8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

197


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Marzu 2007

li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/162/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 3(1)(u) tat-Trattat tal-KE, l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu miżuri fil-qasam tal-protezzjoni ċivili.

(2)

Għal dak il-għan, ġie stabbilit mekkaniżmu Komunitarju sabiex jiffaċilita l-koperazzjoni msaħħa fl-interventi ta' assistenza għall-protezzjoni ċivili (il-“Mekkaniżmu”) permezz tad-Deċiżjoni 2001/792/KE, Euratom (2).

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/847/KE tad-9 ta' Diċembru 1999 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni ċivili (3) tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006.

(4)

Jeħtieġ li jiġi stabbilit strument finanzjarju għall-protezzjoni ċivili (l-“Istrument”) li taħtu tista' tingħata assistenza finanzjarja, kemm bħala kontribut għat-titjib ta' l-effikaċja tar-reazzjoni għal emerġenzi gravi, partikolarment fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2001/792/KE, Euratom, kif ukoll għat-tisħiħ ta' miżuri preventivi u ta' preparazzjoni għal kull tip ta' emerġenza bħal diżastri naturali u diżastri kkawżati mill-bniedem, atti ta' terroriżmu — inkluż terroriżmu kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari, u inċidenti teknoloġiċi, radjoloġiċi jew ambjentali, inkluża l-kontinwazzjoni ta' miżuri li ttieħdu qabel taħt id-Deċiżjoni 1999/847/KE.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità mad-Deċiżjoni 1999/847/KE, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

(6)

L-Istrument ser jiżgura l-espressjoni viżibbli tas-solidarjetà Ewropea lejn il-pajjiżi milquta minn emerġenzi gravi billi jiffaċilita l-għoti ta' assistenza permezz tal-mobilizzazzjoni ta' l-assi ta' intervent ta' l-Istati Membri.

(7)

Ir-reġjuni iżolati u l-aktar periferiċi u xi reġjuni jew gżejjer oħrajn tal-Komunità spiss ikollhom karatteristiċi u ħtiġijiet speċjali minħabba l-ġeografija, it-terren, u ċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi tagħhom. Dawn għandhom effetti negattivi, jostakolaw l-iskjerament ta' riżorsi ta' assistenza u ta' intervent u b'hekk jagħmluha diffiċli li jitwasslu l-għajnuna u l-mezzi ta' assistenza, u joħolqu ħtiġijiet partikolari għall-assistenza fil-każ ta' riskju serju ta' emerġenza gravi.

(8)

Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tinċidi fuq azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (4), fuq il-miżuri dwar is-saħħa pubblika adottati taħt leġiżlazzjoni Komunitarja li tikkonċerna programmi ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa, u lanqas fuq il-miżuri għas-sigurtà tal-konsumatur adottati taħt id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013) (5).

(9)

Għal raġunijiet ta' koerenza, l-azzjonijiet li jaqgħu taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/124/KE, Euratom tat-12 ta’ Frar 2007 li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013, bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet, il-Programm speċifiku “Prevenzjoni, Stat ta' Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà” (6) jew li huma relatati maż-żamma ta' l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna m'għandhomx ikunu koperti minn din id-Deċiżjoni.

(10)

Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tapplika għal attivitajiet koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 ta' l-20 ta' Ġunju 1996 dwar l-għajnuna umanitarja (7).

(11)

Wara l-iskadenza, fil-31 ta' Diċembru 2006, tad-Deċiżjoni Nru 2850/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2000 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għal koperazzjoni fil-qasam tat-tniġġis ta' l-ibħra, sewwa jekk aċċidentali u sewwa jekk deliberatament (8) din id-Deċiżjoni għandha tkopri r-reazzjoni għal emerġenzi ta' tniġġis aċċidentali ta' l-ibħra permezz tal-Mekkaniżmu. Huwa meħtieġ li l-aspetti ta' preparazzjoni u tal-prevenzjoni jkunu koperti minn strumenti oħra bħar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (9).

