22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

59


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 927/2006

tat-22 ta' Ġunju 2006

dwar ir-rilaxx tar-riżerva speċjali għar-ristrutturar kif previst fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003 jipprovdi għal riżerva speċjali għar-ristrutturar għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, biex tkun rilaxxata mill-1 ta’ April 2006 sakemm il-konsum tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib mill-azjendi nfushom f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi jkun naqas mill-1998 jew mis-sena 2000, skont il-pajjiż.

(2)

Skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja ressqu quddiem il-Kummissjoni rapport li jiġbor fih fid-dettall ir-riżultati u x-xejriet tal-proċess attwali tar-ristrutturar fis-setturi tal-ħalib ta’ dawk il-pajjiżi, u b’mod partikolari l-bidla mill-produzzjoni għall-konsum mill-azjendi nfushom għall-produzzjoni għas-suq.

(3)

Skont dawk ir-rapporti, dawk l-Istati Membri kollha wrew tnaqqis mill-azjendi nfushom fil-konsum ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib.

(4)

L-istatistika disponibbli dwar il-produzzjoni tindika li parti dejjem akbar mill-produzzjoni tal-ħalib qed tkun kummerċjalizzata taħt kunsinni u parti dejjem anqas taħt bejgħ dirett.

(5)

Għalhekk huwa xieraq li r-riżerva speċjali għar-ristrutturar għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja tiġi rilaxxata, u li jkun hemm provvediment għall-allokazzjoni tal-kwantitajiet li jirriżultaw għall-parti tal-kunsinni mill-kwantità ta’ referenza nazzjonali tagħhom.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħalib u l-Prodotti mill-Ħalib,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-riżerva speċjali għar-ristrutturar prevista fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003 qed tiġi rilaxxata għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja. Il-kwantitajiet rilaxxati huma stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness għandhom jitpoġġew fir-riżerva nazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003 u għandhom jintużaw għall-kunsinni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fi […] jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ April 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 22 ta' Ġunju 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 123. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2217/2004 (ĠU L 375, 23.12.2004, p. 1).


ANNESS

(f’tunnellati)

Stat Membru

Il-kwantitajiet tar-riżerva speċjali għar-ristrutturar

Ir-Repubblika Ċeka

55 788

L-Estonja

21 885

Il-Latvja

33 253

Il-Litwanja

57 900

L-Ungerija

42 780

Il-Polonja

416 126

Is-Slovenja

16 214

Is-Slovakkja

27 472