8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

461


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ April 2007

li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-programm speċifiku “Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza” bħala parti mill-Programm Ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”

(2007/252/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea hija stabbilita fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali u ta' l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

(2)

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (2), b'kont meħud ta' l-istatus u l-kamp ta' applikazzjoni tagħha u l-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjawha, tirrifletti d-drittijiet kif jirriżultaw, b'mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u l-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati Komunitarji, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-karti soċjali adottati mill-Komunità u mill-Kunsill ta' l-Ewropa u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(3)

F'Novembru 2004 l-Kunsill Ewropew rrikonoxxa l-importanza tal-komunikazzjoni sabiex il-persuni kollha jiġu avviċinati għall-proġett Ewropew billi tiġi mħeġġa ċittadinanza attiva.

(4)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-15 ta' Ottubru 2003 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni enfażizzat l-importanza tar-rwol li għandha s-soċjetà ċivili kemm fil-protezzjoni kif ukoll fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali; għalhekk il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili.

(5)

Skond il-Programm ta' l-Aja, it-tisħiħ tal-koperazzjoni reċiproka jitlob sforz espliċitu sabiex jitjieb il-fehim reċiproku fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u s-sistemi legali differenti. In-networks Ewropej ta' awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għandhom ikunu l-mira ta' attenzjoni speċjali u ta' appoġġ f'dan ir-rigward.

(6)

Il-Konferenza tal-Qrati Kostituzzjonali Ewropej u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli ta' l-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi ta' l-Unjoni Ewropea jikkontribwixxu, b'mod partikolari billi jżommu databases rilevanti, għal skambju ta' fehmiet u esperjenza dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ġurisprudenza, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Membri tagħhom fil-prestazzjoni tal-funzjonijiet ġudizzjarji u konsultattivi tagħhom fir-rigward tal-liġi Komunitarja. Għandu jkun possibbli li l-attivitajiet tal-Konferenza u ta' l-Assoċjazzjoni jiġu kofinanzjati sal-punt li n-nefqa ssir sabiex jiġi segwit objettiv ta' interess ġenerali Ewropew. Madankollu, tali ko-finanzjament m'għandux jimplika li xi programm futur ikopri tali networks, lanqas għandu jippreġudika networks oħra Ewropej milli jibbenefikaw minn appoġġ għall-attivitajiet tagħhom skond id-Deċiżjoni.

(7)

Huwa xieraq li tiġi enfasizzata l-importanza ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni rigward id-drittijiet li ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni tagħti liċ-ċittadini sabiex ittejjeb l-għarfien tagħhom tad-drittijiet tagħhom u tipprovdihom b'aċċess faċli għal informazzjoni affidabbli.

(8)

It-trawwim ta' djalogu bejn ir-reliġjonijet u multikulturali fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea jikkontribwixxi għall-preservazjoni u t-tisħiħ ta' paċi u tad-drittijiet fundamentali.

(9)

Huwa kunsiljabbli li l-objettivi tal-programm jkunu komplementari għal dawk ta' l-Aġenżija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill KE Nru 168/2007 (3), u li l-programm jiffoka fuq dawk l-oqsma fejn jista' jiġi ġenerat valur Ewropew miżjud. Huwa kunsiljabbli li ssir il-koordinazzjoni adegwata għal dawn il-finijiet.

(10)

Bil-ħsieb li tinkiseb il-komplementarjetà u jkun garantit l-aħjar użu possibbli ta' riżorsi, huwa kunsiljabbli li jiġi żgurat li tkun evitata kwalunkwe duplikazzjoni bejn l-azzjonijiet appoġġati mill-programm u l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, bħall-Kunsill ta' l-Ewropa, filwaqt li jkunu permessi attivitajiet konġunti għall-kisba ta' l-objettivi tal-programm. Huwa kunsiljabbli li ssir il-koordinazzjoni adegwata għal dawn il-finijiet.

(11)

B'mod konformi mal-prinċipju li l-programmi Komunitarji jinfetħu lill-pajjiżi kandidati u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, kif proklamat fl-Aġenda ta' Tessaloniki, il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ser jaderixxu, tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Tali parteċipazzjoni għandha teħtieġ li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet ġenerali tal-ftehim bilaterali u l-kontribuzzjoni għall-baġit tal-programm. Meta jservi l-objettivi ta' l-azzjoni konċernata, għandu jkun possibbli wkoll li l-awtoritajiet, il-korpi jew l-organizzazzjonijiet non-governattivi ta' pajjiżi li ma jipparteċipawx fil-programm jistgħu jkunu assoċjati ma' azzjonijiet individwali bħala msieħba, mingħajr madankollu li dawn ikunu l-benefiċjarji prinċipali tal-proġett.

