoni fir-rigward ta’ żbilanċi baġitarji.

Din il-korrezzjoni għandha tkun stabbilita billi:

(a)

tkun ikkalkulata d-differenza, fis-sena finanzjarja preċedenti, bejn:

is-sehem perċentwali tar-Renju Unit fis-somma tal-bażijiet ta’ valutazzjoni tal-VAT mhux livellati, u

il-perċentwal tas-sehem tar-Renju Unit fin-nefqa totali allokata;

(b)

il-multiplikar tad-differenza li tirriżulta minn dan mat-total tan-nefqa allokata;

(ċ)

il-multiplikar tar-riżultat taħt (b) b’0.66;

(d)

it-tnaqqis mir-riżultat taħt (ċ) ta’ l-effetti li jirriżultaw għar-Renju Unit mill-bidla għall-VAT livellata u l-ħlasijiet imsemmijin fl-Artikolu 2(1)(ċ), jiġifieri d-differenza bejn:

dak li r-Renju Unit kieku kellu jħallas għall-ammonti ffinanzjati mir-riżorsi msemmijin fl-Artikolu 2(1)(b) u (ċ), jekk ir-rata uniformi tkun ġiet applikata għall-bażi ta’ VAT mhux livellati, u

il-ħlasijiet tar-Renju Unit skond l-Artikolu 2(1)(b) u (ċ);

(e)

it-tnaqqis mir-riżultat taħt (d) tal-benefiċċji netti tar-Renju Unit li jirriżultaw miż-żjieda fil-perċentwali ta’ riżorsi msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) miżmumin mill-Istati Membri biex ikopru spejjeż ta’ ġbir u dawk relatati;

(f)

l-ikkalkular, fiż-żmien ta’ kull tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropa, ta’ aġġustament għar-riżultat taħt (e) sabiex jitnaqqas il-kumpens, b’hekk jiġi żgurat li n-nefqa li ma tkunx ġiet imnaqqsa qabel it-tkabbir tibqa’ hekk wara t-tkabbir. Dan l-aġġustament għandu jsir billi n-nefqa totali allokata titnaqqas b’ammont ekwivalenti għan-nefqa annwali ta’ qabel l-adeżjoni fil-pajjiżi kandidati. L-ammonti kollha hekk ikkalkulati għandhom ikunu riportati għas-snin sussegwenti u għandhom ikunu aġġustati kull sena billi jiġi applikat id-deflatur l-aktar riċenti tal-PGD għall-UE espress f’euro, kif previst mill-Kummissjoni. Dan il-punt m’għandux jibqa’ japplika sa mill-korrezzjoni li għandha ssir fil-baġit għall-ewwel darba fl-2014;

(g)

l-aġġustament tal-kalkolu, billi titnaqqas in-nefqa totali allokata bin-nefqa totali allokata fi Stati Membri li daħlu fl-UE wara t-30 ta’ April 2004, ħlief għall-ħlasijiet diretti ta’ l-agrikoltura u nfiq relatat mas-suq kif ukoll dik il-parti tan-nefqa ta’ żvilupp rurali li toriġina mis-sezzjoni ta’ garanzija ta’ l-FAEGG.

Dan it-tnaqqas għandu jiddaħħal progressivament skond l-iskeda ta’ hawn taħt:

Korrezzjoni tar-Renju Unit li ser tkun ibbaġitjata għall-ewwel darba fis-sena

Perċentwal tan-nefqa relatata mat-tkabbir (kif definita hawn fuq) li għandha tkun eskluża mill-kalkolu tal-korrezzjoni tar-Renju Unit

2009

20

2010

70

2011

100

2.   Waqt il-perijodu 2007-2013 il-kontribuzzjoni addizzjonali tar-Renju Unit li tirriżulta mit-tnaqqis tan-nefqa allokata msemmija fil-paragrafu (1)(g) m’għandhiex taqbeż EUR 10.5 biljun, imkejla bi prezzijiet ta’ l-2004. Kull sena s-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jivverifikaw jekk l-aġġustament akkumulat tal-korrezzjoni qabiżx dan l-ammont. Għall-fini ta’ dan il-kalkolu, l-ammonti fi prezzijiet attwali għandhom ikunu kkonvertiti fi prezzijiet ta’ l-2004 billi jiġi applikat id-deflatur l-aktar riċenti tal-PGD għall-UE espress f’euro, kif previst mill-Kummissjoni. Jekk jinqabeż il-limitu ta’ EUR 10.5 biljun, il-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għandha titnaqqas għaldaqstant.

Fil-każ ta’ aktar tkabbir qabel l-2013, il-limitu ta’ EUR 10.5 biljun għandu jiġi aġġustat ‘il fuq għaldaqstant.

Artikolu 5

1.   L-ispiża tal-korrezzjoni għandha tinġarr mill-Istati Membri l-oħra skond l-arranġamenti segwenti:

(a)

Id-distribuzzjoni tan-nefqa għandha l-ewwel tiġi kkalkulata b’referenza għas-sehem ta’ kull Stat Membru fil-pagamenti msemmija fl-Artikoli 2(1)(ċ), fejn ir-Renju Unit ikun eskluż u mingħajr ma jitqies it-tnaqqis gross fil-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq id-DGN ta’ l-Olanda u l-Iżvezja kif imsemmi fl-Artikolu 2(5);

(b)

imbagħad din għandha tkun aġġustata b’mod li tirrestrinġi s-sehem ta’ finanzjament ta’ l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Iżvezja għal kwart tas-sehem normali tagħhom li jirriżulta minn dan il-kalkolu.