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-funzjonament ta' l-Istrument, huwa kunsiljabbli li l-azzjonijiet li għalihom tingħata l-assistenza finanzjarja jkollhom il-potenzjal li jikkontribwixxu b'mod prattiku u f'waqtu għall-prevenzjoni ta', u preparazzjoni għal, emerġenzi u għal reazzjoni rapida għal emerġenzi gravi.

(13)

Huwa kunsiljabbli li l-Mekkaniżmu jiġi appoġġat minn sistema effikaċi u integrata ta' skoperta u ta' twissija bikrija li tkun tista' tallerta lill-Istati Membri u lill-Komunità dwar diżastri jew theddid ta' diżastri li jistgħu jolqtu t-territorju ta' l-Istati Membri. Waqt li d-deċiżjonijiet dwar il-ħolqien ta' tali sistemi għandhom isiru taħt strumenti speċifiċi oħrajn, l-Istrument għandu — billi l-Mekkaniżmu huwa utent — jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' tali sistemi billi jindika dak li hu meħtieġ u billi jiżgura li dawk is-sistemi jkunu kemm interkonnessi kif ukoll konnessi mal-Mekkaniżmu. Ladarba dawn is-sistemi jkunu stabbiliti, il-Mekkaniżmu għandu jagħmel użu sħiħ minnhom u għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tagħhom permezz tal-mezzi kollha li diversament ikunu disponibbli taħt din id-Deċiżjoni.

(14)

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-sostenn loġistiku adegwat għall-esperti skjerati minnha għall-finijiet ta' valutazzjoni u/jew koordinazzjoni.

(15)

Hija r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jipprovdu tagħmir u trasport għall-assistenza għall-protezzjoni ċivili li huma joffru fil-qafas tal-Mekkaniżmu. L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll sostenn loġistiku adegwat għall-gruppi jew moduli ta' intervent skjerati minnhom.

(16)

Il-Kummissjoni madankollu għandha rwol fl-appoġġ ta' l-Istati Membri billi tiffaċilita l-akkomunament tar-riżorsi tat-trasport u t-tagħmir ta' l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista' wkoll tassisti lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw, u tiffaċilita l-aċċess tagħhom għal, riżorsi tat-trasport li jistgħu jkunu disponibbli minn sorsi oħrajn, inkluż is-suq kummerċjali. Il-Kummissjoni tista' tassisti lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw it-tagħmir li jista' jkun disponibbli minn sorsi oħrajn.

(17)

Il-Kummissjoni għandha wkoll tkun f'pożizzjoni li tikkomplementa, fejn meħtieġ, it-trasport provdut mill-Istati Membri billi tiffinanzja trasport addizzjonali meħtieġ sabiex jiġi żgurat it-twassil f'waqtu, u l-effikaċja, tar-reazzjoni mill-protezzjoni ċivili taħt il-Mekkaniżmu. Tali finanzjament għandu jkun suġġett għal ċerti kriterji u għar-rimborż ta' parti mill-finanzjament riċevut.

(18)

Huwa kunsiljabbli li l-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku u ta' għotjiet taħt l-Istrument jiġu implimentati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (10) (ir-“Regolament Finanzjarju”). Minħabba n-natura speċifika ta' l-azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li tingħata wkoll assistenza finanzjarja lil persuni fiżiċi. Huwa wkoll importanti li r-regoli ta' dak ir-Regolament ikunu ġew sodisfatti, b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji ta' ekonomija, effiċjenza u effikaċja stabbiliti fih.

(19)

Huwa kunsiljabbli li tkun possibbli l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fl-Istrument.

