30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE, EURATOM) Nru 1995/2006

tat-13 ta’ Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 279 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 183 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Qorti ta’ l-Awdituri (2),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), jistabbilixxi l-pedamenti legali tar-riforma tal-ġestjoni finanzjarja. F’dan ir-rigward, l-elementi essenzjali tiegħu għandhom jinżammu u jissaħħu. It-trasparenza, b’ mod partikolari, għandha tissaħħaħ billi tkun ipprovduta informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi Komunitarji. Barra minn hekk, il-prinċipji baġitarji stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu rispettati fl-atti leġislattivi kollha u d-derogi għandhom jinżammu strettament għal minimu.

(2)

Fid-dawl ta’ l-esperjenza prattika, għandhom isiru ċertu emendi lir-Regolament Finanzjarju sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-baġit u l-kisba ta’ l-objettivi bażi tal-politika u biex ikunu aġġustati ċerti ħtiġijiet proċedurali u ta’ dokumentazzjoni sabiex ikunu aktar proporzjonati għar-risk u l-ispiża involuti, skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif imniżżel fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE.

(3)

L-emendi kollha għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-objettivi tar-riformi tal-Kummissjoni u għandhom jgħinu sabiex tittejjeb jew tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja soda u b’hekk jikkontribwixxu għall-kisba ta’ assigurazzjoni raġonevoli tal-legalità u r-regolarità ta’ l-operati finanzjarji.

(4)

Għandu jittieħed kont ta’ dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-dħul u l-infiq tal-baġit, misjuba fl-atti leġislattivi bażiċi adottati għall-perijodu mill-2007 sa l-2013, sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawn l-atti u r-Regolament Finanzjarju.

(5)

Għandu jkun iċċarat li ġestjoni finanzjarja tajba titlob kontroll intern effettiv u effiċjenti, u għandhom ikunu definiti l-fatturi u l-objettivi ewlenin tas-sistemi interni ta’ kontroll.

(6)

Sabiex tkun żgurata t-trasparenza ta’ l-użu tal-fondi li ġejjin mill-baġit, huwa meħtieġ li informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ dawn il-fondi ssir disponibbli f’ċerti limiti meħtieġa biex jipproteġu l-interessi pubbliċi u privati leġittimi u b’kont meħud tal-perijodu ta’ kontabilita partikolari għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija.

(7)

Rigward il-prinċpju ta’ l-unità tal-baġit, għandha tkun simplifikata r-regola li tmexxi l-interessi ġġenerati mill-pre-finanzjament. Il-piż amministrattiv involut fl-irkupru ta’ dak l-interess huwa sproporzjonat għall-objettiv segwit u jkun aktar effiċjenti li l-interess jitħalla jitnaqqas bħala kumpens mill-pagament finali lill-benefiċjarju.

(8)

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ l-annwalità, għandhom jiġu introdotti aktar flessibbiltà u trasparenza biex jirrispondu għall-ħtiġiet funzjonali. It-tmexxija ’l quddiem ta’ l-approprjazzjonijiet għandha tkun permessa biss eċċezzjonalment għal ħlasijiet diretti lill-bdiewa taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija l-ġdid (FAEG) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (5).

(9)

It-talbiet għal ħlasijiet mill-Istati Membri taħt ir-regolamenti l-ġodda għall-agrikoltura se jkunu konċentrati l-aktar bil-qawwa fil-bidu tas-sena baġitarja n.Għalhekk, il-limitu massimu għal impenji minn qabel fir-rigward tal-FAEG (mill-15 ta’ Novembru tas-sena n - 1) biex tkun koperta n-nefqa ta’ ġestjoni ta’ rutina (maħruġ mill-baġit tas-sena n) għandu jiżdied għal tliet kwarti ta’ l-approprjazzjonijiet korrispondenti fl-aħħar baġit agrikolu adottat. Fir-rigward tal-limitu fuq l-impenn minn qabel għan-nefqa amministrattiva, it-test għandu jkun emendat sabiex jirreferi għal approprjazzjonijiet deċiżi mill-awtorità baġitarja, u għalhekk jeskludi trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet.

(10)

L-użu ta’ approprjazzjonijiet mhux differenzjati għall-miżuri veterinarji, imħallsin mill-FAEG, itellfu inutilment l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri, speċjalment fir-rigward tal-limiti imposti fuq il-possibbiltajiet għal ħlasijiet li jitmexxew ’il quddiem. L-użu ta’ approporjazzjonijiet differenzjati għal tali nefqa għandu għalhekk jiġi permess, peress illi dan huwa aktar skond in-natura pluriennali ta’ l-azzjonijiet.

(11)

Rigward il-prinċipju ta’ l-universalità, għandhom jiżdiedu żewġ punti mal-lista tad-dħul assenjat. L-ewwel, kif inhu possibbli bħalissa taħt programmi ta’ riċerka speċifiċi, għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jagħmlu kontribuzzjonijiet ad hoc, bħala dħul assenjat, għal proġetti taħt programmi ta’ relazzjonijiet esterni ġestiti mill-Kummissjoni. It-tieni, id-dħul mill-bejgħ ta’ vetturi, apparat, installazzjonijiet, materjali, u apparat xjentifiku u tekniku li jkun se jinbidel jew isir ruttam għandu jiġi trattat bħala dħul assenjat, bħala inkoraġġiment għall-uffiċjali awtorizzanti biex jiksbu l-aħjar prezzijiet meta jiddisponu minnhom.

(12)

Fil-preżent, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata mill-awtorità baġitarja qabel ma taċċetta kwalunkwe donazzjoni, bħal rigali jew legati, li jinvolvu ħlas. Biex jiġu evitati proċeduri li mhumiex meħtieġa u ta’ toqol żejjed, l-awtorizzazzjonijiet għandhom isiru obbligatorji biss fil-każ ta’ donazzjonijiet li jaqbżu ċertu valur u li jinvolvu ħlasijiet sinifikanti.

(13)

Ir-regoli li jirregolaw it-trasferimenti ta’ approporjazzjonijiet għandhom jiġu simplifikati u ċċarati fuq ċerti punti għaliex fil-prattika dawn urew li kienu tqal iżżejjed jew mhux ċari.

(14)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-Kummissjoni għandha titħalla tiddeċiedi awtonomament dwar trasferimenti mir-riżerva f’każijiet fejn ma jeżisti l-ebda att bażiku għall-azzjoni kkonċernata fiż-żmien meta ġie stabbilit il-baġit, iżda fejn l-att bażiku huwa adottat matul is-sena.

(15)

Ir-regoli dwar trasferimenti amministrattivi tal-Kummissjoni għandhom ikunu adattati għall-istruttura l-ġdida ta’ Baġitjar Ibbażat skond l-Attività (ABB). Għalhekk, għandha tkun prevista eżenzjoni mill-“proċedura ta’ notifikazzjoni”. Waqt l-aħħar xahar tas-sena finanzjarja l-Kummissjoni għandha titħalla tiddeċiedi awtonomament dwar trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet li jirrigwardaw nefqa ta’ persunal, b’ ċerti limiti.

(16)

Numru ta’ Artikoli fir-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu emendati minħabba fl-abolizzjoni tar-riżerva konnessa ma’ self u garanziji ta’ self Komunitarji lil pajjiżi terzi, u minħabba l-adozzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ provvista ġdid għall-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni.

(17)

Sabiex f’każi eċċezzjonali ta’ diżastri umanitarji u kriżijiet internazzjonali li jseħħu fi tmiem is-sena baġitarja tkun aċċellerata l-mobilizzazzjoni ta’ fondi, il-Kummissjoni għandha tkun permessa li titrasferixxi awtonomament approprjazzjonijiet tal-baġit mhux użati disponibbli taħt l-intestatura relevanti tal-qafas finanzjarju pluriennali għat-titoli baġitarji konċernati.

(18)

Fir-rigward tal-proċedura baġitarja, il-ħtieġa stabbilita fl-Artikolu 29 tar-Regolament Finanzjarju li l-baġit għandu jkun ippubblikat fi żmien xahrejn mill-adozzjoni, uriet li mhix realistika: tliet xhur ikun aktar prattikabbli. Il-kunċett ta’ “Dikjarazzjoni ta’ Attività” għandu jiddaħħal fl-Artikolu 33 tar-Regolament Finanzjarju sabiex wieħed mill-elementi ewlenin ta’ l-ABB isir uffiċjali, u l-kontenut ta’ tali dikjarazzjonijiet għandu jkun definit aktar preċiżament sabiex isiru aktar operattivi. L-iskedi ta’ ħlasijiet għandhom ikunu inklużi fid-dokumenti ta’ ħidma li jakkumpanjaw l-abbozz preliminari tal-baġit elenkati fl-Artikolu 33 tar-Regolament Finanzjarju minflok ma jitpoġġew fil-baġit innifsu, peress illi mhumiex rilevanti għall-proċedura baġitarja u peress illi huma tqal iżżejjed għalxejn.

(19)

Fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni baġitarja, jinħtieġu xi aġġustamenti sabiex jiġu riflessi aħjar il-karatteristiċi speċifiċi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK). Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, il-forom li l-atti bażiċi jistgħu jieħdu taħt it-Trattat tal-KE u taħt it-Titoli V u VI tat-TUE għandhom ikunu identifikati fir-Regolament Finanzjarju minflok fir-regoli implimentattivi. Barra minn hekk, għandha tiżdied dispożizzjoni speċifika oħra sabiex ikunu riflessi sewwa t-tipi ta’ miżuri preparatorji li jistgħu jittieħdu fil-qasam tal-PESK.

(20)

Fir-rigward tal-metodi ta’ ġestjoni, l-Artikolu relevanti tar-Regolament Finanzjarju għandu jiġi ristrutturat għall-fini ta’ ċarezza. Huwa meħtieġ ukoll li titneħħa l-limitazzjoni ta’ ġestjoni komuni għall-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u l-Fondi Strutturali, għaliex programmi addizzjonali issa għandhom joperaw taħt ġestjoni komuni. Il-ħtiġiet għal ġestjoni konġunta għandhom jiġu ċċarati aktar. L-Artikolu relevanti tar-Regolament Finanzjarju għandu jitkompla biex jinkludi partikolarment lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u lill-Fond Ewropew ta’ l-Investiment bħala korpi Komunitarji li l-Kummissjoni tista’ tiddelegalhom kompiti. Il-kriterji mniżżlin fir-Regolament Finanzjarju għall-użu ta’ korpi tas-settur pubbliku nazzjonali għandhom jiġu simplifikati sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom u sabiex iwieġbu għall-bżonnijiet operattivi li qed jikbru, u l-iskop tad-dispożizzjoni għandu jiġi estiż għall-korpi pubbliċi internazzjonali. Ir-Regolament Finanzjarju għandu wkoll jiċċara l-pożizzjoni fir-rigward tal-każ ta’ konsulenti speċjali jew kapijiet ta’ missjoni appuntati mill-Kunsill biex jiġġestixxu ċerti azzjonijiet fil-kuntest tal-PESK.

(21)

Ir-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri taħt ġestjoni komuni għandhom jitniżżlu f’aktar dettall, biex jieħdu kont tad-diskussjonijiet li għaddejjin bejn l-istituzzjonijiet dwar il-proċedura ta’ kwittanza u s-sistemi ta’ kontroll xierqa li għandhom jiġu attwati, biex jirriflettu r-responsabbiltajiet reċiproki ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni. B’segwitu tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja soda (6), l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jipproduċu taqsira annwali tal-verifiki u d-dikjarazzjonijiet disponibbli marbutin mal-fondi taħt il-ġestjoni komuni.

(22)

Il-projbizzjoni mid-delegar ta’ kompiti implimentattivi għall-korpi privati għandha tiġi modifikata fir-Regolament Finanzjarju għaliex it-termini ta’ dik il-projbizzjoni irriżultaw li huma stretti aktar milli meħtieġ. Għandu jkun possibbli, per eżempju, għall-Kummissjoni li tingaġġa s-servizzi ta’ aġenzija ta’ l-ivvjaġġar jew organizzatur tal-konferenzi biex jieħu ħsieb li jkunu rimborżati l-ispejjeż tal-parteċipanti f’konferenzi, sakemm l-ebda poteri diskriminatorji ma jiġu eżerċitati mill-kumpannija privata.

(23)

Għandu jkun possibbli l-istabbiliment minn diversi istituzzjonijiet ta’ bordijiet konġunti dwar irregolaritajiet finanzjarji.

(24)

Għandha tiġi ċċarata r-responsabbiltà ta’ l-uffiċjal tal-kontijiet li jiċċertifikaw il-kontijiet abbażi ta’ l-informazzjoni finanzjarja fornuta lilhom mill-uffiċjali regolaturi. Għal dan il-għan, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jingħata s-setgħa biex jivverifika l-informazzjoni li tasallu mingħand l-uffiċjal awtorizzanti b’delega u jagħmel ir-riżervi tiegħu jekk dan ikun meħtieġ.

(25)

Għandha tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn l-awditur intern tal-Kummissjoni u l-korpi attwati mill-Komunitajiet. Dawk il-korpi għandu jkollhom il-funzjoni ta’ verifika interna tagħhom stess li tirrapporta lill-bordijiet ta’ ġestjoni tagħhom stess, waqt li l-awditur intern tal-Kummissjoni jirrapporta lill-Kulleġġ ta’ Kummissarji dwar il-proċeduri u s-sistemi tal-Kummissjoni. Għandu jkun meħtieġ għall-awditur intern tal-Kummissjoni sabiex jikkonferma biss li l-funzjonijiet ta’ verifika interna ta’ l-aġenziji jilħqu standards internazzjonali u għal dak l-għan għandu jkun jista’ jikkonduċi verifiki tal-kwalità ta’ l-attività interna ta’ verifika.

(26)

Għandu jiġi introdott perijodu ta’ limitazzjoni dwar il-validità ta’ pretensjonijiet. Il-Komunità, bil-kontra ta’ ħafna mill-Istati Membri tagħha, mhux soġġetta għall-perijodu ta’ limitazzjoni li taħtu huma mitmuma pretensjonijiet finanzjarji wara ċertu perijodu ta’ żmien. Il-Komunità lanqas ma hija ristretta minn perijodu ta’ limitazzjoni fl-insegwiment tat-talbiet tagħha kontra terzi persuni. L-introduzzjoni ta’ tali perijodu ta’ limitazzjoni għandu jikkorrispondi għal ġestjoni finanzjarja tajba.

(27)

Ir-Regolament Finanzjarju għandu jirrifletti l-importanza ta’ kuntratti kwadru fil-ġestjoni ta’ l-akkwist pubbliku. Għandu jinkoraġġixxi l-użu ta’ proċeduri interistituzzjonali ta’ akkwist u jippermetti l-possibbiltà ta’ proċeduri konġunti ta’ akkwist bejn istituzzjoni u awtorità kontraenti minn Stat Membru.

(28)

Għandhom isiru ċerti aġġustamenti tekniċi sabiex jiġi żgurat li t-terminoloġija tar-Regolament Finanzjarju tkun konformi bis-sħiħ mad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (7). Il-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri taħt id-Direttiva biex jiddeterminaw proċeduri speċifiċi għal kuntratti li huma dikjarati sigrieti, meta r-rendiment tagħhom irid ikun akkumpanjat minn miżuri speċjali ta’ sigurtà, jew meta l-ħarsien ta’ l-Istat Membru jkun jesiġi dan, għandha ssir disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunità.

(29)

F’konformità mad-Direttiva 2004/18/KE, ir-regoli dwar l-esklużjoni minn proċedura ta’ akkwisti għandhom bżonn ikunu ċċarati. Minbarra dan, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, għandu jiġi speċifikat perijodu massimu ta’ esklużjoni fir-Regolament Finanzjarju. Fid-dawl tad-Direttiva 2004/18/KE, għandha ssir eċċezzjoni għar-regoli dwar l-esklużjoni għal xiri ta’ provedimenti b’termini partikolarment vantaġġjużi jew mingħand il-fornitur li jkun se jtemm l-attivitajiet tiegħu ta’ negozju b’mod definit, jew mingħand ir-riċevituri jew il-likwidaturi ta’ falliment, permezz ta’ ftehim mal-kredituri, jew permezz ta’ proċedura simili skond il-liġi nazzjonali.