2.   Il-korrezzjoni għandha tingħata lir-Renju Unit permezz ta’ tnaqqis fil-ħlasijiet tiegħu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(1)(ċ). L-ispejjeż dovuti mill-Istati Membri l-oħrajn għandhom jinżdiedu mal-ħlasijiet tagħhom li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ kull Stat Membru ta’ l-Artikolu 2(1)(ċ).

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-kalkoli meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(5), l-Artikolu 4 u dan l-Artikolu.

4.   Jekk fil-bidu tas-sena finanzjarja, il-baġit ikun għadu ma ġiex adottat, għandhom jibqgħu japplikaw il-korrezzjoni mogħtija lir-Renju Unit u l-oneru finanzjarju fuq l-Istati Membri l-oħra kif imdaħħla fl-aħħar baġit adottat b’mod definittiv.

Artikolu 6

Id-dħul imsemmi fl-Artikolu 2 għandu jintuża mingħajr distinzjoni biex jiffinanzja l-infiq kollu mdaħħal fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Kwalunkwe avvanz mid-dħul tal-Komunitajiet fuq in-nefqa attwali totali matul sena finanzjarja għandu jkun riportat għas-sena finanzjarja sussegwenti.

Artikolu 8

1.   Ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) għandhom jinġabru mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali imposti permezz ta’ liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva, li fejn xieraq għandhom ikunu adattati biex jilħqu r-rekwiżiti tar-regoli Komunitarji.

F’intervalli regolari il-Kummissjoni għandha teżamina d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkomunikati lilha mill-Istati Membri, tgħaddi lill-Istati Membri l-aġġustamenti li jidhrilha meħtieġa biex tiżgura li dawn ikunu konformi mar-regoli Komunitarji u tirrapporta lill-awtorità baġitarja.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riżorsi msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (ċ) disponibbli għall-Kummissjoni.

2.   Il-Kunsill għandu, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 279(2) tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 183 tat-Trattat ta’ l-Euratom, jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u biex tkun possibbli l-ispezzjoni tal-ġbir, it-twettiq tad-disponibbiltà għall-Kummissjoni u l-pagament tad-dħul imsemmi fl-Artikoli 2 u 5.

Artikolu 9

Fil-qafas tar-reviżjoni sħiħa u mifruxa li tkopri l-aspetti kollha ta’ l-infiq ta’ l-UE, inkluża l-PAK, u ta’ riżorsi, inkluż it-tnaqqis tar-Renju Unit, li dwaru ser tirrapporta fl-2008/2009, il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni ġenerali tas-sistema tar-riżorsi proprji.

Artikolu 10

1.   Soġġetta għal paragrafu 2, id-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom għandha tiġi revokata mill-1 ta’ Jannar 2007. Kwalunkwe referenza għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 70/243/KEFA, KEE, Euratom tal-21 ta’ April 1970 dwar is-sostituzzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri bir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (7), għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/257/KEE, Euratom tas-7 ta’ Mejju 1985 dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Komunitajiet (8), għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/376/KEE, Euratom tal-24 ta’ Ġunju 1988 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (9), għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom tal-31 ta’ Ottubru 1994 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (10) jew għad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom għandha titqies bħala referenza għal din id-Deċiżjoni.

2.   L-Artikoli 2, 4 u 5 tad-Deċiżjonijiet 88/376/KEE, Euratom, 94/728/KE, Euratom u 2000/597/KE, Euratom għandhom ikomplu japplikaw għall-kalkolu u l-aġġustament tad-dħul li jakkumula mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażi ta’ VAT determinata b’mod uniformi u limitata bejn 50 % u 55 % tal-PNG (Prodott Nazzjonali Gross) jew tad-DNG ta’ kull Stat Membru, skond is-sena rilevanti, u għall-kalkolu tal-korrezzjoni ta’ l-iżbilanċji baġitarja mogħtija lir-Renju Unit għas-snin 1988 sa 2006.

3.   L-Istati Membri għandhom ikomplu jżommu 10 % ta’ l-ammonti msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) li kellhom isiru disponibbli mill-Istati Membri qabel it-28 ta’ Frar 2001 skond ir-regoli Komunitarji applikabbli, bħala spejjeż tal-ġbir.

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom ikunu notifikati b’din id-Deċiżjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill bit-tlestija tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni skond ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ wara l-wasla ta’ l-aħħar notifika msemmija fit-tieni subparagrafu.

Għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 7 ta’ Ġunju 2007.,

Għall-Kunsill

Il-President

M. GLOS


(1)  Opinjoni mogħtija fl-4 ta’ Lulju 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 203, 25.8.2006, p. 50.

(3)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 103.

(4)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1, Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1267/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 180, 18.7.2003, p. 1).

(5)  ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.

(6)  ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1.

(7)  ĠU L 94, 28.4.1970, p. 19.

(8)  ĠU L 128, 14.5.1985, p. 15.

(9)  ĠU L 185, 15.7.1988, p. 24.

(10)  ĠU L 293, 12.11.1994, p. 9.