(20)

Fejn il-Mekkaniżmu jkun qed iwieġeb għal talba għall-assistenza barra mill-Komunità bħala parti mir-reazzjoni umanitarja globali tal-Komunità, ikun ta' importanza partikolari li għandu jkun hemm komplementarjetà u koerenza bejn l-azzjonijiet taħt din id-Deċiżjoni u l-azzjonijiet finanzjati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1257/96, u li l-azzjonijiet taħt din id-Deċiżjoni jkunu regolati mill-prinċipji umanitarji stabbiliti f'dak ir-Regolament, jiġifieri li dawk l-azzjonijiet għandhom, kif inhi r-regola ġenerali fil-protezzjoni ċivili, ikunu non-diskriminatorji, indipendenti, imparzjali u skond il-ħtiġijiet u l-interessi tal-vittma.

(21)

Għandhom jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-konsistenza ma' l-azzjonijiet ta' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali għal interventi f'pajjiżi terzi.

(22)

Sabiex tissaħħaħ l-abbiltà tal-Kummissjoni sabiex issegwi l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, għandu jkun possibbli, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li jiġi finanzjat l-infiq relatat mal-monitoraġġ, kontroll, verifika u valutazzjoni tagħha.

(23)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment adatt sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ adegwat ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet li jirċievu assistenza finanzjarja taħt l-Istrument.

(24)

Għandhom jittieħdu wkoll miżuri adegwati għall-prevenzjoni ta' irregolaritajiet u frodi u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu rkuprati fondi mitlufa, imħallsa indebitament jew użati skorrettament skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità (11), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (12) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (13).

(25)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (14), b'distinzjoni magħmula bejn dawk il-miżuri li jkunu suġġetti għall-proċedura ta' l-amministrazzjoni u dawk li jkunu suġġetti għall-proċedura regolatorja, fejn dan ta' l-aħħar, f'ċerti każijiet, minħabba l-importanza tal-miżuri li għandhom jittieħdu, ikun l-aktar adegwat.

(26)

Huwa inkluż f'din id-Deċiżjoni ammont finanzjarju ta' referenza, fis-sens tal-punt 38 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (15), għat-tul taż-żmien kollu ta' l-Istrument, mingħajr ma jiġu milquta, minnu, is-setgħat ta' l-awtorità baġitarja kif definiti mit-Trattat ta' l-KE. Huwa mifhum li dan l-ammont għandu jiġi parzjalment finanzjat mis-subintestatura 3B -“Ċittadinanza”- u parzjalment mis-subintestatura 4 -“L-UE bħala msieħba globali”- tal-qafas finanzjarju 2007-2013.

(27)

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandha tiġi valutata regolarment.

(28)

Ladarba l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri jaġixxu waħedhom u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjonijiet li jiġu finanzjati taħt l-Istrument, b'kont meħud tal-benefiċċji f'termini ta' tnaqqis ta' mwiet, ta' korrimenti, ta' dannu ambjentali, ekonomiku u materjali, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(29)

It-Trattat tal-KE u t-Trattat Euratom ma jipprovdu għall-ebda setgħa, ħlief għal dawk taħt l-Artikoli 308 u 203, rispettivament, għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili (l-“Istrument”) sabiex dan isostni u jikkomplementa l-isforzi ta' l-Istati Membri għall-protezzjoni, prinċipalment tan-nies iżda wkoll ta' l-ambjent u tal-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali, fil-każ ta' diżastri naturali u diżastri kkawżati mill-bniedem, atti ta' terroriżmu u inċidenti teknoloġiċi, radjoloġiċi jew ambjentali u sabiex jiffaċilita l-koperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni ċivili.

L-Istrument għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

2.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli għall-għoti ta' assistenza finanzjarja għal:

(a)

azzjonijiet fil-qasam tal-mekkaniżmu Komunitarju għall-faċilitazzjoni tal-koperazzjoni msaħħa fl-interventi ta' assistenza fil-protezzjoni ċivili (il-“Mekkaniżmu”);

(b)

miżuri ta' prevenzjoni jew ta' tnaqqis ta' l-effetti ta' emerġenza; u

(ċ)

azzjonijiet imfassla sabiex isaħħu l-preparazzjoni tal-Komunità għal reazzjonijiet għall-emerġenzi, inklużi azzjonijiet li jżidu l-għarfien taċ-ċittadini ta' l-UE.