(12)

Huwa meħtieġ ukoll li jittieħdu l-miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta' irregolaritajiet u frodi, u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu rkuprati fondi mitlufa, indebitament imħallsa jew użati skorrettament skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (4), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni (5) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (6).

(13)

Huwa meħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (7), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002 (8), li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità, jiġu applikati filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji tas-sempliċità u tal-konsistenza fl-għażla ta' l-istrumenti baġitarji, ta' limitu fuq in-numru ta' każijiet fejn il-Kummissjoni żżomm responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni u għall-amministrazzjoni tagħhom, u tal-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta' riżorsi u l-piż amministrattiv relatat ma' l-użu tagħhom.

(14)

Ir-Regolament Finanzjarju jeħtieġ li jkun provdut att bażiku sabiex ikopri l-għotjiet operattivi.

(15)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (9), għandhom jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, b'distinzjoni magħmula bejn dawk il-miżuri li jkunu suġġetti għall-proċedura tal-kumitat ta' l-amministrazzjoni u dawk li jkunu suġġetti għall-proċedura tal-kumitat konsultattiv, fejn f'ċerti każijiet u bil-ħsieb ta' aktar effikaċja, il-proċedura tal-kumitat konsultattiv tkun l-aktar adatta.

(16)

L-objettivi tal-programm, jiġifieri l-appoġġ ta' assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-Semitiżmu, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadin, permezz ta' djalogu bejn ir-reliġjonijiet u multikulturali ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala jew l-impatt tal-programm, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju. Il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(17)

Għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, it-Trattat ma jipprevedix setgħat għajr dawk taħt l-Artikolu 308.

(18)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi u f'waqtha tal-programm, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

(19)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta opinjoni (10),

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ħolqien tal-programm

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-programm “Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza”, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-programm” bħala parti mill-programm ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja.”

2.   Il-programm għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

3.   Il-programm għandu jiġi implimentat fl-ambitu tal-liġi Komunitarja.

Artikolu 2

Objettivi ġenerali

1.   Il-programm għandu jkollu dawn l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)

li jippromwovi l-iżvilupp ta' soċjetà Ewropea bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inklużi d-drittijiet derivati miċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni;

(b)

li jsaħħaħ lis-soċjetà ċivili u jinkoraġġixxi djalogu miftuħ, trasparenti u regolari magħha rigward id-drittijiet fundamentali;

(ċ)

li jiġġieled kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-Semitiżmu u jippromwovi l-komprensjoni bejn reliġjonijiet u interkulturali u t-tisħiħ tat-tolleranza fil-Komunità Ewropea kollha;

(d)

li jtejjeb il-kuntatti, l-iskambju ta' informazzjoni u n-networking bejn awtoritajiet legali, ġudizzjarji u amministrattivi u l-professjonijiet legali, anke permezz ta' l-appoġġ ta' taħriġ ġudizzjarju, bil-għan ta' għarfien reċiproku aħjar fost tali awtoritajiet u professjonisti.

2.   L-objettivi ġenerali tal-programm huma komplementari għall-objettivi segwiti mill-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 168/2007.

3.   L-objettivi ġenerali tal-programm għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-linji politiċi Komunitarji f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali.

Artikolu 3

Objettivi speċifiċi

Il-programm għandu jkollu dawn l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jippromwovi d-drittijiet fundamentali kif rikonoxxouti fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u sabiex jinforma lill-persuni kollha dwar id-drittijiet tagħhom inklużi dawk li ġejjin miċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni sabiex jinkoraġġixxi ċ-ċittadini ta' l-Unjoni jipparteċipaw attivament fil-ħajja demokratika ta' l-Unjoni;

(b)

li jeżamina, fejn ikun meħtieġ, ir-rispett għal drittijiet fundamentali speċifiċi fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja, u jikseb opinjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi relatati mad-drittijiet fundamentali f'dan l-ambitu;

(ċ)

li jappoġġa lil organizzazzjonijiet non-governattivi u korpi mis-soċjetà ċivili sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom fil-parteċipazzjoni attiva fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, ta' l-istat tad-dritt u tad-demokrazija;

(d)

li joħloq strutturi rilevanti sabiex jitrawwem djalogu bejn ir-reliġjonijiet u multikulturali fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Azzjonijiet

Bil-ħsieb li jsegwi l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3, il-programm ser jappoġġa t-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin:

