9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

449


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1851/2006

ta’ l-14 ta' Diċembru 2006

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 fir-rigward tal-konsum tal-għalf konvenzjonali matul il-perjodi ta’ transumanza

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2092/91 tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta' l-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-regoli tal-produzzjoni organika għall-bhejjem stabbiliti fl-Anness I, parti B tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91, li jinkludi r-regoli tal-għalf, għandhom ikunu applikati għall-annimali matul ħajjithom kollha.

(2)

Wieħed mill-prinċipji bażiċi fil-biedja organika hu l-użu wiesa’ tal-mergħa.

(3)

F’xi Stati Membri, l-użu tal-mergħa fuq l-art organika hu marbut mas-sistema tradizzjonali tal-mergħa tat-transumanza. Meta annimali taħt transumanza jiġu mċaqalqa bil-mixi minn mergħa għall-oħra, huma jgħaddu minn u jirgħu fuq l-art konvenzjonali, kemm fi triqithom u kif ukoll barra miż-żoni ta’ transumanza u bejn mergħat differenti ta’ transumanza.

(4)

Hemm ħtieġa li jkun żgurat li t-transumanza għal bhejjem organiċi tista’ tkompli, minkejja l-fatt li l-annimali jkunu se jieħdu ċertu ammont ta’ għalf b’kontenut qawwi ta’ fibra.

(5)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 iddaħħal il-punt 4.10 li ġej:

“4.10.

Minkejja l-punt 4.13, matul il-perjodu ta’ transumanza l-annimali jistgħu jirgħu fuq l-art konvenzjonali meta jiġu mċaqalqa bil-mixi minn mergħa għal oħra. Il-konsum ta’ għalf konvenzjonali, fil-forma ta’ ħaxix u veġetazzjoni oħra li fuqha jirgħu l-annimali, matul dan il-perjodu m’għandux jaqbeż l-10 % tal-porzjon totali tal-għalf għal kull sena. Din iċ-ċifra għandha tkun ikkalkolata bħala perċentwali tal-kontenut niexef ta’ għalf minn oriġini agrikola.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-publikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 780/2006 (ĠU L 137, 25.5.2006, p. 9).