1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

128


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1617/2006

ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1207/2001 fir-rigward tal-konsegwenzi ta' l-introduzzjoni tas-sistema ta' akkumulazzjoni ta' oriġini pan-Ewro-Mediterranja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1207/2001 (1) dwar proċeduri biex jiffaċilitaw il-ħruġ taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1, il-ħruġ ta' dikjarazzjonijiet u forom tal-fattura EUR.2 u l-ħruġ ta' ċerti awtorizzazzjonijiet approvati ta' l-esportatur taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ preferenzjali bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi, jistipula r-regoli maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-ħruġ jew tħejjija korretti ta' provi ta' oriġini f'relazzjoni ma' l-esportazzjonijiet ta' prodotti mill-Komunità fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali preferenzjali ma' ċerti pajjiżi terzi.

(2)

Sistema pan-Ewropea ta' akkumulazzjoni djagonali ta' oriġini ġiet stabbilita fl-1997 bejn il-Komunità, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera (inkluża l-Liechtenstein) u fl-1999 ġiet estiża għat-Turkija. Fl-1 ta' Mejju 2004, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea.

(3)

Fil-Laqgħa Ministerjali Ewro-Mediterranja dwar il-Kummerċ f'Toledo f'Marzu 2002, il-Ministri qablu dwar l-estensjoni ta' din is-sistema għall-pajjiżi Mediterranji, barra t-Turkija, li jieħdu sehem fis-sħubija Mediterranja, ibbażata fuq id-Dikjarazzjoni ta' Barċellona adottata fil-Konferenza Ewro-Mediterranja li saret fis-27 u t-28 ta' Novembru 1995. Fil-Laqgħa Ministerjali Ewro-Mediterranja dwar il-Kummerċ, tas-7 ta' Lulju 2003 f'Palermo, il-Ministri, bil-ħsieb li tali estensjoni tiġi permessa, approvaw mudell ġdid pan-Ewro-Mediterranju ta' Protokoll għall-Ftehimiet Ewro-Mediterranji, li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti ta' oriġini” u metodi ta' koperazzjoni amministrattiva. Bħala segwitu għar-riżultati tal-Kumitat Konġunt KE — Gżejjer Faroe/Danimarka tat-28 ta' Novembru 2003, sar qbil li l-Gżejjer Faroe jiġu wkoll inklużi fis-sistema ta' akkumulazzjoni djagonali ta' oriġini pan-Ewro-Mediterranja.

(4)

Diġà ġew jew sejrin jiġu adottati Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jew tal-Kumitat Konġunt rispettiv, li jintroduċu l-Protokoll ġdid pan-Ewro-Mediterranju fil-Ftehimiet Ewro-Mediterranji u fil-Ftehim bejn il-KE u l-Gżejjer Faroe/Danimarka.

(5)

L-applikazzjoni ta' dik is-sistema l-ġdida ta' akkumulazzjoni djagonali timplika l-użu ta' tipi ġodda ta' prova ta' oriġini preferenzjali, li jikkonsisti f'ċertifikati EUR-MED ta' moviment u dikjarazzjonijiet EUR-MED tal-fatturi. Ir-Regolament (KE) Nru 1207/2001 għandu għalhekk ikopri wkoll dawk it-tipi ta' provi ta' oriġini preferenzjali.

(6)

Sabiex tkun tista' ssir determinazzjoni korretta ta' l-istatus ta' oriġini tal-prodotti u sabiex tkun sostnuta kif jixraq id-determinazzjoni tal-provi ta' oriġini f'dak il-kuntest ġdid, id-dikjarazzjoni ta' min jipprovdi għall-prodotti li jkollhom status ta' oriġini preferenzjali għandha tinkludi dikjarazzjoni addizzjonali li turi jekk tkunx ġiet applikata l-akkumulazzjoni djagonali u ma' liema pajjiżi.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1207/2001 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1207/2001 huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

It-titolu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1207/2001 tal-11 ta’ Ġunju 2001 dwar proċeduri sabiex jiffaċilitaw il-ħruġ jew it-tħejjija fil-Komunità ta' provi ta' oriġini u l-ħruġ ta' ċerti awtorizzazzjonjiet approvati ta' esportaturi taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ preferenzjali bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjizi”

2)

Fl-Artikolu 1, il-punt (a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

il-ħruġ jew it-tħejjija fil-Komunità tal-provi ta' oriġini taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ preferenzjali bejn il-Komunità u ċerti pajjiżi;”.

3)

L-Artikolu 2(2) għandu jinbidel b' dan li ġej:

“2.   Id-dikjarazzjonijiet ta' min jipprovdi għandhom jintużaw mill-esportaturi bħala evidenza, partikolarment sabiex isostnu l-applikazzjoijiet għall-ħruġ jew għat-tħejjija fil-Komunità tal-provi ta' oriġini taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ preferenzjali bejn il-Komunità u ċerti pajjiżi;”.

4)

L-Artikolu 10(5) għandu jinbidel b' dan li ġej:

“5.   Meta ma jkun hemm l-ebda risposta fi żmien ħames xhur mid-data tat-talba għal verifika jew meta r-risposta ma jkunx fiha informazzjoni biżżejjed sabiex turi l-oriġini vera tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta' l-esportazzjoni għandhom jiddikjaraw bħala invalida l-prova ta' oriġini stabbilita abbażi tad-dokumenti kkonċernati.”.

5)

L-Anness I għandu jinbidel bit-test li jidher fl-Anness I ma' dan ir-Regolament.

6)

L-Anness II għandu jinbidel bit-test li jidher fl-Anness II ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 24 ta’ Ottubru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU L 165, 21.6.2001, p. 1.


ANNESS I

“ANNESS I

Image Test ta 'immaġni

ANNESS II

“ANNESS II

Image Test ta 'immaġni