(30)

Għandha ssir obbligatorja taħt ir-Regolament Finanzjarju għal kandidati jew appaltaturi fi proċeduri ta’ akkwist li jiċċertifikaw, jekk ikunu mitluba, l-appartenenza jew il-ġestjoni, il-kontroll u s-setgħa ta’ rappreżentanza ta’ l-entità ġuridika li qed tissottometti offerta jew li s-sottokuntratturi tagħhom ma jkunux f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 93 tar-Regolament Finanzjarju. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawk li jissottomettu l-offerti ma jkunx hemm bżonn li jiċċertifikaw li mhumiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet li titlob l-esklużjoni meta jipparteċipaw fi proċedura ta’ akkwist għal għotja ta’ kuntratti ta’ valur baxx ħafna.

(31)

Sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-proċeduri ta’ akkwist, id-database ta’ kandidati jew appaltaturi f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni għandha tkun komuni għall-istituzzjonijiet, għall-aġenziji eżekuttivi u l-korpi imsemmijin fir-Regolament Finanzjarju.

(32)

Sabiex jitqiesu l-interessi ta’ l-appaltaturi li ma jkollhomx suċċess, huwa xieraq li jkun previst li kuntratt kopert mid-Direttiva 2004/18/KE ma jistax ikun ffirmat qabel ma jgħaddi perijodu ta’ żmien raġonevoli ta’ pawsa.

(33)

L-obbligi ta’ l-istituzzjonijiet li jissospendu l-proċedura jew kuntratt ta’ akkwist skond ir-Regolament Finanzjarju f’każijiet ta’ frodi jew irregolaritajiet jenħtieġ li jkunu ċċarati sabiex jittejjeb l-operat tad-dispożizzjonijiet releveanti ta’ dak ir-Regolament.

(34)

Fir-rigward ta’ l-għotjiet, hemm bżonn ta’ simplifikazzjoni tar-regoli. Il-ħtiġiet għal iċċekkjar u għal garanziji għandhom ikunu aktar proporzjonali għar-riskji finanzjarji involuti. Id-definizzjoni ta’ għotjiet jeħtieġ li tiġi ċċarata, partikolarment rigward il-finanzjament marbut ma’ attivitajiet ta’ self jew ishma u nfiq relatat mas-swieq tas-sajd. Biex tittejjeb il-ġestjoni ta’ l-għotjiet u jiġu ssimplifikati l-proċeduri, għandu jkun possibbli li l-għotjiet jingħataw jew bdeċiżjoni ta’ l-istituzzjoni jew bi ftehim bil-miktub mal-benefiċjarji.

(35)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u trasparenza, l-użu ta’ ħlasijiet ta’ somma u b’rati fissi għandu jkun awtorizzat flimkien mal-metodu aktar tradizzjonali ta’ rimburżar ta’ spejjeż li jkunu saru.

(36)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, l-eċċezzjonijiet għar-regola ta’ non-profitt attwalment previsti fir-regoli implimentattivi għandhom ikunu inklużi fir-Regolament Finanzjarju. Barra minn hekk, għandu jkun iċċarat li l-għan ta’ l-għoti ta’ l-għotjiet għal ċerti azzjonijiet huwa biex jgħin ir-rinfurzar tal-kapaċità finanzjarja jew biex jiġġenera qligħ.

(37)

Ir-regola li l-għotjiet għandhom jingħataw abbażi ta’ sejħiet għal proposti wriet il-validità tagħha. L-esperjenza wriet, madankollu, li f’ċerti sitwazzjonijiet in-natura ta’ l-azzjoni ma tħalli l-ebda għażla fis-selezzjoni tal-benefiċjarji; tali każijiet għandhom għalhekk ikunu eżentati minn din ir-regola.

(38)

Għandha tiġi aġġustata r-regola li l-istess azzjoni m’għandhiex twassal għal aktar minn għotja waħda lil kwalunkwe benefiċjarju wieħed. Xi atti legali bażiċi jippermettu li l-Komunità tagħti fondi minn sorsi differenti li għandhom jingħaqdu, u tali każijiet jistgħu jiżdiedu fil-futur sabiex tkun żgurata l-effettività tan-nefqa. Madankollu, għandu jkun magħmul ċar fir-Regolament Finanzjarju li l-istess spejjeż ma jistgħux jiġu ffinanzjati darbtejn mill-baġit Komunitarju.

(39)

Ir-regola li l-ftehim dwar għotja operattiva ma jistax ikun iffirmat aktar minn erba’ xhur wara l-bidu tas-sena finanzjarja tal-benefiċjarju dehret li hija riġida bla bżonn. Din l-iskadenza għandha għalhekk tkun estiża għal sitt xhur.

(40)

Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, fil-każ ta’ għotjiet operattivi li jingħataw f’forma ta’ somom ta’ darba jew fforma ta finanzjament b’ rata fissa, għandha titneħħa r-regola li l-għotijiet għandhom jitnaqqsu gradwalment.

(41)

Ċerti restrizzjonijiet dwar l-eliġibilità tal-benefiċjarji għandhom jitneħħew sabiex ikun hemm il-possibbiltà ta’ għotjiet lil persuni fiżiċi u ċerti tipi ta’ entitajiet li m’għandhomx personalità legali. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, għal għotjiet ta’ valur baxx ħafna, l-uffiċjal awtorizzanti jista’ joqgħod lura milli jitlob lill-applikanti jiċċertifikaw li mhumiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni taħt id-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament Finanzjarju.

(42)

Waqt li l-għotjiet għandhom ikomplu jingħataw abbażi ta’ kriterji ta’ selezzjoni u ta’ għotja, fil-prattika mhemmx bżonn li dawk il-kriterji jiġu evalwati minn kumitat maħtur apposta u b’hekk dik il-ħtieġa għandha titneħħa.

(43)

Fir-rigward ta’ l-istandards dwar akkwist pubbliku li għandhom jiġu applikati mill-benefiċjarji ta’ għotjiet, ir-regola attwali fir-Regolament Finanzjarju mhijiex ċara u missa tiġi simplifikata. Aktar minn hekk, għandu jkun previst espressaement il-każ li fih l-implimentazzjoni ta’ azzjoni jkollha bżonn tagħti sostenn finanzjarju lil partijiet terzi.

(44)

Fir-rigward tar-regoli dwar il-kontabilità u l-kontijiet, ir-Regolament Finanzjarju għandu jagħmilha possibbli li l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni jiddetermina, b’konformità ma’ standards internazzjonali, liema korpi oħrajn, barra dawk li qed jirċievu sussidji Komunitarji, jaqgħu fl-ambitu ta’ l-iskop tal-konsolidament tal-kontijiet, jekk ikun miftiehem li l-konsolidazzjoni tal-kontijiet ma titlobx kwalunkwe trasferiment ta’ fondi minn korpi li jiffinanzjaw lilhom infushom lill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea u lanqas tinfluwenza l-awtonomija finanzjarja u operattiva tagħhom u l-proċeduri ta’ kwittanza għall-kontijiet tagħhom.

(45)

Minħabba fit-twelid tal- FAEG, li għandu jissostitwixxi l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) mill-1 ta’ Jannar 2007, ċerta terminoloġija fir-Regolament Finanzjarju missa tiġi aġġustata. Hemm bżonn ukoll ta’ kjarifka sabiex ikunu jistgħu jsiru impenji provviżorji wara l-iskadenza normali ta’ xahrejn wara li jkunu ġew irċevuti r-rendikonti tan-nefqa ta’ l-Istati Membri f’każijiet fejn tkun mistennija deċiżjoni dwar trasferiment ta’ approprjazzjonijiet. Id-dispożizzjonijiet speċjali tar-Regolament Finanzjarju dwar it-trasferimenti misshom jiġu ċċarati.

(46)

It-terminoloġija għandha tiġi aġġustata wkoll sabiex issir referenza biss għall-fondi strutturali, il-fond ta’ koeżjoni, il-fond tas-sajd u l-fond għall-iżvilupp rurali. Għandhom jitneħħew ir-referenzi għal miżuri strutturali (ISPA) u dawk agrikoli (SAPARD) ta’ qabel l-adeżjoni, peress illi dawn jinvolvu ġestjoni minn pajjiżi terzi fuq bażi deċentralizzata skond l-Artikolu 164 tar-Regolament Finanzjarju u għandhom ikomplu jiġu implimentati l-aktar bl-istess mod bħal fil-preżent. Fir-rigward tad-disponibbiltà mill-ġdid ta’ approporjazzjonijiet disimpenjati, b’konformità ma’ l-atti bażiċi l-ġodda għal azzjonijiet strutturali fil-perijodu 2007 sa l-2013 li jkopru l-każ ta’ force majeure, għandha tinżamm dispożizzjoni fir-Regolament Finanzjarju fil-każijiet biss fejn żball ċar huwa attribwibbli għall-Kummissjoni.

(47)

Imissa tiżdied dispożizzjoni fir-Regolament Finanzjarju li tkopri d-dħul assenjat iġġenerat mill-istralċ tal-Komunità Ewropea għall-Faħam u l-Azzar u d-disponibbiltà ta’ l-approprjazzjonijiet korrispondenti.

(48)

Huwa meħtieġ li jiġu permessi approprjazzjonijiet li kienu diżimpenjati bħala riżultat ta’ non-implimentazzjoni totali jew parzjali tal-proġetti li għalihom kienu assenjati, li għandhom isiru mill-ġdid disponibbli. Madankollu, dan ikun jista’ jsir biss taħt kondizzjonijiet stretti, u biss fil-qasam tar-riċerka, peress illi proġetti ta’ riċerka jippreżentaw riskju finanzjarju akbar minn dawk f’oqsma oħrajn ta’ politika.

(49)

Fir-rigward ta’ l-azzjonijiet esterni, għandu jiġi ċċarat li, b’konformità mal-prattika eżistenti l-proċeduri ta’ għotjiet li għandhom jiġu applikati minn pajjiżi terzi fil-każ ta’ ġestjoni deċentralizzata għandhom jiġu speċifikati fil-ftehim finanzjarji konklużi ma’ dawk il-pajjiżi. Għandha tapplika r-“regola n+3”, li skondha l-kuntratti u l-ftehim individwali li jimplimentaw tali ftehim finanzjarji għandhom ikunu konklużi mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim finanzjarju. Għandhom ikunu previsti regoli speċifiċi għall-każ ta’ ġestjoni deċentralizzata ta’ programmi pluriennali taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas- 17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (8) u r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (9).

(50)

Sabiex tkun faċilitata t-tmexxija, għandu jkun possibbili għall-istituzzjonijiet li jiddelegaw il-poteri ta’ uffiċjali awtorizzanti lil Diretturi ta’ Uffiċċji Ewropej inter-istituzzjonali għall-ġestjoni ta’ approporjazzjonijiet imdaħħlin fis-sezzjonijiet rispettivi tagħhom tal-baġit. Waqt li l-kontenut tagħhom m’għandux jinbidel, l-Artikoli relevanti tar-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu kemmxejn ristrutturati sabiex jiċċaraw is-sotto-delegazzjoni ta’ poteri awtorizzanti mid-diretturi ta’ Uffiċċji.

(51)

Għandha tiġi ċċarata l-proċedura li taħtha l-awtorità baġitarja tista’ toħroġ opinjoni dwar proġett ta’ bini.

(52)

Programmi qafas ta’ riċerka suċċessivi ffaċilitaw ix-xogħol tal-Kummissjoni billi stabilixxew regoli simplifikati għall-għażla ta’ esperti esterni għall-evalwazzjoni ta’ proposti jew ta’ applikazzjonijiet għal għotjiet u assistenza teknika għal segwitu u evalwazzjoni tal-proġetti li ngħataw fondi. Din il-proċedura għandha tkun disponibbli fir-rigward tal-programmi l-oħrajn kollha.

(53)

Għandhom jiżdiedu dispożizzjonijiet transitorji. L-ewwelnett rigward li jerġgħu jsiru disponibbli approprjazzjonijiet disimpenjati korrispondenti għall-inpenji magħmula tul il-perijodu ta’ programmar ta’ Fondi Strutturali 2000-2006, il-każ ta’ force majeure għandu jkompli jiġi applikat kif provdut attwalment fir-Regolament Finanzjarju sat-tmiem ta’ l-assistenza. Dan huwa sabiex jiġi evitat tfixkil tas-sistema kurrenti peress li force majeure hija trattata diversament fir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (10) tal-Kunsill tal-111 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni. It-tieni, għandha tiżdied disposizzjoni transitorja fir-Regolament Finanzjarju biex tiġi trattata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-database ċentrali għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ akkwist u għotjiet. Finalment, għandha tiżdied disposizzjoni simili biex tippermetti li jiġu trattati l-impenji Komunitarji pendenti li għandhom ikunu finanzjarjament deċiżi sabiex tingħalaq l-assistenza provduta fir-Regolamenti li jirregolaw il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perijodu ta’ programmar 2000-2006. Għall-approprjazzjonijiet li jikkonċernaw in-nefqa operattiva, għandha tiġi miżmuma l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħmel trasferimenti minn titolu għall-ieħor, sakemm l-approprjazzjonijet in kwistjoni huma għall-istess objettiv. B’mod simili, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tkompli tagħmel trasferimenti minn titolu għall-ieħor meta l-approprjazzjonijiet in kwistjoni jirrelataw ma’ inizjattivi Komunitarji jew assistenza teknika u miżuri innovattivi, sakemm huma jiġu trasferiti għall-miżuri ta’ l-istess natura. Dan ifisser, per eżempju, t-trasferiment ta’ approprjazzjonijiet relatati ma’ inizjattiva Komunitarja waħda għal oħra f’titolu differenti.

(54)

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 huwa emendat kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għat-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, minn hawn ’il quddiem ‘il-baġit’, u l-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet.”

2)

L-Artikolu 3 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-baġit għandu jkun stabbilit u implimentat f’konformità mal-prinċipji ta’ l-unità, il-preċiżjoni baġitarja, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kont, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja soda li titlob kontroll intern effettiv u effiċjenti, u t-trasparenza kif imniżżel f’dan ir-Regolament.”;

3)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 4 hu sostitwit b’li ġej:

“4.   Soġġett għall-Artikoli 5a, 18 u 74, imgħax akkwistat mill-fondi li huma l-proprjetà tal-Komunitajiet għandu jiddaħħal fil-baġit bħala dħul varju.”;

4)

L-Artiklu li ġej hu miżjud fil-Kapitolu 1 tat-Titolu II ta’ l-Ewwel Parti:

“Artikolu 5a

1.   Imgħax iġġenerat minn ħlasijiet ta’ pre-finanzjament għandu jiġi assenjat lill-programm jew lill-azzjoni kkonċernata u mnaqqas mill-pagament tal-bilanċ ta’ l-ammonti dovuti lill-benefiċjarju.

Ir-Regolament li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, minn issa ’l quddiem ‘ir-regoli implimetattivi’, għandu jispeċifika l-każijiet li fihom l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu, b’eċċezzjoni, annwalment jirkupra tali interessi. Dak l-interess għandu jiddaħħal fil-baġit bħala dħul varju.

2.   L-imgħax m’għandux ikun dovut lill-Komunitajiet fil-każijiet li ġejjin:

(a)

pre-finanzjament li ma jirrappreżentax ammont konsiderevoli, kif determinat fir-regoli implimentattivi;

(b)

pre-finanzjament imħallas taħt kuntratt ta’ akkwist skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 88;

(ċ)

pre-finanzjament imħallas lill-Istati Membri;

(d)

pre-finanzjament imħallas taħt l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni;

(e)

ħlasijiet bil-quddiem imħallsa lill-membri ta’ l-istituzzjonijiet u lill-persunal skond ir-Regolament tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ uffiċjali oħrajn tal-Komunitajiet Ewopej, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘Regolamenti tal-Persunal’;

(f)

pre-finanzjament imħallas fl-ambitu tal-ġestjoni konġunta kif imsemmi fil-punt (ċ) ta’ l-Artikolu 53(1).”;

5)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-frażi intoduttorja tal-paragrafu 2, “Approprjazzjonijiet għal impenn ta’ approprjazzjonijiet differenzjati” hija sostitwita bi “Approprjazzjonijiet ta’ impenn”;

(b)

fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 3, “Approprjazzjonijiet għal ħlas ta’ approprjazzjonijiet differenzjati” tinbidel b’“Approprjazzjonijiet ta’ ħlas”;

6)

Fl-Artikolu 11, il-kliem “l-Artikolu 157” hija sostwita bil-kliem “l-Artikoli 157 u 160a”.