(a)

azzjonijiet speċifiċi imwettqa mill-Kummissjoni, bħal studji u riċerka, stħarriġ ta' l-opinjoni pubblika u surveys, formulazzjoni ta' indikaturi u metodoloġiji komuni, ġbir, żvilupp u disseminazzjoni ta' data u statistika, seminars, konferenzi u laqgħat ta' esperti, organizzazzjoni ta' kampanji u avvenimenti pubbliċi; żvilupp u manutenzjoni ta' websites, preparazzjoni u disseminazzjoni ta' materjali ta' informazzjoni, appoġġ lil u amministrazzjoni ta' networks ta' esperti nazzjonali, attivitajiet ta' analiżi, sorveljanza u valutazzjoni;

(b)

il-proġetti trans-nazzjonali speċifiċi ta' interess Komunitarju preżentati minn xi awtorità jew kwalunkwe korp ieħor ta' Stat Membru, organizzazzjoni internazzjonali jew non-governattiva, u li jinvolvu fi kwalunkwe każ mill-inqas żewġ Stati Membri jew mill-inqas Stat Membru ieħor u Stat wieħed ieħor li jista' jkun pajjiż li ser jaderixxi jew pajjiż kandidat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi annwali ta' ħidma;

(ċ)

appoġġ għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi jew entitajiet oħrajn li jsegwu għan ta' interess ġenerali Ewropew skond l-objettivi ġenerali tal-programm taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi annwali ta' ħidma;

(d)

għotjiet operattivi sabiex tiġi kofinanzjata n-nefqa assoċjata mal-programm ta' ħidma permanenti tal-Konferenza tal-Qrati Kostituzzjonali Ewropej u ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli ta' l-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi ta' l-Unjoni Ewropea, li jżomm ċerti databases li jipprovdu għal ġabra mill-Ewropa kollha ta' sentenzi nazzjonali relatati ma' l-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja, safejn in-nefqa ssir sabiex jiġi segwit objettiv ta' interess Ewropew ġenerali billi tippromwovi skambju ta' fehmiet u esperjenza dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ġurisprudenza, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-membri tagħhom fit-twettiq tal-funzjonijiet ġudizzjarji u/jew konsultattivi tagħhom fir-rigward tal-liġi Komunitarja.

Artikolu 5

Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1.   Dawn il-pajjiżi li ġejjin, minn hawn 'il quddiem imsejħin “pajjiżi parteċipanti”, jistgħu jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-programm: il-pajjiżi li sejrin jaderixxu, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent inklużi fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta' assoċjazzjoni jew fil-protokolli addizzjonali tagħhom relatati mal-parteċipazzjoni fi programmi Komunitarji konklużi jew li għandhom jiġu konklużi ma' dawk il-pajjiżi.

2.   L-azzjonijiet taħt l-Artikolu 4 jistgħu jassoċjaw awtoritajiet, korpi jew organizzazzjonijiet non-governattivi ta' pajjiżi li ma jipparteċipawx fil-programm skond l-Artikolu 1, fejn dan jikkontribwixxi għat-tħejjija għall-adeżjoni tal-pajjiżi msemmijin fil-paragrafu 1 jew iservi l-objettivi ta' l-azzjonijiet konċernati.

Artikolu 6

Gruppi mmirati

Il-programm huwa mmirat lejn iċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini ta' pajjiżi li jipparteċipaw jew iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea u assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fost gruppi oħrajn attivi fil-promozzjoni ta' l-objettivi tal-programm.

Artikolu 7

Aċċess għall-programm

1.   L-aċċess għall-programm għandu jkun miftuħ, inter alia, għal istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, universitajiet, istituzzjonijiet tar-riċerka, organizzazzjonijiet mhux governattivi, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet oħrajn li joperaw mingħajr skop ta' profitt stabbiliti fl-Unjoni Ewropea jew f'wieħed mill-pajjiżi parteċipanti, skond l-Artikolu 5.

2.   Il-programm għandu wkoll jagħti l-possibbiltà li jsiru attivitajiet konġunti ma' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, bħall-Kunsill ta' l-Ewropa, abbażi ta' kontribuzzjonijiet konġunti skond ir-regoli diversi li jipprevalixxu f'kull istituzzjoni jew organizzazzjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm.

Artikolu 8

Tipi ta' intervent

1.   Il-finanzjament Komunitarju jista' jieħu l-forom legali li ġejjin:

(a)

għotjiet,

(b)

kuntratti ta' akkwist pubbliku.

2.   L-għotjiet Komunitarji għandhom jingħataw konsegwentement għal sejħiet għal proposti, ħlief f'każijiet eċċezzjonali debitament sostanzjati kif previst fir-Regolament Finanzjarju u għandhom jiġu provduti permezz ta' għotjiet operattivi u għotjiet għal-azzjonijiet. Ir-rata massima ta' ko-finanzjament ser tiġi speċifikata fil-programmi annwali ta' ħidma.