3.   Din id-Deċiżjoni tipprovdi b'mod speċjali għall-finanzjament ta' ċerti riżorsi tat-trasport fil-każ ta' emerġenza gravi, sabiex tiġi ffaċiltata reazzjoni rapida u effikaċi għaliha.

4.   Din id-Deċiżjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet speċjali tar-reġjuni jew gżejjer iżolati, l-aktar periferiċi u oħrajn tal-Komunità fil-każ ta' emerġenza.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal miżuri ta' prevenzjoni u ta' preparazzjoni għal kull tip ta' emerġenza fil-Komunità u f'pajjiżi parteċipanti abbażi ta' l-Artikolu 7.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika wkoll għal azzjonijiet sabiex jassistu fir-reazzjoni għall-konsegwenzi immedjati ta' emerġenza gravi, irrispettivament min-natura tagħha, inkluża r-reazzjoni għal emerġenżi ta' tniġġis aċċidentali ta' l-ibħra permezz tal-Mekkaniżmu, ġewwa jew barra mill-Komunità, fejn issir talba għall-assistenza skond il-Mekkaniżmu.

3.   Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

(a)

azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006;

(b)

azzjonijiet u miżuri li jaqgħu taħt leġiżlazzjoni Komunitarja li tikkonċerna programmi ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa;

(ċ)

azzjonijiet u miżuri li jaqgħu taħt id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE;

(d)

azzjonijiet li jaqgħu taħt id-Deċiżjoni 2007/124/KE, Euratom;

(e)

azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 1257/96, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2)(ċ) ta' din id-Deċiżjoni;

(f)

azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“emerġenza” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni li jkollha jew li jista' jkollha impatt negattiv fuq in-nies, l-ambjent jew il-proprjetà;

(b)

“emerġenza gravi” tfisser kwalunkwe sitwazzjoni li għandha jew li jista' jkollha impatt negattiv fuq in-nies, fuq l-ambjent jew fuq il-proprjetà u li tista' tirriżulta f'sejħa għall-assistenza taħt il-Mekkaniżmu;

(ċ)

“reazzjoni” tfisser kwalunkwe azzjoni meħuda taħt il-Mekkaniżmu waqt jew wara emerġenza gravi sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi immedjati tagħha;

(d)

“preparazzjoni” tfisser stat preparat u kapaċità ta' mezzi umani u materjali li jippermettilhom jiżguraw reazzjoni rapida u effikaċi għal emerġenza, miksuba bħala riżultat ta' azzjoni meħuda minn qabel;

(e)

“prevenzjoni” tfisser kwalunkwe azzjoni li ssostni lill-Istati Membri fil-prevenzjoni ta' riskji jew fit-tnaqqis ta' ħsara lin-nies, lill-ambjent jew lill-proprjetà bħala riżultat ta' emerġenzi;

(f)

“twissija bikrija” tfisser l-għoti f'waqtu u effikaċi ta' informazzjoni li tippermetti t-teħid ta' azzjoni sabiex jiġu evitati jew jitnaqqsu r-riskji u sabiex tiġi żgurata l-preparazzjoni għal reazzjoni effikaċi.

Artikolu 4

Azzjonijiet eliġibbli u kriterji

1.   L-azzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-assistenza finanzjarja taħt l-Istrument fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-preparazzjoni:

(a)

studji, stharrig, modellar u tiswir ta' xenarji sabiex:

(i)

tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-konoxxenza, ta' l-aħjar prattika u ta' l-informazzjoni u

(ii)

jittejbu l-prevenzjoni, il-preparazzjoni, u r-reazzjoni effikaċi;

(b)

taħriġ, eżerċizzji, workshops, skambju ta' persunal u ta' esperti, ħolqien ta' networks, proġetti ta' dimostrazzjoni u trasferiment ta' teknoloġija għat-titjib tal-prevenzjoni, tal-preparazzjoni, u ta' reazzjoni effikaċi;