7)

Fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“Madankollu, għall-finijiet ta’ dħul u ħruġ tal-flus imsemmija fl-Artikolu 61, l-uffiċjal tal-kontijiet, fil-każ ta’ kontijiet imprest, l-amministraturi imprest, u, għall-ħtiġiet tal-ġestjoni amministrattiva tas-Servizz Estern tal-Kummissjoni, l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jkun awtorizzat iwettaq operati f’muniti nazzjonali kif stabbilit fir-regoli implimentattivi.”

8)

L-Artikolu 18(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-frażi preliminari tinbidel b’li ġej:

“Bla preġudizzju għall-Artikolu 160(1a) u l-Artikolu 161(2), il-partiti ta’ dħul li ġejjin għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw partiti speċifiċi tan-nefqa:”

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri u pajjiżi donaturi oħrajn, inklużi fiż-żewġ każi l-aġenziji pubbliċi u parastatali tagħhom, jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali għal ċerti proġetti ta’ għajnuna esterna jew programmi ffinanzjati mill-Komunità u ġestiti mill-Kummissjoni f’isimhom, skond l-att bażiku rilevanti;”;

(ċ)

jiddaħħal il-punt (ea) li ġej:

“(ea)

rikavat mill-bejgħ ta’ vetturi, tagħmir, installazzjonijiet, materjali u apparat xjentifiku u tekniku li qed jinbidlu jew jintremew meta l-valur kif imniżżel fil-kotba huwa żvalutat għal kollox;”;

9)

Fl-Artikolu 19(2), l-ewwel sentenza tinbidel b’li ġej:

“L-aċċettazzjoni ta’ donazzjonijiet ta’ valur ta’ EUR 50 000 jew aktar li jinvolvu ħlas finanzjarju, inkluż spejjeż ta’ segwitu, li jaqbżu l-10 % tal-valur tad-donazzjoni mogħtija, għandha tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li t-tnejn għandhom jaġixxu fuq din il-kwistjoni fi żmien xahrejn mid-data minn meta jirċievu t-talba mill-Kummissjoni.”;

10)

L-Artikolu 22 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 22

1.   Kull istituzzjoni minbarra l-Kummissjoni tista’, fis-sezzjoni proprja tagħha tal-baġit, tittrasferixxi approprjazzjonijiet:

(a)

minn titolu għal ieħor sa massimu ta’ 10 % ta’ l-approprjazzjonijiet għas-sena murija fil-linja li minnha jsir it-trasferiment;

(b)

minn kapitolu għal ieħor u minn artikolu għal ieħor mingħajr limitu.

2.   Tliet ġimgħat qabel ma jsiru t-trasferimenti msemmija fil-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet għandhom jinformaw lill-awtorità baġitarja bl-intenzjonijiet tagħhom. Fil-każ li jitqajmu raġunijiet debitament issostanzjati f’dan il-perijodu minn waħda mill-fergħat ta’ l-awtorità baġitarja, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24.

3.   Kwalunkwe istituzzjoni minbarra l-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-awtorità baġitarja, fis-sezzjoni tagħha tal-baġit, trasferimenti minn titolu għal ieħor li jeċċedi l-limitu ta’ 10 % ta’ l-approporjazzjonijiet għas-sena finanzjarja fil-linja li minnha għandu jsir it-trasferiment. Dawk it-trasferimenti għandhom ikunu soġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24.

4.   Kwalunkwe istituzzjoni minbarra l-Kummissjoni tista’, fis-sezzjoni tagħha tal-baġit, tagħmel trasferimenti fl-artikoli mingħajr ma’ tinforma minn qabel lill-awtorità baġitarja.”;

11)

L-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b’li ġej:

“(b)

rigward in-nefqa fuq persunal u amministrazzjoni, tittrasferixxi approprjazzjonijiet minn titolu għal ieħor sa massimu ta’ 10 % ta’ l-approprjazzjonijiet għas-sena murija fil-linja li minnha jsir it-trasferiment, u sa massimu ta’ 30 % ta’ l-approprjazzjonijiet għas-sena murija fil-linja li jsir it-trasferiment lejha;”;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

tittrasferixxi approporjazzjonijiet, hekk kif l-att bażiku jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, mit-titolu ‘dispożizzjonijiet’ imsemmi fl-Artikolu 43 għall-każijiet fejn ma jeżisti l-ebda att bażiku għall-azzjoni kkonċernata meta l-baġit ikun stabbilit.”;

(iii)

It-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“Tliet ġimgħat qabel tagħmel it-trasferimenti msemmija fil-punti (b) u (ċ) ta’ l-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità baġitarja bid-deċiżjoni tagħha. F’każ li jingħataw raġunijiet debitament sostanzjati matul dak il-perijodu ta’ tliet ġimgħat minn fergħa jew oħra ta’ l-awtorità baġitarja, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24.”

(iv)

jiżdiedu t-tielet u r-raba’ subparagrafi li ġejjin:

“Madankollu, matul l-aħħar xahrejn tas-sena finanzjarja, il-Kummissjoni tista’ awtonomament tittrasferixxi approprjazzjonijiet relatati ma’ nfiq fuq persunal, persunal estern u aġenti oħrajn minn titolu għal ieħor sa limitu totali ta’ 5 % ta’ l-approprjazzjonijiet għas-sena finanzjarja. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità baġitarja fi żmien ġimagħtejn wara wara d-deċiżjoni tagħha dwar dawk it-trasferimenti.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità baġitarja fi żmien ġimagħtejn wara d-deċiżjoni tagħha dwar it-trasferimenti msemmija fil-punt (d) ta’ l-ewwel subparagrafu.”

(b)

fil-paragrafu 2, il-“paragrafu 1(ċ)” huwa sostitwit bil-“paragrafi 1”.

12)

L-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   It-trasferimenti bejn it-titoli tal-baġit dedikati għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), il-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew tas-Sajd, il-Fond Ewropew Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali (FEAŻR) u r-Riċerka għandhom ikunu soġġetti għal dispożizzjonijiet speċjali taħt it-Titoli I, II u III tat-Tieni Parti.”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“Id-deċiżjonijiet dwar trasferimenti biex tkun permessa l-utilizzazzjoni tar-riżerva għall-għajnuna ta’ emerġenza għandhom jittieħdu mill-awtorità baġitarja fuq proposta mill-Kummissjoni. Għandha tintbagħat proposta separata għal kull operazzjoni individwali.”;

(ċ)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   F’każijiet eċċezzjonali debitament sostanzjati ta’ diżastri umanitarji u kriżijiet internazzjonali, li jseħħu wara l-15 ta’ Diċembru tas-sena baġitarja, il-Kummissjoni tista’ tittrasferixxi approprjazzjonijiet baġitarji mhux użati għas-sena baġitarja attwali li għadhom disponibbli fit-titoli baġitarji li jaqgħu taħt l-intestatura 4 tal-qafas finanzjarju pluriennali għat-titoli baġitarji dwar l-għajnuna għall-maniġġar ta’ kriżijiet u operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja. Il-Kummissjoni għandha tinforma liż-żewġ fergħat ta’ l-awtorità baġitarja immedjatament wara li tagħmel tali trasferimenti.”

13)

L-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’li ġej:

“1.   Kull proposta jew inizjattiva sottomessa lill-awtorità leġislattiva mill Kummissjoni jew minn Stat Membru f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE jew it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jista’ jkollha impatt fuq il-baġit, inkluż tibdil fin-numru ta’ entrati, għandha tkun akkumpanjata b’rendikont finanzjarju u l-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 27(4) ta’ dan ir-Regolament.

Kwalunkwe emenda għal proposta jew inizjattiva sottomessa lill-awtorità leġislattiva li jista’ jkollha implikazzjonijiet konsiderevoli fuq il-baġit, inkluż tibdil fin-numru ta’ entrati, għandha tkun akkumpanjata b’rendikont finanzjarju mħejji mill-istituzzjoni li tkun qed tipproponi l-emenda”.;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet, ir-rendikont finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jirreġistra kwalunkwe informazzjoni dwar ħarsien eżistenti u ppjanat mill-frodi u dwar miżuri ta’ protezzjoni.”;

14)

Wara l-Artikolu 28, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 28a

1.   Il-baġit għandu jiġi implimentat f’konformità ma’ kontroll intern effettiv u effikaċi kif xieraq f’kull manjiera ta’ ġestjoni, u skond ir-regolamenti speċifiċi għas-settur.

2.   Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit, il-kontroll intern huwa definit bħala proċess applikabbli fil-livelli kollha tal-ġestjoni u mfassal biex jipprovdi assigurazzjoni raġonevoli għall-kisba ta’ l-objettivi li ġejjin:

(a)

effettività, effikaċja u ekonomija ta’ l-operati;

(b)

irrappurtar ta’ min jorbot fuqu;

(c)

salvagwardjar ta’ l-assi u l-informazzjoni;

(d)

prevenzjoni u identifikar ta’ frodi u irregolaritajiet;

(e)

ġestjoni adegwata tar-riskji marbutin mal-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti, b’kont meħud tal-karattru pluriennali tal-programmi kif ukoll tan-natura tal-ħlasijiet involuti.”;

(15)

Fl-Artikolu 29, il-paragrafu 2 hu sostitwit b’li ġej:

“2.   Il-President tal-Parlament Ewropew għandu jippubblika l-baġit u l-baġits emendatorji, kif ikunu adottati l-aħħar, fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropew.

Il-baġit għandu jkun ippubblikat fi żmien tliet xhur wara d-data li fiha l-baġit ikun iddikjarat finalment adottat.

Il-kontijiet annwali kkonsolidati u r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u dik finanzjarja mfasslin minn kull istituzzjoni għandhom jiġu ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.”

16)

Fl-Artikolu 30, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b’mod xieraq, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-baġit miżmum minnha meta l-baġit ikun implimentat fuq bażi ċentralizzata u direttament mid-dipartimenti tagħha, u l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi kif previst mill-entitajiet li lilhom ikunu delegati l-kompiti ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit taħt modi oħrajn ta’ ġestjoni.

Din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli b’osservanza debita tal-ħtiġiet ta’ kunfidenzjalità, partikolarment il-protezzjoni tad-data personali kif stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi rigward l-ipproċessar tad-data personali u l-moviment ħieles ta’ tali data (*) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2001 dwar il-protezzjoni ta’ individwi rigward l-ipproċessar ta’ data mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u dwar il-moviment ħieles ta’ tali data (**), u tal-ħtiġiet tas-sigurtà, b’kont meħud ta’ l-ispeċifikatijiet ta’ kull mod ta’ ġestjoni kif imsemmi fl-Artikolu 53 u fejn applikabbli f’konformità mar-regoli rilevati speċifiċi għas-settur.

(*)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)."

(**)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.”"

17)

L-Artikolu 33(2) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (d) huwa sostitwit b’li ġej:

“(d)

id-dikjarazzjonijiet ta’ l-attività li fihom li ġej:

informazzjoni dwar il-kisba ta’ l-objettivi speċifiċi, miżurabbli, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u bil-ħin imkejjel kollha li ġew stabbiliti minn qabel għall- attivitajiet varji kif ukoll objettivi ġodda mkejla permezz ta’ indikaturi;

ġustifikazzjoni sħiħa u approċċ kost-benefiċċju għal bidliet proposti fil-livell ta’ approprjazzjonijiet;

razzjonal ċar għal intervent fil-livell ta’ l-UE parallel, fost l-oħrajn, mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

informazzjoni dwar ir-rati ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-attività tas-sena ta’ qabel u r-rati ta’ l-implimentazzjoni għas-sena kurrenti.

Ir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni għandhom ikunu kkonsultati u msemmija bħala evidenza tal-meriti possibbli ta’ emendi baġitarji proposti.”;

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

dikjarazzjoni fil-qosor ta’ l-iskeda ta’ ħlasijiet dovuti fi snin finanzjarji sussegwenti għal impenji baġitarji meħudin fi snin baġitarji preċedenti.”;

18)

Fl-Artikolu 37 (1), huwa miżjud it-tielet subparagrafu li ġej:

“Qabel jippreżentaw abbozz preliminari ta’ baġit emendatorju, il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet li mhumiex il-Kummissjoni għandhom jeżaminaw il-kamp ta’ applikazzjoni għal riallokazzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet rilevanti, b’kont meħud ta’ kwalunkwe sottoimplimentazzjoni ta’ approprjazzjonijiet mistennijin.”;

19)

Fl-Artikolu 40, il-punt (a) huwa sostitwit b’li ġej:

“(a)

rendikont ġenerali tad-dħul u tan-nefqa;”

20)

fl-Artikolu 43 (1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’ li ġej:

“L-approprjazzjonijiet f’dan it-titolu jistgħu jintużaw biss wara trasferiment skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(1)(d) fil-każijiet fejn l-adozzjoni ta’ l-att bażiku hi soġġetta għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, u dik ta’ l-Artikolu 24 għall-każijiet l-oħrajn.”

21)

Fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 44, l-“Artikoli 22, 23 u 25” huma sostitwiti bl-“Artikoli 23 u 25”;

22)

L-Artikolu 45 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 45

1.   Is-sezzjoni tal-baġit tal-Kummissjoni għandha tinkludi riżerva għall-għajnuna ta’ emerġenza għall-pajjiżi terzi.

2.   Ir-riżerva msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintuża qabel tmiem is-sena finanzjarja permezz ta’ trasferiment skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 24 u 26.”;

23)

L-Artikolu 46(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (1) hu emendat kif ġej:

(i)

il-frażi preliminari tinbidel b’li ġej:

“fir-rendikont ġenerali tad-dħul u tan-nefqa:”;

(ii)

jitħassar il-punt (f);

(iii)

il-punt (g) hu sostitwit b’li ġej:

“(g)

rimarki xierqa dwar kull suddiviżjoni, kif imniżżel fl- Artikolu 41(1)”;

(b)

il-punt (2) hu sostitwit b’li ġej:

“(2)

fis-sezzjoni għal kull istituzzjoni, id-dħul u n-nefqa għandhom jintwerew fl-istess struttura bħal fil-punt 1 (1)”;

(ċ)

fil-punt (3), il-punt (ċ) hu sostitwit b’li ġej:

“(ċ)

rigward persunal xjentifiku u tekniku, il-klassifikazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq gruppi ta’ gradi, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’kull baġit; il-pjan stabbilit għandu jispeċifika n-numru ta’ persunal tekniku jew xjentifiku kwalifikat ħafna li huwa mogħti vantaġġi speċjali taħt id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal;”

(d)

il-punt (5) hu sostitwit b’li ġej:

“(5)

il-linji tal-baġit taħt id-dħul u n-nefqa meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni.”

24)

Fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 47(1), il-“gradi A1, A2 u A3” huma sostitwiti bil-“gradi AD 16, AD 15 u AD 14”.;

25)

L-Artikolu 49 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 49

1.   Att bażiku għandu l-ewwel jiġi adottat qabel ma jkunu jistgħu jintużaw l-approprjazzjonijiet imdaħħlin fil-baġit għal kwalunkwe azzjoni mill-Komunitajiet jew mill-Unjoni Ewropea.

Att bażiku huwa att legali li jipprovdi bażi legali għall-azzjoni u għall-implimentazzjoni tan-nefqa korrispondenti mdaħħal fil-baġit.

2.   Fl-applikazzjoni tat-Trattat tal-KE u t-Trattat Euratom, att bażiku huwa att adottat mill-awtorità leġislattiva u jista’ jkun f’forma ta’ regolament, direttiva, deċiżjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE jew deċiżjoni sui generis.

3.   Fl-applikazzjoni tat-Titolu V tat-TUE (dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni – il-PESK), att bażiku jista’ jkun f’waħda mill-forom speċifikati fl-Artikoli 13(2) u (3), 14, 18(5), 23(1) u (2) u 24 tat-TUE.

4.   Fl-applikazzjoni tat-Titolu VI tat-TUE (dwar il-Kooperazzjoni tal-Pulizija u l-Ġudikatura f’Materji Kriminali), att bażiku jista’ jkun f’waħda mill-forom imsemmijin fl-Artikolu 34(2) tat-TUE.

5.   Ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet ma jikkostitwux atti bażiċi skond it-tifsira ta’ dan l-artikolu, u anqas dawk ir-riżoluzzjonijiet, il-konklużjonijiet, id-dikjarazzjonijiet jew atti oħrajn li m’għandhom ebda effett legali.