3.   Barra minn hekk, hija prevista nefqa għal miżuri akkumpanjanti, permezz ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku, f'liema każ il-fondi Komunitarji jkopru x-xiri ta' merċi u servizzi. Dan ser ikopri, inter alia, l-infiq fuq l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, il-verifika u l-valutazzjoni ta' proġetti, linji politiċi, programmi u leġiżlazzjoni.

Artikolu 9

Miżuri ta' implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Assistenza Komunitarja skond ir-Regolament Finanzjarju.

2.   Sabiiex timplimenta l-programm, il-Kummissjoni għandha, fil-limiti ta' l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2, tadotta programm annwali ta' ħidma li jispeċifika l-objettivi speċifiċi, il-prijoritajiet tematiċi, deskrizzjoni ta' miżuri akkumpanjanti previsti fl-Artikolu 8 u, jekk meħtieġa, lista ta' azzjonijiet oħrajn.

3.   Il-programm annwali ta' ħidma għandu jiġi adottat skond il-proċedura stabbilita fl- Artikolu 10(3).

4.   Il-proċeduri ta' valutazzjoni u ta' għoti relatati ma' għotjiet għal azzjonijiet għandhom jieħdu kont, inter alia, tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-konformità mal-programm annwali ta' ħidma, l-objettivi ġenerali kif speċifikati fl-Artikolu 2 u l-miżuri meħuda fl-oqsma differenti kif speċifikati fl-Artikoli 3 u 4;

(b)

il-kwalità ta' l-azzjoni proposta rigward il-konċepiment, l-organizzazzjoni u l-preżentazzjoni u r-riżultati mistennija;

(ċ)

l-ammont mitlub għall-finanzjament Komunitarju u l-adegwatezza tiegħu fir-rigward tar-riżultati mistennija;

(d)

l-impatt tar-riżultati mistennija fuq l-objettivi ġenerali definiti fl-Artikolu 2 u fuq miżuri li ttieħdu fl-oqsma differenti kif speċifikati fl-Artikoli 3 u 4.

5.   L-applikazzjonijiet għal għotjiet operattivi, imsemmija fl-Artikolu 4(b) u (ċ), għandhom jiġu valutati fid-dawl:

(a)

tal-konsistenza ma' l-objettivi tal-programm;

(b)

tal-kwalità ta' l-attivitajiet ippjanati;

(ċ)

ta' l-effett multiplikatur probabbli fuq il-pubbliku ta' dawn l-attivitajiet;

(d)

ta' l-impatt ġeografiku ta' l-attivitajiet imwettqa;

(e)

ta' l-involviment taċ-ċittadini fl-organizzazzjoni tal-korpi kkonċernati;

(f)

tal-proporzjoni tal-kost/benefiċċju ta' l-attività proposta.

6.   Id-deċiżjonijiet relatati ma' azzjonijiet preżentati taħt l-Artikolu 4(b) u (ċ) għandhom jiġu meħuda mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

7.   B'mod konformi ma' l-Artikolu 113(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-prinċipju ta' tnaqqis gradwali m'għandux japplika għall-għotja operattiva mogħtija lill-Konferenza tal-Qrati Kostituzzjonali Ewropej u lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsill ta' l-Istati u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi ta' l-Unjoni Ewropea safejn dawn isegwu objettiv ta' interess Ewropew ġenerali.

Artikolu 10

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal 3 xhur.

4.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Komplementarjetà

1.   Għandhom jiġu mfittxija s-sinerġiji u l-komplementarjetà ma' strumenti oħrajn Komunitarji, b'mod partikolari mal-Programmi Kwadru “Sigurtà u Salvagwardja tal-Libertajiet” u “Solidarjetà u Amministrazzjoni tal-Flussi tal-Migrazzjoni”, kif ukoll mal-programm “Progress”. Għandha tkun żġurata l-komplementarjetà ma' l-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali. L-element statistiku ta' l-informazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza għandu jiġi żviluppat f'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri, abbażi ta' data disponibbli bl-użu, skond kif meħtieġ, tal-Programm Statistiku Komunitarju.

2.   Il-programm jista' jaqsam riżorsi ma' strumenti oħrajn Komunitarji, b'mod partikolari l-programmi ġenerali “Sigurtà u Salvagwardja tal-Libertajiet” u “Solidarjetà u Amministrazzjoni tal-Flussi tal-Migrazzjoni”, sabiex jimplimenta l-azzjonijiet li jilħqu l-objettivi tal-programmi kollha.