(ċ)

informazzjoni pubblika, edukazzjoni u sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika u azzjonijiet assoċjati ta' disseminazzjoni, sabiex jiġu minimizzati l-effetti ta' emerġenzi fuq iċ-ċittadini ta' l-UE u sabiex tingħata għajnuna liċ-ċittadini ta' l-UE sabiex jipproteġu lilhom infushom b'mod aktar effettiv;

(d)

manutenzjoni tal-funzjonijiet provduti miċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni tal-Mekkaniżmu (ĊMI) sabiex tiġi ffaċilitata reazzjoni rapida fil-każ ta' emerġenza gravi;

(e)

azzjonijiet u miżuri ta' komunikazzjoni sabiex jippromwovu l-viżibbiltà tar-reazzjoni tal-Komunità;

(f)

kontribut għall-iżvilupp ta' sistemi ta' skoperta u ta' twissija bikrija għal diżastri li jistgħu jolqtu t-territorju ta' l-Istati Membri, sabiex jippermettu reazzjoni rapida mill-Istati Membri u mill-Komunità, kif ukoll għall-istabbiliment ta' tali sistemi permezz ta' studji u valutazzjonijiet dwar il-ħtieġa u l-fattibbiltà ta' dawk is-sistemi u permezz ta' azzjonijiet għall-promozzjoni ta' l-interkonnessjonijiet tagħhom u tal-konnessjoni tagħhom maċ-ĊMI u mas-sistema CECIS msemmija fil-punt (g). Dawk is-sistemi għandhom jieħdu kont ta', u jibnu fuq, sorsi eżistenti ta' informazzjoni, monitoraġġ jew skoperta;

(g)

l-istabbiliment u l-manutenzjoni ta' sistema komuni protetta ta' emerġenza għall-komunikazzjoni u informazzjoni (CECIS) u għodod sabiex jippermettu l-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn iċ-ĊMI u l-punti ta' kuntatt ta' l-Istati Membri u ta' parteċipanti oħra fil-kuntest tal-Mekkaniżmu;

(h)

monitoraġġ, valutazzjoni u attivitajiet ta' valutazzjoni;

(i)

stabbiliment ta' programm ta' tagħlim meħud minn interventi u eżerċizzji fil-kuntest tal-Mekkaniżmu.

2.   L-azzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-assistenza finanzjarja taħt l-Istrument fil-qasam tar-reazzjoni taħt il-Mekkaniżmu:

(a)

l-iskjerament ta' esperti għall-valutazzjoni u koordinazzjoni flimkien mat-tagħmir tagħhom ta' appoġġ, partikolarment għodod għall-komunikazzjoni, sabiex jiffaċilitaw l-għoti ta' assistenza u l-koperazzjoni ma' atturi oħrajn preżenti;

(b)

appoġġ għall-Istati Membri sabiex jinkiseb aċċess għal tagħmir u riżorsi tat-trasport permezz ta':

(i)

l-għoti u l-iskambju ta' informazzjoni dwar tagħmir u riżorsi tat-trasport li jistgħu jkunu magħmulin disponibbli mill-Istati Membri, bil-ħsieb tal-faċilitazzjoni ta' l-akkomunament ta' tali tagħmir jew riżorsi tat-trasport,

(ii)

assistenza għall-Istati Membri sabiex jidentifikaw, u l-faċilitazzjoni ta' l-aċċess tagħhom għal, riżorsi tat-trasport li jistgħu jkunu magħmulin disponibbli minn sorsi oħrajn, inkluż is-suq kummerċjali,

(iii)

assistenza għall-Istati Membri sabiex jidentifikaw tagħmir li jista' jkun disponibbli minn sorsi oħrajn, inkluż is-suq kummerċjali;

(ċ)

il-komplementazzjoni tat-trasport provdut mill-Istati Membri bil-finanzjament ta' riżorsi addizzjonali tat-trasport meħtieġa sabiex tiġi żgurata reazzjoni rapida għal emerġenzi gravi li jaqgħu fl-ambitu ta' l-Artikolu 1. Tali azzjonijiet għandhom ikunu eliġibbli għall-assistenza finanzjarja taħt l-Istrument biss jekk jintlaħqu l-kriterji li ġejjin:

(i)

ir-riżorsi addizzjonali tat-trasport ikunu meħtieġa sabiex tkun żgurata l-effikaċja tar-reazzjoni tal-protezzjoni ċivili taħt il-Mekkaniżmu;

(ii)

il-possibbiltajiet l-oħrajn kollha sabiex jinstab it-trasport taħt il-Mekkaniżmu, inklużi dawk fil-punt (b), ġew eżawriti;

(iii)

l-assistenza li jkollha tiġi trasportata:

kienet offerta u aċċettata minn pajjiż rikjedenti taħt il-Mekkaniżmu;

tkun meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti ħtiġijiet vitali li jirriżultaw mill-emerġenza;

tikkomplementa l-assistenza provduta mill-Istati Membri;

tikkomplementa, għal emerġenzi f'pajjiżi terzi, ir-reazzjoni umanitarja Komunitarja globali, fejn preżenti.

3.

(a)

L-Istati Membri li jitolbu appoġġ finanzjarju għat-trasport ta' l-assistenza tagħhom għandhom jirrimborżaw mill-inqas 50 % tal-fondi Komunitarji riċevuti, mhux aktar tard minn 180 jum wara l-intervent.

(b)

Kwalunkwe finanzjament provdut taħt l-Istrument m'għandux jolqot r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jipproteġu n-nies, il-proprjetà u l-ambjent fit-territorju tagħhom kontra d-diżastri u m'għandux jeżonera l-Istati Membri mid-dmir tagħhom li jarmaw lis-sistemi ta' protezzjoni ċivili tagħhom b'kapaċitajiet suffiċjenti sabiex jippermettulhom li jlaħħqu b'mod adegwat ma' diżastri ta' kobor u natura li raġonevolment jistgħu jistennew u jippreparaw għalihom.

4.   Ir-regoli għall-implimentazzjoni tal-punti (b) u (ċ) tal-paragrafu 2, u tal-paragrafu 3, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(3).

Il-Kummissjoni għandha regolarment tirrapporta dwar l-applikazzjoni tal-punti (b) u (ċ) tal-paragrafu 2, u tal-paragrafu 3, lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13.

Dawn ir-regoli għandhom jiġu riveduti skond il-ħtieġa konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(3).

Artikolu 5

Benefiċjarji

L-assistenza finanzjarja taħt l-Istrument tista' tingħata lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, kemm jekk regolati mid-dritt privat kif ukoll jekk regolati mid-dritt pubbliku.

Artikolu 6

Tipi ta' intervent finanzjarju u proċeduri implimentattivi

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-assistenza Komunitarja skond ir-Regolament Finanzjarju.

2.   L-assistenza finanzjarja taħt l-Istrument tista' tieħu l-forma ta' għotjiet jew kuntratti ta' akkwist pubbliku, mogħtija skond ir-Regolament Finanzjarju.

3.   Fil-każ ta' għotjiet, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma annwali li jispeċifikaw l-objettivi, l-iskeda tas-sejħa jew ta' sejħiet għal proposti, l-ammont indikattiv involut, ir-rata massima ta' intervent finanzjarju u r-riżultati mistennija.

4.   Fil-każ ta' akkwist pubbliku, il-kuntratti inklużi l-kuntratti qafas, għall-finijiet tal-mobilizzazzjoni tal-mezzi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet ta' reazzjoni rapida, għandhom jiġu inklużi fil-programmi annwali ta' ħidma.

5.   Il-programmi annwali ta' ħidma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2).

6.   Il-baġit taħt l-Istrument għandu jiġi implimentat mill-Kummissjoni fuq bażi ċentralizzata u direttament mid-dipartimenti tagħha skond l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 7

Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

Il-parteċipazzjoni fl-Istrument għandha tkun miftuħa għall-pajjiżi kandidati.