6.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 sa 4, dawn li ġejjin jistgħu jkunu implimentati mingħajr att bażiku sakemm l-azzjonijiet li jkunu intenzjonati li jiffinanzjaw jaqgħu taħt il-poteri tal-Komunitajiet jew ta’ l-Unjoni Ewropea:

(a)

approprjazzjonijiet għal proġetti pilota ta’ natura sperimentali mfasslin biex jittestjaw il-fattibbiltà ta’ azzjoni u s-siwi tagħha. L-approprjazzjonijiet ta’ l-impenji rilevanti jistgħu jiddaħħlu fil-baġit għal mhux aktar minn sentejn finanzjarji suċċessivi;

(b)

approprjazzjonijiet għal azzjonijiet preparatorji fl-oqsma ta’ l-applikazzjoni tat-Trattat tal-KE u t-Trattat Euratom u tat-Titolu VI tat-TUE, imfasslin biex jippreparaw proposti bil-ħsieb li jiġu adottati azzjonijiet futuri. L-azzjonijiet preparatorji jridu jsegwu approċċ koerenti u jistgħu jieħdu diversi forom. L-approprjazzjonijiet ta’ impenji rilevanti jistgħu jiddaħħlu fil-baġit għal mhux aktar minn tliet snin finanzjarji suċċessivi. Il-proċedura leġislattiva għandha tkun magħluqa qabel tmiem it-tielet sena finanzjarja. Matul il-proċedura leġislattiva, l-impenn ta’ approprjazzjonijiet għandu jikkorrespondi mal-karatteristiċi partikolari ta’ l-azzjoni preparatorja fir-rigward ta’ l-attivitajiet previsti, l-għanijiet immirati u l-persuni li bbenefikaw.

Konsegwentement, il-mezzi implimentati ma jistgħux jikkorrispondu fil-volum ma’ dawk previsti għall-iffinanzjar ta’ l-azzjoni definittiva nfisha; Meta jkun ippreżentat l-abbozz ta’ baġit preliminari, il- Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-awtorità baġitarja dwar l-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) li għandu jkun fiha wkoll valutazzjoni tar-riżultati u s-segwitu previst;

(ċ)

approprjazzjonijiet għal miżuri preparatorji fil-qasam tat-Titolu V tat-TUE (dwar il-PESK). Dawn il-miżuri għandhom ikunu limitati għal perijodu qasir ta’ żmien u għandhom ikunu mfasslin biex jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-azzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea biex jitwettqu l-objettivi tal-PESK u għall-adozzjoni ta’ l-istrumenti legali meħtieġa;

Għall-fini ta’ l-operati ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet ta’ l-UE, il-miżuri preparatorji huma mfasslin fost l-oħrajn biex jivvalutaw il-ħtiġiet operattivi, jipprovdu għal skjerament inizjali mgħaġġel tar-riżorsi, jew jistabbilixxu l-kondizzjonijiet fil-post għat-tnedija ta’ l-operat.

Il-miżuri preparatorji għandhom jinqablu mill-Kunsill, f’assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, il-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/ir-Rappreżentant Għoli tal-PESK, għandu jinforma lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli dwar l-intenzjoni tal-Kunsill biex iniedi miżura preparatorja u dwar l-istima tar-riżorsi meħtieġa għal dan il-għan. F’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat ħlas mgħaġġel tal-fondi;

(d)

approprjazzjonijiet għal azzjonijiet ta’ darba, jew anke azzjonijiet għal durazzjoni indefinita, imwettqin mill-Kummissjoni permezz ta’ ħidma li tirriżulta mill-prerogattivi tagħha fuq livell istituzzjonali skond it-Trattat tal-KE u t-Trattat Euratom barra mid-dritt tagħha għal inizjattiva leġislattiva msemmi fil-punt (b) u skond setgħat speċifiċi mogħtija lilha direttament minn dawk it-Trattati, li lista tagħhom tingħata fir-regoli implimentattivi;

(e)

approprjazzjonijiet għall-operat ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet skond l-awtonomija amministrattiva tagħha.”

26)

Fl-Artikolu 50, jiżdied it-tieni paragrafu li ġej:

“Kull istituzzjonijiet għandha teżerċita dawn il-poteri skond dan ir-Regolament u fil-limiti ta’ l-approprjazzjonijiet awtorizzati.”;

27)

L-Artikolu 52 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 52

1.   L-atturi finanzjarji kollha u kwalunkwe persuna oħra involuta fl-implimentazzjoni, il-ġestjoni, il-verifika jew il-kontroll għandhom ikunu pprojbiti milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tista’ ġġib l-interessi tagħhom f’kunflitt ma’ dawk tal-Kummissjoni. Jekk dan ikun il-każ, il-persuna in kwistjoni għandha tieqaf minn tali azzjonijiet u għandha tirreferi l-kwistjoni lill-awtorità kompetenti.

2.   Hemm kunflitt ta’ interessi fejn l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta’ tali attur finanzjarju jew ta’ persuna oħra, kif imsemmi fil-paragrafu 1, tkun kompromessa għal raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-affinità politika jew nazzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess komuni ieħor mal-benefiċjarju.”

28)

L-Artikolu 53 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 53

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit skond id-dispożizzjonijiet imniżżin fl-Artikoli 53a sa 53d fi kwalunkwe minn dawn il-metodi:

(a)

fuq bażi ċentralizzata;

(b)

b’ġestjoni maqsuma jew deċentralizzata;

(ċ)

b’ġestjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.”

29)

Jiddaħħlu l-Artikoli 53a sa 53d li ġejjin:

“Artikolu 53a

Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit fuq bażi ċentralizzata, il-kompiti implimentattivi għandhom jitwettqu jew direttament mid-dipartimenti tagħha jew b’mod indirett, skond l-Artikoli 54 sa 57.

Artikolu 53b

1.   Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit b’amministrazzjoni konġunta, il-kompiti implimentattivi għandhom ikunu delegati lill-Istati Membri. Dak il-metodu għandu japplika partikolarment għall-azzjonijiet imsemmija fit-Titoli I u II tat-Tieni Parti.

2.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet komplementari inklużi fir-regolamenti rilevanti speċifiċi skond is-settur, u sabiex fl-amministrazzjoni kondiviża jiġi żgurat li l-fondi jiġu użati skond ir-regoli u l-prinċipji applikabbli, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha meħtieġa jew miżuri oħrajn meħtieġa biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet. Għal dan il-għan huma għandhom partikolarment:

(a)

jissodisfaw lilhom infushom li azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit fil-fatt jitwettqu u jiżguraw li dawn jiġu implimentati korrettament;

(b)

jipprevjenu u jittrattaw ħsieb l-irregolaritajiet u l-frodi;

(ċ)

jirkupraw fondi mħallsa b’mod ħażin jew użati inkorrettament jew fondi mitlufin bħala riżultat ta’ irregolaritajiet jew żbalji.

(d)

jiżguraw, permezz ta’ regolamenti rilevanti speċifiċi għas-settur u f’konformità ma’ l-Artikolu 30(3), il-pubblikazzjoni annwali ex post adegwata tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli u għandhom iwaqqfu sistema effettiva u effiċjenti ta’ kontroll intern, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28a. Dawn għandhom iwettqu proċedimenti legali skond kif ikun meħtieġ u xieraq.

3.   L-Istati Membri għandhom jipproduċu taqsira annwali fil-livell nazzjonali xieraq tal-verifiki u d-dikjarazzjonijiet disponibbli.

4.   Sabiex ikun żgurat li l-fondi jkunu użati skond ir-regoli applikabbli, il-Kummissjoni għandha tapplika proċeduri ta’ approvazzjoni tal-kontijiet jew mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja li bihom tkun tista’ tassumi r-responsabbiltà finali għall-implimentazzjoni tal-baġit.

Artikolu 53ċ

1.   Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit permezz ta’ amministrazzjoni deċentralizzata, il-kompiti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu delegati lil pajjiżi terzi skond l-Artikolu 56 tat-Titolu IV tat-Tieni Parti, mingħajr preġudizzju għad-delegazzjoni ta’ kompiti residwi lill-korpi msemmija fl-Artikolu 54(2)].

2.   Sabiex ikun żgurat li l-fondi jkunu użati skond ir-regoli applikabbli, il-Kummissjoni għandha tapplika proċeduri ta’ approvazzjoni tal-kontijiet jew mekkaniżmi ta’ korrezzjoni finanzjarja li bihom tkun tista’ tassumi r-responsabbiltà finali għall-implimentazzjoni tal-baġit.

3.   jiżguraw, permezz ta’ regolamenti rilevanti speċifiċi għas-settur u f’konformità ma’ l-Artikolu 30(3), il-pubblikazzjoni annwali ex post adegwata tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit.

Artikolu 53d

1.   Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit permezz ta’ amministrazzjoni konġunta, ċerti kompiti implimentattivi għandhom ikunu delegati lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, skond ir-regoli implimentattivi, fil-każijiet li ġejjin:

(a)

kull meta l-Kummissjoni u l-organizzazzjoni internazzjonali huma marbuta bi ftehim ta’ qafas għal perijodu fit-tul li jistabbilixxi l-arranġamenti amministrattivi u finanzjarji għall-kooperazzjoni tagħhom;

(b)

kull meta l-Kummissjoni u l-organizzazzjoni internazzjonali jelaboraw proġett jew programm konġunt;

(ċ)

fejn il-fondi ta’ bosta donaturi jinġabru flimkien u ma jkunux imħollijin għal elementi speċifiċi jew kategoriji ta’ nfiq, jiġifieri, fil-każ ta’ azzjonijiet b’bosta donaturi.

Dawn l-organizzazzjonijiiet għandhom, fil-kontijiet, verifika, kontroll intern u proċeduri ta’ akkwsit tagħhom, japplikaw standards li joffru garanziji ekwivalenti għal standards aċċettati internazzjonalment.

2.   Il-ftehim individwali li ntlaħqu ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għall-għoti ta’ finanzjament għandu jinkludi dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kompiti fdati f’idejn it-tali organizzazzjonijiet internazzjonali.

3.   Organizzazzjonijiet internazzjonali li lilhom jiġu delegati kompiti ta’ implimentazzjoni għandhom jiżguraw, f’konformità ma’ l-Artikolu 30(3), il-pubblikazzjoni annwali ex post adegwata tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit.”

30)

L-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni ma taistax tiddelega lil partijiet terzi l-poteri eżekuttivi li hija għandha taħt it-Trattati fejn dawn jinvolvu miżura kbira ta’ diskrezzjoni li timplika għażliet politiċi. Il-kompiti implimentattivi delegati għandhom ikunu definit b’mod ċar u sorveljati rigward l-użu magħmul minnhom.

Id-delegazzjoni tal-kompiti ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit għandha tikkonforma mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda li jitlob kontroll intern effettiv u effiċjenti u għandha tiżgura konformità mal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni, u l-viżibilità ta’ azzjoni Komunitarja. L-ebda kompiti implimentattivi delegati b’dan il-mod ma jistgħu jwasslu għal kunflitti ta’ interessi.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel sentenza hija sostitwita b’li ġej:

“Fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’, meta timplimenta l-baġit b’ġestjoni ċentralizzata indiretta jew b’ġestjoni deċentralizzata taħt l-Artikoli 53a jew 53ċ, tiddelega kompiti ta’ awtorità pubblika u partikolarment kompiti implimentattivi tal-baġit lil: [...]”;

(ii)

il-punt (b) huwa sostitwit b’li ġej:

“(b)

korpi stabbiliti mill-Komunitajiet kif imsemmi fl-Artikolu 185 u korpi Komunitarji speċjalizzati oħrajn, bħall-Bank Ewropew ta’ l-Investiment jew il-Fond Ewropew ta’ l-Investiment, bil-kondizzjoni li dan huwa kompatibbli mal-kompiti ta’ kull entità kif inhu definit fl-att bażiku.”;

(iii)

il-punt (ċ) huwa sostitwit b’li ġej:

“(ċ)

korpi tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati u li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stipulati fir-regoli implimentattivi.”

(iv)

jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi skond it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u identifikati fl-att bażiku rilevanti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 49 ta’ dan ir-Regolament.”;

(ċ)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“Tali korpi jew persuni għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu irregolaritajiet u frodi u jekk hu meħtieġ, li jibdew proċedimenti legali biex jirkupraw fondi mħallsa b’mod ħażin jew użat b’mod mhux korrett.”;

(31)

L-Artikoli 55 u 56 huma sostitwiti b’li ġej:

“Artikolu 55

1.   L-aġenziji eżekuttivi għandhom ikunu persuni ġuridiċi taħt il-liġi Komunitarja, maħluqin b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni li jistgħu jiġu delegati poteri lilhom biex jimplimentaw programm jew proġett tal-Komunità sħiħ jew f’parti f’isem il-Kummissjoni u taħt ir-responsabbiltà tagħha skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58./2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunita’ (***).

2.   L-implimentazzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet operattivi korrispondenti għandhom jitwettqu mid-direttur ta’ l-aġenzija.

Artikolu 56

1.   Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit permezz ta’ ġestjoni ċentralizzata indiretta, għandha l-ewwel tikseb evidenza ta’ l-eżistenza u l-operat xieraq fl-entitajiet li tafdalhom l-implimentazzjoni ta’ li ġej:

(a)

akkwist trasparenti u proċeduri ta’ għoti ta’ għotjiet non-diskriminatorji u li jeskludu kwalunkwe kunflitt ta’ interess u li huma konformi tad-dispożizzjonijiet tat-Titoli V u VI rispettivament;

(b)

sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti għall-ġestjoni ta’ operati, li tinkludi segregazzjoni effettiva tad-doveri ta’ l-uffiċjal awtorizzanti u ta’ l-uffiċjal tal-kontijiet jew tal-funzjonijiet ekwivalenti;

(ċ)

sistema ta’ kontabilità li tagħmel possibbli l-użu korrett tal-fondi Komunitarji li se jiġu vverifikati u l-użu tal-fondi li se jiġu riflessi fil-kontijiet Komunitarji;

(d)

verifika esterna indipendenti;

(e)

aċċess pubbliku għall-informazzjoni fil-livell previst fir-regolamenti Komunitarji;

(f)

pubblikazzjoni ex post annwali adegwata tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit f’konformità ma’ l-Artikolu 30(3).

Il-Kummissjoni tista’ taċċetta li s-sistemi tal-verifika, kontabilità u akkwist ta’ l-entitajiet imsemmijin fil-Paragrafi 1 u 2 huma ekwivalenti għal tagħha, meta jitqiesu l-istandards aċċettati internazzjonalment.

2.   Fil-każ ta’ ġestjoni deċentralizzata, għandhom japplikaw l-istess kriterji li huma stabbiliti fil-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni tal-kriterju previst fil-punt (e), b’mod sħiħ jew f’parti, skond il-grad ta’ deċentralizzazzjoni, miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż terz, korpi tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati.

Irrispettivament mill-paragrafu (1)(a) u l-Artikolu 169a, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi:

fil-każ tal-ġbir flimkien ta’ fondi, u

skond il-kondizzjonijiet previsti fl-att bażiku,

li tuża l-proċeduri ta’ akkwsit jew għotja tal-pajjiż imsieħeb benefiċjarju jew kif maqbul fost id-donaturi.

Qabel ma tittieħed tali deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha l-ewwel takkwista evidenza abbażi ta’ każ b’każ li tali proċeduri jissodisfaw il-prinċipji tat-trasparenza, trattament ugwali u non-diskriminazzjoni, jipprevjenu kwalunkwe kunflitt ta’ interess, joffru garanziji ekwivalenti għal standards aċċettati internazjonalment u jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ ġestjoni finanzjarja soda li titlob kontroll intern effettiv u effiċjenti.

Il-pajjiż terz, korpi tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali kkonċernati għandhom jikkommettu ruħhom li jwettqu l-obbligi li ġejjin:

(a)

li jikkonformaw, soġġett għall-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1;

(b)

li jiżguraw li l-verifika msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 issir minn istituzzjoni nazzjonali għall-ivverifikar estern indipendenti;

(ċ)

li jsir iċċekkjar regolari biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet li se jkunu ffinanzjati mill-baġit ikunu ġew implimentati korrettament;

(d)

li jittieħdu miżuri xierqa biex jiġu evitati l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, jintużaw proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi li jkunu tħallsu bi żball.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-sorveljanza, l-evalwazzjoni u l-kontroll ta’ l-implimentazzjoni tal-kompiti fdati. Għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-ekwivalenza tas-sistemi ta’ kontroll meta din twettaq kontrolli permezz ta’ l-użu tas-sistemi tagħha ta’ kontroll.”