3.   Operazzjonijiet finanzjati taħt din id-Deċiżjoni m'għandhomx jirċievu assistenza għall-istess għan minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra. Għandu jkun żgurat li l-benefiċjarji ta' din id-Deċiżjoni għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar finanzjament riċevut mill-baġit Komunitarju u minn sorsi oħra, kif ukoll informazzjoni dwar applikazzjonijiet kurrenti għal finanzjament.

Artikolu 12

Riżorsi baġitarji

Ir-riżorsi baġitarji allokati għall-azzjonijiet previsti fil-programm għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet annwali disponibbli għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 13

Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal kwalunkwe azzjoni finanzjata mill-programm, il-benefiċjarju għandu jippreżenta rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tal-ħidma. Għandu wkoll jiġi preżentat rapport finali fi żmien tliet xhur mit-tlestija ta' l-azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-forma u l-kontenut tar-rapporti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kuntratti u l-ftehim li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-programm jipprovdu b'mod partikolari għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), jekk meħtieġ permezz ta' kontrolli fuq il-post, inklużi kontrolli ta' kampjuni, u verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal perijodu ta' ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta' kwalunkwe azzjoni, il-benefiċjarju ta' l-assistenza finanzjarja għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta' appoġġ rigward in-nefqa fuq l-azzjoni.

4.   Abbażi tar-riżultati tar-rapporti u l-kontrolli fuq il-post imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li, jekk ikun meħtieġ, jiġu aġġustati l-iskala jew il-kondizzjonijiet ta' l-għoti ta' l-assistenza finanzjarja oriġinarjament approvata kif ukoll l-iskeda ta' żmien għall-pagamenti.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jittieħed kull pass ieħor meħtieġ għall-verifika li l-azzjonijiet finanzjati twettqu korrettament u konformement mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 14

Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji Komunitarji

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jiġu implimentati l-azzjonjiet finanzjati skond id-Deċiżjoni preżenti, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jiġu protetti permezz ta' l-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività oħra illegali, permezz ta' kontrolli effettivi u permezz tar-rimbors ta' l-ammonti indebitament mħallsa, u, fejn jiġu żvelati irregolaritajiet, permezz ta' l-applikazzjoni ta' pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

2.   Għall-azzjonijiet Komunitarji finanzjati taħt il-programm r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 għandhom ikunu applikabbli għal kull ksur ta' xi dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja, inkluż il-ksur ta' xi obbligu kuntrattwali stipulat abbażi tal-programm, li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta' xi operatur ekonomiku, li jkollu jew li kien ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew baġits amministrati minnha, b'element ta' spiża mhux ġustifikat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont ta' l-assistenza finanzjarja mogħti għal azzjoni jitnaqqas, jiġi sospiż jew irkuprat jekk issib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jew mad-deċiżjoni individwali jew mal-kuntratt jew ftehim li jagħtu l-appoġġ finanzjarju in kwistjoni, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni tkun ġiet suġġetta għal bidla li tmur kontra n-natura jew il-kondizzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-proġett.

4.   Jekk il-limiti ta' żmien ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-assistenza finanzjarja mogħtija tkun ġustifikata mill-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta' azzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju jippreżenta osservazzjonijiet f'perijodu speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix risposta sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza finanzjarja li jifdal tiġi kanċellata u għandha titlob ir-rimbors tas-somom diġà mħallsa.

5.   Il-Kummisjoni għandha tiżgura li jiġi rimborsat lilha kwalunkwe pagament mhux dovut. L-interessi għandhom jiġu miżjuda ma' kwalunkwe somma mhux rimborsata f'waqtha taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 15

Valutazzjoni

1.   Il-programm għandu jkun monitorjat regolarment sabiex isegwi l-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet imwettqa taħtu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura valutazzjoni regolari, indipendenti u esterna tal-programm.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

preżentazzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm;

(b)

rapport ta' valutazzjoni interim dwar ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni tal-programm, anke dwar il-ħidma mwettqa mill-benefiċjarji ta' għotjiet operattivi msemmija fl-Artikolu 4(d), mhux iżjed tard mill-31 ta' Marzu 2011;

(ċ)

Komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-programm sa mhux aktar tard mit-30 ta' Awissu 2012;

(d)

rapport ta' valutazzjoni ex post sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 16

Pubblikazzjoni ta' azzjonijiet

Kull sena l-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta' azzjonijiet finanzjati taħt il-programm flimkien ma' deskrizzjoni qasira ta' kull proġett.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ April 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

B. ZYPRIES


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(3)  ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

(4)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(5)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(6)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

(8)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3).

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(10)  ĠU C 69, 21.3.2006.