Pajjiżi terzi oħra jistgħu jikkoperaw f'attivitajiet taħt l-Istrument fejn dan ikun permess taħt ftehim bejn dawn il-pajjiżi terzi u l-Komunità.

Artikolu 8

Komplementarjetà u konsistenza ta' azzjoni Komunitarja

1.   L-azzjonijiet li jirċievu assistenza finanzjarja taħt l-Istrument m'għandhomx jirċievu assistenza minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-applikanti għal assistenza finanzjarja taħt l-Istrument u l-benefiċjarji ta' tali assistenza jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-assistenza finanzjarja li jkunu rċevew minn sorsi oħra, inkluż il-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, u dwar applikazzjonijiet pendenti sabiex jirċievu tali assistenza.

2.   Għandhom jiġu mfittxija sinerġiji u komplementarjetà ma' strumenti oħra ta' l-Unjoni jew tal-Komunità. Fil-każ ta' reazzjoni f'pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà u l-koerenza ta' azzjonijiet finanzjati taħt l-Istrument u ta' azzjonijiet finanzjati taħt ir-Regolament (KE) Nru 1257/96.

3.   Fejn l-assistenza taħt il-Mekkaniżmu tikkontribwixxi għal reazzjoni umanitarja Komunitarja usa', l-azzjonijiet li jirċievu assistenza finanzjarja taħt l-Istrument għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipji umanitarji msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1257/96.

Artikolu 9

Konsistenza ma' azzjonijiet ta' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, għal interventi f'pajjiżi terzi, l-azzjonijiet finanzjati mill-Komunità ikunu koordinati u konsistenti ma' dawk ta' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali, b'mod partikolari dawk li jiffurmaw parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 10

Assistenza teknika u amministrattiva

1.   Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, l-Istrument jista' jkopri wkoll l-infiq relatat mal-monitoraġġ, kontroll, verifika u valutazzjoni direttament meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

B'mod partikolari, tali infiq jista' jkopri studji, laqgħat, attivitajiet ta' informazzjoni, pubblikazzjonijiet, infiq fuq networks ta' l-informatika (u tagħmir relatat) għall-iskambju ta' informazzjoni u kull infiq ieħor fuq assistenza teknika u amministrattiva li għalih il-Kummissjoni jista' jeħtieġilha tirrikorri sabiex timplimenta din id-Deċiżjoni.

L-infiq msemmi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi m'għandux jaqbeż l-4 % tal-baġit.

2.   Il-baġit relatat ma' l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi implimentat mill-Kummissjoni fuq bażi ċentralizzata u direttament mid-dipartimenti tagħha skond l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 11

Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kuntratti u l-għotjiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' l-Istrument jipprovdu b'mod partikolari għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), jekk meħtieġ, permezz ta' kontrolli fuq il-post, inklużi kontrolli kampjunarji, u verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, għal perijodu ta' ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta' kwalunkwe azzjoni, il-benefiċjarju ta' assistenza finanzjarja jżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta' appoġġ fir-rigward tan-nefqa fuq l-azzjoni.

3.   Abbażi tar-riżultati tal-kontrolli fuq il-post imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiżgura li, jekk meħtieġ, jiġu aġġustati l-iskala jew il-kondizzjonijiet ta' allokazzjoni ta' l-assistenza finanzjarja oriġinarjament approvata kif ukoll l-iskeda ta' żmien għall-pagamenti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jittieħed kull pass meħtieġ għall-verifika li l-azzjonijiet finanzjati jitwettqu korrettament u konformement mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 12

Il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jitwettqu l-azzjonijiet finanzjati taħt l-Istrument, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri għall-prevenzjoni ta' frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effikaċi u bl-irkupru ta' l-ammonti indebitament imħallsa u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, permezz ta' pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95, (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (KE) Nru 1073/1999.