(***)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1"

32)

Fl-Artikolu 57, il-paragrafu 1 hu sostitwit b’li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni ma tistax tafda miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ fondi li ġejjin mill-baġit, inkluż il-pagament u l-irkupru, lil entitajiet jew korpi esterni tas-settur privat, ħlief fil-każ imsemmi fl-Artikolu 54(2)(ċ) jew f’każijiet speċifiċi fejn il-ħlasijiet involuti għandhom isiru lil benefiċjarji ddeterminati mill-Kummissjoni, li huma soġġett għal kondizzjonijiet u ammonti stabbiliti mill-Kummissjoni u li ma jinvolvux l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni mill-entità jew korp li qed jagħmel il-ħlasijiet.”;

33)

L-Artikolu 59 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Għall-fini ta’ dan it-Titolu, it-terminu ‘persunal’ jirreferi għal persuni koperti mir-Regolamenti tal-Persunal.”

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’li ġej:

“2.   Kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi fir-regoli amministrattivi interni tagħha l-persunal ta’ livell xieraq li lilu tiddelega b’konformità mal-kondizzjonijiet fir-regoli ta’ proċedura tagħha d-doveri ta’ l-uffiċjal awtorizzanti, l-kamp ta’ applikazzjoni tal-poteri delegati u l-possibbiltà li l-persuni delegati b’dawn il-poteri jistgħu jissubdelegawhom.”

(ċ)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’li ġej:

“3.   Il-poteri ta’ l-uffiċjal awtorizzanti għandhom jiġu delegati jew subdelegati biss lill-persunal.”

34)

Fl-Artikolu 60, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’li ġej:

“7.   L-uffiċjal awtorizzanti permezz ta’ delega għandu jirrapporta lill-istituzzjoni tiegħu dwar il-prestazzjoni tad-doveri tiegħu fil-forma ta’ rapport ta’ l-attività annwali flimkien ma’ informazzjoni finanzjarja u amministrattiva li tikkonferma li l-informazzjoni li hemm fir-rapport tippreżenta dehra vera u ġusta kif speċifikat mod ieħor fi kwalunkwe riserva marbuta ma’ oqsma definti ta’ dħul u nfiq.

Dak ir-rapport għandu jindika r-riżultati ta’ l-operati b’referenza għall-objettivi dikjarati, ir-riskji assoċjati ma’ dawn l-operati, l-użu li sar mir-riżorsi pprovduti u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern. L-awditur intern għandu jieħu nota tar-rapport annwali u ta’ kwalunkwe biċċa informazzjoni oħra identifikata. Mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-awtorità baġitarja r-rapporti annwali għas-sena preċedenti.”;

35)

L-Artikolu 61 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (e), tiżdied din is-sentenza li ġejja:

“l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jingħata s-setgħa biex jivverifika li l-kriterji ta’ validazzjoni jkunu ġew irrispettati;”

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi 2a, 2b u 2ċ li ġejjin:

“2a.   Qabel l-adozzjoni tal-kontijiet mill-istituzzjoni, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jiffirmahom u b’hekk jiċċertifika li huwa għandu assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet jippreżentaw stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-istituzzjoni.

Għal dak il-fini, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jkun sodisfatt li l-kontijiet tħejjew skond ir-regoli, il-metodi u s-sistemi tal-kontabilità stabbiliti taħt ir-responsabbiltà tiegħu kif stipulati f’dan ir-Regolament għall-kontijiet ta’ l-istituzzjoni tiegħu, u li d-dħul u l-infiq kollu jkunu ddaħħlu fil-kontijiet.

L-uffiċjali awtorizzanti b’delega għandhom jgħaddu l-informazzjoni kollha li l-uffiċjal tal-kontijiet għandu bżonn biex ikun jista’ jwettaq id-doveri tiegħu.

L-uffiċjali awtorizzanti għandhom jibqgħu totalment responsabbli għall-użu xieraq tal-fondi li jamministraw kif ukoll tal-legalità u r-regolarità tan-nefqa taħt il-kontroll tagħhom.

2b.   L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jingħata s-setgħa biex jiċċekkja l-informazzjoni li jirċievi kif ukoll biex jagħmel aktar verifiki li jemmen li jkunu meħtieġa sabiex ikun jista’ jiffirma l-kontijiet.

L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jagħmel riservi, jekk meħtieġ, fejn ifisser eżattament in-natura u l-kamp ta’ l-applikazzjoni ta dawn ir-riservi.

2ċ.   L-uffiċjali tal-kontijiet ta’ istituzzjonijiet u aġenziji oħrajn għandhom jiffirmaw il-kontijiet annwali tagħhom u jibagħtuhom lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni.”

(ċ)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’li ġej:

“3.   Ħlief meta pprovdut xort’oħra f’dan ir-Regolament, l-uffiċjal tal-kontijiet biss għandu l-poter li jamministra l-flus kontanti u l-ekwivalenti tal-flus kontanti. Huwa għandu jkun responsabbli għas-salvagwardja tagħhom.”

36)

Fl-Artikolu 62, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-uffiċjal tal-kontijiet jista’, fit-twettiq tad-doveri tiegħu, jiddelega ċerti kompiti lil persunal subordinat”.;

37)

L-Artikolu 63 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 63

1.   Il-kontijiet imprest jistgħu jitwaqqfu għall-ġabra ta’ dħul ħlief għal riżorsi proprji u għall-ħlas ta’ somom żgħar kif iddefinit fir-regoli ta’ implimentazzjoni.

Madankollu, fil-qasam ta’ l-operati għall-għajnuna għall-ġestjoni tal-kriżijiet u għall-għajnuna umanitarja skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 110, il-kontijiet l-imprest jistgħu jintużaw mingħajr kwalunkwe limitu fuq l-ammont waqt li jirrispettaw il-livell ta’ approprjazzjonijiet deċiż mill-awtorità baġitarja dwar il-linja tal-baġit korrispondenti għas-sena finanzjarja attwali.

2.   Il-kontijiet imprest għandhom ikunu dotati mill-uffiċjal tal-kontijiet ta’ l-istituzzjoni u għandhom jitpoġġew taħt ir-responsabbiltà ta’ amministraturi ta’ imprest maħturin mill-uffiċjal tal-kontijiet ta’ l-istituzzjoni.”

38)

Fl-Artikolu 65, il-paragrafu 1 hu sostitwit b’li ġej:

“1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu huma bla preġudizzju għal kwalunkwe responsabbiltà taħt il-liġi kriminali, li l-atturi finanzjarji msemmijin fl-Artikolu 64 jistgħu jiffaċċjaw kif previst fil-liġi nazzjonali applikabbli u fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet jew uffiċjali ta’ l-Istati Membri.”;

39)

L-Artikolu 66 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’li ġej:

“1.   L-uffiċjal awtorizzanti għandu jkun responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens kif stipulat fir-Regolamenti tal-Persunal.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   L-obbligu biex jitħallas kumpens għandu partikolarment japplika jekk:

(a)

l-uffiċjal awtorizzanti, jew b’mod intenzjonat jew minħabba negliġenza serja min-naħa tiegħu, jiddetermina li għandhom jiġu rkuprati entrati jew jippubblika ordnijiet ta’ rkupru, jikkommetti nefqa jew jiffirma ordni ta’ ħlas mingħajr ma jikkonforma ma’ dan ir-Regolament u r-regoli implimentattivi,

(b)

l-uffiċjal awtorizzanti, jew b’mod intenzjonat jew minħabba negliġenza serja min-naħa tiegħu, jonqos milli jfassal dokument li jistabbilixxi ammont dovut, jittraskura milli joħroġ ordni ta’ rkupru jew jittardja l-ħruġ tagħha jew jittardja l-ħruġ ta’ ordni għal ħlas, u b’hekk jesponi lill-istituzzjoni għal azzjoni civili minn partijiet terzi.”;

(ċ)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’li ġej:

“3.   Fil-każ ta’ sottodelegazzjoni fl-ambitu tas-servizzi tiegħu, l-uffiċjal awtorizzanti b’delegazzjoni jibqa’ responsabbli għall-effikaċja u l-effettività tal-ġestjoni interna u tas-sistemi ta’ kontroll stabbiliti u għall-għażla ta l-uffiċjal awtorizzanti b’sottodelegazzjoni.”;

(d)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“4.   Kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi bord speċjalizzat għall-irregolaritajiet finanzjarji jew tipparteċipa f’bord konġunt imwaqqaf minn diversi istituzzjonijiet. Il-bordijiet għandhom jiffunzjonaw indipendentement u jiddeterminaw jekk tkunx seħħet irregolarità finanzjarja u x’għandhom ikunu l-konsegwenzi, jekk dan ikun il-każ.”;

40)

L-Artikolu 73(2) huwa mibdul b’ dan li ġej:

“2.   Fejn l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jkun qiegħed jippjana li jirrinunċja għal jew parzjalment jirrinunċja għal irkupru ta’ xi ammont rekuperabbli stabbilit, huwa/hija għandu jiżgura li r-rinunċja hija magħmula sewwa u li hija konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u ta’ proporzjonalità skond il-proċeduri u l-kriterji stabbiliti fir-regoli implimentattivi. Id-deċiżjoni ta’ rinunċja għandha tiġi ssostanzjata. L-uffiċjal awtorizzanti jista’ jiddelega d-deċiżjoni biss kif stabbilit fir-regoli implimentattivi.

L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’ wkoll iħassar jew jaġġusta ammont dovut stabbilit, skond il-kondizzjonijiet imniżżlin fir-regoli implimentattivi.”;

41)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 73a

Bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti speċifiċi u l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill marbuta mas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, id-drittijiet tal-Komunitajiet fir-rigward ta’ partijiet terzi u d-drittijiet ta’ partijiet terzi fir-rigward tal-Komunitajiet għandhom ikunu soġġetti għal perijodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin.

Id-data biex jiġi kkalkulat il-perijodu ta’ limitazzjoni u l-kondizzjonijiet għall-interruzzjoni tal-perijodu għandhom jitniżżlu fir-regoli implimentattivi.”;

42)

Fl-Artikolu 75(2), il-kliem “Artikolu 49(2)” jiġu sostitwiti bil-kliem “Artikolu 49 (6)(e)”;

43)

Fl-Artikolu 77(3), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“L-ammont ta’ impenn tal-baġit li jikkorrispondi għal impenn legali li għalih ma sar l-ebda ħlas skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 81 f’perijodu ta’ tliet snin wara l-iffirmar ta’ l-impenn legali għandu jkun diżimpenjat.”;

44)

Fl-Artikolu 80, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Meta jsiru ħlasijiet perjodiċi għal servizzi mogħtija, inklużi servizzi ta’ kiri, jew oġġetti kunsinnati, u soġġett għal analiżi tar-riskju tiegħu, l-uffiċjal awtorizzanti jista’ jordna l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ debitu dirett.”;

45)

Fl-Artikolu 86(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’li ġej:

“(b)

biex ikunu vvalutati l-effikaċja u l-effettvità tas-sistemi tal-kontroll intern u tal-verifika applikabbli għal kull operazzjoni ta’ implimentazzjoni baġitarja.”;

46)

Fl-Artikolu 87, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“Jekk l-awditur intern hu membru tal-persunal, huwa għandu jassumi r-responsabbiltà kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal u kif imniżżel fir-regoli implimentattivi.”;

47)

L-Artikolu 88 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 88

1.   Il-kuntratti pubbliċi huma kuntratti għal interess tal-flus konklużi bil-kitba bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 104 u 167, sabiex tinkiseb, bi ħlas ta’ prezz imħallas totalment jew parzjalment mill-baġit, il-provvista ta’ assi mobbli jew immobbli, l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi.

Dawn il-kuntratti jinkludu:

(a)

kuntratti għax-xiri jew il-kiri ta’ bini;

(b)

kuntratti ta’ kunsinni;

(c)

kuntratti ta’ xogħlijiet;

(d)

kuntratti ta’ servizzi.

2.   Il-kuntratti qafas huma kuntratti konklużi bejn awtorità kontraenti waħda jew aktar jew bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar, li l-għan tagħhom huwa biex jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw kuntratti li se jingħataw matul perijodu stipulat, partikolarment fir-rigward tal-prezz u, fejn xieraq, il-kwantità prevista. Huma għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu dwar il-proċedura ta’ l-għoti, inklużi l-avviżi pubbliċitarji.

3.   Dan it-Titolu mhuwiex marbut ma’ għotjiet, bla preġudizzju għall-Artikoli 93 sa 96.”;

48)

Fl-Artikolu 89(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jużaw kuntratti ta’ qafas kif mhux xieraq jew b’mod li l-għan jew l-effett huwa li jipprevjeni, jirrestrinġi jew ifixkel il-kompetizzjoni.”;

49)

L-Artikolu 90 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“1.

Il-kuntratti kollha li jaqbżu l-limiti massimi previsti fl-Artikolu 105 jew l-Artikolu 167 għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“L-avviżi tal-kuntratti għandhom jiġu ppubblikati bil-quddiem ħlief fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 91(2) ta’ dan ir-Regolament, kif speċifikat fir-regoli implimentattivi, u għall-kuntratti ta’ servizz koperti bl-Anness IIB tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (****).

(****)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005 (ĠU L 333, 20.12.2005, p. 28).”;"

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'li ġej:

“2.   Kuntratti b'valur taħt il-limiti massimi provduti fl-Artikolu 105 jew l-Artikolu 167 u l-kuntratti ta' servizz imsemmija fl-Anness IIB għad-Direttiva 2004/18/KE għandhom ikunu rreklamati b'mezzi xierqa, kif speċifikat fir-regoli implimentattivi.’;

50)

L-Artikolu 91 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’li ġej :

“1.   Il-proċeduri ta’ akkwist għandhom jieħdu waħda minn dawn il-forom li ġejjin:

(a)

il-proċedura miftuħa;

(b)

il-proċedura ristretta;

(ċ)

konkorsi;

(d)

il-proċedura negozjata;

(e)

id-djalogu kompetittiv.

Meta kuntratt pubbliku jew kuntratt qafas huwa ta’ interess għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar, l-aġenziji eżekuttivi jew il-korpi msemmija fl-Artikolu 185, u fejn hemm possibilità li jkun realizzat qligħ effiċjenti, l-awtoritajiet kontraenti kkonċernati għandhom ifittxu li jwettqu l-proċedura ta’ akkwist fuq bażi interistituzzjonali.

Meta kuntratt pubbliku jew kuntratt qafas huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni konġunta bejn istituzzjoni waħda u awtorità kontraenti minn Stat Membru, il-proċedura ta’ akkwist tista’ titwettaq konġuntament mill-istituzzjoni u din l-awtorità kontraenti, kif speċifikat fir-regoli implimentattivi.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jitħassar it-tieni subparagrafu;

(ċ)

jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Ir-regoli implimentattivi għandhom jiddefinixxu l-proċedura ta’ akkwist imsemmija fil-paragrafu 1, applikabbli għall-kuntratti ta’ servizz koperti bl-Anness II B tad-Direttiva 2004/18/KE u għal kuntratti ddikkjarati li huma sigrieti, li l-prestazzjoni tagħhom trid tkun akkumpanjata minn miżuri speċjali ta’ sigurtà, jew meta l-ħarsien ta’ interessi essenzjali tal-Komunitajiet jew l-Unjoni Ewropea jkunu jesiġu dan.”;

51)

L-Artikolu 92 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 92

“Id-dokumenti relatati mas-sejħa għall-offerti għandhom jagħtu deskrizzjoni sħiħa, ċara u preċiża tas-suġġett tal-kuntratt u jispeċifikaw il-kriterji ta’ l-esklużjoni, l-għażla u l-għoti applikabbli għall-kuntratt.”

52)

L-Artikolu 93 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 hu emendat kif ġej:

(i)

il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’li ġej:

“Il-kandidati jew appaltaturi għandhom ikunu esklużi mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ akkwist jekk:”;

(ii)

il-punt (f) huwa sostitwit b’li ġej:

“(f)

huma bħalissa soġġetti għal penalitajiet amministrattiva msemmija fl-Artikolu 96(1).”;

(iii)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-punti (a) sa (d) ta’ l-ewwel subparagrafu m’għandhomx japplikaw fil-każ ta’ xiri ta’ kunsinni b’termini partikolarment vantaġġjużi mingħand fornitur li definittivament se jtemm l-attivitajiet tan-negozju tiegħu, jew mingħand ir-riċevituri jew il-likwidaturi ta’ falliment, permezz ta’ ftehim mal-kredituri, jew permezz ta’ proċedura simili skond il-liġi nazzjonali.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’li ġej:

“2.   Il-kandidati jew appaltaturi għandhom jiċċertifikaw li mhumiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1. Madankollu, l-awtorità kontraenti tista’ tibqa’ lura milli titlob tali ċertifikazzjoni f’każ ta’ kuntratti ta’ valur baxx ħafna, kif speċifikat fir-regoli implimentattivi.

