1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

156


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1192/2006

ta’ l-4 ta' Awwissu 2006

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-listi ta' pjanti approvati fl-Istati Membri

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistipula rekwiżiti speċifiċi għal regoli li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman.

(2)

Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ tixrid ta’ patoġeni u/jew residwi, ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jipprevedi li prodotti sekondarji ta’ l-annimali għandhom jiġu pproċessati, maħżuna u miżmuma separati f’impjant issorveljat u approvat innominat mill-Istat Membru kkonċernat jew li għandhom jintremew b’mod xieraq. Il-Kapitoli III u IV ta’ dak ir-Regolament jistipulaw rekwiżiti li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' dawn il-pjanti.

(3)

L-Artikolu 26(4) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom ifasslu listi ta’ pjanti approvati b’konformità ma’ dak ir-Regolament.

(4)

Għalhekk, hemm bżonn li jiġu stipulati r-regoli ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw dawk il-listi ta’ pjanti approvati, inklużi l-preżentazzjoni tat-tagħrif li jinsab f’dawn il-listi f’websajts nazzjonali li huma disponibbli għall-Kummissjoni u għall-pubbliku. Hemm bżonn ukoll li tiġi pprovduta websajt li tkun f’idejn il-Kummissjoni li tikkonċerna dawn il-listi.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni li jirrigwardaw il-listi ta’ pjanti approvati, kif imsemmija fl-Artikolu 26(4) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 4 ta' Awwissu 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar b ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 208/2006 (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 25).


ANNESS

LISTA TA’ PJANTI APPROVATI KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 26(4) TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1774/2002

1.   AĊĊESS GĦAL-LISTI TA' PJANTI APPROVATI

Sabiex tgħin lill-Istati Membri fit-tfassil ta’ listi aġġornati ta’ pjanti approvati, kif imsemmi fl-Artikolu 26(4) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (“pjanti approvati”), disponibbli għal Stati Membri oħra u għall-pubbliku, il-Kummissjoni għandha tipprovdi websajt li jkun fiha links għall-websajts nazzjonali pprovduti minn kull Stat Membru, kif imsemmi fil-paragrafu 2.1(a) ta’ dan l-Anness.

2.   FORMAT GĦALL-WEBSAJTS NAZZJONALI

2.1.   Master lists f'websajts nazzjonali

(a)

Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’indirizz li jillinkja ma’ websajt nazzjonali waħda li fiha l-master list tal-listi tal-pjanti kollha approvati fit-territorju tiegħu (“master list”).

(b)

Kull master list għandha tikkonsisti minn paġna waħda u għandha timtela f'lingwa uffiċjali tal-Komunità waħda jew iżjed.

2.2.   Ċart operattiva għall-websajts nazzjonali

(a)

Il-websajts nazzjonali msemmija fil-punt 2.1(a) ta’ dan l-Anness għandhom jiġu żviluppati mill-awtoritajiet kompetenti ċentrali jew, fejn xieraq, minn waħda mill-awtoritajiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 2(1)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

(b)

Il-master lists imsemmija fil-punt 2.1(a) għandhom jinkludu links għal paġni web oħra li jinsabu fl-istess websajt u li fihom listi tal-pjanti approvati.

Madankollu, fejn ċerti listi ta’ pjanti approvati ma jkunux f’idejn l-awtorità kompetenti ċentrali msemmija fil-punt 2.2(a), il-master list għandha tinkludi links għal websajts oħra li fihom dawk il-listi u li huma f’idejn kwalunkwe awtorità, unità jew fejn xieraq, entità kompetenti oħra.

3.   L-ISTRUTTURA U L-KODIĊI GĦAL-LISTI NAZZJONALI TA' PJANTI APPROVATI

L-istruttura, inkluż it-tagħrif u l-kodiċi rilevanti, tal-listi nazzjonali għandhom ikunu stabbiliti sabiex jiżguraw id-disponibilità mifruxa tat-tagħrif li jikkonċerna l-pjanti approvati u t-titjib fil-kwalità ta’ qari tal-listi nazzjonali.

4.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI

Il-ħidmiet u l-attivitajiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 għandhom isiru skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ppubblikati mill-Kummissjoni fuq l-internet.