2.   Għall-azzjonijiet Komunitarji finanzjati taħt l-Istrument, ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95 u (Euratom, KE) Nru 2185/96 għandhom japplikaw għal kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, inkluż il-ksur ta' xi obbligazzjoni kuntrattwali stipulata taħt l-Istrument, li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku, li għandu, jew ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew baġits amministrati taħtu b'xi nfiq mhux ġustifikat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont ta' assistenza finanzjarja mogħti għal azzjoni jitnaqqas, jiġi sospiż jew irkuprat jekk issib irregolaritajiet, inkluża n-non konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jew mad-deċiżjoni individwali jew kuntratt li jagħtu s-sostenn finanzjarju in kwistjoni, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet minn qabel u bil-miktub l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni tkun ġiet suġġetta għal xi tibdil li jmur kontra n-natura jew il-kondizzjonijiet implimentattivi tal-proġett.

4.   Jekk il-limiti ta' żmien ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss ta' l-assistenza finanzjarja allokata tkun ġustifikata mill-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta' l-azzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju jiġi mitlub jippreżenta osservazzjonijiet fi żmien speċifikat.

Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza finanzjarja li jkun fadal tkun tista' tiġi kkanċellata u li jintalab ir-rimbors ta' somom diġà mħallsa.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura r-rimbors ta' kwalunkwe pagament mhux ġustifikat, flimkien ma' l-imgħaxijiet fuq kwalunkwe somma mhux rimborsata fiż-żmien debitu skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 13

Il-proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (il-“Kumitat”).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 14

Riżorsi baġitarji

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni ta' l-Istrument għall-perijodu 2007 sa 2013 għandu jkun ta' EUR 189 800 000 fi prezzijiet attwali.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

EUR 133 800 000 fi prezzijiet attwali għandhom jidderivaw mis-subintestatura 3B — “Ċittadinanza” tal-qafas finanzjarju u EUR 56 000 000 fi prezzijiet attwali mis-subintestatura 4 — “L-UE bħala msieħba globali”.

2.   Mhux aktar minn 50 % ta' l-ammont finanzjarju ta' referenza għandhom jiġu allokati għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2)(b) u (ċ).

Artikolu 15

Valutazzjoni

1.   L-azzjonijiet li jirċievu assistenza finanzjarja taħt l-Istrument għandhom jiġu mmonitorjati regolarment sabiex tiġi segwita l-implimentazzjoni tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti dan li ġej lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008, l-ewwel rapport ta' valutazzjoni dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4(2)(b)(ċ) u (3). Dan ir-rapport għandu jieħu kont tar-riżultati ta' analiżi mwettqa b'mod konġunt mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, sal-31 ta' Diċembru 2007, dwar il-ħtiġijiet ta' trasport u ta' tagħmir li rriżultaw f'interventi kbar għall-protezzjoni ċivili u l-miżuri meħuda taħt din id-Deċiżjoni sabiex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet.

Jekk jidher meħtieġ fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport:

(i)

il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta, skond il-każ, sabiex tirrevedi d-dispożizzjonijiet rilevanti,

(ii)

il-Kunsill jista' jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' kwalunkwe emenda adatta għal dawk id-dispożizzjonijiet qabel it-30 ta' Ġunju 2009;

(b)

mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2010, rapport ta' valutazzjoni interim dwar ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni;

(ċ)

mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011, komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni ta' din id-Deċiżjoni;

(d)

mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014, rapport ta' valutazzjoni ex-post.

Artikolu 16

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 17

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 5 ta’ Marzu 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 104.

(2)  ĠU L 297, 15.11.2001, p. 7.

(3)  ĠU L 327, 21.12.1999, p. 53. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2005/12/KE (ĠU L 6, 8.1.2005, p. 7).

(4)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39.

(6)  ĠU L 58, 24.2.2007, p. 1.

(7)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 30.10.2003, p. 1).

(8)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 1. Deċiżjoni hekk kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 12).

(9)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1891/2006 (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1).

(10)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

(11)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1

(12)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(13)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(14)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(15)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.