Għall-fini ta’ l-applikazzjoni korretta tal-paragrafu 1, il- kandidat jew l-appaltatur, kulmeta jintalbu mill-awtorità kontraenti, iridu:

(a)

fejn il-kandidat jew l-appaltatur huwa entità ġuridika, jipprovdu informazzjoni dwar il-pussess jew dwar il-ġestjoni, il-kontroll u s-setgħa ta’ rappreżentanza ta’ l-entità ġuridika,

(b)

fejn ikun previst is-subkuntrattar, jiċċertifikaw li s- subkuntrattur mhuwiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1.”;

(ċ)

jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Ir-regoli implimentattivi għandhom jiddeterminaw il-perijodu massimu li matulu is-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 jagħtu lok għall-esklużjoni ta’ kandidati jew ta’ appaltaturi mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ akkwist. Il-perijodu massimu ma jistax jeċċedi l-għaxar snin.”;

53)

L-Artikoli 94, 95 u 96 huma sostitwiti b’li ġej:

“Arikolu 94

Ma jistax jingħata kuntratt lil kandidati jew appaltaturi li, matul il-perijodu ta’ akkwist għal dan il-kuntratt:

(a)

huma soġġetti għal kunflitt ta’ interess;

(b)

ikunu ħatja ta’ miżrappreżentazzjoni meta jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti bħala kondizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ akkwist jew jonqsu milli jagħtu din l-informazzjoni;

(ċ)

isibu ruħhom f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, imsemmija fl-Artikolu 93(1), għal din il-proċedura ta’ akkwist,

Artikolu 95

1.   Għandha tiġi stabbilita u tkun operata mill-Kummissjoni database ċentrali f’konformità mar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tad-data personali. Id-database għandu jkun fiha d-dettalji tal-kandidati u l-appaltaturi li jkunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 93, 94, 96 (1)(b) u (2)(a). Id-database għandha tkun komuni għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji eżekuttivi u l-korpi msemmijin fl-Artikolu 185.

2.   L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kif ukoll il-korpi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-baġit skond l-Artikoli 53 u 54, għandhom jikkomunikaw lill-uffiċjal awtorizzanti kompetenti l-informazzjoni dwar il-kandidati u l-appaltaturi li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 93(1)(e), fejn il-kondotta ta’ l-operatur konċernat kienet ta’ ħsara għall-interess finanzjarju tal-Komunitajiet. L-uffiċjal awtorizzanti għandu jirċievi din l-informazzjoni u jitlob lill-uffiċjal awtorizzanti biex idaħħalha fid-database.

L-awtoritajiet u l-korpi msemmija fl-ewwel inċiż ta’ dan il-paragrafu għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fid-database u jistgħu jieħdu kont tagħha, kif adegwat u bir-responsabbiltà tagħhom stess, għall-għoti ta’ kuntratti assoċjati ma’ l-implimentazzjoni tal-baġit.

3.   Fir-regoli implimentattivi għandhom jiġi stabbiliti kriterji trasparenti u koerenti biex jiżguraw applikazzjoni proporzjonata tal-kriterji ta’ esklużjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-proċeduri standardizzati u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-operat tad-database.

Artikolu 96

1.   Jistgħu jiġu imposti penalitajiet amministrattivi jew finanzjarji mill-awtoritajiet kontraenti lil:

(a)

kandidati jew appaltaturi fil-każijiet imsemmijin fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 94;

(b)

kuntratturi li ġew iddikjarati li huma fi ksur serju ta’ l- obbligi tagħhom skond kuntratti koperti mill-baġit.

Madankollu, fil-każijiet kollha, l-awtorità kontraenti trid l-ewwel tagħti lill-persuna konċernata l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

2.   Il-penalitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonali ma’ l-importanza tal-kuntratt u mas-serjetà ta’ l-imġiba ħażina, u jistgħu jikkonsistu fi:

(a)

l-esklużjoni tal-kandidat jew ta’ l-appaltatur jew tal-kuntrattur konċernat mill-kuntratti u l-għotjiet iffinanzjati mill-baġit, għal perijodu massimu ta’ għaxar snin; u/jew

(b)

il-ħlas ta’ penalitajiet finanzjarji mill-kandidat jew appaltatur jew kuntrattur sal-valur tal-kuntratt involut.”;

54)

L-Artikolu 97 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 97

1.   Il-kuntratti għandhom jingħataw abbażi ta’ kriterji għall-għoti applikabbli għall-kontenut tas-sejħa għall-offerti wara li l-ħila ta’ l-operaturi ekonomiċi mhux eskluża taħt l-Artikoli 93, 94 u 96(2)(a) tkun ġiet iċċekkjata skond il-kriterji ta’ l-għażla li jinsabu fid-dokumenti relatati mas-sejħa għall-offerti."

2.   Il-kuntratti għandhom jingħataw bil-proċedura awtomatika ta’ għoti jew bil-proċedura ta’ aċċertament ta’ l-aħjar valur għall-flus maħruġin.”;

55)

L-Artikolu 98 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’li ġej:

“1.   L-arranġamenti sabiex jintefgħu l-offerti għandhom ikunu tali li jiżguraw li jkun hemm kompetizzjoni ġenwina u li l-kontenut ta’ l-offerti jibqa’ kunfidenzjali sakemm jinfetħu kollha simultanjament.

2.   L-awtorità kontraenti tista’, jekk dan jitqies xieraq u proporzjonat, titlob lill-appaltaturi, kif previst fir-regoli implimentattivi, biex jissottomettu sigurtà bil-quddiem bħala garanzija li l-offerti magħmulin ma jitreġġgħux lura.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’li ġej:

“4.   It-talbiet għal parteċipazzjoni jew l-offerti kollha ddikjarati mill-bord tal-ftuħ li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti għandhom jiġu evalwati, abbażi tal-kriterji previsti fid-dokumenti rigward is-sejħa għall-offerti, sabiex issir proposta lill-awtorità kontraenti li lilha ingħata il-kuntratt jew qabel ma jsir irkant elettroniku.”

56)

L-Artikoli 102 u 103 huma sostitwiti b’li ġej:

“Artikolu 102

1.   L-awtorità kontraenti għandha titlob lill-kuntratturi jissottomettu garanzija bil-quddiem fil-każi speċifikati fir-regoli implimentattivi.

2.   L-awtorità kontraenti tista’, jekk tqis xieraq u proporzjonat, titlob lill-kuntratturi jissottomettu garanzija sabiex:

(a)

tiżgura rendiment sħiħ tal-kuntratt;

(b)

tillimita r-riskji finanzjarji konnessi mal-ħlas ta’ pre-finanzjament."

Artikolu 103

Meta l-proċedura ta’ għoti tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet għandhom jissospendu l-proċedura u jistgħu jieħdu kwalunkwe miżuri meħtieġa, inkluża l-kanċellazzjoni tal-proċedura.

Meta, wara l-għoti tal-kuntratt, il-proċedura ta’ għoti jew it-twettiq tal-kuntratt tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet jistgħu, skond l-istadju li jkun intlaħaq fil-proċedura, jibqgħu lura milli jikkonkludu l-kuntratt jew jissospendu t-twettiq tal-kuntratt jew, fejn xieraq, jitterminaw il-kuntratt.

Meta tali żbalji, irregolaritajiet jew frodi huma attribwibbli għall-kuntrattur, l-istituzzjonijiet jistgħu wkoll jirrifjutaw li jagħmlu ħlasijiet, jistgħu jirkupraw ammonti diġà mħallsa jew jistgħu jitterminaw il-kuntratti kollha konklużi ma’ dan il-kuntrattur, fi proporzjon mas-serjetà ta’ l-iżbalji, irregolaritajiet jew frodi.”;

57)

Fl-Artikolu 104, hija miżjuda s-sentenza li ġejja:

“Dawn għandhom jiddelegaw il-poteri meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ awtorità kontraenti skond l-Artikolu 59.”;

58)

L-Artikolu 105 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 105

1.   Soġġett għat-Titolu IV tat-Tieni Parti ta’ dan ir-Regolament, id-Direttiva 2004/18/KE tistabbilixxi l-limiti massimi li jiddeterminaw:

(a)

l-arranġamenti tal-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 90;

(b)

l-għażla ta’ proċeduri msemmijin fl-Artikolu 91(1);

(ċ)

il-limiti taż-żmien korrispondenti.

2.   Soġġett għall-eċċezzjonijiet u l-kondizzjonijiet speċifikati fir-regoli implimentattivi, l-awtorità kontraenti m’għandhiex, fil-każ ta’ kuntratti koperti mid-Direttiva 2004/18/KE, tiffirma l-kuntratt jew il-kuntratt qafas ma’ l-appaltatur li jkun rebħu qabel ma jgħaddi perijodu ta’ pawsa.”;

59)

It-titolu tal-Kapitolu 1 tat-Titolu VI ta’ l-Ewwel Parti huwa sostitwit b’li ġej:

“KAPITOLU 1

Kamp ta’ applikazzjoni u forma ta’ għotjiet”

60)

L-Artikolu 108 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“Huma għandhom ikunu koperti jew bi ftehim miktub jew b’deċiżjoni tal-Kummissjoni notifikata lill-applikant rebbieħ.”

(b)

Il-Paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Dawn li ġejjin m’għandhomx jikkostitwixxu għotjiet skond it-tifsira ta’ dan it-Titolu:

(a)

nefqa fuq membri u persunal ta’ l-istituzzjonijiet u kontribuzzjonijiet lill-iskejjel Ewropej;

(b)

self, strumenti Komunitarji li jġorru r-riskji jew kontribuzzjonijiet finanzjarji Komunitarji lil tali strumenti, il-kuntratti pubbliċi msemmijin fl-Artikolu 88 u għajnuna mħallsa bħala assistenza makrofinanzjarja u appoġġ tal-baġitarju;

(ċ)

investimenti f’ishma abbażi tal-prinċipju ta’ l-investitur privat, finanzjamenti kważi-ishma u proprjetà f’ishma jew parteċipazzjonijiet f’ishma f’istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD) jew korpi Komunitarji speċjalizzati bħal mhuwa l-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF);

(d)

kontribuzzjonijiet imħallsin mill-Komunitajiet bħala sottoskrizzjonijiet lil korpi li tagħhom huma membri;

(e)

nefqa implimentata bħala parti minn ġestjoni komuni, deċentralizzata jew konġunta skond it-tifsira ta’ l-Artikoli 53 sa 53d;

(f)

ħlasijiet magħmulin lill-korpi li lilhom ikunu delegati kompiti implimentattivi skond l-Artikoli 54(2) u kontribuzzjonijiet magħmulin permezz ta’ l-att bażiku kostituttiv tagħhom lil korpi mwaqqfin mill-awtorità leġislattiva;

(g)

nefqa relatata ma’ swieq tas-sajd imsemmijin fil-Artikolu 3(2) il-punt (f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni (*****);

(h)

ħlas b’lura ta’ spejjeż ta’ vvjaġġar u ta’ sussistenza maħruġin minn, jew meta xieraq, kwalunkwe indennitajiet oħrajn imħallsin lil persuni mistiedna jew li rċevew il-mandat mill-istituzzjonijiet.

(*****)  ĠU L 209, 11.08.2005, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 320/2006 (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42).'';”"

(ċ)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Dan li ġej għandu jiġi assimilat għal għotjiet u għandu jkun irregolat, kif xieraq, minn dan it-Titolu:

(a)

il-benefiċċju derivat minn sussidju ta’ interessi fuq ċertu self;

(b)

investimenti f’ishma jew parteċipazzjonijiet ħlief dawk imsemmijin fil-punt (ċ) tal-paragrafu 2.

4.   Kull istituzzjoni tista’ tagħti għotjiet għal attivitajiet ta’ komunikazzjoni fejn, għal raġunijiet debitament ġustifikati, l-użu tal-proċeduri ta’ l-akkwist pubbliku ma jkunx xieraq’’;

61)

L-Artikolu li ġej huwa mdaħħal:

‘Artikolu 108a

1.   L-għotjiet jistgħu jkunu fi kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

rimborż ta’ proporzjon speċifikat ta’ l-ispejjeż eliġibbli li attwalment ikunu tħallsu;

(b)

somom ta’ darba;

(ċ)

iffinanzjar b’rata fissa;

(d)

kombinazzjoni tal-forom imsemmijin fil-punti (a), (b) u (ċ);

2.   L-għotjiet m’ għandhomx jaqbżu l-limitu massimu ġenerali f’termini ta’ valur assolut.’

62)

It-titolu tal-Kapitolu 2 tat-Titolu VI ta’ l-Ewwel Parti huwa sostitwit b’li ġej:

‘KAPITOLU 2

Prinċipji’;

63)

L-Artikolu 109 huwa mibdul b’dan li ġej:

‘Artikolu 109

1.   L-għotjiet għandhom ikunu soġġetti għall-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament indaqs.

Dawn ma jistgħux ikunu kumulattivi jew jingħataw retrospettivament u għandhom jinvolvu ko-finanzjament.

Fl-ebda ċirkustanza l-ispejjeż totali kombinati eliġibbli għall-iffinanzjar m’għandhom jinqabżu, kif speċifikat fir-regoli implimentattivi.

2.   L-għotjiet m’għandhomx ikollhom l-għan jew l-effett li jipproduċu profitt għall-benefiċjarju.

3.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għal dawn li ġejjin:

(a)

studju, riċerka jew boroż ta’ studju għal taħriġ imħallsin minn persuni fiżiċi;

(b)

premjijiet mogħtijin wara kompetizzjonijiet;

(ċ)

azzjonijiet li għandhom l-objettiv li jirrinfurzaw il-kapaċità finanzjarja ta’ benefiċjarju jew il-ħolqien ta’ dħul fil-qafas tar- relazzjonijiet esterni.’;

64)

Fl-Artikolu 110, il-paragrafu 1 hu sostitwit b’li ġej:

‘1.   L-għotjiet għandhom ikunu soġġetti għal programm ta’ ħidma annwali, li jrid jiġi ppubblikat fil-bidu tas-sena.

Dak il-programm ta’ ħidma annwali għandu jiġi implimentat permezz tal-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal proposti, ħlief f’każijiet eċċezzjonali ta’ urġenza debitament sostanzjati jew meta l-karatteristiċi tal-benefiċjarju jew ta’ l-azzjoni ma jħallu l-ebda għażla oħra għal azzjoni partikulari, jew meta l-benefiċjarju jiġi identifikat f’att bażiku bħal riċevitur ta’ għotja.’

L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għal għajnuna f’każ ta’ ġestjoni ta’ kriżi u operati ta’ għajnuna umanitarja.”;

65)

L-Artikoli 111 u 112 huma sostitwiti b’li ġej:

"Artikolu 111

‘Kull azzjoni tista’ tagħti lok għall-għoti ta’ għotja waħda biss mill-baġit lil kwalunkwe benefiċjarju wieħed, ħlief fejn huwa awtorizzat xort’oħra mill-atti bażiċi konċernati.

Benefiċjarju jista’ jingħata għotja operattiva waħda biss mill-baġit għal kull sena finanzjarja.

L-applikant għandu jinforma lill-uffiċjali awtorizzanti immedjatament dwar kwalunkwe applikazzjonijiet multupli u għotjiet multipli relatati ma’ l-istess azzjoni jew ma’ l-istess programm ta’ ħidma.

Fl-ebda ċirkustanza m’ għandhom l-istess spejjeż jiġu ffinanzjati darbtejn mill-baġit.

Artikolu 112

1.   Għotja tista’ tingħata għal azzjoni li tkun diġà nbdiet biss meta l-applikant jista’ juri l-ħtieġa li tinbeda l-azzjoni qabel ma jirċievi l-għotja.

F’tali każijiet, l-ispejjeż eliġibbli għall-finanzjament ma jistgħux ikunu ntefqu qabel id-data ta’ sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni għall-għotja, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament issostanzjati, kif previst fl-att bażiku jew fil-każ ta’ nefqa meħtieġa għall-implimentazzjoni xierqa ta’ l-għajnuna għal ġestjoni ta’ kriżi jew operati għal għajnuna umanitarja, kif previst fir-regoli implimentattivi.

L-ebda għotja ma tingħata retrospettivament għal azzjonijiet diġà kompluti.

2.   Għotja operattiva għandha tingħata fi żmien sitt xhur wara l-bidu tas-sena tal-baġit tal-benefiċjarju. Spejjeż eliġibbli għal finanzjament ma jistgħux ikunu ntefqu la qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni u lanqas qabel il-bidu tas-sena baġitarja tal-benefiċjarju.’

66)

Fl-Artikolu 113, il-paragrafu 2 hu sostitwit b’li ġej:

‘2.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-att bażiku rigward korpi li qed jippruvaw jilħqu objettiv ta’ interess ġenerali Ewropew, meta jiġġeddu l-għotjiet operattivi, għandhom jitnaqqsu gradwalment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għal għotjiet f’waħda mill-forom imsemmijin fil-punti (b) u (ċ) ta’ l-Artikolu 108a(1).’

67)

L-Artikolu 114 huwa mibdul b’dan li ġej:

‘Artikolu 114

1.   L-applikazzjonijiet għal għotjiet għandhom ikunu sottomessi bil-miktub.

2.   L-applikazzjonijiet għal għotjiet għandhom ikunu eliġibbli jekk ikunu sottomessi minn dawn li ġejjin:

(a)

persuni ġuridiċi; applikazzjonijiet għall-għotjiet jistgħu jkunu eliġibbli jekk sottomessi minn entitajiet mingħajr personalità legali skond il-liġi nazzjonali applikabbli, dment li r-rappreżentanti tagħhom ikollhom il-kapaċità jidħlu għall-obbligi legali għan-nom tagħhom u jassumu r-responsabbiltà finanzjarja;

(b)

persuni fiżiċi safejn dan huwa meħtieġ min-natura jew il-karatteristiċi ta’ l-azzjoni jew l-objettiv segwit mill-applikant.

3.   L-għotjiet ma jistgħux jingħataw lil applikanti li, fil-ħin ta’ proċedura ta’ l-għoti ta’ għotja, huma f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 93(1), 94 u 96(2)(a).

L-applikanti għandhom jiċċertifikaw li huma m’humiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu. Madankollu, l-uffiċjal awtorizzanti jista’ jżomm lura milli jitlob tali ċertifikazzjoni fil-każ ta’ għotjiet ta’ valur baxx ħafna, kif speċifikat fir-regoli implimentattivi.

4.   Il-penalitajiet amministrattivi u finanzjarji li huma effettivi, proporzjonati u disswasivi jistgħu jiġu imposti fuq applikanti mill-uffiċjal awtorizzanti, skond l-Artikolu 96.

Tali penalitajiet jistgħu wkoll jiġu imposti fuq benefiċjarji li, fil-mument tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni jew waqt l-implimentazzjoni ta’ l-għotja jkunu għamlu dikjarazzjonijiet foloz fl-għoti ta’ informazzjoni meħtieġa mill-uffiċjal awtorizzanti jew jonqsu milli jagħtu tali informazzjoni.’;

68)

Fl-Artikolu 116, il-paragrafu 1 hu sostitwit b’li ġej:

‘1.   Il-proposti għandhom jiġu evalwati, abbażi ta’ kriterji ta’ selezzjoni u ta’ għoti mħabbrin minn qabel, bil-ħsieb li jiġi ddeterminat liema proposti jiġu ffinanzjati.’;

69)

L-Artikolu 118 huwa mibdul b’dan li ġej:

‘Artikolu 118

1.   L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’, jekk iqis li jkun xieraq u proporzjonat, jitlob lill-benefiċjarju jissottometti garanzija bil-quddiem sabiex jillimita r-riskji finanzjarji konnessi mal-ħlas ta’ ffinanzjar minn qabel.

2.   L-uffiċjal awtorizzanti għandu jitlob lill-benefiċjarju jissottometti tali garanzija bil-quddiem fil-każijiet speċifikati fir-regoli implimentattivi.’;

70)

Fl-Artikolu 119, il-paragrafu 2 hu sostitwit b’li ġej:

‘2.   F’każ li l-benefiċjarju jonqos milli jissodisfa l-obbligi li jorbtuh, l-għotja għandha tiġi sospiża u ridotta jew terminata fil-każijiet previsti fir-regoli implimentattivi wara li l-benefiċjarju jkun ingħata l-opportunità li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu.’;

71)

L-Artikolu 120 huwa mibdul b’dan li ġej:

‘Artikolu 120

1.   Fejn l-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni teħtieġ l-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist mill-benefiċjarju, il-proċeduri rilevanti għandhom ikunu kif imniżżlin fir-regoli implimentattivi.

2.   Fejn l-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni teħtieġ li jingħata appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi, il-benefiċjarju ta’ għotja Komunitarja jista’ jagħti tali sostenn finanzjarju meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sostenn finanzjarju ma jkunx l-għan primarju ta’ l-azzjoni;

(b)

il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-appoġġ huma strettament iddefiniti fid-deċiżjoni dwar l-għotja jew il-ftehim bejn il-benefiċjarju u l-Kummissjoni, bla ebda marġini ta’ diskrezzjoni;

(c)

l-ammonti konċernati huma żgħar.

Għall-fini tal-punt (ċ), l-ammont massimu ta’ sostenn finanzjarju li jista’ jitħallas lil terza persuna minn benefiċjarju għandu jiġi determinat fir-regoli implimentattivi.

3.   Kull deċiżjoni ta’ għotja jew ftehim għandhom jipprovdu espressament li l-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri jeżerċitaw il-poteri tagħhom ta’ kontroll, fuq dokumenti u fuq il-proprjetà, fuq il-kuntratturi u sub-kuntratturi kollha li rċevew fondi Komunitarji.’;

72)

L-Artikolu 121 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’li ġej:

‘(a)

ir-rendikonti finanzjarji ta’ l-istituzzjonijiet kif imniżżlin fl-Artikolu 126, dawk tal-korpi msemmijin fl-Artikolu 185 u ta’ korpi oħrajn li l-kontijiet tagħhom għandhom bżonn jiġu kkonsolidati skond ir-regoli ta’ kontabilità Komunitarji;’;

(b)

il-punt (d) huwa sostitwit b’li ġej:

‘(d)

ir-rapporti aggregati dwar l-implimentazzjoni tal-baġit li jippreżentaw l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti msemmijin fil-punt (ċ).’;

73)

L-Artikolu 122 huwa sostitwit b’li ġej:

” Artikolu 122

1.   Il-kontijiet ta’ l-istituzzjonijiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 121 għandhom ikunu akkumpanjati b’rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jagħti rendikont, fost affarijiet oħrajn, tar-rata implimentattiva ta’ l-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet bejn id-diversi elementi tal-baġit.”;

74)

L-Artikolu 128 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 128

L-uffiċjali tal-kontijiet ta’ l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 121 għandhom jibagħtu lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti ta’ l-Awdituri l-aktar tard sa l-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, il-kontijiet provviżorji tagħhom flimkien mar-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja ta’ matul is-sena.

L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida dawn il-kontijiet provviżorji mal-kontijiet provviżorji tal-Kummissjoni u għandu jibgħat lill-Qorti ta’ l-Awdituri, l-aktar tard sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, il-kontijiet provviżorji tal-Kummissjoni akkumpanjati mir-rapport tagħha dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja ta’ matul is-sena, flimkien mal-kontijiet konsolidati provviżorji.

L-uffiċjal tal-kontijiet ta’ kull istituzzjoni u korp imsemmi fl-Artikolu 121 għandu wkoll jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sad-data speċifikata fit-tieni paragrafu.”;

75)

L-Artikolu 129 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kliem “Artikolu 185” jiġi sostitwit bil-kliem “Artikolu 121”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’li ġej:

“2.   L-istituzzjonijiet, ħlief il-Kummissjoni, u kull wieħed mill-korpi msemmijin fl-Artikolu 121, għandhom ifasslu l-kontijiet finali tagħhom skond l-Artikolu 61 u jibagħtuhom lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti ta’ l-Awdituri l-aktar tard sa l-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara bil-ħsieb li jitfasslu l-kontijiet konsolidati finali.”;

(ċ)

jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.   L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jipprepara l-kontijiet konsolidati finali abbażi ta’ l-informazzjoni ppreżentata mill-istituzzjonijiet l-oħrajn taħt il-paragrafu 2. Il-kontijiet konsolidati finali għandhom ikunu akkumpanjati b’nota stabbilita mill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni, li biha huwa/hija jiddikjara li kienu ppreparati skond it-Titolu VII u mal-prinċipji, regoli u metodi tal-kontabilità mniżżlin fl-anness għar-rendikonti finanzjarji.”;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni, wara li tkun approvat il-kontijiet konsolidati finali u l-kontijiet finali tagħha, għandha tibgħathom it-tnejn lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti ta’ l-Awdituri qabel il-31 ta’ Lulju tas-sena finanzjarja ta’ wara.”;

(e)

fil-paragrafu 4, id-data “il-31 ta’ Ottubru” tinbidel b’ “15 ta’ Novembru”;

76)

L-Artikolu 131 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, “il-Kummissjoni” hija mibdula b’“l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni”;

(b)

fil-paragrafu 2, “il-Kummissjoni” hija mibdula b’“l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni”.;

77)

Fl-Artikolu 133(1), l-“Artikolu 185” huwa sostitwit bl-“Artikolu 121”;

78)

Fl-Artikolu 134, l-“Artikolu 185” huwa sostitwit bl-“Artikolu 121”;

79)

Fl-Artikolu 138(1), l-“Artikolu 185” huwa sostitwit bl-“Artikolu 121”;

80)

Fl-Artikolu 139, il-paragrafu 2 hu sostitwit b’li ġej:

“2.   Kull istituzzjoni għandha tinforma lill-Qorti ta’ l-Awdituri u lill-awtorità baġitarja dwar kwalunkwe regola interna li tadotta fir-rigward ta’ materji finanzjarji.”;

81)

L-Artikolu 143 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, “15 ta’ Ġunju” huwa sostitwit bi “30 ta’ Ġunju”, u “30 ta’ Settembru” huwa sostitwit bi “15 ta’ Ottubru”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’li ġej:

“5.   Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha tittrasmetti lill-awtoritajiet responsabbli mill-għoti tal-kwittanza u lill-istituzzjonijiet l-oħrajn, l-aktar tard sal-15 ta’ Novembru, ir-rapport annwali tagħha akkumpanjat mir-risposti ta’ l-istituzzjonijiet u għandha tiżgura l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.”;

(ċ)

fil-paragrafu 6, “15 ta’ Frar” hija sostitwita bi “28 ta’ Frar”.

82)

L-Artikolu 144 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-ħames subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“Jekk il-Qorti ta’ l-Awdituri tiddeċiedi li tippubblika tali rapporti speċjali fil-Ġurnal ffiċjali ta l-Unjoni Ewropea, huma għandhom ikunu akkumpanjati mir-risposti ta’ l-istituzzjonijiet ikkonċernati.”;

(b)

Fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’li ġej:

“L-opinjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 248(4) tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 160ċ(4) tat-Trattat Euratom li mhumiex marbutin ma’ proposti jew abbozzi koperti mill-proċedura konsultattiva leġislattiva jistgħu jiġu pubblikati mill-Qorti ta’ l-Awdituri fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.”;

83)

Fl-Artikolu 145(1), “30 ta’ April” hija sostitwita bi “15 ta’ Mejju”;

84)

Fit-Titolu I tat-Tieni Parti, it-titolu huwa sostitwit b’li ġej:

“TITOLU I

FOND AGRIKOLU EWROPEW TA’ GARANZIJA”;

85)

Fl-Artikolu 148, il-paragrafu 1 hu sostitwit b’li ġej:

“1.   L-Ewwel u t-Tielet Parti ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għan-nefqa effettwata mill-awtoritajiet u l-korpi msemmijin fir-regoli dwar il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), u għal dħul, ħlief fejn huwa pprovdut mod ieħor f’dan it-Titolu.”;

86)

L-Artikolu 149 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’li ġej:

“1.   Għal kull sena finanzjarja, il-FAEG għandu jinkludi approporjazzjonijiet non-differenzjati, bl-eċċezzjoni għan-nefqa dwar il-miżuri msemmijin fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 , li għandhom ikunu koperti minn approporjazzjonijiet differenzjati.”

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’li ġej:

“3.   Approporjazzjonijiet li m’humiex kommessi dwar l-azzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, jistgħu jitmexxew biss għas-sena finanzjarja ta’ wara.

Tali tmexxija ’l quddiem m’għandhiex teċċedi, fil-limitu ta’ 2 % ta’ l- approprjazzjonijiet inizjali msemmijin fl-ewwel subparagrafu, l-ammont ta’ aġġustament ta’ ħlasijiet diretti msemmijin fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (******) u li kien applikat matul l-aħħar sena finanzjarja.

L-approporjazzjonijiet li jitmexxew ’il quddiem għandhom jiġu ritornati esklussivament lil-linji tal-baġit li jkopru l-azzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.

Tali tmexxija ’l quddiem tista’ twassal biss għal ħlas addizzjonali lill-benefiċjarji finali li kienu soġġetti, matul l-aħħar sena finanzjarja, għall-aġġustament ta’ ħlasijiet diretti skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

Id-deċiżjoni għat-tmexxija ’l quddiem għandha tittieħed, l-aktar tard sal-15 ta’ Frar tas-sena li għaliha qed issir it-tmexxija ‘l quddiem, mill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-awtorità baġitarja.

(******)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1).”"

87)

Fl-Artikolu 150, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’li ġej:

“2.   Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-ammonti ta’ dawn il-ħlasijiet għandhom jikkostitwixxu impenji provviżorji globali, li ma jistgħux jeċċedu l-approporjazzjonijiet totali mdaħħlin għall-FAEG.

3.   Mill-15 ta’ Novembru, nefqa amministrattiva ta’ rutina għall-FAEG tista’ tiġi kommessa bil-quddiem kontra l-approprjazzjonijiet previsti għas-sena finanzjarja ta’ wara. Tali impenji ma jistgħux, madankollu, jeċċedu tliet kwarti ta’ l-approporjazzjonijiet korrispondenti totali għas-sena finanzjarja kurrenti.” Dawn jistgħu japplikaw biss għannefqa li għaliha hu stabbilit il-prinċipju f’att bażiku eżistenti.”;

88)

Fl-Artikolu 151 (1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Nefqa effettwata mill-awtoritajiet u l-korpi msemmija fir-regoli dwar il-FAEG għandha, fi żmien xahrejn wara l-irċevuta tar-rendikonti mibgħutin mill-Istati Membri, tkun is-suġġett ta’ impenn skond il-kapitolu, l-artikolu u l-partita. Tali impenn jista’ jsir wara li jgħaddi l-perijodu ta’ xahrejn kull meta hija meħtieġa proċedura għal trasferiment ta’ approporjazzjonijiet dwar il-linji tal-baġit in kwistjoni. Ħlief meta ma jkunx għadu sar pagament mill-Istati Membri jew meta hemm dubju dwar l-eliġibilità, l-ammonti għandhom ikunu maħruġin bħala ħlasijiet fl-istess perijodu ta’ xahrejn.”;

89)

L-Artikolu 152 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 152

Fil-kontabilità baġitarja, nefqa għandha tiddaħħal fil-kontijiet għal sena finanzjarja abbażi tar-rifużjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni lill-Istati Membri l-aktar tard sal-31 ta’ Diċembru tas-sena kkonċernata, sakemm l-ordni għall-ħlas tkun waslet għand l-uffiċjal tal-kontijiet l-aktar tard sal-31 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja sussegwenti.”;

90)

Fl-Artikolu 153, il-paragrafu 1 hu sostitwit b’li ġej:

“1.   Meta l-Kummissjoni tista’ tittrasferixxi l-approporjazzjonijiet skond l-Artikolu 23(1), din għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha l-aktar tard sal-31 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja ta’ wara u għandha tinforma lill-awtorità baġitarja kif previst fl-Artikolu 23(1).”;

91)

L-Artikolu 154 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 154

1.   Id-dħul assenjat taħt dan it-Titolu għandu jkun assenjat skond l-oriġini b’konformità ma’ l-Artikolu 18(2).

2.   Ir-riżultat ta’ deċiżjonijiet dwar il-kwittanza tal-kontijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 għandu jiddaħħal f’Artikolu wieħed.”

92)

It-titolu tat-Titolu II tat-Tieni Parti huwa sostitwit b’ dan li ġej:

“TITOLU II

FONDI STRUTTURALI, FOND TA’ KOEŻJONI, FOND EWROPEW GĦAS-SAJD, U FOND AGRIKOLU EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP RURALI”.

(93)

L-Artikolu 155 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’li ġej:

“1.   L-Ewwel u t-Tielet Parti ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għan-nefqa effettwata mill-awtoritajiet u l-korpi msemmijin f’dawn ir-Regolamenti li jirregolaw il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (*******), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (********), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) (*********), il-Fond ta’ Koeżjoni (**********), il-Fond għas-Sajd Ewropew (EFF) (***********), minn hawn ’il quddiem ‘il- Fondi’, u għad-dħul tagħhom, ħlief jekk mhux previst mod ieħor f’dan it-Titolu.

(*******)  Regolament (KE) Nru 1290/2005."

(********)  Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1)"

(*********)  Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12)."

(**********)  Regolament (KE) Nru 1084/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79)"

(***********)  Regolament (KE) Nru 1198/2006 tal-Kunsill tas-27 ta Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1)”"

(b)

jitħassar il-paragrafu 3.

94)

Fl-Artikolu 157, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“L-approprjazzjonijiet disimpenjati jistgħu jsiru disponibbli għal darb’oħra fil-każ ta’ żball ċar li hu attribwibbli biss lill-Kummissjoni.”

95)

L-Artikolu 158 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 158

Bl-eċċezzjoni tal-EAFRD, fir-rigward tan-nefqa operattiva msemmija f’dan it-Titolu, il-Kummissjoni tista’ tagħmel trasferimenti minn titolu wieħed għal ieħor, dment li l-approporjazzjonijiet in kwistjoni jkunu għall-istess objettiv skond it-tifsira tar-Regolamenti li jirregolaw il-Fondi msemmijin fl-Artikolu 155, jew li huma nfiq fuq Assistenza Teknika”;

96)

Fl-Artikolu 160, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-approprjazzjonijiet relatati mad-dħul ġenerat mill-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar stabbilit bil-Protokoll anness mat-Trattat tal-KE dwar il-konsegwenzi finanzjarji ta’ l-iskadenza tat-Trattat KEFA u dwar il-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jiġu trattati bħala dħul assenjat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 18. L-approprjazzjonijiet ta’ impenn iġġenerati minn dan id-dħul għandhom ikunu disponibbli minn meta l-ammont reċevibbli ikun stmat u l-approprjazzjonijiet tal-ħlas minn meta d-dħul ikun riċevut.”

97)

Jiddaħħal l-Artikolu 160a li ġej:

“Artikolu 160a

1.   L-approporjazzjonijiet ta’ impenn li jikkorrispondu għall-ammont ta’ l-impenn dispimpenjat bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni totali jew parzjali tal-proġetti li jikkonċernaw ir-riċerka li għalihom ġew assenjati jistgħu, b’mod eċċezzjonali u f’każijiet debitament iġġustifikati, isiru disponibbli għal darb’oħra meta dan ikun essenzjali biex jitwettaq il-programm oriġinarjament ippjanat, sakemm il-baġit għas-sena finanzjarja attwali jinkludi fondi għal dan l-għan.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fil-bidu ta’ kull sena finanzjarja, teżamina disimpenji magħmulin matul is-sena finanzjarja preċedenti u għandha tivvaluta, fid-dawl tal-ħtiġiet, il-bżonn li l-approprjazzjonijiet jerġgħu jsiru disponibbli.

Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tissottometti proposti xierqa lill-awtorità baġitarja, sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena finanzjarja, li jiddikjaraw għal kull partita tal-baġit ir-raġunijiet għaliex dawn l-approporjazzjonijiet reġgħu saru disponibbli.

3.   L-awtorità baġitarja għandha tiddeċiedi dwar il-proposti tal-Kummissjoni fi żmien sitt ġimgħat. Meta ma tittieħed l-ebda deċiżjoni matul il-limitu ta’ żmien, il-proposti jitqiesu aċċettati.

L-ammont ta’ l-approprjazzjonijiet ta’ impenji li għandhom isiru disponibbli għal darb’oħra fis-sena n m’għandu qatt jeċċedi l-25 % ta’ l-ammont totali disimpenjat fuq l-istess linja tal-baġit fis-sena n-1.

4.   L-approprjazzjonijiet ta’ impenji li reġgħu saru disponibbli ma għandhomx jitmexxew ’il quddiem.

L-impenji legali li jikkonċernaw l-approprjazzjonijiet ta’ impenji li saru disponibbli għal darb’oħra għandhom jiġu konklużi sal-31 ta’ Diċembru tas-sena n.

Fl-aħħar tas-sena n, il-bilanċ li ma ntużax ta’ dawn l-approprjazzjonijiet ta’ impenji li saru disponibbli għal darb’oħra għandhom ikunu disimpenjati mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli”.;

98)

Fl-Artikolu 163, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’li ġej:

“L-azzjonijiet imsemmijin f’dan it-Titolu jistgħu jiġu implimentati fuq bażi ċentralizzata mill-Kummissjoni, minn ġestjoni konġunta, fuq bażi deċentralizzata mill-pajjiż/i terz/i benefiċjarju/i, jew konġuntament ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-Artikoli 53 sa 57.”

99)

Jitħassar l-Artikolu 164.

100)

L-Artikolu 166 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a) u (b) ta’ l-ewwel subparagrafu huma sostitwiti b’li ġej:

“(a)

ftehim finanzjarju mfassal bejn il-Kummissjoni, li taġixxi għall-Komunitajiet, u l-pajjiż jew pajjiżi terzi benefiċjarji jew il-korpi li ħatru, minn hawn ’il quddiem: ‘il-benefiċjarji’;

(b)

kuntratt jew ftehim ta’ għotja bejn il-Kummissjoni u korpi tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew bejn il-Kummissjoni u l-persuni ġuridiċi jew fiżiċi responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ l-azzjonijiet.”;

(b)

It-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“Il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna esterna għandhom jiġu stabbiliti fl-istrument li bih għandhom ikunu ġestiti l-ftehim ta’ finanzjament jew il-kuntratti jew l-għotjiet previsti fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu.”

(ċ)

Il-Paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-ftehim finanzjarji mal-pajjiżi terzi benefiċjarji msemmijin fil-paragrafu 1(a) għandhom ikunu konklużi mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena n + 1, fejn is-sena n hija s-sena li fiha kien sar l-impenn baġitarju.

Il-kuntratti individwali, id-deċiżjonijiet dwar għotjiet u ftehim li jimplimentaw tali ftehim finanzjarji għandhom jiġu konklużi jew jiġu adottati mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim finanzjarju.

Il-kuntratti u ftehim individwali relatati mal-verifika u l-evalwazzjoni jistgħu jiġu konklużi aktar tard”.

(d)

jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Id-dispożizzjoni taħt il-paragrafu 2 m’għandhiex tapplika għal programmi pluriennali f’dawn il-każijiet li ġejjin:

il-kooperazzjoni transkonfini, l-iżvilupp reġjonali, l-iżvilupp tar-riżorsi umani u l-komponenti ta’ l-iżvilupp rurali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni(IPA) (************);

il-komponent tal-kooperazzjoni transkonfini tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (*************).

F’dawn il-każijiet, għandhom japplikaw il-regoli li ġejjin:

(a)

Kwalunkwe parti minn impenn baġitarju għal tali programm pluriennali għandha tiġi diżimpenjata awtomatikament meta, sal-31 ta’ Diċembru tat-tielet sena wara s-sena n li hija s-sena li fiha kien sar l-impenn baġitarju:

(i)

ma tkunx intużat għal għanijiet ta’ prefinanzjament; jew

ii)

ma tkunx intużat biex isiru ħlasijiet intermedji; jew

(iii)

ma tkun ippreżentata ebda dikjarazzjoni ta’ nefqa relatata magħha .

(b)

Dik il-parti ta’ l-impenji tal-baġit li tkun għadha miftuħa sal-31 ta’ Diċembru 2017 li għaliha ma saritx dikjarazzjoni ta’ nefqa sal-31 ta’ Diċembru 2018 għandha tkun awtomantikament diżimpenjata.

(************)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.."

(*************)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 11.”;"

101)

L-Artikolu 167 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, il-punt (ċ) huwa sostitwit b’li ġej:

‘(ċ)

korp tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew persuni ġuridiċi li huma benefiċjarji ta’ għotja għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni esterna.’

(b)

Il-Paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.   Il-proċeduri għall-akkwisti jridu jkunu stabbiliti fil-ftehim finanzjarji jew fid-deċiżjoni dwar l-għotja jew il-ftehim dwar l-għotja previsti fl-Artikolu 166.’

102)

Fit-Titolu IV tat-Tieni Parti, it-titolu tal-Kapitolu 4 huwa sostitwit b’li ġej:

‘KAPITOLU 4

Għotjiet’

103)

L-Artikolu li ġej huwa mdaħħal:

‘Artikolu 169a

Proċeduri ta’ għotja li għandhom jiġu applikati fil-ġestjoni deċentralizzata minn pajjiżi terzi benefiċjarji għandhom ikunu stabbiliti fil-ftehim finanzjarji msemmijin fl-Artikolu 166. Huma għandhom ikunu bbażati fuq ir-regoli stabbiliti fit-Titolu VI ta’ l-Ewwel Parti.’

104)

L-Artikolu 170 huwa mibdul b’dan li ġej:

‘Artikolu 170

Kull ftehim ta’ finanzjament jew ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja għandu jipprevedi espressament li l-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri jkollhom is-setgħa ta’ verifika, abbażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fuq il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li rċevew fondi Komunitarji.”;

105)

Fl-Artikolu 171, il-paragrafu 2 hu sostitwit b’li ġej:

“2.   Dan it-Titolu għandu japplika għall-operat ta’ l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 174, 174a u l-Artikolu 175(2).”;

106)

L-Artikolu 173 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 173

Fir-rigward ta’ l-approprjazzjonijiet introdotti fl-Anness għal kull uffiċċju Ewropew, il-Kummissjoni għandha tiddelega l-poteri ta’ l-uffiċjal awtorizzanti lid-Direttur ta’ l-uffiċċju Ewropew ikkonċernat, skond l-Artikolu 59.”;

107)

Fl-Artikolu 174 (1), it-tieni sentenza hija sostitwita b’li ġej:

“Id-Direttur ta’ l-uffiċċju Ewropew ikkonċernat għandu jadotta, wara approvazzjoni mill-Kumitat ta’ Ġestjoni, il-kriterji li fuqhom għandha tkun ibbażata s-sistema ta’ kontabilità.”;

108)

L-Artikolu 174a li ġej huwa mdaħħal:

“Artikolu 174a

1.   Kull istituzzjoni tista’ tiddelega l-poteri ta’ l-uffiċjal awtorizzanti lid-direttur ta’ uffiċċju Ewropew interistituzzjonali għall-ġestjoni ta’ approprjazzjonijiet imdaħħlin fis-sezzjoni tagħha u għandha tiffissa l-limiti u l-kondizzjonijiet għal din id-delega ta’ poteri.

2.   L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita r-responsabbiltajiet kollha stabbiliti fit-Titolu IV, il-Kapitolu 8 ta’ l-Ewwel Parti.”;

109)

L-Artikolu 175 huwa mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 175”

Jekk il-kompetenza ta’ uffiċċju Ewropew tinvolvi provvisti lil partijiet terzi għal interess pekunarju, id-Direttur tiegħu għandu jadotta, wara l-approvazzjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni, id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw kif dawn il-provvisti għandhom isiru u ż-żamma tal-kontijiet korrispondenti.

110)

Jitħassar l-Artikolu 176.

111)

L-Artikolu 178 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni sentenza hija sostitwita b’li ġej:

“Tali impenji ma jistgħux, madankollu, jeċċedu kwart ta’ l-approporjazzjonijiet deċiżi mill-awtorità baġitarja fuq il-linja tal-baġit korrispondenti għas-sena finanzjarja attwali.”;

(b)

fil-paragrafu 2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“F’dan il-każ, il-limitu msemmi fil-paragrafu 1 m’għandux japplika.”

112)

Fl-Artikolu 179(3), it-tieni u t-tielet subparagrafi jiġu sostitwiti b’li ġej:

“Jekk waħda mill-fergħat ta’ l-awtorità baġitarja għandha l-intenzjoni li toħroġ opinjoni, hija għandha fi żmien ġimagħtejn mill-irċevuta ta’ l-informazzjoni dwar il-proġett ta’ bini tinnotifika lill-istituzzjoni konċernata bl-intenzjoni tagħha li toħroġ tali opinjoni. Jekk ma jkunx hemm tweġiba, l-istituzzjoni konċernata tista’ tipproċedi bl-operat ippjanat taħt l-awtonomija amministrattiva tagħha, soġġett għall-Artikolu 282 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 185 tat-Trattat Euratom fir-rigward tar-rappreżentanza Komunitarja.

Din l-opinjoni għandha tkun mgħoddija lill-istituzzjoni konċernata fi żmien ġimagħtejn ta’ tali notifikazzjoni.”;

113)

Wara l-Artikolu 179, jiddaħħal it-Titolu VII li ġej:

“TITOLU VII

ESPERTI

Artikolu 179a

Ir-regoli implimentattivi għandhom jinkludu proċeduri speċifiċi għall-għażla ta’ esperti, li għandhom jitħallsu abbażi ta’ ammont fiss, biex jgħinu lill-istituzzjonijiet partikolarment fl-evalwazzjoni tal-proposti u l-applikazzjonijiet għall-għotjiet jew l-offerti għall-akkwist u għall-provvediment ta’ assistenza teknika għall-evalwazzjoni kurrenti, u dik finali tal-proġetti ffinanzjati mill-baġit.”;

(114)

Jitħassar l-Artikolu 180.

(115)

L-Artikolu 181 jinbidel b’ dan li ġej:

“Artikolu 181

1.   Rigward il-Fondi msemmijin fl-Artikolu 155(1) li għalihom l-atti bażiċi tħassru qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-approprjazzjonijiet li kienu diżimpenjati fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 157(1) jistgħu jsiru disponibbli mill-ġdid fil-każ ta’ żball ċar attribwibbli biss lill-Kummissjoni jew fil-każ ta’ force majeure li għandha riperkussjonijiet serji għall-implimentazzjoni ta’ l-operati appoġġati minn dawn il-Fondi.

2.   Id-database ċentrali msemmija fl-Artikolu 95 għandha titwaqqaf sa l-1 ta’ Jannar 2009.

3.   Għal trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet rigward in-nefqa operattiva msemmija fir-regolamenti li jirregolaw il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perijodu ta’ l-ipprogrammar 2000-2006, li għalihom għad iridu jsiru ħlasijiet Komunitarji għall-ftehim finanzjarju għal impenji Komunitarji pendenti sat-tmiem ta’ l-assistenza, il-Kummissjoni tista’ tagħmel trasferimenti minn titolu għal ieħor, jekk l-approprjazzjonijiet in kwistjoni:

huma għall-istess objettiv, jew

huma marbutin ma’ inizjattivi Komunitarji jew għal assistenza teknika u miżuri innovattivi u huma trasferiti għal miżuri ta’ l-istess natura.

4.   L-Artikolu 31(3) għandu japplika għall-ewwel darba għall-fond imsemmi fl-Artikolu 148(1) fir-rigward ta’ ħlasijiet imħallsin mill-baġit ta’ l- 2008.”;

116)

L-Artikolu 185 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta qafas ta’ regolament finanzjarju għall-korpi mwaqqfin mill-Komunitajiet u li għandhom personalità ġuridika li fil-fatt jirċievu kontribuzzjonijiet imħallsin mill-baġit.”

(b)

jitħassar il-paragrafu 4.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-data tad-dħul fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2007.

Madankollu, il-punt 80, u l-punti 84 sa 94 ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar it-13 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. TUOMIOJA


(1)  Opinjoni mogħtija fis-6 ta' Lulju 2006 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  ĠU C 13, 18.1.2006, p. 1.

(3)  ĠU C 28, 3.2.2006, p. 83.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(6)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 2083/2005 (ĠU L 333, 20.12.2005, p. 28).

(8)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

(9)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

(10)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.